Language of document : ECLI:EU:C:2020:458

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Artikolu 16(1) – Firxa naturali – Qbid u trasport ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ tal-ispeċi canis lupus – Sigurtà pubblika”

Fil-Kawża C‑88/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Zărnești (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Zărnești, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Alianța pentru combaterea abuzurilor

vs

TM,

UN,

Direcția pentru Monitorizarea și Protecția Animalelor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Alianța pentru combaterea abuzurilor, minn C. Dumitriu u C. Feher,

–        għall-Gvern Rumen, inizjalment minn E. Gane, L. Liţu u C.‑R. Canţăr, sussegwentement minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G.‑D. Balan u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Alianța pentru combaterea abuzurilor, assoċjazzjoni u, min-naħa l-oħra, TM, membru tad-Direcția pentru Monitorizarea și Protecția Animalelor (iktar ’il quddiem id-“DMPA”), assoċjazzjoni tal-protezzjoni tal-annimali, UN, veterinarju, kif ukoll id-DMPA, dwar il-qbid u t-trasport, f’kundizzjonijiet mhux xierqa, ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ li jagħmel parti mill-ispeċi canis lupus (lupu).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Habitats, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)      habitat naturali jfissru żoni terrestri jew akwatiċi distinti permezz ta’ fatturi ġeografiċi, abiotiċi u biotiċi, sew jekk huma totalment naturali jew parzjalment naturali;

[…]

f)      l-habitat naturali ta’ speċi jfisser l-ambjent definit permezz ta’ fatturi speċifiċi abiotiċi u biotiċi, li fihom jgħix l-ispeċi fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu bioloġiku tiegħu;

[…]

k)      sit ta’ importanza għall-Komunità […]

Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, is-siti ta’ importanza għall-Komunità għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għall-għijxien u r-riproduzzjoni tagħhom;

[…]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

5        Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva:

“Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. […]”

6        L-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

ċ)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

7        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprevedi:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):

a)      fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

ċ)      fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d)      għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)      biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

8        Fost l-ispeċi tal-annimali “ta’ interess Komunitarju fi bżonn ta’ protezzjoni stretta”, li l-lista tagħhom hija stabbilita fil-paragrafu (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem l-“ispeċi ta’ annimali protetti”), hemm, b’mod partikolari, il-“canis lupus [lupu]”.

 Id-dritt Rumen

9        L-Artikolu 33 tal-ordonanța de urgență a Guvernului nr. 57/2007 privind regimul ariilor naturale protejate, conservarea habitatelor naturale, a florei și faunei sălbatice (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 57/2007 li Jirregola r-Riżervi Naturali u l-Konservazzjoni tal-Habitats Naturali, u tal-Flora u tal-Fawna Selvaġġa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DUG 57/2007”), jipprovdi:

“1.      Fir-rigward tal-ispeċi ta’ pjanti u annimali selvaġġi fuq l-art, fil-baħar u taħt l-art li huma previsti fl-Annessi 4 A u 4 B, bl-eċċezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar li jgħixu ġewwa jew barra mir-riżervi naturali, dawn li ġejjin huma pprojbiti:

a)      kull forma ta’ ġbir, qbid, qtil, qerda jew feriment ta’ kampjuni li jkunu fil-habitat naturali tagħhom, fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu bijoloġiku tagħhom;

b)      it-tfixkil intenzjonat waqt il-perijodu ta’ tgħammir, ta’ tkabbir, ta’ ibernazzjoni u ta’ migrazzjoni;

[…]

f)      iż-żamma, it-trasport, il-bejgħ jew l-iskambju għal kwalunkwe skop kif ukoll l-offerta għal skambju jew għal bejgħ ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu bijoloġiku tagħhom.

[…]”

10      L-Artikolu 38 tad-DUG 57/2007 jistabbilixxi:

“1.      B’eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(1) sa (4) u tal-Artikolu 37(1), kull sena, u kull darba li jkun neċessarju, l-awtorità pubblika ċentrali responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tistabbilixxi derogi, sakemm ma jkunx hemm soluzzjoni aċċettabbli oħra u sakemm il-miżuri derogatorji ma jittiħdux għad-detriment taż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fl-ambjent naturali tagħhom, u biss fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

c)      fl-interess tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà pubblika, u, fil-każ ta’ speċi ta’ annimali li ma humiex għasafar, ukoll għal raġunijiet oħra ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn dawn ikollhom konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ importanza kbira għall-ambjent;

[…]

2.      Id-derogi jiġu stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni tal-kap tal-awtorità pubblika ċentrali responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-foresti, wara li tiġi kkonsultata l-Akkademja Rumena.

[…]

22.      Il-proċedura ta’ stabbiliment tad-derogi hija approvata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità pubblika ċentrali għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-foresti.

23.      Id-derogi previsti fil-paragrafu 21 għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

a)      l-ispeċi li għalihom tingħata deroga;

b)      il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qbid jew għall-qtil;

c)      il-kundizzjonijiet fir-rigward tar-riskju u ċ-ċirkustanzi taż-żmien u tal-post li fihom jistgħu jingħataw dawn id-derogi;

d)      l-awtorità kompetenti sabiex tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa huma ssodisfatti u sabiex tiddeċiedi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, f’liema limiti, u minn min;

e)      il-kontrolli li għandhom jitwettqu.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 52 tad-DUG 57/2007:

“Il-fatti li ġejjin jikkostitwixxu reati kriminali punibbli bi priġunerija minn tliet xhur sa sena jew b’multa:

[…]

d)      in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(1) u (2)”.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Șimon (ir-Rumanija), raħal fil-muniċipalità ta’ Bran u li jinsab fid-distrett ta’ Brașov, jinsab madwar kilometru fil-Lvant tal-fruntiera tas-sit ta’ Bucegi, li l-Kummissjoni Ewropea, fuq proposta tar-Rumanija, żiedet mal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja bil-kodiċi ROSCI0013. Sit ieħor ta’ dan it-tip, is-sit ta’ Munţii Făgăraş (kodiċi ROSCI0122), jinsab madwar tmien kilometri fil-Punent ta’ dan ir-raħal. Għal dawn iż-żewġ siti, il-preżenza ta’ lpup ġiet irreġistrata fil-formoli standard tad-data.

13      Fis‑6 ta’ Novembru 2016, għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, il-persunal tad-DMPA u UN, fil-kwalità tiegħu inkwantu veterinarju, marru lejn Șimon, taħt id-direzzjoni ta’ TM, bl-intenzjoni li jaqbdu u jirrilokaw lupu li, għal xi jiem, kien jiffrekwenta l-post ta’ abitazzjoni ta’ resident, fejn kien qiegħed jilgħab u jiekol mal-klieb tiegħu. Wara li rċieva doża ta’ mediċini veterinarji anestetiċi permezz ta’ projettili ipodermiku, dan il-lupu ġie segwit, maqbud u sussegwentement mgħolli mid-denb u mill-ġilda tal-kozz, sa vettura li kienet tinsab f’ċerta distanza, u mbagħad tqiegħed f’gaġġa għat-trasport tal-klieb.

14      Il-persunal tad-DMPA rranġa sabiex il-lupu hekk maqbud jiġi ttrasportat lejn ir-riżerva naturali għall-orsijiet Libearty ta’ Zărnești (ir-Rumanija), fejn hemm reċint magħluq intiż għall-ilpup minn żus li ma jkunux xierqa għall-ispeċi. Madankollu, matul dan it-trasport, dan il-lupu rnexxielu jaħrab mill-gaġġa tiegħu u ħarab fil-foresta tal-madwar.

15      Fid‑9 ta’ Mejju 2017, l-Alianța pentru combaterea abuzurilor ressqet ilment kriminali kontra TM, UN u d-DMPA, kif ukoll kontra persuni oħra li jaħdmu għal din tal-aħħar, għal ksur marbut mal-qbid u mat-trasport, f’kundizzjonijiet ħżiena, ta’ lupu. Minn dan l-ilment jirriżulta li ma kien intalab l-ebda permess għall-qbid u għat-trasport tal-imsemmi lupu.

16      Il-Judecătoria Zărnești (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Zărnești, ir-Rumanija) tistaqsi sa fejn il-qbid jew il-qtil deliberat ta’ kampjuni selvaġġi tal-ispeċi canis lupus jistgħu jsiru fl-assenza ta’ deroga bbażata fuq l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Habitats, meta dawn l-annimali jidhru mal-periferija ta’ lokalitajiet jew meta jidħlu fit-territorju ta’ awtorità lokali, jew jekk deroga hijiex obbligatorja f’dak li jirrigwarda l-kampjuni kollha li ma humiex fil-magħluq, irrispettivament mill-fatt jekk dawn kinux daħlu f’dan it-territorju.

17      Din il-qorti tirrileva li l-għan prinċipali tad-Direttiva dwar il-Habitats, li huwa “li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, [billi] tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli”, huwa kompletament iġġustifikat meta annimali protetti jitilqu mill-habitat naturali tagħhom. Madankollu, interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tista’ tirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-Istat ma jkollu l-ebda obbligu meta dawn l-annimali jkunu telqu mill-habitat naturali tagħhom, li jmur kontra l-għan ta’ dan l-att leġiżlattiv.

18      L-imsemmija qorti tirreferi, b’mod partikolari, għad-deroga mir-regoli dwar il-protezzjoni tal-ispeċi mhedda, prevista fl-Artikolu 16(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li tipprovdi li l-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” huwa marbut mill-qrib mas-sitwazzjonijiet li fihom annimali li jagħmlu parti mill-ispeċi mhedda jkunu jinsabu barra mill-habitat naturali tagħhom.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Zărnești (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Zărnești) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16 tad-Direttiva [dwar il-Habitats] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu derogi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 13, 14 u tal-Artikolu 15(a) u (b), anki meta l-annimali li jagħmlu parti mill-ispeċi mhedda jitilqu mill-habitat naturali tagħhom u jkunu jinsabu jew viċin ħafna tiegħu jew kompletament ’il barra minnu?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(a) u l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Habitats għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qbid u t-trasport ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimal protetta, bħal-lupu, fil-periferija ta’ post fejn jgħixu n-nies jew f’tali post, jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli, fl-assenza ta’ deroga mogħtija mill-awtorità nazzjonali kompetenti abbażi tat-tieni wieħed minn dawn l-artikoli.

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, din għandha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din id-direttiva, il-miżuri meħuda taħt din id-direttiva huma intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma jew l-irripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ habitats naturali u ta’ speċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, u jieħdu kunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi partikolari reġjonali u lokali.

22      L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Habitats jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali protetti, fil-firxa naturali tagħhom, li tipprojbixxi kull forma ta’ qbid jew qtil intenzjonat ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi fis-selvaġġ.

23      L-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex mhux biss jadottaw qafas leġiżlattiv komplet, iżda wkoll sabiex jimplimentaw miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Bl-istess mod, l-imsemmija sistema ta’ protezzjoni stretta teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva. Tali sistema ta’ protezzjoni stretta għandha għaldaqstant tippermetti li jiġu evitati b’mod effettiv il-qbid jew il-qtil intenzjonat fis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-ispeċi ta’ annimali protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 231 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 27).

24      Minkejja li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jawtorizza lill-Istati Membri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll tal-Artikolu 15(a) u (b) tagħha, deroga adottata fuq din il-bażi hija suġġetta, sa fejn din tippermetti lil dawn l-Istati Membri li joħorġu mill-obbligi li tinvolvi s-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi naturali, għall-kundizzjoni li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li din id-deroga ma tostakolax iż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw l-ipoteżijiet kollha msemmija fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 28 u 29).

25      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, li jiddefinixxi b’mod preċiż u eżawrjenti l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll mill-Artikolu 15(a) u (b) tagħha, jikkostitwixxi eċċezzjoni mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li tqiegħed l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, għal kull deroga, fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni ta’ tali deroga (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 30).

26      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ispeċi canis lupus, komunement imsejħa “lupu”, tinsab fost l-ispeċi ta’ annimali protetti mid-Direttiva dwar il-Habitats.

27      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandha tiġi eżaminata d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

28      Dik il-qorti tistaqsi dwar jekk is-sistema ta’ protezzjoni tal-ispeċi mhedda prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats tkoprix biss l-ambjent naturali ta’ dawn l-ispeċi u, konsegwentement, tieqaf meta kampjun li jagħmel parti minn tali speċi ta’ annimal jmur f’post fejn jgħixu n-nies jew fil-periferija ta’ tali post. Id-domanda ta’ din il-qorti tirrigwarda, għalhekk, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “firxa naturali” u lill-kliem “fis-selvaġġ”, li jinsabu fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, kif ukoll il-portata tal-protezzjoni li tirriżulta minnha.

29      Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, Procureur-Generaal bij de Hoge Raad der Nederlanden, C‑678/18, EU:C:2019:998, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jiġi kkonstatat li din ma tipprovdi l-ebda element utli għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “firxa naturali” u tal-kliem “fis-selvaġġ”.

31      Madankollu, jista’ jiġi rrilevat li dan l-artikolu ma jibbażax il-protezzjoni li huwa jimponi fuq il-kunċett ta’ “habitat naturali” u li dan ma jistabbilixxix sistema ta’ protezzjoni ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali protetti skont il-post, l-ispazju jew il-habitat fejn dawn jinsabu f’mument partikolari.

32      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 1 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jiddefinixxu dan il-kunċett u dan il-kliem. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu eżaminati l-kunċett ta’ “firxa naturali” u l-kliem “fis-selvaġġ” li jinsabu fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fid-dawl tal-kunċetti viċini ddefiniti u/jew użati f’din id-direttiva.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva dwar il-Habitats tinkludi żewġ partijiet, li huma ddedikati, minn naħa, għall-konservazzjoni tal-habitats naturali permezz, b’mod partikolari, tal-indikazzjoni ta’ siti protetti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġi permezz tal-indikazzjoni ta’ speċi protetti.

34      Issa, din id-direttiva ma teħtieġx li l-protezzjoni offruta bis-saħħa tat-tieni waħda minn dawn il-partijiet tkun stabbilita b’rabta mal-ewwel waħda minnhom u, b’mod partikolari, skont iż-żona ġeografika koperta mis-siti protetti jew mill-habitats naturali.

35      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, skont l-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva dwar il-Habitats, il-habitats naturali għandhom jiġu protetti bħala tali fil-kuntest ta’ żoni protetti tan-Netwerk Natura 2000. Madankollu, dan in-netwerk jinkludi wkoll il-“habitats naturali ta’ speċi”, iddefiniti b’mod distint fl-Artikolu 1(f) tal-imsemmija direttiva, li fihom jgħixu l-ispeċi elenkati fl-Anness II tagħha. L-Istati Membri huma obbligati jiddeterminaw iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-ispeċi tal-lupu li jinsab f’dan l-anness.

36      Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “habitat naturali ta’ speċi” li jinsab fl-Artikolu 1(f) tad-Direttiva dwar il-Habitats, iddefinit bħala l-“ambjent definit permezz ta’ fatturi speċifiċi abiotiċi u biotiċi, li fihom jgħix l-ispeċi fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu bioloġiku tiegħu”, ma jikkorrispondix għal territorju ddelimitat b’mod fiss u immutabbli.

37      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats dwar il-protezzjoni tas-siti jirriżulta li l-protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali ma tistax tiġi limitata għas-siti protetti. Dawn ma ġewx iddelimitati bl-għan li jkopru l-habitat kollu tal-ispeċi protetti, li jistgħu jokkupaw territorji kbar. Fir-rigward ta’ tali speċi, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipproponu lista ta’ siti li jindikaw it-tipi ta’ habitats naturali tal-Anness I u l-ispeċi indiġeni tal-Anness II li huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li, għall-ispeċi tal-annimali li jokkupaw territorji kbar, dawn is-siti ta’ habitats naturali jikkorrispondu għall-postijiet, fil-firxa naturali ta’ dawn l-ispeċi, li joffru l-elementi fiżiċi jew bijoloġiċi essenzjali għall-ħajja u għar-riproduzzjoni tagħhom.

38      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-ispeċi ta’ annimali protetti li, bħal-lupu, jokkupaw territorji kbar, il-kunċett ta’ “firxa naturali” huwa usa’ miż-żona ġeografika li toffri l-elementi fiżiċi jew bijoloġiċi essenzjali għall-ħajja tagħhom u għar-riproduzzjoni tagħhom. Din il-firxa tikkorrispondi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, għaż-żona ġeografika li fiha l-ispeċi ta’ annimali kkonċernata hija preżenti jew tinxtered fil-kuntest tal-imġiba naturali tagħha.

39      Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma tinkludix limiti jew fruntieri u għalhekk ma jistax jitqies li kampjun selvaġġ ta’ speċi ta’ annimali protetta li tinsab fil-viċinanza jew ġewwa postijiet fejn jgħixu n-nies, li għaddha minn tali postijiet jew li kiel riżorsi prodotti mill-bniedem, huwa annimal li telaq mill-“firxa naturali” tiegħu, jew li din tal-aħħar tkun inkompatibbli mal-postijiet fejn jgħixu n-nies jew mal-iżvilupp antropoġeniku.

40      Konklużjoni identika tirriżulta mill-qari tad-Dokument ta’ Gwida dwar il-Protezzjoni Stretta tal-Ispeċi ta’ Annimali ta’ Interess Komunitarju skont id-Direttiva dwar il-Habitats 92/43/KEE (verżjoni finali, Frar 2007), li tiddeskrivi l-“firxa naturali” bħala kunċett dinamiku, li ma jikkoinċidix eżattament maż-“żoni realment okkupati jew mat-territorju fejn habitat, speċi jew subspeċi huwa preżenti b’mod permanenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 40 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(f) tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ l-ispeċje migratorji ta’ l-annimali selvaġġi, iffirmata f’Bonn fit‑23 ta’ Ġunju 1979 u konkluża f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1982 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 15, p. 5). Skont din id-definizzjoni, “medda [firxa]” tkopri ż-żoni kollha tal-art jew tal-baħar ta’ speċi migratorji abitanti, li jabitaw temporanjament, li jaqsmu jew li jtiru minn fuqhom fi kwalunkwe żmien waqt ir-rotta migratorja normali tagħhom. Għalhekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “firxa” ta’ speċi tieħu inkunsiderazzjoni ż-żoni ta’ kull natura li tgħaddi minnhom din l-ispeċi.

42      Issa, ma jkunx loġiku li l-kunċetti ta’ “firxa naturali” u ta’ “firxa ” li jinsabu f’dawn iż-żewġ strumenti legali jiġu ddefiniti b’mod differenti u, għaldaqstant, li tinħoloq diverġenza bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn tal-aħħar.

43      Konsegwentement, għandu jitqies li mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan l-artikolu jista’, fir-rigward ta’ speċi protetta bħal-lupu, ikopri żoni li jinsabu barra mis-siti protetti u, b’mod partikolari, jinkludi postijiet fejn jgħixu n-nies.

44      L-użu tal-kliem “fis-selvaġġ”, fil-paragrafu 1(a) u (ċ) tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats, ma jinvalidax din il-konstatazzjoni. Huw għandu jinftiehem fis-sens li l-protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali protetti, permezz tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, ma hijiex applikabbli biss f’postijiet speċifiċi, iżda tkopri l-kampjuni kollha tal-ispeċi ta’ annimali protetti li jgħixu fin-natura jew fis-selvaġġ u li jservu, għalhekk, funzjoni fl-ekosistemi naturali, mingħajr ma tapplika neċessarjament għall-kampjuni li jkunu miżmuma legalment fil-magħluq.

45      Dan il-kliem ma jidher la fil-paragrafu 1(b), li permezz tagħhom il-kampjuni ta’ speċi ta’ annimali protetti ma jistgħux jiġu ddisturbati “waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni”, u lanqas fil-paragrafu 1(d) ta’ dan l-Artikolu 12. Għalhekk huwa inkontestabbli li l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva dwar il-Habitats japplikaw għall-kampjuni kollha tal-ispeċi ta’ annimali protetti, irrispettivament mill-post fejn jinsabu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-qbid u, a fortiori, il-qtil ta’ kampjun ta’ dawn l-ispeċi għandhom jitqiesu, tal-inqas, bħala disturb.

46      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jitfakkar li l-Artikoli 12, 13 u 16 tagħha jifformaw ġabra koerenti ta’ regoli intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 112). L-għan komuni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li tiġi żgurata protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali protetti, permezz tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, peress li l-eċċezzjonijiet huma awtorizzati biss fil-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, li għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑508/04, EU:C:2007:274, punti 109 sa 112, kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑46/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:146, punt 29).

47      Is-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats għandha għalhekk tkun kapaċi tipprevjeni b’mod effettiv li jsir ħsara lill-ispeċi ta’ annimali protetti.

48      Issa, ma jkunx kompatibbli ma’ dan l-għan jekk, meta l-“firxa naturali” tal-kampjuni ta’ speċi ta’ annimali protetti tinxtered għal postijiet fejn jgħixu n-nies, dawn il-kampjuni jiġu awtomatikament imċaħħda mill-protezzjoni.

49      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li tgħid li l-“firxa naturali” ta’ dawn l-ispeċi, imsemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, tinkludi wkoll żoni li jinsabu barra mis-siti protetti u li l-protezzjoni li tirriżulta minn dan ma hijiex limitata għal dawn is-siti tifforma bażi xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-projbizzjoni tal-qtil jew tal-qbid ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali protetti. Fil-fatt, l-intenzjoni hija l-protezzjoni ta’ dawn il-ispeċi mhux biss f’ċerti postijiet, iddefiniti b’mod strett, iżda wkoll il-kampjuni tagħhom li jgħixu fin-natura jew fis-selvaġġ u li jservu, għalhekk, funzjoni fl-ekosistemi naturali.

50      Kif il-Kummissjoni rrilevat, f’bosta reġjuni tal-Unjoni, l-ilpup jgħixu f’żoni okkupati mill-bniedem, fil-viċinanza immedjata ta’ postijiet fejn jgħixu n-nies. L-antropizzazzjoni ta’ dawn l-ispazji wasslet ukoll għal adattament parzjali tal-ilpup għal dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda. Kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvilupp tal-infrastrutturi, l-isfruttament forestali illegali, l-impriżi agrikoli u ċerti attivitajiet industrijali kkontribwixxew sabiex titqiegħed pressjoni fuq il-popolazzjoni tal-ilpup u fuq il-habitat tagħhom. Minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew f’Șimon, raħal li jinsab bejn żewġ siti protetti kbar li fihom jgħixu popolazzjonijiet ta’ lpup, b’tali mod li jista’ jkun hemm migrazzjoni ta’ lpup bejn dawn is-siti.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “firxa naturali” u tal-kliem “fis-selvaġġ”, li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Habitats, fis-sens li l-postijiet fejn jgħixu n-nies huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali protetti tkun inkompatibbli mhux biss mal-formulazzjoni u mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll mal-għan li għandu jintlaħaq minnha.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li, konformement mal-Artikoli 12 et seq. tad-Direttiva dwar il-Habitats, l-ispeċi ta’ annimali protetti jiġu protetti b’mod strett japplika għall-“firxa naturali” kollha ta’ dawn l-ispeċi, kemm jekk dawn jinsabu fil-habitat abitwali tagħhom, f’żoni protetti jew, għall-kuntrarju, fil-viċinanza ta’ postijiet fejn jgħixu n-nies.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li diversi raġunijiet għal deroga previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jirreferu espressament għall-kunflitti li jistgħu jqumu jekk kampjun ta’ speċi ta’ annimal protetta jidħol f’kuntatt, jekk mhux ukoll f’kunflitt, mal-bnedmin jew mal-beni tagħhom, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

54      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk kull forma ta’ qbid intenzjonat ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali protetti hijiex ipprojbita fl-assenza ta’ deroga mogħtija mill-awtorità nazzjonali kompetenti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

55      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, f’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jadotta qafas leġiżlattiv komplet, li jista’ jinkludi, konformement mal-Artikolu 16(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-Habitats, miżuri intiżi sabiex jipprevjenu ħsara serja b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’ jew lill-bhejjem jew miżuri meħuda fl-interess tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku.

56      Konsegwentement, il-qbid u t-trasport ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimali protetti li jaqgħu taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk dawn ikunu koperti minn deroga adottata mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 16(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, ibbażati, b’mod partikolari, fuq raġuni ta’ sigurtà pubblika.

57      Għal dan l-għan, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jadotta dispożizzjonijiet li jippermettu, fil-każ ta’ neċessità, l-għoti effettiv u fi żmien xieraq ta’ tali derogi.

58      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, minbarra r-raġunijiet għal deroga msemmija iktar ’il fuq, jeżiġi espliċitament li ma tkunx teżisti soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li d-deroga mogħtija ma tkunx tostakola ż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fil-firxa naturali tagħhom. Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jistabbilixxu li dan huwa l-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku rilevanti kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 51 u 66).

59      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-kampjun tal-ispeċi ta’ annimal protetta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqiegħed taħt sedattiv u ġie ttrasportat lejn ir-riżerva naturali Libearty ta’ Zărnești, u sa fejn dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu “qbid intenzjonat”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Habitats, imwettqa abbażi ta’ deroga adottata b’osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Jeħtieġ ukoll li din il-qorti tiżgura li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ tali azzjonijiet fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup.

60      Barra minn hekk, huwa element rilevanti l-fatt, irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sanzjoni applikabbli, f’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12(1)(a) u mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tippermetti li wieħed jirreaġixxi għall-aġir tal-lupu inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’qasir żmien u b’dan il-mod jitnaqqsu kemm jista’ jkun malajr ir-riskji marbutin ma’ dan. Lanqas ma jidher li l-kuntest ġuridiku nazzjonali jinkludi, f’dan ir-rigward, regolamenti jew linji gwida xjentifikament validi.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-qbid u t-trasport tal-lupu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li ġew awtorizzati fid-dawl tal-Artikolu 12(1)(a) u tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula hija kif ġej:

–        L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandu jiġu interpretat fis-sens li l-qbid u t-trasport ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimal protetta skont l-Anness IV ta’ din id-direttiva, bħal-lupu, fil-periferija ta’ post fejn jgħixu n-nies jew f’tali post, jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

–        L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li kull forma ta’ qbid intenzjonat ta’ kampjuni ta’ din l-ispeċi ta’ annimal fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq hija pprojbita fl-assenza ta’ deroga mogħtija mill-awtorità nazzjonali kompetenti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva 2013/17/UE tat13 ta’ Mejju 2013, għandu jiġu interpretat fis-sens li l-qbid u t-trasport ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimal protetta skont l-Anness IV ta’ din id-direttiva, bħal-lupu, fil-periferija ta’ post fejn jgħixu n-nies jew f’tali post, jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li kull forma ta’ qbid intenzjonat ta’ kampjuni ta’ din l-ispeċi ta’ annimal fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq hija pprojbita fl-assenza ta’ deroga mogħtija mill-awtorità nazzjonali kompetenti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.