Language of document : ECLI:EU:T:2014:816

Kawża T‑306/12

Darius Nicolai Spirlea

u

Mihaela Spirlea

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali – Interess pubbliku superjuri – Aċċess parzjali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Settembru 2014

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti – Limiti

(Artikolu 11 TUE; Artikolu 15(3) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Applikazzjoni għad-dokumenti dwar proċedura EU Pilot – Preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess – Ammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

3.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni – Twaqqif ta’ mekkaniżmu EU Pilot sabiex jiġi identifikat ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ bażi legali espressa – Assenza

(Artikolu 258 TFUE)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Invokazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dokumenti mitluba – Natura konfutabbli

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Tressiq ta’ azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali – Esklużjoni – Natura privata ta’ tali interess

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

7.      Rikors għal annullament – Stħarriġ tal-legalità – Kriterji – Teħid inkunsiderazzjoni unikament tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att kontenzjuż

(Artikolu 263 TFUE)

8.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Riferiment astratt – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

10.    Rikors għal annullament – Motivi – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 – Motiv ibbażat fuq ksur ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju – Motiv ineffettiv

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 244/03)

1.      Huwa possibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’każijiet eċċezzjonali, li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti li l-iżvelar tagħhom ikun intalab skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Il-possibbiltà li jintużaw preżunzjonijiet ġenerali, li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti minflok ma jiġi eżaminat kull dokument individwalment u konkretament qabel ma jiġi rrifjutat l-aċċess għalih, ma hijiex insinjifikattiva. Dawn il-preżunzjonijiet mhux biss għandhom l-effett li jiddelimitaw il-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 11 TUE, fl-Artikolu 15 TFUE u fir-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll li jillimitaw fil-prattika l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Konsegwentement, l-użu ta’ dawn il-preżunzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet sodi u konvinċenti.

Għaldaqstant, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali għandha tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għad-dokumenti li għalih jkun qed jintalab l-aċċess. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax attwalment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba fil-każ ineżami. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni mill-effett utli tagħha, jiġifieri li l-Kummissjoni tkun tista’ twieġeb għal talba għal aċċess b’mod ġenerali.

(ara l-punti 48, 52, 82, 83)

2.      Meta l-istituzzjoni li quddiemha titressaq talba għal aċċess għal dokumenti tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni, hija tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti dwar il-proċedura EU Pilot, bħala stadju li jippreċedi l-ftuħ formali eventwali ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Fil-fatt, ix-xebh eżistenti bejn il-proċedura EU Pilot u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jimmilitaw favur tali rikonoxximent.

L-ewwel nett, preżunzjoni ġenerali hija ddettata min-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċedura EU Pilot u li l-għanijiet tagħha ma jiġux kompromessi. Issa, fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu jkun hemm ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat li jippermettilhom jibdew proċess ta’ negozjar u ta’ kompromess bl-għan li jintlaħaq ftehim bonarju dwar it-tilwima, mingħajr il-bżonn li tinbeda proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, li tista’ twassal għal kontenzjuż eventwali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tieni nett, il-proċeduri EU Pilot u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, b’mod partikolari l-fażi prekontenzjuża tagħha, jixxiebhu b’tali mod li dan ix-xebh jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ approċċ komuni fiż-żewġ każijiet. Qabelxejn, kemm il-proċedura EU Pilot kif ukoll il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-fażi prekontenzjuża tagħha jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita bl-aħjar mod ir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattat FUE. Iż-żewġ proċeduri għandhom bħala għan l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, billi jagħtu lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jinvoka l-motivi ta’ difiża tiegħu u billi jiġi evitat kemm jista’ jkun l-użu ta’ proċedura ġudizzjarja. Fiż-żewġ każijiet, hija l-Kummissjoni li, meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra dan l-Istat. Sussegwentement, il-proċedura EU Pilot, l-istess bħall-fażi prekontenzjuża tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija ta’ natura bilaterali, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Fl-aħħar nett, għalkemm il-proċedura EU Pilot ma hijiex ekwivalenti f’kull aspett għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din madankollu tista’ twassal għal tali proċedura peress li l-Kummissjoni tista’, wara li din tintemm, tiftaħ formalment l-investigazzjoni għal ksur permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni u eventwalment tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tikkonstata n-nuqqas allegat fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 56, 57, 59-63)

3.      Anki jekk il-proċedura EU Pilot ma hijiex prevista espressament fit-trattat, dan madankollu ma jfissirx li hija ma għandhiex bażi legali. Fil-fatt, minn naħa, il-proċedura EU Pilot għandha tiftiehem li tirriżulta mill-possibbiltajiet li huma inerenti fl-obbligu tal-Kummissjoni li tikkontrolla l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri. Għalhekk, mekkaniżmu jew proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni li tippreċedi l-ftuħ tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dejjem eżistiet u hija inevitabbli sabiex jitwettqu l-ewwel verifiki fattwali u sabiex jinstabu l-ewwel indizji ta’ ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura EU Pilot għandha preċiżament l-għan li tifformalizza l-ewwel skambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE, il-proċedura EU Pilot tagħti struttura għall-passi li l-Kummissjoni tradizzjonalment ħadet meta rċeviet ilment jew meta aġixxiet fuq l-inizjattiva tagħha stess.

(ara l-punt 66)

4.      Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, anki fil-każ fejn istituzzjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba bis-saħħa ta’ din l-eċċezzjoni, il-persuni kkonċernati jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, juru li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu jkun intalab, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni bis-saħħa tal-aħħar sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punt 70, 90)

5.      Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għalkemm, fl-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, hija l-istituzzjoni li tinvoka l-imsemmija eċċezzjoni li għandha l-oneru tal-prova, min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, huma dawk li jsostnu l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni li għandhom jipproduċu prova ta’ dan.

Barra minn hekk, hija dik il-persuna li tallega l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati. F’dan ir-rigward, l-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri għandu jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokument fis-sens tal-aħħar sentenza tal-imsemmi Artikolu 4(2). Bl-istess mod, l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi regolament.

(ara l-punti 91-93, 97)

6.      L-interess ibbażat fuq il-possibbiltà li jinkisbu dokumenti ta’ prova insostenn ta’ azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà quddiem qorti nazzjonali ma jistax jitqies li jikkostitwixxi “interess pubbliku superjuri” fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iżda għandu jitqies li jikkostitwixxi interess privat.

(ara l-punt 99)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 100)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 107, 108)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 114-116)

10.    Il-Komunikazzjoni 2002/C 244/03 tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju Komunikazzjoni ma tistax tikkostitwixxi bażi legali li tippermetti li tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess, skont li tirrifjuta l-aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għal dokumenti dwar il-proċedura EU Pilot. Fil-fatt, l-imsemmija komunikazzjoni ma tistabbilixxi l-ebda regoli dwar l-aċċess għal dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jew tal-proċedura EU Pilot, u ma tagħti l-ebda dritt lil-lanjanti f’dan is-sens. Għall-kuntrarju, hija tillimita ruħha li tindika li, għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-aċċess għal dokumenti għandu jsir skont ir-Regolament Nru 1049/2001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija komunikazzjoni ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-evalwazzjoni ta’ talbiet għal aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punt 130)