Language of document : ECLI:EU:T:2011:618

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

25 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, miċ‑Ċina, mill‑Eġittu, mill‑Każakistan u mir‑Russja – Determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni – Marġni ta’ profitt – Impenn fir‑rigward tal‑prezz – Ħsara – Rabta kawżali – Ilment – Drittijiet tad‑difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil‑Kawża T‑190/08,

Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK), stabbilita f’Chelyabinsk (ir‑Russja),

Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF), stabbilita f’Novokuznetsk (ir‑Russja),

irrappreżentati minn P. Vander Schueren, avukat,

rikorrenti,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.‑P. Hix, sussegwentement minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn G. Berrisch u G. Wolf, sussegwentement minn G. Berrisch, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér‑Ritz, sussegwentement minn H. van Vliet u M. França, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall‑annullament parzjali tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 172/2008, tal‑25 ta’ Frar 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id‑dazju provviżorju impost fuq l‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina, l‑Eġittu, il‑Każakstan, dik li kienet ir‑Repubblika Jugożlava tal‑Maċedonja u r‑Russja (ĠU L 55, p. 6), sa fejn dan ir‑regolament jikkonċerna lir‑rikorrenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑18 ta’ Mejju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Ir‑rikorrenti, Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF), huma żewġ kumpanniji stabbiliti fir‑Russja li joperaw fil‑produzzjoni tal‑ferrosilikon. Fiż‑żmien tal‑fatti kontenzjużi, il‑bejgħ ta’ dawn iż‑żewġ kumpanniji fil‑Komunità Ewropea kien jitwettaq permezz ta’ kumpanniji relatati.

2        Sussegwentement għal ilment imressaq fis‑16 ta’ Ottubru 2006 minn Euroalliages (il‑kumitat ta’ komunikazzjoni u ta’ koordinazzjoni għall‑industriji tal‑ligi tal‑ħadid), il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura antidumping fir‑rigward tal‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, miċ‑Ċina, mill‑Eġittu, mill‑Każakistan u mir‑Russja, skont ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 384/96, tat‑22 ta’ Diċembru 1995, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament bażiku”) [issostitwit bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, b’rettifika fil‑ĠU 2010 L 7, p. 22)], u b’mod partikolari skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 1225/2009). L‑avviż tal‑ftuħ tal‑proċedura ġie ppubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Novembru 2006 (ĠU C 291, p. 34). L‑investigazzjoni dwar id‑dumping u l‑ħsara kopriet il‑perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2005 u t‑30 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il‑“perijodu ta’ investigazzjoni”). L‑eżami tat‑tendenzi fil‑kuntest tal‑analiżi tal‑ħsara kopra l‑perijodu bejn Jannar 2003 sat‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il‑“perijodu kkunsidrat”).

3        Fil‑kuntest ta’ din il‑proċedura, fil‑15 ta’ Jannar 2007, ir‑rikorrenti u l‑kumpanniji relatati magħhom ippreżentaw it‑tweġibiet tagħhom għall‑kwestjonarju antidumping tal‑Kummissjoni. Fl‑istess jum, huma ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet dwar il‑ħsara, ir‑rabta kawżali bejn il‑ħsara allegata u l‑importazzjonijiet kontenzjużi kif ukoll dwar il‑legalità tal‑ftuħ tal‑proċedura antidumping (iktar ’il quddiem l‑“osservazzjonijiet dwar il‑ħsara”).

4        Bejn it‑2 u s‑7 ta’ Mejju 2007, il‑Kummissjoni għamlet żjara fil‑postijiet tar‑rikorrenti u tal‑kumpanniji relatati magħhom sabiex twettaq verifika tad‑data li huma kienu ppreżentaw.

5        Fil‑5 ta’ Ġunju 2007 nżammet seduta fl‑uffiċċji tal‑Kummissjoni li matulha r‑rikorrenti esprimew il‑pożizzjoni tagħhom dwar il‑ħsara, ir‑rabta kawżali bejn din il‑ħsara u l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kif ukoll dwar il‑legalità tad‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura antidumping. Fir‑rigward tar‑rabta kawżali, ir‑rikorrenti insistew, matul is‑seduta, fuq ir‑rwol tad‑domanda għall‑azzar u tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni, b’mod partikolari l‑ispiża tal‑enerġija, kif ukoll fuq id‑deċiżjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji, deċiżjoni li dawn ħadu volontarjament, li jibdlu l‑orjentament tagħhom lejn il‑fabbrikazzjoni ta’ prodotti oħra u, f’ċerti każijiet, li jwaqqfu l‑produzzjoni tagħhom tal‑ferrosilikon.

6        Fid‑29 ta’ Awwissu 2007, il‑Kummissjoni ppubblikat ir‑Regolament (KE) Nru 994/2007, tat‑28 ta’ Awwissu 2007, li jimponi dazju proviżorju antidumping fuq l‑importazzjonijiet tal‑Ferro‑silikon li joriġinaw fir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina, fl‑Eġittu, fil‑Każakstan, fl‑ ex‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja u fir‑Russja (ĠU L 223, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament provviżorju”). Ir‑Regolament provviżorju stabbilixxa, b’mod partikolari, dazju antidumping provviżorju bir‑rata ta’ 22.8 % fir‑rigward tal‑prodotti tar‑rikorrenti.

7        Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2007, il‑Kummissjoni kkomunikat lir‑rikorrenti l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom kienu ġew adottati l‑miżuri antidumping provviżorji (iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ informazzjoni provviżorja”). Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Settembru 2007, il‑Kummissjoni bagħtet lir‑rikorrenti anness għad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja li kien jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il‑kwistjoni tal‑legalità tal‑ftuħ tal‑proċedura antidumping (iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ informazzjoni provviżorja addizzjonali”).

8        Fl‑1 ta’ Ottubru 2007, ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja u dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja addizzjonali. F’dawn l‑osservazzjonijiet huma tennew l‑argumenti tagħhom dwar id‑determinazzjoni tal‑ħsara, dwar l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din il‑ħsara u l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u dwar il‑legalità tal‑ftuħ tal‑proċedura antidumping. Barra minn hekk, huma sostnew, minn naħa, li l‑kalkolu tal‑prezz tal‑esportazzjoni kien żbaljat sa fejn il‑marġni ta’ profitt tal‑importatur relatat, użat fil‑kuntest ta’ dan il‑kalkolu, kienet esaġerat u, min‑naħa l‑oħra, li huma kienu s‑suġġett ta’ “diskriminazzjoni” sa fejn id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja kien intbagħat antiċipatament lil Silmak Ltd, produttur tal‑ferrosilikon stabbilita f’dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja.

9        Fit‑18 ta’ Diċembru 2007, il‑Kummissjoni bagħtet lir‑rikorrenti ittra bil‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom kienet qiegħda tikkunsidra li tirrakkomanda l‑impożizzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi (iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ informazzjoni finali”). Id‑dokument ta’ informazzjoni finali kien jinkludi anness li jikkonċerna speċifikament lil CHEMK (iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ informazzjoni finali speċifiku għal CHEMK”). Fid‑dokument ta’ informazzjoni finali, il‑Kummissjoni żammet il‑konklużjonijiet tagħha fir‑rigward tal‑ħsara u tar‑rabta kawżali. Fir‑rigward tal‑kalkolu tal‑prezz tal‑esportazzjoni, il‑Kummissjoni spjegat li kienet ikkoreġiet il‑marġni ta’ profitt użat fid‑determinazzjoni ta’ dan il‑prezz billi, minflok ma bbażat ruħha fuq il‑marġni ta’ profitt miksub mill‑importatur relatat mar‑rikorrenti, hija bbażat ruħha fuq il‑marġni ta’ profitt preżunt ta’ importatur mhux relatat. Għall‑kuntrarju, fid‑dokument ta’ informazzjoni finali, il‑Kummissjoni ma reġgħetx indirizzat il‑kwistjoni tal‑legalità tal‑ftuħ tal‑proċedura antidumping u ma kkunsidratx il‑problema mqajma mir‑rikorrenti dwar l‑iżvelar antiċipat tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja lil Silmak.

10      Ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali permezz ta’ ittra indirizzata lill‑Kummissjoni fis‑7 ta’ Jannar 2008. F’dawn l‑osservazzjonijiet, bħalma kienu għamlu fl‑osservazzjonijiet dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, ir‑rikorrenti ddedikaw argumenti sostanzjali għall‑kwistjoni tad‑determinazzjoni tal‑ħsara u għall‑kwistjoni tar‑rabta kawżali bejn il‑ħsara allegata u l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, f’dawn l‑osservazzjonijiet, ir‑rikorrenti kkontestaw il‑metodu l‑ġdid tal‑kalkolu tal‑marġni ta’ profitt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kuntest tad‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni.

11      Fit‑8 ta’ Frar 2008, ir‑rikorrenti ppreżentaw lill‑Kummissjoni talba għas‑sospensjoni tal‑miżuri antidumping, skont l‑Artikolu 14(4) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 14(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009].

12      Fil‑25 ta’ Frar 2008, il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea adotta r‑Regolament (KE) Nru 172/2008, tal‑25 ta’ Frar 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id‑dazju provviżorju impost fuq l‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina, l‑Eġittu, il‑Każakstan, dik li kienet ir‑Repubblika Jugożlava tal‑Maċedonja u r‑Russja (ĠU L 55, p. 6, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ikkontestat”). Skont l‑Artikolu 1 tar‑Regolament ikkontestat, ir‑rata tad‑dazju antidumping definittiv applikabbli għall‑prezz nett ħieles fil‑fruntiera tal‑Komunità, qabel il‑ħruġ mid‑dwana, kienet stabbilita bħala 22.7 % għall‑prodotti mmanifatturati mir‑rikorrenti.

13      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Frar 2008, il‑Kummissjoni ċaħdet it‑talba għas‑sospensjoni mressqa mir‑rikorrenti.

 Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2008, ir‑rikorrenti ressqu l‑kawża ineżami. Ir‑rikors ma kienx intiż biss għall‑annullament tar‑Regolament ikkontestat iżda kien intiż ukoll, sussidjarjament, għall‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni tat‑28 ta’ Frar 2008 li tiċħad it‑talba għas‑sospensjoni tad‑dazji antidumping li r‑rikorrenti kienu ressqu quddiem il‑Kummissjoni permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Frar 2008. Ir‑rikors kien indirizzat kontra l‑Kunsill u kontra l‑Kummissjoni.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Mejju 2008, ir‑rikorrenti ressqu talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura u għal miżuri istruttorji.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2008, il‑Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir‑rigward tat‑talba għall‑annullament tad‑deċiżjoni tagħha tat‑28 ta’ Frar 2008. Permezz ta’ att separat ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑istess jum, il‑Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il‑kawża insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill fl‑eventwalità li r‑rikors jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn kien indirizzat kontra d‑deċiżjoni msemmija.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Jannar 2009, ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar din l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

18      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2009, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑190/08, mhux ippubblikat fil‑Ġabra), il‑Qorti Ġenerali (It‑Tieni Awla) ċaħdet ir‑rikors bħala inammissibbli sa fejn kien indirizzat kontra d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni tat‑28 ta’ Frar 2008. F’dan l‑istess digriet, il‑Qorti Ġenerali laqgħet it‑talba għal intervent tal‑Kummissjoni insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill.

19      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2009, il‑Kummissjoni informat lill‑Qorti Ġenerali li kienet qiegħda tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda li kienet ser tipparteċipa fis‑seduta.

20      Ir‑rikorrenti jitolbu li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r‑Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill‑Kunsill għall‑ispejjeż.

21      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id‑dritt

22      Insostenn tar‑rikors, ir‑rikorrenti jqajmu ħames motivi. Fil‑kuntest tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jikkontestaw id‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni. It‑tieni motiv jikkonċerna l‑offerta ta’ impenn fir‑rigward tal‑prezz min‑naħa ta’ Silmak. Fil‑kuntest tat‑tielet motiv, ir‑rikorrenti jikkontestaw id‑determinazzjoni tal‑ħsara. Fil‑kuntest tar‑raba’ motiv, ir‑rikorrenti jikkontestaw id‑determinazzjoni tar‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara. Fl‑aħħar nett, fil‑kuntest tal‑ħames motiv, ir‑rikorrenti jikkritikaw lill‑Kummissjoni talli ma laqgħetx it‑talbiet tagħhom għal informazzjoni mhux kunfidenzjali addizzjonali fir‑rigward tal‑ilment.

1.     Fuq l‑ewwel motiv, dwar l‑użu ta’ marġni ta’ profitt teoretiku fil‑kuntest tad‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni

 Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku

 L‑argumenti tal‑partijiet

23      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament Nru 1225/2009], sa fejn ikkunsidra li, skont dan l‑artikolu, huwa kien obbligat juża l‑marġni ta’ profitt teoretiku tal‑importaturi mhux relatati u mhux il‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat. Skont ir‑rikorrenti, għalkemm l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku ma jistabbilixxix metodu speċifiku għad‑determinazzjni tal‑marġni ta’ profitt raġonevoli, din id‑dispożizzjoni ma tipprekludix lill‑Kunsill milli juża l‑marġni ta’ profitt reali tal‑importaturi relatati, kif turi l‑prassi preċedenti ta’ din l‑istituzzjoni. Fi kwalunkwe każ, la l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku u lanqas allegata prassi preċedenti ma jobbligaw legalment lill‑Kunsill sabiex juża l‑marġni ta’ profitt tal‑importaturi mhux relatati.

24      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 2(8) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 2(8) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li l‑prezz tal‑esportazzjoni huwa l‑prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas għall‑prodott mibjugħ għall‑esportazzjoni lejn il‑Komunità. Skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament Nru 1225/2009], meta ma jkunx hemm prezz tal‑esportazzjoni jew meta jidher li l‑prezz tal‑esportazzjoni ma huwiex affidabbli minħabba li jkun hemm assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terzi, il‑prezz tal‑esportazzjoni jista’ jiġi ddeterminat fuq il‑bażi tal‑prezz li bih il‑prodotti importati jinbiegħu mill‑ġdid għall‑ewwel darba lil xerrej indipendneti jew, jekk il‑prodotti ma jinbigħux mill‑ġdid lil xerrej indipendenti jew jinbiegħu mill‑ġdid fi stat differenti minn kif ikunu ġew importati, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra.

26      Għalhekk, mill‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku jirriżulta li l‑Kummissjoni u l‑Kunsill jistgħu jikkunsidraw li l‑prezz tal‑esportazzjoni ma huwiex affidabbli f’żewġ każijiet, jiġifieri meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terzi jew minħabba arranġament ta’ kumpens bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terzi. F’każijiet oħra, l‑istituzzjonijiet huma obbligati, meta jkun hemm prezz tal‑esportazzjoni, li jibbażaw ruħhom fuq dan il‑prezz għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tad‑dumping (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II‑4897, punt 49).

27      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku [li sar it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament Nru 1225/2009], meta l‑prezz tal‑esportazzjoni jiġi ddeterminat fuq il‑bażi tal‑prezz għall‑ewwel xerrej indipendenti jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, għandhom isiru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l‑ispejjeż kollha li jkunu mmaterjalizzaw bejn l‑importazzjoni u l‑bejgħ mill‑ġdid u, min‑naħa l‑oħra, marġni ta’ profitt, u dan sabiex jiġi stabbilit prezz tal‑esportazzjoni affidabbli fil‑livell tal‑fruntiera Komunitarja. It‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku [li sar it‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li l‑ispejjeż li fir‑rigward tagħhom għandu jsir aġġustament jinkludu marġni raġonevoli għall‑ispejjeż tal‑bejgħ, għall‑ispejjeż amministrattivi u għal spejjeż ġenerali oħra u l‑profitt.

28      Għalkemm l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li għandu jsir aġġustament fir‑rigward tal‑marġni ta’ profitt, din id‑dispożizzjoni, kif josservaw ir‑rikorrenti, ma tistabbilixxix metodu ta’ kalkolu jew ta’ determinazzjoni ta’ dan il‑marġni. Din id‑dispożizzjoni sempliċement tagħmel riferiment għan‑natura raġonevoli tal‑marġni ta’ profitt li jkun is‑suġġett tal‑aġġustament.

29      Skont il‑ġurisprudenza, tali marġni ta’ profitt raġonevoli jista’, meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn produttur u importatur fil‑Komunità, jiġi kkalkolat fuq il‑bażi tad‑data li toriġina minn importatur indipendenti minflok fuq il‑bażi tad‑data li toriġina mill‑importatur assoċjat, li tista’ tkun influwenzata minn din l‑assoċjazzjoni [ara, fir‑rigward tal‑Artikolu 2(8)(b) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2176/84, tat‑23 ta’ Lulju 1984, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji min‑naħa ta’ pajjiżi li ma humiex membri tal‑Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 201, p. 1), li huwa essenzjalment identiku għall‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Silver Seiko et vs Il‑Kunsill, 273/85 u 107/86, Ġabra p. 5927, punt 25, u Canon et vs Il‑Kunsill, 277/85 u 300/85, Ġabra p. 5731, punt 32].

30      Għalhekk, fid‑dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis‑sens li jħalli lill‑istituzzjonijiet il‑possibbiltà li jagħżlu bejn l‑użu tal‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat jew l‑użu ta’ marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importaturi mhux relatati, bil‑kundizzjoni li dan il‑marġni jkun raġonevoli.

31      Huwa fid‑dawl ta’ dawn il‑prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti li l‑Kunsill wettaq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku.

32      L‑ewwel nett, għandu jiġi osservat li bejn il‑partijiet huwa paċifiku li l‑bejgħ tal‑ferrosilikon prodott mir‑rikorrenti kien jitwettaq, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, permezz ta’ kumpanniji relatati. Għaldaqstant, l‑istituzzjonijiet ma kinux suġġetti għall‑obbligu, stabbilit fl‑Artikolu 2(8) tar‑Regolament bażiku, li jibbażaw ruħhom fuq il‑prezz tal‑esportazzjoni reali, jiġifieri l‑prezz realment imħallas fir‑rigward tal‑prodotti mibjugħa għall‑esportazzjoni lejn il‑Komunità. Għall‑kuntrarju, il‑każ ineżami kien jippermetti l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku, jiġifieri d‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni, u dan jimplika wkoll li l‑istituzzjonijiet kienu liberi li jagħżlu kwalunkwe metodu li kien jippermetti d‑determinazzjoni ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli.

33      It‑tieni nett, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw din il‑konklużjoni. Għall‑kuntrarju, huma jsostnu li l‑istituzzjonijiet kellhom il‑possibbiltà li jagħżlu l‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importatur indipendenti jew il‑marġni reali tal‑importatur relatat. Madankollu, fil‑fehma tagħhom, kif esprimewha fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill‑Qorti Ġenerali permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, mit‑termini użati mill‑istituzzjonijiet kemm fil‑punt 41 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali kif ukoll fil‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat jirriżulta li l‑istituzzjonijiet kienu kkunsidraw li huma kienu obbligati, skont l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku, jużaw il‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importatur indipendenti fil‑kuntest tal‑kalkolu tal‑prezz tal‑esportazzjoni.

34      Fil‑fehma tal‑Qorti Ġenerali t‑termini tal‑punt 41 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali u l‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat ma jissostanzjawx l‑allegazzjoni tar‑rikorrenti. Fil‑fatt, fis‑siltiet iċċitati l‑istituzzjonijiet isostnu li, skont prassi kostanti, il‑profitt li kellu jintuża kellu jkun ibbażat fuq dak miksub minn importaturi indipendenti. Tali affermazzjoni b’ebda mod ma tinvoka obbligu li jintuża l‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importatur indipendenti. Din l‑affermazzjoni sempliċement tagħmel riferiment għall‑użanza tal‑istituzzjonijiet, fejn il‑marġni msemmi ġeneralment jintuża għall‑kalkolu tal‑prezz tal‑esportazzjoni meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn esportatur u importatur.

35      Tali interpretazzjoni tal‑punt 41 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali u tal‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat, fis‑sens li l‑intenzjoni tal‑istituzzjonijiet kienet li jirreferu għal sempliċi użanza li, skont iċ‑ċirkustanzi, tista’ tiġi jew ma tiġix osservata, hija kkorroborata mill‑prassi preċedenti tal‑istituzzjonijiet kif deskritta mir‑rikorrenti stess fl‑atti tagħhom. F’dan is‑sens, fl‑atti tagħhom ir‑rikorrenti jagħmlu riferiment għar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 374/87, tal‑5 ta’ Frar 1987, li jiġbor b’mod definittiv id‑dazju provviżorju impost fuq l‑importazzjonijiet u li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l‑importazzjonijiet ta’ bearing units miksija li joriġinaw mill‑Ġappun (ĠU L 35, p. 32), fejn il‑Kunsill uża l‑marġni ta’ profitt reali tal‑importaturi relatati sabiex jiddetermina l‑prezz tal‑esportazzjoni.

36      Fid‑dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, għandu jiġi konkluż li l‑użu, f’dan il‑każ, tal‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importaturi mhux relatati ma jirriżultax mill‑fatt li l‑istituzzjonijiet kienu kkunsidraw li kienu obbligati jużawh iżda jirriżulta mill‑fatt li l‑istituzzjonijiet għażlu li jużaw il‑marġni ta’ profitt ta’ importaturi mhux relatati minħabba li l‑marġni ta’ profitt ta’ importatur relatat kien distort mill‑prezz ta’ trasferiment bejn il‑kumpanniji relatati.

37      Minn dan jirriżulta li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, ma twettaq ebda żball ta’ liġi f’dan ir‑rigward.

38      Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil‑qasam tal‑miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, b’tali mod li r‑rwol tal‑qorti tal‑Unjoni huwa li teżerċita stħarriġ ġudizzjarju limitat (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il‑Kunsill, T‑97/95, Ġabra p. II‑85, punt 51, u tas‑17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il‑Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punti 32 u 33). Id‑determinazzjoni ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli ma hijiex eżempju ta’ fejn tista’ ssir eċċezzjoni għall‑applikazzjoni ta’ din il‑ġurisprudenza sa fejn din id‑determinazzjoni timplika neċessarjament evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Marzu 2000, Miwon vs Il‑Kunsill, T‑51/96, Ġabra p. II‑1841, punt 42, u Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 26 iktar ’il fuq, punt 50).

39      Issa, fil‑kuntest ta’ din il‑parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jallegaw biss li l‑Kunsill wettaq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku sa fejn ikkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kien obbligat juża l‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importaturi indipendenti meta din id‑dispożizzjoni ma tipprekludix l‑użu tal‑marġni ta’ profitt reali tal‑importaturi relatati, iżda f’ebda mument ma jipprovaw jistabbilixxu li l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew effettivament li jużaw tali marġni ta’ profitt teoretiku minflok il‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat.

40      Minn dan isegwi li l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

 L‑argumenti tal‑partijiet

41      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fl‑Artikolu 253 KE sa fejn iddeċieda, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, li jiċħad l‑użu tal‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur li kien relatat magħhom u li jiddetermina l‑prezz tal‑esportazzjoni fuq il‑bażi tal‑marġni ta’ profitt teoretiku li kien jinkiseb minn importatur indipendenti.

42      Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, minn naħa, il‑Kunsill qatt ma kkomunika lir‑rikorrenti r‑raġunijiet li kienu wassluh sabiex jikkunsidra li l‑marġni effettivament miksub mill‑importatur li kien relatat magħhom kien inqas raġonevoli minn marġni ta’ profitt teoretiku stabbilit fuq il‑bażi ta’ marġni ta’ profitt ta’ importaturi mhux relatati. Min‑naħa l‑oħra, is‑sempliċi riferiment min‑naħa tal‑Kunsill għall‑prassi preċedenti tiegħu fejn jintuża marġni ta’ profitt teoretiku ddeterminat b’riferiment għall‑marġni ta’ profitt tal‑importaturi mhux relatati, ma hijiex spjegazzjoni suffiċjenti fid‑dawl tal‑Artikolu 253 KE.

43      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

44      Mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 253 KE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑awtorità tal‑Unjoni, awtriċi tal‑att ikkontestat, b’mod li jippermetti lill‑persuni kkonċernati jidentifikaw il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura adottata sabiex jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u b’mod li jippermetti lill‑qorti tal‑Unjoni teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 88, u s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il‑Kunsill, T‑48/96, Ġabra p. II‑3089, punt 141).

45      F’dan ir‑rigward għandu jiġi ppreċiżat li l‑Kunsill ma huwiex obbligat iwieġeb, fil‑motivazzjoni tar‑regolament, għall‑punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha invokati mill‑persuni kkonċernati matul il‑proċedura amministrattiva (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Ottubru 1999, Swedish Match Philippines vs Il‑Kunsill, T‑171/97, Ġabra p. II‑3241, punt 82). Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika d‑diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha u r‑rekwiżiti ta’ motivazzjoni għandhom jiġi evalwati fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑kuntest tal‑att u tad‑dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is‑suġġett (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il‑Kummissjoni, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 118). Huwa biżżejjed li l‑Kunsill jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl‑istruttura tar‑regolament (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punti 103 u 104).

46      F’dan il‑każ, il‑Kunsill spjega, fil‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat kif ukoll fil‑punt 41 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali, l‑ewwel nett, li l‑profitt użat għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni fl‑istadju provviżorju kien dak tal‑importatur relatat ikkonċernat, it‑tieni nett, li, skont prassi kostanti tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni, il‑profitt li għandu jintuża kellu jkun ibbażat fuq dak li kien miksub minn importaturi indipendenti u, it‑tielet nett, li għalhekk il‑marġni ta’ profitt użat fl‑istadju provviżorju kellu jiġi kkoreġut, korrezzjoni li implikat żieda żgħira fil‑profitt użat, filwaqt li r‑rikorrenti jsostnu li l‑livell ta’ profitt kien esaġerat.

47      Għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, mill‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat kif ukoll mill‑punt 41 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku li d‑deċiżjoni tal‑istituzzjonijiet, meħuda fl‑istadju tal‑adozzjoni tal‑miżuri antidumping definittivi, li jwarrbu l‑użu tal‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat mar‑rikorrenti u li jiddeterminaw il‑prezz tal‑esportazzjoni fuq il‑bażi tal‑marġni ta’ profitt teoretiku li kien jinkiseb minn importatur indipendenti, hija l‑konsegwenza diretta tar‑rabta bejn ir‑rikorrenti u l‑importatur tagħhom. B’hekk, l‑istituzzjonijiet indikaw lir‑rikorrenti li fil‑fehma tagħhom kien iktar raġonevoli li jintuża l‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importaturi mhux relatati milli l‑marġni ta’ profitt tal‑importatur relatat.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali, ir‑rikorrenti kkontestaw id‑deċiżjoni tal‑istituzzjonijiet li jużaw marġni ta’ profitt teoretiku, u b’hekk urew li huma kienu fehmu perfettament ir‑raġunament tal‑istituzzjonijiet u kienu f’pożizzjoni li jiddefendu d‑drittijiet tagħhom. B’mod partikolari, l‑ewwel nett, huma esponew ir‑raġunijiet għalfejn fil‑fehma tagħhom l‑użu, fil‑każ ineżami, tal‑marġni ta’ profitt ta’ kumpannija mhux relatata ma kienx f’loku. It‑tieni nett, huma spjegaw li l‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat kien affidabbli u raġonevoli. It‑tielet nett, huma sostnew li, minkejja li l‑Kummissjoni kellha l‑prassi kostanti li tuża l‑marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importatur indipendenti, ebda dispożizzjoni tar‑Regolament bażiku ma tipprekludi lill‑Kummissjoni milli tuża l‑marġni ta’ profitt reali ta’ kumpannija relatata.

49      Għaldaqstant, it‑tieni parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

 L‑argumenti tal‑partijiet

50      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill ippreġudika d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom sa fejn, fin‑nuqqas ta’ motivazzjoni, huma ma setgħux jiddefendu effettivament l‑interessi tagħhom. F’dan is‑sens, skont ir‑rikorrenti, il‑Kunsill qatt ma pprovda lir‑rikorrenti, qabel il‑preżentata tar‑risposta, il‑possibbiltà li jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar l‑argumenti tiegħu insostenn tal‑użu tal‑marġni ta’ profitt teoretiku. B’mod partikolari, kien biss fl‑istadju tar‑risposta li l‑Kunsill spjega n‑natura tal‑iżball imwettaq, fl‑istadju tar‑Regolament provviżorju, meta kien qiegħed jiġi ddeterminat il‑marġni ta’ profitt reali, żball li r‑rikorrenti ma kinux informati dwaru qabel it‑3 ta’ Marzu 2008, u dan wara l‑adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat.

51      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

52      Mill‑ġurisprudenza jirriżulta li r‑rekwiżiti li jirriżultaw mir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża ma japplikawx biss fil‑kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda anki fil‑kuntest tal‑proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l‑adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l‑impriżi interessati b’mod dirett u individwali u li jistgħu jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli għal dawn l‑impriżi (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punt 15). B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l‑impriżi interessati jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u ċ‑ċirkustanzi allegati u dwar il‑provi kkunsidrati mill‑Kummissjoni insostenn tal‑allegazzjoni tagħha dwar l‑eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal‑ħsara li tirriżulta minnha (sentenza Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

53      Huwa fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi vverifikat jekk il‑Kunsill kisirx id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti.

54      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti li l‑Kunsill qatt ma kien ipprovdielhom, qabel ir‑risposta, il‑possibbiltà li jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar l‑argumenti tiegħu insostenn tal‑użu tal‑marġni ta’ profitt teoretiku, għandu jitfakkar, kif ġie osservat fil‑punti 47 u 48 iktar ’il fuq, li kemm il‑punt 41 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali kif ukoll il‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat kienu jesponu, b’mod ċar u inekwivoku, li d‑deċiżjoni tal‑istituzzjonijiet li jwarrbu l‑użu tal‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat mar‑rikorrenti kienet il‑konsegwenza diretta tar‑rabta eżistenti bejn ir‑rikorrenti u l‑importatur tagħhom. Barra minn hekk, fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali, ir‑rikorrenti kkontestaw id‑deċiżjoni tal‑istituzzjonijiet li jużaw marġni ta’ profitt teoretiku. Minn dan isegwi li r‑rikorrenti mhux biss tqiegħdu f’pożizzjoni fejn setgħu jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom dwar l‑użu ta’ marġni ta’ profitt teoretiku iżda li, barra minn hekk, huma kienu esprimew effettivament il‑fehma tagħhom f’dan ir‑rigward.

55      Fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti li l‑Kunsill, qabel ir‑risposta, ma kien ipprovdielhom ebda spjegazzjoni fir‑rigward tan‑natura tal‑iżball imwettaq meta kien qiegħed jiġi ddeterminat il‑marġni ta’ profitt reali, għandu jiġi osservat li l‑marġni ta’ profitt reali ntuża għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni fil‑kuntest tal‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping provviżorji. Għall‑kuntrarju, mill‑premessa 41 tar‑Regolament ikkontestat jirriżulta li, fl‑istadju tal‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping definittivi, intuża marġni ta’ profitt teoretiku. Issa, ir‑rikorrenti ma urewx kif l‑ispjegazzjonijiet li fil‑fehma tagħhom ngħatawlhom meta kien tard wisq kienu rilevanti għad‑difiża tal‑interessi tagħhom fil‑kuntest tal‑adozzjoni tar‑Regolamenti kkontestat.

56      Minn dan isegwi li ma twettaq ebda ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti.

57      Għaldaqstant, it‑tielet parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

 L‑argumenti tal‑partijiet

58      Fir‑replika, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kien naqas mid‑dmir ta’ diliġenza tiegħu u kien kiser il‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil‑fatt, fil‑fehma tagħhom, mir‑risposta jirriżulta li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li r‑rikorrenti ma setgħux jikkontestaw fir‑rikors minħabba li l‑Kunsill ma kienx eżamina l‑argumenti tagħhom f’ħin opportun.

59      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

60      Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 21 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, applikabbli għall‑Qorti Ġenerali bis‑saħħa tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 53 tal‑istess Statut, u skont l‑Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s‑suġġett tal‑kawża, it‑talbiet tar‑rikorrent u għandu jinkludi sunt tal‑motivi invokati. Din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u lill‑Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir‑rikors. Sabiex jiġu żgurati ċ‑ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir‑rikors jirriżultaw, minn tal‑inqas fil‑qosor iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit‑test tar‑rikors stess (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑679, punt 20, u tat‑3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 64).

61      Issa, il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir‑rikorrenti jibbażaw ruħhom insostenn ta’ dan l‑ilment ma jirriżultawx, b’mod komprensibbli, mill‑atti tagħhom. F’dan is‑sens, huma jallegaw li, peress li l‑Kunsill ma eżaminax l‑argumenti tagħhom f’ħin opportun, huma kienu preklużi milli jikkontestaw żball manifest ta’ evalwazzjoni. Madankollu, ir‑rikorrenti la jippreċiżaw għal‑liema argumenti qegħdin jirreferu u lanqas l‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni kkonċernat.

62      Għalhekk, ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, l‑ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

2.     Fuq it‑tieni motiv, dwar l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz propost minn Silmak

 Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 L‑argumenti tal‑partijiet

63      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn ikkomunika d‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja lil Silmak antiċipatament u b’hekk pprovdilha l‑opportunità tipproponi impenn fir‑rigward tal‑prezz. Huma josservaw li l‑Kunsill naqas milli jikkomunikalhom fl‑istess ħin id‑dokument imsemmi minkejja li kienu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ Silmak. Barra minn hekk, huma jsostnu li, skont is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑11 ta’ Lulju 1990, Sermes (C‑323/88, Ġabra p. I‑3027, punti 46 u 47), “diskriminazzjoni” ma tistax tkun ġustifikata fuq il‑bażi tad‑differenzi fl‑istatus legali tal‑partijiet ikkonċernati, sakemm ma jkunx hemm bażi leġiżlattiva li tiġġustifika dawn id‑differenzi. Issa, il‑Kunsill stess jirreferi għal prassi kostanti u mhux għal att legali.

64      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

65      Il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u, min‑naħa l‑oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl‑istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament [sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi‑Con (Deutschland) vs Il‑Kunsill, C‑422/02 P, Ġabra p. I‑791, punt 33].

66      F’dan id‑dawl, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra li r‑rikorrenti u Silmak ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu f’sitwazzjonijiet simili.

67      Fil‑fatt, għandu jitfakkar li l‑Kunsill spjega, fl‑atti tiegħu, li l‑istituzzjonijiet aġixxew skont il‑prinċipji stabbiliti fil‑konklużjonijiet tal‑Kunsill Ewropew ta’ Essen (il‑Ġermanja), tad‑9 u l‑10 ta’ Diċembru 1994, kif ukoll fl‑Artikolu 36(2) tal‑Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn il‑Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa l‑waħda, u dik li qabel kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, minn naħa l‑oħra (ĠU 2004, L 84, p. 13, iktar ’il quddiem il‑“FSA”). Skont dawn il‑prinċipji, il‑Kummissjoni stabbiliet prassi kostanti għall‑investigazzjonijiet antidumping li jikkonċernaw pajjiżi kandidati għall‑adeżjoni, prassi fejn madwar xahrejn qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji hija tinforma lill‑Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, lill‑gvern ikkonċernat u lill‑produtturi/esportaturi bil‑fatti li fuq il‑bażi tagħhom tkun qiegħda tikkunsidra li tirrakkomanda l‑impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Il‑Kunsill jippreċiża li din l‑informazzjoni, li tikkonċerna biss il‑fatti li jistabbilixxu d‑dumping, hija prinċipalment intiża sabiex tippermetti lill‑esportatur jissottometti proposta ta’ impenn fir‑rigward tal‑prezz.

68      Għandu jiġi osservat, kif jagħmel il‑Kunsill, li l‑Artikolu 36(2) tal‑FSA jipprovdi, minn naħa, li l‑Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi informat dwar il‑każ ta’ dumping hekk kif tinbeda investigazzjoni antidumping u, min‑naħa l‑oħra, li, jekk id‑dumping ma jitwaqqafx jew jekk ma tkun instabet ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra fi żmien 30 jum min‑notifika tal‑każ lill‑Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jistgħu jiġu adottati miżuri adegwati. Minn din id‑dispożizzjoni jirriżulta li l‑komunikazzjonijiet bejn il‑Kummissjoni u l‑produtturi/esportaturi stabbiliti f’dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja huma meħtieġa, qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping provviżorji, għaliex fin‑nuqqas ta’ tali komunikazzjonijiet ma tkun tista’ tinstab ebda soluzzjoni sodisfaċenti fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni. Għal din l‑istess raġuni, minn din id‑dispożizzjoni jirriżulta li l‑kunsiderazzjonijiet u l‑fatti essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom l‑istituzzjonijiet ikunu qegħdin jikkunsidraw li jirrakkomandaw l‑impożizzjoni ta’ miżuri antidumping provviżorji għandhom ikunu magħrufa mill‑produtturi/esportaturi għaliex inkella jaf ikun diffiċli għal dawn tal‑aħħar li jipproponu soluzzjoni sodisfaċenti.

69      Sa fejn Silmak hija produttur stabbilita f’dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, hija gawdiet mill‑applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni u rċeviet id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja antiċipatament, u b’hekk hija setgħet tagħmel proposta ta’ impenn fir‑rigward tal‑prezz lill‑Kummissjoni. Għaldaqstant, il‑komunikazzjoni antiċipata tad‑dokument imsemmi lil Silmak ma tikkostitwixxix ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn din il‑kumpannija kienet tinsab, fid‑dawl tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 36(2) tal‑FSA, f’sitwazzjoni differenti minn dik tar‑rikorrenti.

70      Din il‑konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill‑argument tar‑rikorrenti bbażat fuq is‑sentenza Sermes, iċċitata fil‑punt 63 iktar ’il fuq.

71      Fil‑fatt, minn naħa, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, f’dik is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tiddikjarax b’mod ġenerali li “diskriminazzjoni” ma tistax tkun ġustifikata fuq il‑bażi tad‑differenzi fl‑istatus legali tal‑partijiet ikkonċernati, sakemm ma jkunx hemm bażi leġiżlattiva li tiġġustifika dawn id‑differenzi. Fil‑kawża li wasslet għal dik is‑sentenza, ir‑rikorrent kien qiegħed isostni li l‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet partikolari dwar il‑kummerċ nazzjonali Ġermaniż, li kienu jippermettu li l‑esportazzjonijiet mir‑Repubblika Demokratika Ġermaniża lejn ir‑Repubblika Federali Ġermaniża jsiru taħt eżenzjoni minn dazji antidumping, kienet toħloq “diksriminazzjoni”. Fis‑sentenza tagħha, il‑Qorti tal‑Ġustizzja wieġbet li d‑differenza fit‑trattament osservata minn Sermes kienet ibbażata fuq test leġiżlattiv li kien jinsab fi protokoll li kien jagħmel parti integrali mit‑Trattat u għalhekk ma setgħatx titqies bħala “diskriminazzjoni”. B’hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja sempliċement iddikjarat li l‑fatt li protokoll li jagħmel parti integrali mit‑Trattat kien jipprevedi dispożizzjonijiet partikolari dwar il‑kummerċ nazzjonali Ġermaniż kien jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament iktar favorevoli għall‑produtturi/esportaturi stabbiliti fir‑Repubblika Demokratika Ġermaniża, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 65 iktar ’il fuq.

72      Min‑naħa l‑oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil‑każ ineżami, kif ġie espost fil‑punt 68 iktar ’il fuq, id‑differenza fit‑trattament bejn Silmak u r‑rikorrenti kienet ibbażata fuq test leġiżlattiv, jiġifieri l‑Artikolu 36(2) tal‑FSA.

73      Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti ma pprovawx b’mod suffiċjenti kif meħtieġ mil‑liġi li l‑konstatazzjoni ta’ “trattament diskriminatorju” fir‑rigward tal‑iżvelar tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja seta’ jkollha impatt fuq il‑legalità tar‑Regolament ikkontestat b’tali mod li tiġġustifika l‑annullament tiegħu. Meta sarulhom mistoqsijiet fuq dan il‑punt matul is‑seduta, huma fakkru li kienu spjegaw, fl‑atti tagħhom, li, minħabba dan it‑“trattament diskriminatorju”, il‑Kunsill ikkonstata, fir‑Regolament ikkontestat, obbligu li jitħallsu d‑dazji antidumping għal perijodu ta’ ħames snin u nofs, fir‑rigward tar‑rikorrenti, u għal perijodu ta’ ħames snin biss, fir‑rigward ta’ Silmak.

74      Issa, minn naħa, jekk jitqies li din l‑affermazzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li r‑Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, sa fejn jikkonċerna lir‑rikorrenti, minħabba li Silmak kien imissha ġiet suġġetta wkoll għal obbligu li tħallas id‑dazji antidumping għal perijodu ta’ ħames snin u nofs, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni, kif imfakkar fil‑punt 65 iktar ’il fuq, għandha tiġi kkonċiljata mal‑osservanza tal‑prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14, u l‑ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il‑Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 259, u tal‑20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 367). Għaldaqstant, ir‑rikorrenti ma jistgħux jibbażaw it‑talba tagħhom għall‑annullament tar‑Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernahom, fuq il‑fatt li dan ir‑regolament jimponi fuq Silmak, b’mod illegali, obbligu ta’ ħlas għal perijodu ta’ ħames snin biss.

75      Min‑naħa l‑oħra, jekk jitqies li din l‑affermazzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li r‑Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, sa fejn jikkonċerna lirrikorrenti, minħabba li dawn kien imisshom ġew suġġetti, bħal Silmak, għal obbligu li jħallsu d‑dazji antidumping għal perijodu ta’ ħames snin biss, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill‑premessa 132 tar‑Regolament ikkontestat, li r‑rikorrenti kienu pproponew impenn fir‑rigward tal‑prezz lill‑Kummissjoni u li dan l‑impenn kien ġie miċħud minn din tal‑aħħar. Issa, ir‑rikorrenti ma ressqu ebda argument intiż sabiex jistabbilixxi li l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz li huma kienu jistgħu jipproponu iktar kmieni, fl‑istess waqt bħal Silmak, kien ikollu kontenut differenti minn dak li huma pproponew wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni finali u għalhekk kien ikun f’pożizzjoni aħjar sabiex jiġi aċċettat mill‑Kummissjoni. Għaldaqstant, il‑konstatazzjoni ta’ “trattament diskriminatorju” favur Silmak ma tkunx, fi kwalunkwe każ, tista’ tiġġustifika l‑annullament tar‑Regolament ikkontestat.

76      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l‑ewwel parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tieni parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 6(7), tal‑Artikolu 8(4) u tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku

 L‑argumenti tal‑partijiet

77      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser l‑Artikolu 20(1), l‑Artikolu 6(7) u l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku [li saru l‑Artikolu 20(1), l‑Artikolu 6(7) u l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009].

78      Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti josservaw li l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li d‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja jista’ jiġi kkomunikat lill‑esportaturi biss wara l‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping provviżorji u fuq talba bil‑miktub. Issa, skont ir‑rikorrenti, minkejja li Silmak ma kienet ressqet ebda talba bil‑miktub għall‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja lill‑Kummissjoni, din tal‑aħħar kienet ikkomunikatulha fil‑11 ta’ Lulju 2007, qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament provviżorju.

79      Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz, propost minn Silmak fuq il‑bażi tal‑iżvelar illegali tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, ġie inkluż fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura biss wara l‑pubblikazzjoni formali tar‑Regolament provviżorju, u dan, fil‑fehma tagħhom, imur kontra l‑Artikolu 6(7) u l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku. Fil‑fatt, kien biss fir‑Regolament provviżorju li r‑rikorrenti saru jafu bl‑impenn fir‑rigward tal‑prezz u kien biss fit‑3 ta’ Settembru 2007 li setgħu jeżaminaw il‑verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan l‑impenn.

80      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

81      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku, għandu jitfakkar li dan l‑artikolu jikkonċerna l‑informazzjoni tal‑partijiet. B’mod iktar speċifiku, dan l‑artikolu jipprevedi l‑possibbiltà li l‑partijiet ikkonċernati jitolbu li jiġu informati dwar il‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom ikunu ġew imposti l‑miżuri provviżorji u jistabbilixxi l‑modalitajiet prattiċi f’dan ir‑rigward. F’dan is‑sens, l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li t‑talbiet għal informazzjoni għandhom isiru bil‑miktub immedjatament wara l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji u l‑informazzjoni għandha tingħata bil‑miktub malajr kemm jista’ jkun.

82      Madankollu, ma hemm xejn fil‑formulazzjoni ta’ dan l‑artikolu li jippermetti li jiġi konkluż, kif isostnu r‑rikorrenti, li d‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja ma jistax jiġi kkomunikat lill‑esportaturi ħlief wara l‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping provviżorji u fuq talba bil‑miktub. Anki jekk mill‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku jista’ jiġi dedott li l‑partijiet ikkonċernati ma jistgħux jitolbu l‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji u għandhom jagħmlu t‑talba tagħhom bil‑miktub, dan l‑artikolu ma jipprekludix lill‑Kummissjoni milli tieħu l‑inizjattiva u tikkomunika dan id‑dokument qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji u mingħajr ma tkun saritilha talba bil‑miktub f’dan is‑sens.

83      Għaldaqstant, l‑ilment invokat mir‑rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku u għalhekk għandu jiġi miċħud.

84      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 6(7) u tal‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku, għandu jitfakkar, minn naħa, li, essenzjalment, l‑Artikolu 6(7) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li l‑partijiet ikkonċernati jistgħu jitolbu, permezz ta’ talba bil‑miktub, li jkunu awtorizzati jikkonsultaw il‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura u li dawn il‑partijiet jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar l‑elementi li jkunu jinsabu fil‑fajl imsemmi, osservazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni. Min‑naħa l‑oħra, l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li l‑partijiet li jipproponu impenn huma obbligati jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan l‑impenn b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkomunikat lill‑partijiet ikkonċernati mill‑investigazzjoni.

85      Għal darba oħra, għandu jiġi osservat li ma hemm xejn fil‑formulazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet li jissostanzja l‑allegazzjoni tar‑rikorrenti li l‑fatt li kien biss wara l‑pubblikazzjoni formali tar‑Regolament provviżorju li l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz propost minn Silmak kien inkluż fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura jikser l‑Artikolu 6(7) u l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku. Għalkemm dawn id‑dispożizzjonijiet jipprevedu, minn naħa, l‑obbligu għall‑partijiet li jkunu pproponew impenn fir‑rigward tal‑prezz li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan l‑impenn u, min‑naħa l‑oħra, l‑obbligu għall‑Kummissjoni li tagħti aċċess għal din il‑verżjoni mhux kunfidenzjali lill‑partijiet ikkonċernati li jkunu ressqu talba bil‑miktub f’dan is‑sens, l‑istess dispożizzjonijiet ma fihom ebda indikazzjoni u, a fortiori, ebda obbligu fir‑rigward tal‑mument li fih il‑kopja tal‑impenn fir‑rigward tal‑prezz għandha tiġi inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura.

86      Għaldaqstant, l‑istess bħall‑ilment preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li dan l‑ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tal‑Artikolu 6(7) u tal‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku u għalhekk għandu jiġi miċħud.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li irregolarità proċedurali, bħal dik invokata mir‑rikorrenti fil‑każ ineżami, ma tistax twassal għall‑annullament tar‑Regolament ikkontestat sakemm ma tkunx ta’ natura li taffettwa konkretament id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom u, b’hekk, il‑kontenut tar‑regolament imsemmi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il‑Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26).

88      Issa, ir‑rikorrenti ma ressqu ebda argument intiż sabiex jiġi stabbilit li l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz li huma kienu jkunu jistgħu jipproponu iktar kmieni, wara li jikkonsultaw l‑impenn min‑naħa ta’ Silmak u d‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, minn naħa, kien ikollu kontenut differenti minn dak li huma pproponew wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni finali u, min‑naħa l‑oħra, kien ikun f’pożizzjoni aħjar sabiex jiġi aċċettat mill‑Kummissjoni. Għalhekk, huma ma stabbilixxewx li r‑Regolament ikkontestat kien ikollu kontenut differenti, fir‑rigward tagħhom, fin‑nuqqas tal‑irregolaritajiet invokati minnhom.

89      Fid‑dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, it‑tieni parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tielet parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

 L‑argumenti tal‑partijiet

90      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill naqas milli jossodisfa l‑obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. Fil‑fatt, minkejja li, fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, huma kienu invokaw ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il‑Kunsill f’ebda mument, u lanqas fir‑Regolament ikkontestat, ma spjegalhom ir‑raġunijiet għalfejn żvela d‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja antiċipatament, beda diskussjonijiet dwar l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz u adotta l‑impenn imsemmi.

91      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

92      Dan l‑ilment għandu jiġi eżaminat fid‑dawl tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 44 u 45 iktar ’il fuq.

93      Fil‑każ ineżami, il‑Kummissjoni esponiet, fil‑premessi 175 u 180 tar‑Regolament provviżorju, ir‑raġunijiet għalfejn hija kienet qieset li l‑impenn propost minn Silmak kien aċċettabbli. Il‑Kunsill spjega wkoll, fil‑premessi 130 sa 132 tar‑Regolament ikkontestat, ir‑raġunijiet għalfejn kien iddeċieda li ma jaċċettax l‑impenni proposti minn erba’ produtturi/esportaturi u li jirtira l‑aċċettazzjoni tal‑impenn propost minn Silmak. B’hekk, l‑istituzzjonijiet osservaw ir‑rekwiżiti stabbiliti mill‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 44 u 45 iktar ’il fuq.

94      Mill‑banda l‑oħra, skont din l‑istess ġurisprudenza u għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, il‑Kunsill ma kienx obbligat iwieġeb għall‑osservazzjonijiet tagħhom dwar il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill‑iżvelar antiċipat tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja. Fil‑fatt, filwaqt li r‑raġunijiet għalfejn l‑impenni fir‑rigward tal‑prezz proposti lill‑Kummissjoni jkunu aċċettati jew irrifjutati għandhom importanza essenzjali fl‑istruttura tar‑Regolament ikkontestat, ma jistax jingħad li dan japplika wkoll għar‑raġunijiet tal‑komunikazzjoni antiċipata tad‑dokument ta’ informazzjoni finali lil Silmak. F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li diġà ġie stabbilit, fil‑punti 73 sa 75 iktar ’il fuq, li l‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir‑rigward tal‑iżvelar antiċipat tad‑dokument imsemmi xorta ma kinitx taffettwa l‑legalità tar‑Regolament ikkontestat. Għalhekk, anki li kieku r‑rikorrenti ngħataw spjegazzjonijiet fir‑rigward tar‑raġunijiet tal‑iżvelar antiċipat tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, tali spjegazzjonijiet ma kinux jispjegawlhom għalfejn l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz tagħhom kien miċħud filwaqt li dak ta’ Silmak kien ġie aċċettat, fl‑istadju provviżorju, u mbagħad miċħud fl‑istadju definittiv. Fi kliem ieħor, ir‑raġunijiet tal‑iżvelar antiċipat tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja ma jistgħux jitqiesu li huma fundamentali għar‑Regolament ikkontestat b’tali mod li dan ir‑regolament ma jkunx jista’ jinftiehem mir‑rikorrenti fin‑nuqqas ta’ spjegazzjonijiet dwar dawn ir‑raġunijiet.

95      Għaldaqstant, it‑tielet parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir‑raba’ parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

 L‑argumenti tal‑partijiet

96      Ir‑rikorrenti jikkunsidraw li d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom ġew miksura sa fejn l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz ta’ Silmak ma ġiex inkluż fil‑fajl mhux kunfidenzjali f’ħin opportun, jiġifieri f’mument meta d‑data mhux kunfidenzjali kienet utli għall‑finijiet tal‑eżerċizzju tad‑drittijiet tad‑difiża min‑naħa tal‑partijiet ikkonċernati. Fil‑fatt, filwaqt li l‑Kunsill jallega li inkluda dan l‑impenn fil‑fajl mhux kunfidenzjali fit‑3 ta’ Awwissu 2007, ir‑rikorrenti josservaw li, fuq il‑kopja tal‑impenn li huma sabu fil‑fajl mhux kunfidenzjali, hemm indikata d‑data tat‑3 ta’ Settembru 2007, u dan ifisser li fil‑verità dan l‑impenn ma kienx inkluż fil‑fajl mhux kunfidenzjali qabel dik id‑data. Għalhekk, ir‑rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jipproponu impenn fir‑rigward tal‑prezz qabel l‑adozzjoni tal‑miżuri provviżorji u d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom kienu ġew miksura.

97      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

98      Għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza li għaliha jsir riferiment fil‑punt 52 iktar ’il fuq, huwa meħtieġ li l‑impriżi interessati jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom. Mill‑ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ma jistax jingħad li hemm ksur tad‑drittijiet tad‑difiża jekk jiġi stabbilit li, minkejja l‑irregolarità mwettqa mill‑istituzzjonijiet, ir‑rikorrenti kienu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il‑Kunsill, T‑147/97, Ġabra p. II‑4137, punt 79). Fl‑aħħar nett, huwa r‑rikorrent li għandu juri li, fin‑nuqqas tal‑irregolarità msemmija, huwa kien ikun jista’ jipprepara aħjar id‑difiża tiegħu (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 81, u tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 318).

99      Fil‑każ ineżami, ir‑rikorrenti jallegaw li l‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑impenn fir‑rigward tal‑prezz propost minn Silmak kien imissu ġie inkluż fil‑fajl tal‑proċedura fit‑3 ta’ Awwissu 2007, qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament provviżorju. Madankollu, huma ma jispjegawx kif, minn naħa, din l‑irregolarità żammitthom milli jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom u, min‑naħa l‑oħra, fin‑nuqqas tal‑irregolarità huma kienu jkunu jistgħu jippreparaw aħjar id‑difiża tagħhom. F’dan ir‑rigward, għalkemm ir‑rikorrenti ma kellhomx aċċess għall‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑impenn fir‑rigward tal‑prezz propost minn Silmak qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament provviżorju, huma xorta waħda kienu f’pożizzjoni li jipproponu tali impenn lill‑Kummissjoni, kif huwa indikat fil‑premessa 132 tar‑Regolament ikkontestat, wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni finali. Ir‑rikorrenti ma jressqu ebda element intiż li jiġi stabbilit li l‑impenn li huma kienu jkunu jistgħu jipproponu iktar kmieni, wara konsultazzjoni tal‑impenn ta’ Silmak, minn naħa, kien ikollu kontenut differenti minn dak li huma pproponew wara l‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni finali u, min‑naħa l‑oħra, kien ikun f’pożizzjoni aħjar sabiex jiġi aċċettat mill‑Kummissjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti ma kinux jippreparaw id‑difiża b’mod aħjar li kieku ngħataw aċċess għall‑impenn ta’ Silmak qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament provviżorju.

100    Għaldaqstant, ebda ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti ma jista’ jiġi invokat fil‑konfront tal‑istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li r‑raba’ parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

101    Fid‑dawk ta’ dak li għadu kemm intqal, it‑tieni motiv għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

3.     Fuq it‑tielet motiv, dwar id‑determinazzjoni tal‑ħsara

 L‑argumenti tal‑partijiet

102    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament Nru 1225/2009] sa fejn il‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarja ma ġarrbet ebda ħsara. Fil‑fatt, huwa paċifiku li FerroAtlántica SL u FerroPem SAS, żewġ produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon li, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, kienu jirrappreżentaw parti sinjifikattiva ħafna mill‑industrija Komunitarja, f’termini ta’ kapaċità ta’ produzzjoni u ta’ volum ta’ produzzjoni, ma kienu ġarrbu ebda ħsara matul dan il‑perijodu, u dan sa fejn il‑produzzjoni tagħhom, il‑bejgħ tagħhom u r‑rata tal‑użu tal‑kapaċità tagħhom kienu stabbli jew saħansitra tjiebu. Minkejja dan, il‑Kunsill ikkunsidra, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 4 u tal‑Artikolu 3(5) tar‑Regolament bażiku [li saru l‑Artikolu 4 u l‑Artikolu 3(5) tar‑Regolament Nru 1225/2009], li kellu jiddetermina l‑ħsara sostanzjali kkawżata lill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. Skont ir‑rikorrenti, billi għamel dan il‑Kunsill manifestament wettaq diversi “żbalji importanti”.

103    Fl‑ewwel lok, skont ir‑rikorrenti, il‑Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta sostna li l‑evalwazzjoni tal‑ħsara kienet teħtieġ li l‑Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni biss il‑fatturi ekonomiċi li jaffettwaw b’mod identiku lill‑membri kollha tal‑industrija Komunitarja. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jargumentaw li, għalkemm l‑Artikolu 3 tar‑Regolament bażiku effettivament jeżiġi li l‑ħsara sostanzjali tiġi stabbilita fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja, din id‑dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk il‑Kummissjoni għandhiex tibbaża ruħha esklużivament fuq ir‑rendiment, iddeterminat fil‑forma ta’ medja mwieżna, tal‑produtturi Komunitarji fl‑intier tagħhom jew jekk għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir‑rendiment individwali ta’ kull produttur Komunitarju.

104    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jfakkru li l‑Kunsill huwa obbligat juri l‑eżistenza ta’ ħsara sostanzjali, fis‑sens tal‑Artikolu 3(1) u (6) tar‑Regolament bażiku [l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament bażiku sar l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009]. Skont ir‑rikorrenti, l‑ewwel nett, meta l‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarja ma tkun ġarrbet ebda ħsara, ma jista’ jkun hemm ebda ħsara sostanzjali kkawżata lill‑industrija Komunitarja, la mill‑perspettiva legali u lanqas mill‑perspettiva fattwali. It‑tieni nett, skont ir‑rikorrenti, miżuri imposti f’tali kundizzjonijiet ikunu sproporzjonati. Fl‑aħħar nett, huma jsostnu li d‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ ħsara sostanzjali kkawżata lill‑industrija Komunitarja meta l‑parti l‑kbira minn din l‑industrija fil‑fatt ma tkun ġarrbet ebda ħsara ma tistax titqies li hija bbażata fuq “prova affidabbli u denja ta’ fiduċja” u li saret b’mod ġust. Issa, l‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jeżiġi li tali determinazzjoni tkun ibbażata fuq prova pożittiva u fuq eżami oġġettiv tal‑impatt fuq l‑industrija Komunitarja tal‑importazzjonijiet li fil‑konfront tagħhom ikun qiegħed jiġi allegat li huma s‑suġġett ta’ dumping.

105    Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti huma tal‑fehma, minn naħa, li l‑approċċ tal‑Kunsill, li jikkonsisti fid‑determinazzjoni tal‑ħsara fuq il‑bażi tar‑riżultati medji mwieżna tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha ma huwiex approċċ previst fir‑Regolament bażiku u, a fortiori, ma huwiex previst mir‑regolament imsemmi bħala l‑uniku metodu li permezz tiegħu tkun tista’ tiġi ddeterminata l‑eżistenza tal‑ħsara. Min‑naħa l‑oħra, fl‑eventwalità li l‑approċċ tal‑Kunsill, li jikkonsisti fid‑determinazzjoni tal‑ħsara fuq il‑bażi tar‑riżultati medji mwieżna tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, huwa korrett, tali approċċ imur kontra l‑projbizzjoni tal‑abbuż ta’ dritt li hija prinċipju ġenerali tad‑dritt tal‑Unjoni, kif rikonoxxut fil‑ġurisprudenza.

106    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

107    Ir‑rikorrenti jikkontestaw essenzjalment il‑konklużjoni tal‑Kunsill li l‑industrija Komunitarja ġarrbet ħsara meta, fil‑fehma tagħhom, il‑produzzjoni, il‑bejgħ u r‑rata ta’ użu tal‑kapaċità ta’ żewġ produtturi Komunitarji, li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarji, kienu stabbli jew kienu saħansitra tjiebu. Huma jsostnu li, b’hekk, il‑Kunsill kiser l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku.

108    L‑eżami tat‑tielet motiv jeħtieġ approċċ f’żewġ stadji. Fl‑ewwel lok, għandu jiġi interpretat l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku u, b’mod iktar ġenerali, l‑Artikolu 3 tal‑istess regolament, li jikkonċerna d‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ ħsara, sabiex jiġu ddeterminati l‑obbligi li din id‑dispożizzjoni tal‑aħħar timponi fuq l‑istituzzjonijiet fir‑rigward tal‑metodu tal‑evalwazzjoni tal‑ħsara. Fit‑tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, fil‑każ ineżami, l‑istituzzjonijiet aġixxewx skont il‑prinċipji stabbiliti minn din id‑dispożizzjoni, inkluż fid‑dawl tas‑sitwazzjoni ta’ FerroPem u ta’ FerroAtlántica, kif deskritta mir‑rikorrenti.

109    Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku, li tiegħu r‑rikorrenti jallegaw ksur, għandu jiġi osservat li din id‑dispożizzjoni tistabbilixxi tliet prinċipji. L‑ewwel nett, l‑analiżi tal‑ħsara timplika li l‑istituzzjonijiet huma meħtieġ jistabbilixxu l‑impatt tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja. It‑tieni nett, din id‑dispożizzjoni tippreċiża li għandu jiġi analizzat l‑impatt tal‑volum u/jew tal‑livell tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. It‑tielet nett, il‑ħsara għandha tkun sostanzjali.

110    Mill‑banda l‑oħra, din id‑dispożizzjoni ma tiddeskrivix il‑metodu li għandu jiġi segwit mill‑istituzzjonijiet fir‑rigward tal‑analiżi tal‑impatt tal‑volum u/jew tal‑prezz tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja. F’dan ir‑rigward għandu jsir riferiment għall‑Artikolu 3(2) u (5) tar‑Regolament bażiku. L‑Artikolu 3(2) ta’ dan ir‑regolament jistabbilixxi, b’mod ġenerali, li d‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv. L‑Artikolu 3(5) tar‑Regolament bażiku jistabbilixxi li l‑eżami tal‑impatt tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja kkonċernata għandu jinkludi evalwazzjoni tal‑fatturi u tal‑indiċi ekonomiċi rilevanti kollha li jkollhom impatt fuq is‑sitwazzjoni ta’ din l‑industrija. Dan l‑artikolu jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ dawn il‑fatturi u indiċi ekonomiċi rilevanti u jippreċiża li fattur wieħed jew diversi minn dawn il‑fatturi ma jikkostitwixxux neċessarjament bażi determinanti għal deċiżjoni.

111    Għaldaqstant, essenzjalment, meta jinqraw flimkien, mill‑paragrafi 2, 5 u 6 tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament bażiku jirriżulta li d‑determinazzjoni tal‑ħsara timplika eżami oġġettiv, ibbażat fuq provi pożittivi, tal‑impatt tal‑volum u/jew tal‑livell tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, eżami dan li jikkonsisti f’evalwazzjoni tal‑fatturi u tal‑indiċi ekonomiċi rilevanti għas‑sitwazzjoni tal‑industrija msemmija.

112    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l‑kunċett ta’ industrija Komunitarja, li għalih jagħmel riferiment l‑Artikolu 3(2), (5) u (6) tar‑Regolament bażiku, huwa ddefinit fl‑Artikolu 4(1) ta’ dan l‑istess regolament [li sar l‑Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] li jipprovdi li “industrija Komunitarja” tfisser il‑produtturi Komunitarji kollha ta’ prodotti simili jew dawk minnhom li l‑produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi proporzjon kbir, fis‑sens tal‑Artikolu 5(4) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 5(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009], tal‑produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawn il‑prodotti.

113    L‑Artikolu 5 tar‑Regolament bażiku jikkonċerna l‑ftuħ tal‑proċedura antidumping. L‑Artikolu 5(4) ta’ dan ir‑regolament jipprovdi li l‑ilment li jkun wassal għall‑ftuħ tal‑investigazzjoni antidumping għandu jitqies li tressaq mill‑industrija Komunitarja jew f’isimha jekk l‑ilment ikun sostnut mill‑produtturi Komunitarji li l‑produzzjoni kumulattiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal‑produzzjoni Komunitarja totali tal‑prodott ikkonċernat.

114    Għaldaqstant, mill‑analiżi tad‑dispożizzjonijiet imsemmija fil‑punti 109 sa 113 iktar ’il fuq jirriżulta li, minn naħa, filwaqt li l‑eżami tal‑istituzzjonijiet għandu jwassal għall‑konklużjoni li l‑ħsara kkawżata lill‑industrija Komunitarja hija sostanzjali, ma huwiex meħtieġ li l‑fatturi u l‑indiċi ekonomiċi rilevanti kollha jindikaw tendenza negattiva. Min‑naħa l‑oħra, l‑istituzzjonijiet għandhom jevalwaw l‑impatt tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha – jiġifieri tal‑produtturi Komunitarja kollha jew, minn tal‑inqas, fuq is‑sitwazzjoni ta’ produtturi Komunitarji li jkunu sostnew il‑ftuħ tal‑proċedura antidumping li l‑produzzjoni kumulattiva tagħhom tirrappreżenta iktar minn 50 % tal‑produzzjoni Komunitarja totali tal‑prodott ikkonċernat – iżda l‑istituzzjonijiet huma liberi li jagħzlu l‑metodu li jużaw sabiex jaslu għal dan ir‑riżultat. Bħala eżempju, kif josservaw ir‑rikorrenti, l‑istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu li jipprovaw kemm l‑eżistenza ta’ ħsara kkawżata lil kull produttur Komunitarja kif ukoll li jipprovaw l‑eżistenza ta’ tali ħsara fuq il‑bażi ta’ data, ikkonsolidata jew imwieżna, dwar il‑produtturi Komunitarji kollha li jifformaw l‑industrija Komunitarja fis‑sens tal‑Artikolu 4(1) u tal‑Artikolu 5(4) tar‑Regolament bażiku.

115    Fit‑tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, fil‑każ ineżami, l‑analiżi mwettqa mill‑istituzzjonijiet kinitx konformi mal‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku u, b’mod iktar ġenerali, mal‑Artikolu 3 ta’ dan l‑istess regolament, kif interpretat fil‑punti 109 sa 114 iktar ’il fuq.

116    F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar, preliminarjament, li, fil‑qasam tal‑politika kummerċjali komuni u, b’mod iktar partikolari, fil‑qasam tal‑miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l‑kumplessità tas‑sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li jkollhom jeżaminaw (ara s‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Mosaer Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 85).

117    Skont il‑ġurisprudenza, id‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ ħsara lill‑industrija Komunitarja tippresupponi l‑evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l‑istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall‑verifika tal‑osservanza tar‑regoli proċedurali, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kkunsidrati, tan‑nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tan‑nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza Mosaer Baer India vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 116 iktar ’il fuq, punt 86).

118    F’dan il‑kuntest għandu jiġi osservat li l‑analiżi tal‑ħsara twettqet mill‑istituzzjonijiet fuq il‑bażi ta’ data dwar sitt produtturi Komunitarji, inklużi FerroPem u FerroAtlántica. Għandu jiġi osservat ukoll li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Kummissjoni f’dan ir‑rigward, li jinsabu fil‑premessi 77 u 78 tar‑Regolament provviżorju, ma humiex ikkontestati mir‑rikorrenti. F’dan is‑sens, il‑Kummissjoni spjegat li, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, kien hemm seba’ produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon, li l‑ilment li fuqu kienet ibbażata l‑proċedura antidumping li wasslet għar‑Regolament ikkontestat kien tressaq minn ħames produtturi Komunitarji, li produttur Komunitarju ieħor kien għażel li jsostni l‑proċedura billi jikkoopera fl‑investigazzjoni u li s‑seba’ produttur ma kienx ħa pożizzjoni u ma kienx ipprovda data. Skont il‑Kummissjoni, is‑sitt produtturi Komunitarji li kkooperaw kienu jirrappreżentaw 95 % tal‑produzzjoni Komunitarja tal‑ferrosilikon, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni.

119    Fuq din il‑bażi, l‑istituzzjonijiet analizzaw l‑evoluzzjoni tal‑fatturi u tal‑indiċi ekonomiċi rilevanti, mill‑perspettiva tas‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, skont l‑Artikolu 3(5) tar‑Regolament bażiku. Din l‑analiżi twettqet fuq il‑bażi ta’ data kkonsolidata jew imwieżna, skont it‑tip ta’ fattur jew ta’ indiċi ekonomiku, tas‑sitt produtturi Komunitarji li kkooperaw mal‑proċedura. F’dan is‑sens, fil‑premessi 91 sa 106 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni analizzat b’mod partikolari l‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni Komunitarja, tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, tal‑użu tal‑kapaċitajiet, tal‑ħażniet, tal‑bejgħ, tal‑ishma tas‑suq, tal‑prezzijiet medji mwieżna, tal‑profittabbiltà, tal‑varjazzjonijiet fil‑likwidità, tal‑investimenti, tar‑rendiment fuq l‑investimenti, tal‑kapaċità li jiġi mmobilizzat kapital, tal‑impjieg, tal‑produttività u tas‑salarji. Iċ‑ċifri li jinsabu fil‑premessi msemmija ma humiex ikkontestati mir‑rikorrenti. Fil‑premessi 107 sa 109 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni kkonkludiet li, minkejja li jista’ jkun li ċerti indiċi ekonomiċi kienu baqgħu stabbli jew indikaw tendenza pożittiva, is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja kienet globalment iddeterjorat nettament matul il‑perijodu kkunsidrat. Din l‑analiżi ġiet ikkonfermata, fl‑intier tagħha, mill‑Kunsill fil‑premessa 82 tar‑Regolament ikkontestat.

120    B’mod iktar partikolari, mill‑analiżi tal‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni, tal‑użu tal‑kapaċità u tal‑bejgħ, imwettqa rispettivament fil‑premessi 91, 93 u 95 tar‑Regolament provviżorju, irriżultaw tendenzi negattivi minkejja li, kif josservaw ir‑rikorrenti, id‑data pprovduta minn FerroPem u FerroAtlántica, li kienet inkluża fl‑analiżi, kienet stabbli jew kienet tindika evoluzzjoni pożittiva.

121    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l‑metodoliġija użata mill‑istituzzjonijiet fil‑kuntest ta’ din l‑analiżi, jiġifieri l‑użu ta’ data kkonsolidata jew imwieżna, hija konformi mal‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku u, b’mod iktar ġenerali, mal‑Artikolu 3 tar‑regolament imsemmi, kif interpretat fil‑punti 109 sa 114 iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li, peress li ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li din l‑analiżi hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, din l‑analiżi ma tistax tiġi kkontestata.

122    Fil‑fatt, l‑ewwel nett, l‑argument li jkun żball ta’ liġi jekk jingħad li l‑evalwazzjoni tal‑ħsara teżiġi li l‑Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni biss il‑fatturi ekonomiċi li jaffettwaw b’mod identiku lill‑membri kollha tal‑industrija Komunitarja huwa irrilevanti sa fejn il‑Kunsill, kif stabbilit fil‑punti 119 sa 120 iktar ’il fuq, ma ħax inkunsiderazzjoni biss il‑fatturi ekonomiċi li jaffettwaw b’mod identiku lill‑membri kollha tal‑industrija Komunitarja.

123    It‑tieni nett, l‑argument li d‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ ħsara sostanzjali kkawżata lill‑industrija Komunitarja, meta fil‑fatt il‑parti l‑kbira tagħha ma tkun ġarrbet ebda ħsara, ma tistax titqies li hija bbażata fuq “prova affidabbli u denja ta’ fiduċja” u li twettqet b’mod ġust, ma huwiex konvinċenti. Fil‑fatt, minn naħa, fil‑punti 119 u 120 iktar ’il fuq ġie stabbilit li d‑data ta’ FerroPem u ta’ FerroAtlántica kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni u li l‑analiżi mwettqa mill‑istituzzjonijiet kienet globalment konformi mal‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku u, b’mod iktar ġenerali, mal‑Artikolu 3 tar‑Regolament bażiku. Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti ma ressqu ebda element intiż li jiġi stabbilit li l‑analiżi msemmija kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, pereżempju li d‑data ta’ FerroPem u ta’ FerroAtlántica dwar il‑produzzjoni, dwar il‑bejgħ u dwar il‑kapaċità ta’ produzzjoni kien imissha ġiet ittrattata b’mod imwieżen u mhux b’mod ikkonsolidat.

124    It‑tielet nett, minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni, l‑ilment li r‑rikorrenti jibbażaw fuq abbuż ta’ dritt għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 21 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, applikabbli għall‑Qorti Ġenerali bis‑saħħa tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 53 tal‑istess Statut, u skont l‑Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, kif interpretat mill‑ġurisprudenza li għaliha sar riferiment fil‑punt 60 iktar ’il fuq.

125    Minn dan isegwi li t‑tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

4.     Fuq ir‑raba’ motiv, dwar l‑analiżi tar‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara

126    Ir‑raba’ motiv huwa maqsum f’sitt partijiet.

 Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv, dwar l‑impatt fuq l‑industrija Komunitarja tal‑irtirar mis‑suq Komunitarju ta’ produtturi ta’ pajjiżi terzi u tal‑bidliet fl‑orjentament u t‑tnaqqis tal‑produzzjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji

 L‑argumenti tal‑partijiet

127    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar l‑impatt tal‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja, li jinsabu fil‑premessi 112 sa 114 tar‑Regolament provviżorju u li huma kkonfermati fil‑premessa 86 tar‑Regolament ikkontestat, huma manifestament żbaljati u jiksru l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku. Fil‑fatt, huma jfakkru li, fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, huma urew li, jekk l‑industrija kienet ġarrbet ħsara, din il‑ħsara ma setgħetx tkun il‑konsegwenza tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u dan sa fejn permezz ta’ dawn l‑importazzjonijiet ma kien ittieħed ebda sehem tas‑suq li ma kienx tħalla volontarjament disponibbli mill‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon.

128    F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett, ir‑rikorrenti jikkunsidraw li huma wrew, minn naħa, li ż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienet tirriżulta, fil‑parti l‑kbira, mill‑“vojt” li tħalla fis‑suq Komunitarju sussegwentement għall‑irtirar ta’ produtturi min‑Norveġja, mill‑Islanda u mill‑Venezwela, kif ukoll mill‑fatt li għall‑produtturi Komunitarji kien impossibbli li jissodisfaw id‑domanda korrispondenti mill‑utenti Komunitarji. Min‑naħa l‑oħra, il‑bqija taż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping hija dovuta għall‑fatt li OFZ a.s., produttur tal‑ferrosilikon, kienet bidlet l‑attività tagħha għall‑produzzjoni ta’ prodott ieħor, għall‑fatt li Huta Laziska S.A., produttur Komunitarju importanti, kienet naqqset b’mod kunsiderevoli ħafna l‑produzzjoni tagħha sussegwentement għal tilwim serju li kellha mal‑fornitur tal‑enerġija tagħha, u għall‑fatt li Vargön Alloys AB, prodottur Komunitarju ieħor tal‑ferrosilikon, kienet naqqset il‑produzzjoni tagħha minħabba l‑ispejjeż għolja tal‑enerġija.

129    It‑tieni nett, ir‑rikorrenti jżidu li, anki jekk jirriżulta li huwa minnu li s‑sostituzzjoni tal‑ferrosilikon minn pajjiżi terzi ma kinitx il‑kawża tat‑tnaqqis fis‑sehem tas‑suq tal‑industrija Komunitarja, tal‑kapaċità mhux użata tagħha u tat‑tnaqqis fil‑prezzijiet tagħha, dan fih innifsu ma jfissirx li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping huma kawża materjali ta’ dawn ir‑rendimenti negattivi. F’dan is‑sens, iż‑żieda fl‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Venezwela u mill‑Islanda hija responsabbli għal parti kunsiderevoli mit‑tnaqqis fil‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja, l‑istess bħall‑miżuri volontarji tal‑produtturi Komunitarji sussegwenti għal tilwim mal‑fornituri tal‑enerġija u għaż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni.

130    Fit‑tieni lok, fir‑replika, ir‑rikorrenti jsostnu, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddetermina l‑portata u l‑kawża tat‑tnaqqis volontarju fil‑produzzjoni mill‑industrija Komunitarja. B’mod partikolari, l‑affermazzjonijiet tal‑Kunsill fis‑sens li Huta Laziska kienet qalbet għall‑produzzjoni tas‑silikomanganiż minħabba qtugħ fl‑elettriku u kienet waqqfet il‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon jikkontradixxu d‑data li tinsab fil‑fajl ippreżentat mir‑rikorrenti u minn min ressaq l‑ilment, l‑affermazzjoni tal‑Kunsill fis‑sens li OFZ ma kinitx bidlet l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha lejn is‑silikomanganiż tikkontradixxi d‑dikjarazzjonijiet ta’ min ressaq l‑ilment kif ukoll id‑dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ OFZ, l‑affermazzjoni tal‑Kunsill fis‑sens li Vargön Alloys ma kellhiex il‑possibbiltà teknika li tibdel l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha lejn il‑ferrokromju hija żbaljata, kif juru d‑dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ din il‑kumpannija, u dawn l‑istess dikjarazzjonijet finanzjarji ppermettew lir‑rikorrenti jargumentaw li Vargön Alloys kienet iddeċidiet li twaqqaf il‑produzzjoni tagħha minħabba qtugħ tal‑elettriku.

131    Fit‑tielet lok, għal darba oħra fir‑replika, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑fatt li l‑allegazzjonijiet tal‑Kunsill li għalihom sar riferiment fil‑punt 130 iktar ’il fuq u li jikkonċernaw lil Huta Laziska u OFZ, jidhru għall‑ewwel darba fir‑risposta jikkostitwixxi ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

132    Fir‑raba’ lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill naqas mid‑dmir ta’ diliġenza tiegħu, kif previst b’mod partikolari fis‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il‑Kunsill (T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 49), u mill‑obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. F’dan is‑sens, fid‑dokument ta’ informazzjoni finali, bi tweġiba għall‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti, kif esposti fil‑punt 128 iktar ’il fuq, il‑Kunsill ammetta li jista’ jkun li l‑importazzjonijiet kontenzjużi kienu ssostitwixxew l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Madankollu, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali, il‑Kunsill, skont ir‑rikorrenti, sostna li ż‑żieda fl‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping “kienet ikkoinċidiet ukoll ma’ tnaqqis kunsiderevoli fil‑volumi tal‑bejgħ tal‑industrija Komunitarja (‑37%) u ma’ telf sinjifikattiv fis‑sehem tas‑suq (‑11 %), u dan juri effettivament rabta kawżali b’saħħitha bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja”. Issa, dan ir‑raġunament huwa sempliċi repetizzjoni tal‑konklujoni diġà magħmula fl‑istadju tar‑Regolament provviżorju u ma jweġibx għall‑argumenti tar‑rikorrenti, b’tali mod li, skont dawn tal‑aħħar, il‑Kunsill la analizza dawn l‑argumenti bid‑diliġenza neċessarja u lanqas ma pprovda motivazzjoni suffiċjenti.

133    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

–       Fuq l‑ilment dwar l‑ishma tas‑suq li tħallew vojta minn produtturi ta’ Stati terzi u Komunitarji

134    Essenzjalment, ir‑rikorrenti qegħdin isostnu li l‑instituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisru l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku billi injoraw il‑fatt li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienu ħadu l‑ishma tas‑suq li preċedentement kienu tħallew vojta minn produtturi ta’ Stati terzi jew minn produtturi Komunitarji.

135    F’dan ir‑rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li għandu jiġi stabbilit li l‑volum u/jew il‑prezz tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping kellhom impatt fuq l‑industrija Komunitarja.

136    Min‑naħa l‑oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kwistjoni ta’ jekk l‑industrija Komunitarja ġarrbitx ħsara u jekk din il‑ħsara hijiex imputabbli lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping kif ukoll il‑kwistjoni ta’ jekk fatturi magħrufa oħra kkontribwixxewx għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja jippresupponu l‑evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li fir‑rigward tagħhom l‑istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Minn dan jirriżulta li l‑istħarriġ tal‑qorti tal‑Unjoni dwar l‑evalwazzjonijiet tal‑istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall‑verifika tal‑osservanza tar‑regoli proċedurali, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kkunsidrati sabiex issir l‑għażla kkontestata, tan‑nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tan‑nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, T‑107/04, Ġabra p. II‑669, punt 71, u tas‑17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il‑Kunsill, T‑462/04, Ġabra p. II‑3685, punt 120).

137    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li, fil‑premessi 112 sa 114 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni esponiet, b’mod ċar u preċiż, ir‑raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kellhom impatt negattiv kunsiderevoli fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja.

138    Fil‑fatt, hija l‑ewwel nett esponiet, fil‑premessa 112 tar‑Regolament provviżorju, il‑punti ta’ fatt li fuqhom hija kienet ibbażat il‑konklużjoni tagħha: il‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kien żdied b’mod sinjifikattiv matul il‑perijodu kkunsidrat u s‑sehem tas‑suq korrispondenti fis‑suq tal‑Komunità kien ukoll żdied; minkejja li l‑prezzijiet medji ta’ dawn l‑importazzjonijiet kienu żdiedu matul il‑perijodu kkunsidrat, dawn il‑prezzijiet kienu baqgħu nettament inferjuri għal dawk tal‑industrija Komunitarja matul l‑istess perijodu; matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, il‑prezzijiet medji tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienu inferjuri bi 3.7 sa 11 % għal dawk tal‑industrija Komunitarja, skont il‑produttur/esportatur ikkonċernat, ħlief għal tliet produtturi/esportaturi li kkooperaw u li fir‑rigward tagħhom ma ġie kkonstatat ebda tnaqqis fil‑prezz, u l‑prezzijiet tal‑industrija Komunitarja tnaqqsu.

139    It‑tieni nett, fil‑premessa 113 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni għamlet analiżi ta’ dawn il‑punti ta’ fatt. F’dan ir‑rigward, hija enfasizzat li ż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ prezzijiet baxxi u l‑kisba ta’ ishma tas‑suq, matul il‑perijodu kkunsidrat, kienu kkoinċidew mad‑deterjorament tas‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja. Barra minn hekk, skont il‑Kummissjoni, għall‑industrija Komunitarja kien impossibbli li żżid il‑prezzijiet tagħha sa livell suffiċjenti sabiex tkopri l‑ispejjeż tagħha kollha minħabba li l‑prezzijiet tal‑bejgħ tagħha, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, kienu milquta mill‑bejgħ bi prezz inqas tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

140    Din l‑analiżi ġiet ikkonfermata mill‑Kunsill fil‑premessi 85 u 86 tar‑Regolament ikkontestat.

141    Ir‑rikorrenti jikkontestaw din l‑analiżi. Huma jqisu li ma jistax ikun li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienu l‑kawża tal‑ħsara sa fejn dawn l‑importazzjonijiet kienu sempliċement ħadu l‑ishma tas‑suq li qabel kienu tħallew vojta, minn naħa, mill‑produtturi/esporaturi Norveġiżi, Islandiżi u Venezweljani u, min‑naħa l‑oħra, minn tliet produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon, OFZ, Huta Laziska u Vargön Alloys, li kienu naqqsu jew bidlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom.

142    Madankollu, l‑allegazzjoni tar‑rikorrenti ma hijiex konvinċenti għal żewġ raġunijiet.

143    L‑ewwel nett, din l‑allegazzjoni ma hijiex issostanzjata minn provi suffiċjenti. F’dan is‑sens, ir‑rikorrenti jirreferu b’mod partikolari għall‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, li fil‑kuntest tagħhom huma jallegaw li ressqu provi intiżi sabiex jistabbilixxu, minn naħa, li l‑parti l‑kbira taż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienet tirriżulta mill‑“vojt” li tħalla fis‑suq Komunitarju sussegwentement għall‑irtirar ta’ produtturi min‑Norveġja, mill‑Islanda u mill‑Venezwela u mill‑fatt li għall‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon kien impossibbli li jissodisfaw id‑domanda korrispondenti mill‑utenti Komunitarji u, min‑naħa l‑oħra, li l‑bqija taż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienet dovuta għad‑deċiżjonijiet ta’ OFZ, ta’ Huta Laziska u ta’ Vargön Alloys li jnaqqsu jew li jibdlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom.

144    Issa, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti pproduċew provi li juru li l‑importazzjonijiet li joriġinaw min‑Norveġja kienu naqsu, fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni. Huma pproduċew ukoll tabella li turi li l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela kienu naqsu fl‑2005, filwaqt li turi wkoll li dawn kienu żdiedu fl‑2006. Bl‑istess mod, huma pproduċew provi li juru li OFZ, Huta Laziska u Vargön Alloys kienu naqqsu jew biddlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom u li, fir‑rigward ta’ Huta Laziska, it‑tnaqqis kien dovut għal tilwima mal‑fornitur tal‑elettriku tagħha.

145    Ħlief fir‑rigward tal‑każ ta’ Huta Laziska, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma jipproduċux prova li turi li t‑tnaqqis fl‑importazzjonijiet li joriġinaw min‑Norveġja, mill‑Islanda u mill‑Venezwela kif ukoll it‑tnaqqis tal‑produzzjoni Komunitarja ma kinux ikkawżati mill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

146    Barra minn hekk, ir‑rikorrenti ma jistabbilixxux korrispondenza eżatta u preċiża bejn iż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑volum li tħalla vojt mill‑produtturi/esportaturi Norveġiżi, Islandiżi u Venezweljani kif ukoll minn OFZ, Huta Laziska u Vargön Alloys.

147    It‑tieni nett, ir‑rikorrenti jagħmlu biss preżentazzjoni inkompleta u parzjali tal‑fatti u ma jieħdux inkunsiderazzjoni l‑evoluzzjoni ta’ diversi fatturi ekonomiċi importanti.

148    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jinjoraw l‑influwenza tal‑prezz. Issa, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il‑Kunsill, li l‑iżvilupp tal‑volum tal‑importazzjonijiet għandu jiġi evalwat flimkien mal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u billi dawn il‑prezzijiet tal‑aħħar jitqabblu mal‑prezzijiet kemm tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjii terzi kif ukoll mal‑prezzijiet applikati mill‑industrija Komunitarja. Fil‑każ ineżami, l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi li l‑irtirar tagħhom allegatament ħoloq “vojt” fis‑suq kienu kkaratterizzati minn prezzijiet ogħla għal dawk tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, il‑prezzijiet tal‑industrija Komunitarja kienu milquta mill‑bejgħ bi prezz inqas tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

149    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jinjoraw il‑fatt li s‑sehem tas‑suq tal‑industrija Komunitarja ċkien. Issa, li kieku l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienu sempliċement okkupaw l‑ishma tas‑suq li tħallew vojta minn produtturi/esportaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi oħra, is‑sehem tas‑suq tal‑industrija Komunitarja kien jibqa’ stabbli. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti kien imisshom ipprovaw li s‑sehem tas‑suq mitluf mill‑industrija Komunitarja matul il‑perijodu kkunsidrat kien jikkorrispondi għat‑tnaqqis fil‑produzzjoni ta’ OFZ, ta’ Huta Laziska u ta’ Vargön Alloys, prova din li huma ma ressqux.

150    Fl‑aħħar lok, ir‑rikorrenti ma jieħdux inkunsiderazzjoni l‑fatt li l‑produtturi Komunitarji kellhom kapaċità ta’ produzzjoni li ma kinitx qiegħda tintuża. Issa, ir‑rikorrenti jallegaw li l‑produtturi Komunitarji kienu ddeċidew volontarjament li ma jużawx din il‑kapaċità iżda ma jressqux prova sabiex jistabbilixxu dan.

151    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑analiżi tal‑istituzzjonijiet, li tinsab fil‑premessi 112 sa 114 tar‑Regolament provviżorju u li hija kkonfermata fil‑premessi 85 u 86 tar‑Regolament ikkontestat, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u tikser l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku.

152    Minn dan isegwi li dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l‑ilment dwar il‑portata u l‑kawża tat‑tnaqqis volontarju fil‑produzzjoni mill‑industrija Komunitarja

153    Ir‑rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Kunsill, fir‑risposta, dwar l‑evalwazzjoni tal‑portata u tal‑kawża tat‑tnaqqis u tat‑tibdil fl‑orjentament tal‑produzzjoni minn OFZ, Huta Laziska u Vargön Alloys, jikkostitwixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni li huma ma setgħux jinvokaw fir‑rikors.

154    Għandu jiġi osservat li dan l‑ilment għandu l‑istess għan bħall‑ilment preċedenti, jiġifieri l‑konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku sa fejn l‑istituzzjonijiet allegatament wettqu evalwazzjoni żbaljata tal‑impatt tal‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja u, b’mod partikolari, kienu naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l‑fatt li OFZ, Huta Laziska u Vargön Alloys kienu volontarjament naqsu jew bidlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom.

155    Sa fejn l‑ilment preċedenti ġie miċħud bħala infondat, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud għall‑istess raġunijiet.

–       Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

156    Ir‑rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Kunsill, fir‑risposta, dwar il‑portata u l‑kawża tat‑tnaqqis u tat‑tibdil fl‑orjentament tal‑produzzjoni minn OFZ, Huta Laziska u Vargön Alloys dehru għall‑ewwel darba fir‑risposta, u li dan jikkostitwixxi ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

157    Dan l‑ilment għandu jiġi analizzat fid‑dawl tal‑ġurisprudenza esposta fil‑punti 52 u 98 iktar ’il fuq. Issa, skont din il‑ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad‑drittijiet tad‑difiża biss jekk, minħabba irregolarità mwettqa mill‑istituzzjonijiet, ir‑rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom.

158    F’dan il‑każ għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti kellhom l‑opportunità, matul il‑proċedura antidumping, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom. F’dan is‑sens, l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja u dawk dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali jinkludu argumenti sostanzjali ddedikati għall‑fatt li l‑produtturi Komunitarji kienu volontarjament naqqsu l‑produzzjoni tagħhom.

159    Barra minn hekk, fid‑dokument ta’ informazzjoni finali, l‑istituzzjonijiet wieġbu għall‑punti mqajma mir‑rikorrenti fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja. Għaldaqstant, ebda irregolarità ma twettqet mill‑istituzzjonijiet li, fir‑risposta, sempliċement iwieġbu għall‑punti mqajma mir‑rikorrenti fir‑rikors.

160    Għaldaqstant, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tad‑dmir ta’ diliġenza u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

161    Essenzjalment, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill naqas mid‑dmir ta’ diliġenza tiegħu u kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn id‑dokument ta’ informazzjoni finali jinkludi raġunament, dwar l‑impatt tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja, li huwa sempliċi repetizzjoni tal‑konklużjoni diġà fformulata fl‑istadju tar‑Regolament provviżorju u li ma jweġibx għall‑argumenti li huma kienu fformulaw fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja.

162    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti ma jistgħux jinvokaw nuqqas ta’ osservanza tad‑dmir ta’ diliġenza u ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni meta fil‑verità qegħdin jikkontestaw il‑fondatezza tal‑konklużjoni tal‑istituzzjonijiet. Fil‑fatt, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑istituzzjonijiet ma humiex sodisfaċenti b’ebda mod ma juri li dawn tal‑aħħar kisru d‑dmir ta’ diliġenza u l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom.

163    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil‑punt 159 iktar ’il fuq, ġie kkonstatat li d‑dokument ta’ informazzjoni finali kien wieġeb għall‑allegazzjonijiet, magħmula mir‑rikorrenti fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, dwar l‑impatt tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq l‑industrija Komunitarja. Madankollu, ebda ksur tad‑dmir ta’ diliġenza u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax’ jiġi invokat fil‑konfront tal‑Kunsill.

164    Minn dan isegwi li dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv fl‑intier tagħha.

 Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ motiv, dwar il‑kawżi tal‑ħsara mġarrba individwalment mill‑membri tal‑industrija Komunitarja

 L‑argumenti tal‑partijiet

165    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser l‑Artikolu 3(5) u (6) tar‑Regolament bażiku meta rrifjuta li jeżamina r‑rabta kawżali fuq il‑livell tal‑produtturi Komunitarji meħuda individwalment u meta sostna, fil‑premessi 63 sa 65 tar‑Regolament ikkontestat, li tali analiżi tar‑rabta kawżali kellha titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

166    Insostenn ta’ din l‑affermazzjoni, li, skont ir‑rikorrenti, hija distinta mit‑tielet motiv, minn naħa, ir‑rikorrenti josservaw li l‑Artikolu 3(5) tar‑Regolament bażiku ma jobbligax lill‑awtoritajiet responsabbli għall‑investigazzjoni sabiex jeżaminaw biss il‑fatturi ekonomiċi li affettwaw bl‑istess mod il‑produtturi Komunitarji kollha. Din id‑dispożizzjoni ma teżiġix biss evalwazzjoni tal‑fatturi ekonomiċi kollha iżda teżiġi wkoll li din l‑evalwazzjoni titwettaq fid‑dawl tal‑“istat ta’ l‑industrija”, li huwa kunċett ħafna iktar wiesa’ minn dak ta’ “industrija Komunitarja”. Bl‑istess mod, skont ir‑rikorrenti, l‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku għandu jinqara flimkien mal‑Artikolu 3(5) ta’ dan l‑istess regolament, b’tali mod li ma jistax jiġi stabbilit li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping huma l‑kawża ta’ ħsara sostanzjali mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l‑fatturi ekonomiċi kollha li għandhom impatt fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, u dan ifisser li ma jistgħux jiġu injorati l‑fatturi ekonomiċi li fir‑rigward tagħhom jintwera li jaffettwaw b’mod differenti lill‑produtturi Komunitarji. Ir‑rikorrenti jżidu li, jekk dawn il‑fatturi jiġu injorati, ikun wisq faċli li tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u kwalunkwe ħsara billi tittieħed bħala bażi l‑koinċidenza temporali tal‑importazzjonijiet imsemmija u tal‑ħsara.

167    Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti josservaw li huma ppreżentaw diversi provi intiżi sabiex jiġi stabbilit li, l‑ewwel nett, skont id‑data dwar il‑produzzjoni ta’ żewġ produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarja, l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ma kinux ikkawżaw tnaqqis tal‑produzzjoni, it‑tieni nett, erba’ produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑indutrija Komunitarja kienu implementaw tnaqqis sinjifikattiv fil‑prezz u, it‑tielet nett, Huta Laziska, waħda mill‑produtturi Komunitarji prinċipali, kienet naqset il‑produzzjoni tagħha b’60 000 tunnellata minħabba diffikultajiet fir‑rigward tal‑provvista tal‑elettriku. Skont ir‑rikorrenti, il‑Kunsill ma kkontestax dawn il‑fatti.

168    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

169    Għalkemm din il‑parti tar‑raba’ motiv hija intiża li tikkontesta l‑fondatezza tal‑evalwazzjoni mill‑istituzzjonijiet tar‑rabta kawżali, għandu jiġi osservat li l‑argumenti kollha invokati mir‑rikorrenti insostenn ta’ din il‑parti, bl‑eċċezzjoni ta’ argument wieħed, jikkonċernaw essenzjalment l‑evalwazzjoni tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Għalhekk, huwa biss l‑argument dwar Huta Laziska li indirizza l‑analiżi tar‑rabta kawżali, sa fejn ir‑rikorrenti jipprovaw juru li l‑ħsara mġarrba minn dan il‑produttur Komunitarju ma kinitx ikkawżata mill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping iżda minn diffikultajiet fir‑rigward tal‑provvista tal‑elettriku. Mill‑banda l‑oħra, id‑diskussjoni dwar l‑Artikolu 3(5) u (6) tar‑Regolament bażiku ma tikkonċernax l‑analiżi tar‑rabta kawżali iżda l‑evalwazzjoni tal‑fatturi ta’ ħsara. Dan huwa l‑każ ukoll fir‑rigward tal‑argumenti dwar il‑produzzjoni ta’ żewġ produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarja kif ukoll dwar iż‑żidiet fil‑prezz implementati minn erba’ produtturi Komunitarji li wkoll jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarja.

170    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑argumenti dwar, essenzjalment, l‑evalwazzjoni tal‑ħsara, għandu jitfakkar li fil‑punti 118 sa 123 iktar ’il fuq ġie stabbilit li l‑metodoloġija użata mill‑istituzzjonijiet għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja kienet konformi mal‑Artikolu 3 tar‑Regolament bażiku u li ċ‑ċifri dwar il‑produzzjoni Komunitarja, il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, l‑użu tal‑kapaċitajiet, il‑ħażniet, il‑bejgħ, l‑ishma tas‑suq, il‑prezzijiet medji mwieżna, il‑profittabbiltà, il‑varjazzjonijiet fil‑likwidità, l‑investimenti, ir‑rendiment fuq l‑investimenti, il‑kapaċità li jiġi mmobilizzat kapital, l‑impjieg, il‑produttività u s‑salarji ma kinux ikkontestati mir‑rikorrenti.

171    Minn dan isegwi li ma jistax jiġi kkunsidrat li l‑istituzzjonijiet injoraw ċerti fatturi ekonomiċi li, skont ir‑rikorrenti, juru tendenzi differenti li jiddependu mill‑produtturi Komunitarji. B’mod partikolari, fir‑rigward tal‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni u tal‑prezzijiet, l‑istituzzjonijiet ħadu debitament inkunsiderazzjoni d‑data dwar il‑produtturi Komunitarji kollha li kienu kkooperaw mal‑investigazzjoni.

172    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑argument dwar Huta Laziska, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l‑analiżi tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li kull ħsara kkawżata lil produttur Komunitarju wieħed, minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil‑fatt, fil‑kuntest tal‑analiżi msejħa ta’ “nuqqas ta’ imputazzjoni” prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009], l‑istituzzjonijiet għandhom, minn naħa, jeżaminaw il‑fatturi l‑oħra magħrufa kollha li jkunu qegħdin jikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja fl‑istess ħin bħall‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, u, min‑naħa l‑oħra, għandhom jiżguraw li l‑ħsara kkawżata minn dawn il‑fatturi l‑oħra ma tkunx imputata lill‑importazzjonijiet imsemmija. L‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku ma jispeċifikax li dan l‑eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss ħsara kkawżata, minn fatturi oħra, lill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. Fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑dispożizzjoni, li huwa li jiġi żgurat li l‑istituzzjonijiet jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping mill‑effetti ta’ fatturi oħra, jista’ jkun il‑każ li, f’ċerti ċirkustanzi, ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komunitarju minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan sa fejn din il‑ħsara tkun ikkontribwixxiet għall‑ħsara li tkun ġiet osservata fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

173    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l‑ħsara li Huta Laziska setgħet ġarrbet minħabba diffikultajiet fir‑rigward tal‑provvista tal‑elettriku ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat. B’hekk, fil‑premessa msemmija, il‑Kunsill spjega li, anki jekk id‑data dwar dan il‑produttur tiġi eskluża mill‑analiżi tal‑ħsara, it‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja jibqgħu jirriflettu l‑eżistenza ta’ ħsara. Madakollu, ir‑rikorrenti ma pprovawx jistabbilixxu li din l‑aħħar kunsiderazzjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

174    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l‑argument tar‑rikorrenti dwar is‑sitwazzjoni ta’ Huta Laziska ma jistax jintlaqa’ u li, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, din il‑parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ motiv, dwar it‑tnaqqis tal‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja

 L‑argumenti tal‑partijiet

175    Ir‑rikorrenti jqisu li l‑konklużjoni tal‑Kunsill, fis‑sens li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ipprovokaw tnaqqis fil‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja, hija manifestament żbaljata sa fejn il‑parti l‑kbira tal‑produtturi Komunitarji ma kinux naqqsu l‑produzzjoni tagħhom.

176    Fil‑fatt, ir‑rikorrenti jfakkru li huma pproduċew provi ta’ natura li jistabbilixxu li FerroAtlántica u FerroPem, żewġ produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑industrija Komunitarja, ma kinux naqqsu l‑produzzjoni tagħhom minkejja l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Issa, skont ir‑rikorrenti, li kieku l‑importazzjonijiet kontenzjużi kellhom fihom infushom impatt negattiv fuq il‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja, tali evoluzzjoni negattiva kienet tkun osservata fir‑rigward ta’ kull wieħed mill‑produtturi Komunitarji. Sa fejn id‑data li tinsab fil‑fajl tal‑proċedura turi evoluzzjonijiet differenti ħafna skont il‑produtturi Komunitarji, il‑“konklużjoni sempliċistika” li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienu żdiedu b’mod sinjifikattiv u li dan ikkawża t‑tnaqqis simultanju fil‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja għandha tiġi invalidata.

177    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

178    Ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment jallegaw li l‑konklużjoni tal‑Kunsill, fis‑sens li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ipprovokaw tnaqqas fil‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja, hija manifestament żbaljata sa fejn żewġ produtturi li jirrappreżentaw il‑parti l‑kbira tal‑produtturi Komunitarji ma kinux naqqsu l‑produzzjoni tagħhom.

179    Għandu jiġi osservat li, għalkemm din il‑parti hija intiża sabiex tikkontesta l‑fondatezza tal‑evalwazzjoni mill‑istituzzjonijiet tar‑rabta kawżali filwaqt li t‑tielet motiv huwa intiż li jikkontesta l‑fondatezza tad‑determinazzjoni tal‑ħsara, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti fil‑kuntest ta’ din il‑parti huma identiċi għal dawk imressqa fil‑kuntest tat‑tielet motiv. Minn dan isegwi li għandu jiġi kkonstatat li dawn l‑argumenti huma infondati, għar‑raġunijiet esposti fil‑punti 107 sa 123 iktar ’il fuq.

180    Minn dan isegwi li din il‑parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir‑raba’ parti tar‑raba’ motiv, dwar l‑impatt taż‑żieda fl‑ispejjeż sostnuta mill‑industrija Komunitarja

 L‑argumenti tal‑partijiet

181    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑affermazzjonijiet, ifformulati fir‑Regolament provviżorju u fir‑Regolament ikkontestat, fis‑sens li, minn naħa, il‑prezz tal‑enerġija kien żdied fid‑dinja kollha, inkluż fil‑pajjiżi kkonċernati, u dan xi drabi saħansitra b’mod iktar sostanzjali milli fl‑Ewropa, u, min‑naħa l‑oħra, il‑preżenza ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx li huma s‑suġġett ta’ dumping ma kinitx ippermettiet lill‑industrija Komunitarja tittrasferixxi ż‑żieda fl‑ispejjeż fuq il‑klijenti tagħha, huma bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

182    L‑ewwel nett, ir‑rikorrenti jqisu li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tal‑impatt taż‑żieda tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni. F’dan ir‑rigward huma jfakkru li kienu pprovdew, matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni, provi ta’ natura li juru, minn naħa, li l‑ispejjeż tal‑ħaddiema għal kull unità sostnuti mill‑industrija Komunitarja kienu żdiedu b’medja ta’ 45 % għal kull tunnellata u, min‑naħa l‑oħra, li l‑ispejjeż tal‑enerġija kienu żdiedu għall‑produtturi Komunitarji kollha, ħlief għal wieħed, b’iktar minn 10 %. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jallegaw li huma pprovaw li dawn l‑ispejjeż kienu żdiedu b’mod iktar sostanzjali fl‑Unjoni milli f’partijiet oħra tad‑dinja, inklużi fil‑pajjiżi kkonċernati mill‑proċedura antidumping. Issa, il‑Kunsill la ħa inkunsiderazzjoni u lanqas ma kkontesta dawn il‑provi.

183    It‑tieni nett, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tar‑rwol tad‑domanda mis‑settur tal‑azzar fil‑possibbiltà tal‑industrija Komunitarja li tittrasferixxi ż‑żieda fl‑ispejjeż tagħha fuq il‑konsumaturi. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jfakkru li, fuq il‑bażi ta’ grafika li turi nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il‑produzzjoni mondjali ta’ ħadid mhux ipproċessat u l‑prezzijiet kuntrattwali tal‑ferrosilikon fl‑Unjoni, il‑Kunsill sostna, fid‑dokument ta’ informazzjoni finali, li d‑domanda mill‑produtturi tal‑azzar ma kellha ebda rwol fl‑iffissar tal‑prezzijiet sa fejn, fil‑livell Komunitarju, il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon, f’ċerti perijodi, kienu qegħdin jonqsu minkejja żieda fid‑domanda mis‑settur tal‑azzar.

184    Issa, skont ir‑rikorrenti, minn naħa, il‑grafika użata mill‑Kunsill tipprova li l‑prezzijiet, b’mod ġenerali, kienu evolwew b’mod parallel għad‑domanda għall‑azzar. Min‑naħa l‑oħra, il‑Kunsill ma użax il‑grafika adegwata u kien imissu analizza l‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni Komunitarja tal‑azzar fid‑dawl tal‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fis‑suq Komunitarju. Din l‑analiżi kienet turi li l‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet Komunitarji tal‑ferrosilikon kienet segwiet eżattament dik tal‑produzzjoni Komunitarja tal‑azzar, li l‑produzzjoni Komunitarja tal‑azzar kienet tikkostitwixxi l‑fattur determinanti prinċipali tal‑prezz tal‑ferrosilikon u li, għaldaqstant, kienet id‑domanda mill‑produtturi tal‑azzar li kienet illimitat il‑possibbiltajiet li ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni tiġi ttrasferita fuq il‑konsumaturi.

185    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jallegaw li l‑Kunsill naqas mid‑dmir ta’ diliġenza tiegħu u mill‑obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sa fejn, minkejja li, matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni, huma kienu ppreżentaw diversi provi dwar iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni, il‑Kunsill la kkontesta u lanqas ma wieġeb għal dawn l‑argumenti.

186    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

–       Fuq l‑ilment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

187    Ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment jallegaw li l‑Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑impatt taż‑żieda fl‑ispejjeż sostnuta mill‑industrija Komunitarja.

188    F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni għandhom l‑obbligu li jeżaminaw jekk il‑ħsara li jkollhom l‑intenzjoni jikkunsidraw tirriżultax effettivament mill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping u li jwarrbu kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I‑3813, punt 16).

189    Barra minn hekk, skont il‑ġurisprudenza li għaliha sar riferiment fil‑punt 136 iktar ’il fuq, il‑kwistjoni ta’ jekk fatturi oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ikkontribwixxewx għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja tippresupponi l‑evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li fir‑rigward tagħhom l‑istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, u dan jimplika li l‑qorti tal‑Unjoni tista’ teżerċita biss stħarriġ limitat fir‑rigward ta’ din l‑evalwazzjoni.

190    F’dan il‑kuntest, għandu jiġi osservat li, fil‑premessi 131 sa 133 tar‑Regolament provviżorju u fil‑premessi 97 sa 99 tar‑Regolament ikkontestat, l‑istituzzjonijiet esponew ir‑raġunijiet għalfejn fil‑fehma tagħhom iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni ma kinitx ta’ natura li tikser ir‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara. Ir‑raġunament tagħhom huwa maqsum fi tliet stadji. L‑ewwel nett, huma enfasizzaw li ż‑żidied fl‑ispejjeż osservati fis‑settur tal‑ligi kienu ġeneralment seħħew fuq il‑livell mondjali u għalhekk kellhom l‑istess impatt fuq is‑settur fuq il‑livell mondjali. It‑tieni nett, huma osservaw li matul il‑perijodu kkunsidrat kien hemm verament żidiet fl‑ispejjeż. It‑tielet nett, huma kkonstataw li, minkejja li dawn iż‑żidiet kienu ġew ikkumpensati parzjalment b’żidiet fil‑prezz tal‑bejgħ, il‑preżenza ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx li huma s‑suġġett ta’ dumping ma kinitx ippermettiet lill‑industrija Komunitarja tirkupra kompletament dawn iż‑żidiet.

191    Ir‑rikorrenti jikkontestaw dan ir‑raġunament u jfakkru li, matul il‑proċedura amministrattiva, huma kienu ressqu żewġ sensiliet ta’ provi li juru n‑nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara. Minn naħa, huma jallegaw li ressqu l‑prova li l‑prezzijiet tal‑enerġija kienu ogħla fl‑Unjoni milli fuq il‑livell internazzjonali. B’hekk, huma jirreferu għall‑affermazzjonijiet ta’ natura ġenerali magħmula mill‑Kummissjoni fit‑“tielet programm ‘Enerġija’” u mill‑Alliance of Energy‑Intensive Industries. Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti jsostnu li ressqu l‑prova li d‑domanda għall‑azzar kellha rwol determinanti fil‑fatt li l‑industrija Komunitarja ma kinitx kapaċi tgħaddi ż‑żieda fl‑ispejjeż fuq il‑prezzijiet. F’dan ir‑rigward, huma jipproduċu grafika li turi l‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni tal‑azzar fil‑Komunità mqabbla mal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità wkoll. Skont ir‑rikorrenti, din il‑grafika turi li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità jsegwu eżattament il‑produzzjoni tal‑azzar fil‑Komunità u li, għaldaqstant, il‑produzzjoni tal‑azzar imsemmija tikkostitwixxi l‑fattur determinanti prinċipali tal‑prezz tal‑ferrosilikon. Huma jużaw din il‑grafika sabiex jopponu għal dik prodotta mill‑istituzzjonijiet fid‑dokument ta’ informazzjoni finali li turi nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn id‑domanda mondjali għall‑azzar u l‑prezzijiet kuntrattwali tal‑ferrosilikon fil‑Komunità.

192    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mill‑provi mressqa mir‑rikorrenti ma hija deċiżiva. L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑prova li l‑prezzijiet tal‑enerġija kienu ogħla fil‑Komunità milli fuq il‑livell internazzjonali, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti sempliċement jirreferu għal affermazzjonijiet ta’ natura ġenerali mingħajr ma jipprovdu ebda ċifri. B’mod partikolari, huma ma wettqux paragun preċiż u fuq il‑bażi ta’ ċifri tal‑prezzijiet Komunitarji u tal‑prezzijiet mondjali tal‑enerġija u lanqas ma pprovaw li din iż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑enerġija, fil‑Komunità, kienet ta’ natura tali li kienet ikkawżat il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

193    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑grafika dwar l‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni tal‑azzar fil‑Komunità mqabbla mal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti sempliċement isostnu b’mod ġenerali, fuq il‑bażi ta’ din il‑grafika, li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità jsegwu eżattament il‑produzzjoni tal‑azzar. Madankollu, ir‑rikorrenti ma analizzawx din il‑grafika sabiex jistabbilixxu li d‑domanda għall‑azzar (jiġifieri l‑produzzjoni tal‑azzar) kienet evolviet b’mod li l‑produtturi Komunitarji ma setgħux, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, jgħaddu ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni fuq il‑prezzijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l‑grafika turi żieda fil‑produzzjoni tal‑azzar matul l‑ewwel tliet perijodi ta’ tliet xhur tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, li jkopri l‑perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2005 u t‑30 ta’ Settembru 2006, bi tnaqqis osservat biss fir‑raba’ perijodu ta’ tliet xhur. Il‑grafika turi wkoll li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità kienu żdiedu matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni kollu. Issa, ir‑rikorrenti ma jispjegawx kif iż‑żieda fil‑produzzjoni tal‑azzar matul l‑ewwel tliet perijodi ta’ tliet xhur tal‑perijodu ta’ investigazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex twassal għal żieda fil‑prezz li kienet tippermetti lill‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon jittrasferixxu ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni fuq il‑konsumaturi.

194    Għaldaqstant, il‑provi mressqa mir‑rikorrenti ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li ż‑żieda fl‑ispejjeż kienet il‑kawża tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

195    Fid‑dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, b’mod partikolari tar‑raġunament tal‑istituzzjonijiet fir‑Regolament provviżorju u fir‑Regolament ikkontestat u tan‑natura insuffiċjenti tal‑provi mressqa mir‑rikorrenti, l‑allegazzjonijiet ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fformulati mir‑rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

196    Għaldaqstant, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

197    Ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment jallegaw li l‑Kunsill naqas mid‑dmir ta’ diliġenza tiegħu u mill‑obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sa fejn, minkejja li, matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni, huma kienu ppreżentaw diversi provi dwar iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni il‑Kunsill la kkontesta u lanqas ma wieġeb għall‑produzzjoni ta’ dawn il‑provi.

198    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat, l‑ewwel nett, li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, il‑Kunsill wieġeb għall‑punti mqajma minnhom. F’dan is‑sens, minn naħa, l‑istituzzjonijiet wieġbu għall‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti dwar l‑ispejjeż tal‑produzzjoni fil‑premessi 131 sa 133 tar‑Regolament provviżorju, fid‑dokument ta’ informazzjoni finali, fid‑dokument ta’ informazzjoni finali speċifiku għal CHEMK u fil‑premessi 97 sa 99 tar‑Regolament ikkontestat. Min‑naħa l‑oħra, l‑istituzzjonijiet wieġbu għall‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti dwar id‑domanda għall‑azzar fid‑dokument ta’ informazzjoni finali u fid‑dokument ta’ informazzjoni finali speċifiku għal CHEMK. Għaldaqstant, ebda ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jista’ jiġi invokat b’mod validu fil‑konfront tal‑istituzzjonijiet.

199    Barra minn hekk, kif intqal fil‑punt 162 iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti ma jistgħux jinvokaw nuqqas ta’ osservanza tad‑dmir ta’ diliġenza u ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni meta fil‑verità qegħdin jikkontestaw il‑fondatezza tal‑konklużjoni tal‑istituzzjonijiet. Fil‑fatt, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑istituzzjonijiet ma humiex sodisfaċenti b’ebda mod ma juri li dawn tal‑aħħar kisru d‑dmir ta’ diliġenza u l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom.

200    Minn dan isegwi li dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

201    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑raba’ parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il‑ħames parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑analiżi tal‑ħsara mġarrba minn Huta Laziska

 L‑argumenti tal‑partijiet

202    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni kif iddefinit b’mod partikolari fis‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill (C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 87), sa fejn l‑affermazzjoni tiegħu, fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat, dwar l‑impatt, fuq id‑determinazzjoni tal‑ħsara, tad‑data li tikkonċerna speċifikament lil Huta Laziska, ma kienet issostanzjata minn ebda prova. Skont ir‑rikorrenti, din l‑affermazzjoni tikkonstitwixxi “repetizzjoni” li ma tipprovdi ebda informazzjoni u li ma tipprovdi ebda motiv verifikabbli, insostenn tal‑konklużjoni tiegħu, u dan minkejja, minn naħa, it‑talbiet li huma għamlu f’dan is‑sens, b’mod partikolari fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali, u, min‑naħa l‑oħra, il‑provi li huma kienu ppreżentaw matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni. Dawn il‑provi juru li Huta Laziska, l‑iktar produttur Komunitarju importanti tal‑ferrosilikon, kienet waqqfet il‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon matul is‑snin 2005‑2006 minħabba tilwima mal‑fornitur tal‑elettriku tagħha u li, għalhekk, din il‑kumpannija kienet ġarrbet ħsara li ma kinitx ikkawżata mill‑importazzjonijiet koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jsostnu li t‑tnaqqis fil‑produzzjoni ta’ Huta Laziska kien ta’ portata tali li kien responsabbli għall‑parti l‑kbira tat‑tnaqqis tal‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

203    Fir‑replika, ir‑rikorrenti jipprotestaw kontra l‑osservazzjoni tal‑Kunsill, fis‑sens li huma ma talbux preċiżazzjonijiet dwar l‑evalwazzjoni tal‑ħsara li l‑Kunsill kien wettaq billi eskluda d‑data dwar Huta Laziska, kif jirriżulta mill‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat. F’dan il‑kuntest, ir‑rikorrenti jsostnu li ressqu talba preċiża f’dan is‑sens fis‑7 ta’ Jannar 2008.

204    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

205    Ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment isostnu li l‑Kunsill kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat, dwar l‑impatt, fuq id‑determinazzjoni tal‑ħsara, tad‑data li tikkonċerna speċifikament lil Huta Laziska, tikkonstitwixxi “repetizzjoni” li ma tipprovdi ebda informazzjoni u li ma tipprovdi ebda motiv verifikabbli, insostenn tal‑konklużjoni tiegħu, u dan minkejja t‑talbiet li huma għamlu f’dan is‑sens.

206    Kif diġà ntqal fil‑punt 162 iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti ma jistgħux jinvokaw nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligu ta’ motivazzjoni meta fil‑verità qegħdin jikkontestaw il‑fondatezza tal‑konklużjoni tal‑istituzzjonijiet. Fil‑fatt, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑istituzzjonijiet ma humiex sodisfaċenti b’ebda mod ma juri li dawn tal‑aħħar kisru l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom.

207    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li mill‑punti 99 u 100 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali u mill‑premessi 100 u 101 tar‑Regolament ikkontestat jirriżulta li l‑istituzzjonijiet ikkunsidraw, minn naħa, li l‑kawża tal‑ħsara kellha tiġi analizzata fuq il‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha u li l‑informazzjoni dwar Huta Laziska kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni u li, min‑naħa l‑oħra, anki li kieku d‑data dwar dan il‑produttur kienet eskluża mill‑analiżi, it‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑bqija tal‑industrija Komunitarja kienu jibqgħu nettament negattivi. Għalkemm huwa minnu li jistgħu jitqiesu li huma konċiżi, dawn l‑ispjegazzjonijiet xorta waħda jindikaw, b’mod ċar u inekwivoku, ir‑raġunament tal‑istituzzjonijiet, skont il‑ġurisprudenza li għaliha sar riferiment fil‑punt 44 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, is‑sitwazzjoni ineżami f’ebda każ ma tista’ titqabbel ma’ dik li kienet inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 202 iktar ’il fuq, sentenza ċċitata mir‑rikorrenti fl‑atti tagħhom. Fil‑fatt, f’dik il‑kawża, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li l‑Kunsill kien sempliċement għamel riferiment għat‑testi Komunitarji, mingħajr ebda spjegazzjoni ta’ natura li tikkjarifika r‑raġunament tiegħu lill‑persuni interessati u lill‑qorti.

208    Fl‑aħħar nett, għandu jiġi osservat li l‑fatt li l‑istituzzjonijiet ma kinux irreaġixxew għat‑talba li tiġi kkomunikata l‑evalwazzjoni tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja li teskludi lil Huta Laziska ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

209    Minn dan isegwi li l‑ħames parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq is‑sitt parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar l‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi

 L‑argumenti tal‑partijiet

210    Ir‑rikorrenti jallegaw li l‑Kunsill kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn sostna, fil‑premessa 95 tar‑Regolament ikkontestat, li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra ma kinux ikkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. F’dan ir‑rigward, huma jirreferu għall‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali fejn, b’riferiment għall‑provi prodotti mal‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, huma sostnew li din l‑affermazzjoni kienet żbaljata minħabba li l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela kienu żdiedu b’mod kunsiderevoli mill‑2005 sal‑perijodu ta’ investigazzjoni u f’dak iż‑żmien kienu ħadu ishma tas‑suq li kienu jgawdu l‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon.

211    Fir‑replika, ir‑rikorrenti jżidu li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Kunsill, ma hemmx kontradizzjoni bejn l‑argument li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra kkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja u l‑argument li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ħadu l‑“post li tħalla vojt” mill‑importazzjonijiet li joriġinaw min‑Norveġja, mill‑Venezwela u mill‑Islanda. Fil‑fatt, l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienu ssostitwew il‑ferrosilikon li joriġina mill‑Venezwela u mill‑Islanda mill‑2004 sal‑2005. Fl‑istess ħin, mill‑2005 sal‑perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri matul perijodu differenti, l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Venezwela u mill‑Islanda kienu żdiedu u, għalhekk, kienu affettwaw l‑industrija Komunitarja.

212    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

213    Ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment isostnu li l‑Kunsill kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn sostna, fil‑premessa 95 tar‑Regolament ikkontestat, li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra ma kinux ikkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

214    Għal darba oħra, kif intqal b’mod partikolari fil‑punt 162 iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti ma jistgħux jinvokaw nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligu ta’ motivazzjoni meta fil‑verità qegħdin jikkontestaw il‑fondatezza tal‑konklużjoni tal‑istituzzjonijiet. Fil‑fatt, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑istituzzjonijiet ma humiex sodisfaċenti b’ebda mod ma juri li dawn tal‑aħħar kisru l‑obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom.

215    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil‑premessi 115 sa 121 tar‑Regolament provviżorju, l‑istituzzjonijiet eżaminaw, b’mod iddettaljat, l‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja. Fil‑premessa 95 tar‑Regolament ikkontestat huma kkonfermaw l‑analiżi ppreżentata fir‑Regolament provviżorju. B’mod iktar partikolari, l‑istituzzjonijiet iddedikaw argumenti sostanzjali għall‑eżami tal‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Venezwela u mill‑Islanda fil‑premessi 118 u 120 tar‑Regolament provviżorju. F’dawn il‑premessi, l‑istituzzjonijiet ippreċiżaw b’mod partikolari li, għalkemm ma setax jiġi eskluż li l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela seta’ kellhom impatt negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, dan l‑impatt ma setax, madankollu, jitqies bħala sinjifikattiv fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezz tal‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping. Minn dan isegwi li l‑istituzzjonijiet kienu ppreżentaw b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tagħhom f’dawn il‑premessi, b’tali mod li ebda ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jista’ jiġi invokat b’mod validu fil‑konfront tagħhom.

216    Għaldaqstant, is‑sitt parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

5.     Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑ftuħ tal‑proċedura antidumping

 L‑argumenti tal‑partijiet

217    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom sa fejn injora t‑talbiet tagħhom sabiex data mhux kunfidenzjali addizzjonali, dwar il‑provi li l‑ilment għandu jkun fih sabiex iwassal għall‑ftuħ tal‑proċedura antidumping, tiġi inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura.

218    F’dan ir‑rigward, fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti josservaw li huma talbu, fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar il‑ħsara, ippreżentati fil‑15 ta’ Jannar 2007, u fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja, li jiġu pprovduti sommarji mhux kunfidenzjali tal‑informazzjoni inkluża fl‑ilment, u li tikkonċerna b’mod speċifiku l‑kalkolu tal‑konsum apparenti, il‑bażi għall‑kalkolu tal‑marġni ta’ dumping u l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑kumpanniji li ressqu l‑ilment. Huma jispeċifikaw li dawn is‑sommarji kien imisshom ġew ikkomunikati sabiex, minn naħa, jiġi stabbilit li tali informazzjoni kienet effettivament prodotta fl‑ilment b’mod suffiċjenti sabiex ikunu ġustifikati l‑allegazzjonijiet li saru fl‑ilment u, min‑naħa l‑oħra, sabiex l‑esportaturi kkonċernati jkunu jistgħu jeżaminaw, fil‑forma ta’ sommarju mhux kunfidenzjali, l‑informazzjoni li fuq il‑bażi tagħha l‑Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li tinfetaħ il‑proċedura antidumping. Skont ir‑rikorrenti, mingħajr dawn is‑sommarji, huma ma kinux f’pożizzjoni li jwieġbu għall‑oġġezzjonijiet imressqa minn Euroalliages fl‑ilment.

219    B’mod iktar preċiż, fir‑rigward tal‑informazzjoni dwar il‑kalkolu tal‑konsum apparenti, ir‑rikorrenti jispjegaw, minn naħa, li l‑ilment kien jinkludi żewġ settijiet differenti ta’ data dwar il‑konsum (importazzjonijiet, esportazzjonijiet, bejgħ, ħażniet u produzzjoni), liema differenza kienet ikkawżata minn diversi aġġustamenti. Minħabba din id‑differenza, ir‑rikorrenti kienu talbu preċiżjonijiet kif ukoll rikonċiljazzjoni tal‑kalkoli fir‑rigward taż‑żewġ settijiet ta’ data. Ir‑rikorrenti ma rċevew xejn min‑naħa tal‑istituzzjonijiet. Min‑naħa l‑oħra, bi tweġiba għall‑argument tal‑Kunsill fis‑sens li l‑formula użata għall‑konverżjoni tad‑diversi tipi ta’ ferrosilikon għal ferrosilikon ta’ 75 % kienet ġiet ikkomunikata, ir‑rikorrenti jsostnu, fir‑replika, li huma ma talbux il‑formula iżda l‑ġustifikazzjoni għall‑użu ta’ tali formula f’sitwazzjoni fejn ma kienet meħtieġa ebda formula.

220    Fir‑rigward tal‑informazzjoni dwar il‑bażi għall‑kalkolu tal‑marġni ta’ dumping, ir‑rikorrenti josservaw li l‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment tiġbor fil‑qosor, fl‑Anness Ca, id‑dettalji kollha mogħtija lir‑rikorrenti fir‑rigward tad‑dumping. Issa, dawn il‑paġni huma vojta u għalhekk ir‑rikorrenti ma setgħux jivverifikaw jekk l‑ilment kienx jinkudi provi tad‑dumping u, fi kwalunkwe każ, jekk kinux suffiċjenti.

221    Fir‑rigward tal‑informazzjoni dwar l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑kumpanniji li ressqu l‑ilment, ir‑rikorrenti jippreċiżaw li, matul il‑proċedura amministrattiva, huma għamlu paragun tal‑evoluzzjoni tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni li għalihom sar riferiment fl‑ilment, fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja kollha, mad‑data inkluża fit‑tweġibiet għall‑kwestjonarju antidumping fir‑rigward ta’ kull produttur Komunitarju. Minn dan il‑paragun irriżultaw differenzi sinjifikattivi, u dan wassal lir‑rikorrenti sabiex jitolbu lill‑Kummissjoni tiżvela d‑data mhux kunfidenzjali ta’ kull wieħed mill‑produtturi Komunitarji, kif indikati fl‑ilment. Il‑Kummissjoni rrifjutat dan l‑iżvelar mingħajr ġustifikazzjoni.

222    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li ebda “verżjoni mhux kunfidenzjali utli” tal‑informazzjoni, informazzjoni mogħtija mill‑kumpanniji li kienu sostnew l‑ilment ta’ Euroalliages, ma kienet inkluża fil‑fajl tal‑proċedura. Barra minn hekk, huma josservaw li, għalkemm fl‑aħħar mill‑aħħar kienet prodotta xi informazzjoni, din l‑informazzjoni ma tantx hija kredibbli minħabba l‑inkoerenza kkonstatata bejn id‑data li tinsab fid‑diversi dokumenti kkomunikati minn dawn il‑kumpanniji.

223    Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

224    Skont il‑ġurisprudenza li għaliha diġà sar riferiment fil‑punt 52 iktar ’il fuq, skont il‑prinċipju tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, huwa meħtieġ li l‑impriżi interessati jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u ċ‑ċirkustanzi allegati u dwar il‑provi kkunsidrati mill‑Kummissjoni insostenn tal‑allegazzjoni tagħha dwar l‑eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal‑ħsara li tirriżulta minnha. F’dan ir‑rigward, l‑istituzzjonijiet għandhom jagħtu lill‑impriżi kkonċernati, bil‑kundizzjoni li jiżguraw l‑osservanza tar‑rekwiżiti tas‑segretezza tal‑każijiet, indikazzjonijiet utli għad‑difiża tal‑interessi tagħhom u dan filwaqt li jagħżlu, jekk ikun il‑każ ex officio, il‑modalitajiet adegwati għal tali komunikazzjoni (sentenza Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 52 iktar ’il fuq, punt 17).

225    Fir‑rigward tas‑segretezza tal‑każijiet, għandu jitfakkar ukoll li l‑Artikolu 19(1) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 19(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li kull informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali jew li tingħata b’mod kunfidenzjali minn partijiet f’investigazzjoni għandha, wara li tingħata spjegazzjoni ta’ raġunijiet validi, tiġi ttrattata bħala informazzjoni kunfidenzjali mill‑awtoritajiet. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 19(2) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 19(2) tar‑Regolament Nru 1225/2009], il‑partijiet ikkonċernati li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali huma obbligati li jagħtu sommarju mhux kunfidenzjali tagħha, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn din l‑informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata f’sommarju. Dejjem skont din id‑dispożizzjoni, dawn is‑sommarji għandhom ikunu suffiċjentement iddettaljati sabiex is‑sustanza tal‑informazzjoni kkomunikata b’mod kunfidenzjali tkun tista’ tinftiehem b’mod raġonevoli.

226    Huwa fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi ddeterminat jekk il‑Kunsill effettivament kisirx id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti meta injora t‑talbiet tagħhom sabiex data mhux kunfidenzjali addizzjonali tiġi inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura.

227    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jallegaw li huma kienu talbu, fl‑osservazzjonijiet dwar il‑ħsara, indirizzati lill‑Kummissjoni fil‑15 ta’ Jannar 2007, li sommarji mhux kunfidenzjali tal‑informazzjoni inkluża fl‑ilment, dwar il‑kalkolu tal‑konsum, il‑bażi għall‑kalkolu tal‑marġni ta’ dumpingu l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑kumpanniji li ressqu l‑ilment, jiġu inklużi fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura. Ir‑rikorrenti jsostnu li minħabba li din l‑informazzjoni ma kinitx tinsab fil‑fajl mhux kunfidenzjali, huma ma setgħux iwieġbu għall‑oġġezzjonijiet imqajma fl‑ilment.

228    L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑kalkolu tal‑konsum, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti talbu, fl‑osservazzjonijiet dwar il‑ħsara, il‑komunikazzjoni ta’ tliet tipi ta’ data: fl‑ewwel lok, ġustifikazzjoni tal‑formula użata għall‑konverżjoni tad‑data kollha dwar l‑importazzjoni tal‑ferrosilikon ta’ 75 %, fit‑tieni lok, kjarifika ta’ kif din il‑konverżjoni ġiet ikkalkolata għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tal‑kunsinni interni u, fit‑tielet lok, l‑istima tal‑produzzjoni għal żewġ produtturi Komunitarji, SKW Trostberg AG u TDR – Metalurgija d.d., li għaliha ssir riferiment fit‑tabella dwar il‑konsum apparenti pprovduta fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment, kif ukoll il‑mod kif il‑konverżjoni ġiet ikkalkolata għal dawn l‑istimi.

229    Issa, għandu jiġi osservat li l‑formula użata sabiex id‑diversi tipi ta’ ferrosilikon jiġu kkonvertiti f’ferrosilikon ta’ 75 % tinsab fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment. Barra minn hekk, il‑ġustifikazzjoni tal‑użu ta’ din il‑formula ngħatat lir‑rikorrenti mill‑Kummissjoni fid‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja addizzjonali, indirizzat lir‑rikorrenti fl‑10 ta’ Settembru 2007, li minnu jirriżulta li l‑formula ta’ konverżjoni użata kienet irriżultat neċessarja sabiex id‑data tkun tista’ titqabbel b’mod adegwat.

230    Għandu jiġi osservat ukoll, fir‑rigward tal‑kunsinni interni, li mill‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment jirriżulta li ċ‑ċifri dwar dawn il‑kunsinni kienu bbażati fuq il‑kunsinni reali li dwarhom kienet ingħatat data mid‑diversi kumpanniji li ressqu l‑ilment, fuq il‑bażi tal‑ferrosilikon ta’ 75 %, kif ukoll fuq stimi fir‑rigward ta’ SKW u TDR. Minn din l‑istess verżjoni tal‑ilment jirriżulta li d‑data dwar il‑kunsinni reali kienet tqieset li hija kunfidenzjali. Sa fejn, fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment, wieħed jista’ jsib iċ‑ċifri totali dwar il‑kunsinni interni, għandu jiġi kkunsidrat li l‑istituzzjonijiet aġixxew b’osservanza tal‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament bażiku.

231    Finalment, għandu jiġi osservat, fir‑rigward tal‑istima tal‑produzzjoni ta’ SKW u TDR, li l‑Kummissjoni spjegat, fid‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja addizzjonali, li din l‑istima kienet ibbażata fuq l‑għarfien tas‑suq li kellhom il‑kumpanniji li ressqu l‑ilment u li għalhekk kellha titqies li hija kunfidenzjali. Kif jingħad fil‑punt 230 iktar ’il fuq, sa fejn iċ‑ċifri totali dwar il‑kunsinni interni jinsabu fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment, l‑istituzzjonijiet aġixxew b’osservanza tal‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament bażiku.

232    Fid‑dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti ma għandhomx raġun meta jsostnu li l‑informazzjoni dwar il‑kalkolu tal‑konsum, informazzjoni li huma kienu talbu l‑produzzjoni tagħha, f’forma mhux kunfidenzjali, ma kinitx ġiet ikkomunikata lilhom. Fil‑fatt, din l‑informazzjoni kienet inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali u kienet ukoll is‑suġġett tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja addizzjonali. Għaldaqstant, fir‑rigward ta’ dan l‑aspett tal‑ilment, ir‑rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

233    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑bażi għall‑kalkolu tal‑marġni ta’ dumping, għandu jiġi kkonstatat li l‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment tinkludi spjegazzjoni qasira, iżda ċara, tal‑mod kif ġew ikkalkolati l‑valur normali u l‑prezz tal‑esportazzjoni. Barra minn hekk, id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja addizzjonali jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati tal‑mod kif ġie kkalkolat il‑valur normali. B’mod partikolari, f’dan id‑dokument tal‑aħħar, il‑Kummissjoni għamlet riferiment għall‑prezzijiet użati bħala bażi għall‑kalkolu tal‑valur normali u li jinsabu fl‑Annessi C.1, C.2, C.3 u C.4 tal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti kellhom biżżejjed informazzjoni, dwar il‑bażi għall‑kalkolu tal‑marġni ta’ dumping, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom u li l‑fatt li l‑paġni dwar l‑Anness Ca, fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment, kienu vojta, ma kellu ebda konsegwenza.

234    Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑kumpanniji li ressqu l‑ilment, għandu jiġi osservat li l‑ispejjeż tal‑produzzjoni ta’ dawn il‑kumpanniji fl‑intier tagħhom jinsabu fl‑Anness 5 tal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment. Sa fejn ma jistax jiġi kkonstatat li d‑data dwar l‑ispejjeż tal‑produzzjoni reali ta’ kull kumpannija li ressqet l‑ilment hija data kunfidenzjali u sa fejn fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑ilment ġew inklużi ċ‑ċifri totali tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑kumpanniji li ressqu l‑ilment, l‑istituzzjonijiet aġixxew b’osservanza tal‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament bażiku. Minn dan isegwi li l‑istituzzjonijiet taw lir‑rikorrenti indikazzjonijiet utli għad‑difiża tal‑interessi tagħhom, filwaqt li żguraw l‑osservanza tas‑segretezza tal‑każijiet. Għaldaqstant, fir‑rigward tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑kumpanniji li ressqu l‑ilment, ir‑rikorrenti lanqas ma jistgħu jinvokaw ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

235    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jikkritikaw lill‑Kunsill talli ma inkludiex fil‑fajl tal‑proċedura “verżjoni mhux kunfidenzjali utli” tal‑informazzjoni pprovduta mill‑kumpanniji li kienu qegħdin isostnu l‑ilment ta’ Euroalliages. Barra minn hekk, huma josservaw li, għalkemm fl‑aħħar mill‑aħħar kienet prodotta ċerta informazzjoni, il‑kredibbiltà ta’ din l‑informazzjoni kienet dubjuża minħabba l‑inkoerenza kkonstatata bejn id‑data li tirriżulta mid‑diversi dokumenti kkomunikati minn dawn il‑kumpanniji.

236    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li dawn l‑allegazzjonijiet ma humiex preċiżi u għandu jiġi konkluż li dawn l‑allegazzjonijiet għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli fid‑dawl tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 21 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, applikabbli għall‑Qorti Ġenerali bis‑saħħa tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 53 tal‑istess Statut, u tal‑Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, kif interpretati fil‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 60 iktar ’il fuq. Fil‑fatt, ir‑rikorrenti ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni fir‑rigward tal‑verżjonijiet mhux kunfidenzjali li huma jikkunsidraw li ma humiex suffiċjentement utli. B’mod partikolari, ir‑rikorrenti ma jippreċiżawx jekk humiex qegħdin jirreferu għal verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti prodotti insostenn tal‑ilment jew ta’ dokumenti prodotti sussegwentement. Barra minn hekk, huma ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni fir‑rigward tad‑data li fil‑fehma tagħhom hija inkoerenti. Għaldaqstant, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

237    Minn dan isegwi li l‑ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

238    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

239    Għandha tiġi miċħuda wkoll it‑talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura u għal miżuri istruttorji mressqa mir‑rikorrenti. Fil‑fatt, minn naħa, ir‑rikorrenti jitolbu li l‑Qorti Ġenerali tordna l‑produzzjoni ta’ informazzjoni insostenn tal‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat dwar l‑impatt, fuq id‑determinazzjoni tal‑ħsara, tad‑data li tikkonċerna speċifikament lil Huta Laziska. Sa fejn, fil‑punti 205 sa 209 iktar ’il fuq, ġie stabbilit li din il‑premessa kienet immotivata b’mod korrett, ma hemmx lok li tintlaqa’ t‑talba tar‑rikorrenti. Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti jitolbu li l‑Qorti Ġenerali tordna l‑produzzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑kalkolu tal‑konsum, dwar il‑bażi għall‑kalkolu tal‑marġni ta’ dumping kif ukoll dwar l‑ispejjeż tal‑produzzjoni ta’ kull waħda mill‑kumpanniji li ressqu l‑ilment u dan sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat jekk il‑ftuħ tal‑investigazzjoni twettaqx fuq il‑bażi ta’ provi suffiċjenti ta’ dumping u ta’ ħsara. Issa, fil‑punti 224 sa 234 iktar ’il fuq, ġie stabbilit li r‑rikorrenti kienu rċevew indikazzjonijiet utli għad‑difiża tal‑interessi tagħhom fir‑rigward ta’ kull wieħed minn dawn it‑tliet punti. Għaldaqstant, lanqas ma hemm lok li tintlaqa’ t‑talba tagħhom f’dan ir‑rigward.

 Fuq l‑ispejjeż

240    Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑Kunsill.

241    Barra minn hekk, skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura, l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet intervenjenti fil‑kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom. Il‑Kummissjoni għalhekk għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikors huwa miċħud.

2)      Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF) għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.

3)      Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ottubru 2011.

Reġistratur President



E. Coulon





Werrej


Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

Id‑dritt

1.  Fuq l‑ewwel motiv, dwar l‑użu ta’ marġni ta’ profitt teoretiku fil‑kuntest tad‑determinazzjoni tal‑prezz tal‑esportazzjoni

Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

2.  Fuq it‑tieni motiv, dwar l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz propost minn Silmak

Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tieni parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 6(7), tal‑Artikolu 8(4) u tal‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tielet parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq ir‑raba’ parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

3.  Fuq it‑tielet motiv, dwar id‑determinazzjoni tal‑ħsara

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir‑raba’ motiv, dwar l‑analiżi tar‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara

Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv, dwar l‑impatt fuq l‑industrija Komunitarja tal‑irtirar mis‑suq Komunitarju ta’ produtturi ta’ pajjiżi terzi u tal‑bidliet fl‑orjentament u t‑tnaqqis tal‑produzzjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

–  Fuq l‑ilment dwar l‑ishma tas‑suq li tħallew vojta minn produtturi ta’ Stati terzi u Komunitarji

–  Fuq l‑ilment dwar il‑portata u l‑kawża tat‑tnaqqis volontarju fil‑produzzjoni mill‑industrija Komunitarja

–  Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

–  Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tad‑dmir ta’ diliġenza u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ motiv, dwar il‑kawżi tal‑ħsara mġarrba individwalment mill‑membri tal‑industrija Komunitarja

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ motiv, dwar it‑tnaqqis tal‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq ir‑raba’ parti tar‑raba’ motiv, dwar l‑impatt taż‑żieda fl‑ispejjeż sostnuta mill‑industrija Komunitarja

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

–  Fuq l‑ilment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

–  Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il‑ħames parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑analiżi tal‑ħsara mġarrba minn Huta Laziska

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq is‑sitt parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar l‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

5.  Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il‑ftuħ tal‑proċedura antidumping

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq l‑ispejjeż





* Lingwa tal‑kawża: l‑Ingliż.