Language of document : ECLI:EU:T:2011:618

Kawża T-190/08

Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, miċ-Ċina, mill-Eġittu, mill-Każakistan u mir-Russja — Determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni — Marġni ta’ profitt — Impenn fir-rigward tal-prezz — Ħsara — Rabta kawżali — Ilment — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(9))

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(9))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Adozzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazju antidumping

(Artikolu 253 KE)

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Komunikazzjoni antiċipata ta’ dokument ta’ informazzjoni provviżorja lil produttur stabbilit f’dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja

(Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, Artikolu 36(2); Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20(1))

6.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti mhux kunfidenzjali tal-proċedura

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 6(7) u 8(4))

7.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Ħsara — Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 3(2), (5) u (6), 4(1) u 5(4))

8.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Ħsara — Stabbiliment tar-rabta kawżali

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(7))

1.      Mill‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 1225/2009] jirriżulta li l‑Kummissjoni u l‑Kunsill jistgħu jikkunsidraw li l‑prezz tal‑esportazzjoni ma huwiex affidabbli f’żewġ każijiet, jiġifieri meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terzi jew minħabba arranġament ta’ kumpens bejn l‑esportatur u l‑importatur jew terzi. F’każijiet oħra, l‑istituzzjonijiet huma obbligati, meta jkun hemm prezz tal‑esportazzjoni, li jibbażaw ruħhom fuq dan il‑prezz għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tad‑dumping.

(ara l-punt 26)

2.      Skont it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament Nru 1225/2009], meta l‑prezz tal‑esportazzjoni jiġi ddeterminat fuq il‑bażi tal‑prezz għall‑ewwel xerrej indipendenti jew fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, għandhom isiru aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l‑ispejjeż kollha li jkunu mmaterjalizzaw bejn l‑importazzjoni u l‑bejgħ mill‑ġdid u, min‑naħa l‑oħra, marġni ta’ profitt, u dan sabiex jiġi stabbilit prezz tal‑esportazzjoni affidabbli fil‑livell tal‑fruntiera Komunitarja. It‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku [li sar it‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li l‑ispejjeż li fir‑rigward tagħhom għandu jsir aġġustament jinkludu marġni raġonevoli għall‑ispejjeż tal‑bejgħ, għall‑ispejjeż amministrattivi u għal spejjeż ġenerali oħra u l‑profitt.

Għalkemm l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li għandu jsir aġġustament fir‑rigward tal‑marġni ta’ profitt, din id‑dispożizzjoni ma tistabbilixxix metodu ta’ kalkolu jew ta’ determinazzjoni ta’ dan il‑marġni. Din id‑dispożizzjoni sempliċement tagħmel riferiment għan‑natura raġonevoli tal‑marġni ta’ profitt li jkun is‑suġġett tal‑aġġustament.

Tali marġni ta’ profitt raġonevoli jista’, meta jkun hemm assoċjazzjoni bejn produttur u importatur fil‑Komunità, jiġi kkalkolat fuq il‑bażi tad‑data li toriġina minn importatur indipendenti minflok fuq il‑bażi tad‑data li toriġina mill‑importatur assoċjat, li tista’ tkun influwenzata minn din l‑assoċjazzjoni.

Għalhekk, l‑Artikolu 2(9) tar‑Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis‑sens li jħalli lill‑istituzzjonijiet il‑possibbiltà li jagħżlu bejn l‑użu tal‑marġni ta’ profitt reali tal‑importatur relatat jew l‑użu ta’ marġni ta’ profitt teoretiku ta’ importaturi mhux relatati, bil‑kundizzjoni li dan il‑marġni jkun raġonevoli.

Fi kwalunkwe każ, l‑istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil‑qasam tal‑miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, b’tali mod li r‑rwol tal‑qorti tal‑Unjoni huwa li teżerċita stħarriġ ġudizzjarju limitat. Id‑determinazzjoni ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli ma hijiex eżempju ta’ fejn tista’ ssir eċċezzjoni għall‑applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju sa fejn din id‑determinazzjoni timplika neċessarjament evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

(ara l-punti 27-30, 38)

3.      Il‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 253 KE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑awtorità tal‑Unjoni, awtriċi tal‑att ikkontestat, b’mod li jippermetti lill‑persuni kkonċernati jidentifikaw il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura adottata sabiex jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u b’mod li jippermetti lill‑qorti tal‑Unjoni teżerċita l‑istħarriġ tagħha.

F’dan id-dawl, il‑Kunsill ma huwiex obbligat iwieġeb, fil‑motivazzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazju antidumping, għall‑punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha invokati mill‑persuni kkonċernati matul il‑proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika d‑diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha u r‑rekwiżiti ta’ motivazzjoni għandhom jiġu evalwati fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑kuntest tal‑att u tad‑dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is‑suġġett. Huwa biżżejjed li l‑Kunsill jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl‑istruttura ta’ tali regolament.

(ara l-punti 44, 45)

4.      L-Artikolu 36(2) tal-Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn il‑Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa l‑waħda, u dik li qabel kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, min-naħa l‑oħra, jipprovdi li l‑Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi informat dwar il‑każ ta’ dumping hekk kif tinbeda investigazzjoni antidumping u li, jekk id‑dumping ma jitwaqqafx jew jekk ma tkun instabet ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra fi żmien 30 jum min‑notifika tal‑każ lill‑Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jistgħu jiġu adottati miżuri adegwati. Minn din id‑dispożizzjoni jirriżulta li l‑komunikazzjonijiet bejn il‑Kummissjoni u l‑produtturi/esportaturi stabbiliti f’dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja huma meħtieġa, qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping provviżorji, għaliex fin‑nuqqas ta’ tali komunikazzjonijiet ma tkun tista’ tinstab ebda soluzzjoni sodisfaċenti fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni. Għal din l‑istess raġuni, minn din id‑dispożizzjoni jirriżulta li l‑kunsiderazzjonijiet u l‑fatti essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom l‑istituzzjonijiet ikunu qegħdin jikkunsidraw li jirrakkomandaw l‑impożizzjoni ta’ miżuri antidumping provviżorji għandhom ikunu magħrufa mill‑produtturi/esportaturi għaliex inkella jaf ikun diffiċli għal dawn tal‑aħħar li jipproponu soluzzjoni sodisfaċenti.

Minn dan isegwi li produttur stabbilit f’dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, li jkun gawda mill‑applikazzjoni ta’ dan il-ftehim u li jkun, skont dan il-ftehim, irċieva antiċipatament dokument ta’ informazzjoni provviżorja dwar l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping, ma jistax jitqies bħala li jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ produttur stabbilit fi Stat ieħor li miegħu ma jkunx ġie konkluż tali ftehim. F’tali ċirkustanzi, il‑komunikazzjoni antiċipata tad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja lill-ewwel produttur iżda mhux lit-tieni wieħed ma tikkostitwixxix ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il‑kumpanniji kkonċernati jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, fejn din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq test leġiżlattiv.

(ara l-punti 68, 69, 72)

5.      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jikkonċerna l-informazzjoni tal-partijiet. B’mod iktar speċifiku, dan l‑artikolu jipprevedi l‑possibbiltà li l‑partijiet ikkonċernati jitolbu li jiġu informati dwar il‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom ikunu ġew imposti l‑miżuri provviżorji u jistabbilixxi l‑modalitajiet prattiċi f’dan ir‑rigward. F’dan is‑sens, l‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li t‑talbiet għal informazzjoni għandhom isiru bil‑miktub immedjatament wara l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji u l‑informazzjoni għandha tingħata bil‑miktub malajr kemm jista’ jkun.

Fil-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li d‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja jista’ jiġi kkomunikat lill‑esportaturi biss wara l‑impożizzjoni tal‑miżuri antidumping provviżorji u fuq talba bil‑miktub. Anki jekk mill‑Artikolu 20(1) tar‑Regolament bażiku jista’ jiġi dedott li l‑partijiet ikkonċernati ma jistgħux jitolbu l‑komunikazzjoni tad‑dokument ta’ informazzjoni qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji u għandhom jagħmlu t‑talba tagħhom bil‑miktub, dan l‑artikolu ma jipprekludix lill‑Kummissjoni milli tieħu l‑inizjattiva u tikkomunika dan id‑dokument qabel l‑impożizzjoni tal‑miżuri provviżorji u mingħajr ma tkun saritilha talba bil‑miktub f’dan is‑sens.

(ara l-punti 81, 82)

6.      Essenzjalment, l‑Artikolu 6(7) tar‑Regolament antidumping bażiku [li sar l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li l‑partijiet ikkonċernati jistgħu jitolbu, permezz ta’ talba bil‑miktub, li jkunu awtorizzati jikkonsultaw il‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura u li dawn il‑partijiet jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar l‑elementi li jkunu jinsabu fil‑fajl imsemmi, osservazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni. Barra minn hekk, l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li l‑partijiet li jipproponu impenn fir-rigward tal-prezz huma obbligati jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan l‑impenn b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkomunikat lill‑partijiet ikkonċernati mill‑investigazzjoni.

Fil‑formulazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l‑fatt li kien biss wara l‑pubblikazzjoni formali tar‑regolament provviżorju li l‑impenn fir‑rigward tal‑prezz propost minn produttur kien inkluż fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura jikser l‑Artikolu 6(7) u l‑Artikolu 8(4) tar‑Regolament bażiku. Għalkemm dawn id‑dispożizzjonijiet jipprevedu, minn naħa, l‑obbligu għall‑partijiet li jkunu pproponew impenn fir‑rigward tal‑prezz li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan l‑impenn u, min‑naħa l‑oħra, l‑obbligu għall‑Kummissjoni li tagħti aċċess għal din il‑verżjoni mhux kunfidenzjali lill‑partijiet ikkonċernati li jkunu ressqu talba bil‑miktub f’dan is‑sens, l‑istess dispożizzjonijiet ma fihom ebda indikazzjoni u, a fortiori, ebda obbligu fir‑rigward tal‑mument li fih il‑kopja tal‑impenn fir‑rigward tal‑prezz għandha tiġi inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura.

(ara l-punti 84, 85)

7.      Essenzjalment, meta jinqraw flimkien, mill‑paragrafi 2, 5 u 6 tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 3(2), (5) u (6) tar-Regolament Nru 1225/2009] jirriżulta li d‑determinazzjoni tal‑ħsara timplika eżami oġġettiv, ibbażat fuq provi pożittivi, tal‑impatt tal‑volum u/jew tal‑livell tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, eżami dan li jikkonsisti f’evalwazzjoni tal‑fatturi u tal‑indiċi ekonomiċi rilevanti għas‑sitwazzjoni tal‑industrija msemmija.

Barra minn hekk, il‑kunċett ta’ industrija Komunitarja, li għalih jagħmel riferiment l‑Artikolu 3(2), (5) u (6) tar‑Regolament bażiku, huwa ddefinit fl‑Artikolu 4(1) ta’ dan l‑istess regolament [li sar l‑Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] li jipprovdi li industrija Komunitarja tfisser il‑produtturi Komunitarji kollha ta’ prodotti simili jew dawk minnhom li l‑produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi proporzjon kbir, fis‑sens tal‑Artikolu 5(4) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 5(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009], tal‑produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawn il‑prodotti.

Barra minn hekk, l‑Artikolu 5 tar‑Regolament bażiku jikkonċerna l‑ftuħ tal‑proċedura antidumping. L‑Artikolu 5(4) ta’ dan ir‑regolament jipprovdi li l‑ilment li jkun wassal għall‑ftuħ tal‑investigazzjoni antidumping għandu jitqies li tressaq mill‑industrija Komunitarja jew f’isimha jekk l‑ilment ikun sostnut mill‑produtturi Komunitarji li l‑produzzjoni kumulattiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal‑produzzjoni Komunitarja totali tal‑prodott ikkonċernat.

Għaldaqstant, mill‑analiżi ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet jirriżulta li, minn naħa, filwaqt li l‑eżami tal‑istituzzjonijiet għandu jwassal għall‑konklużjoni li l‑ħsara kkawżata lill‑industrija Komunitarja hija sostanzjali, ma huwiex meħtieġ li l‑fatturi u l‑indiċi ekonomiċi rilevanti kollha jindikaw tendenza negattiva. Min‑naħa l‑oħra, l‑istituzzjonijiet għandhom jevalwaw l‑impatt tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha – jiġifieri tal‑produtturi Komunitarja kollha jew, minn tal‑inqas, fuq is‑sitwazzjoni ta’ produtturi Komunitarji li jkunu sostnew il‑ftuħ tal‑proċedura antidumping li l‑produzzjoni kumulattiva tagħhom tirrappreżenta iktar minn 50 % tal‑produzzjoni Komunitarja totali tal‑prodott ikkonċernat – iżda l‑istituzzjonijiet huma liberi li jagħzlu l‑metodu li jużaw sabiex jaslu għal dan ir‑riżultat. F’dan is-sens, l‑istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu li jipprovaw kemm l‑eżistenza ta’ ħsara kkawżata lil kull produttur Komunitarja kif ukoll li jipprovaw l‑eżistenza ta’ tali ħsara fuq il‑bażi ta’ data, ikkonsolidata jew imwieżna, dwar il‑produtturi Komunitarji kollha li jifformaw l‑industrija Komunitarja fis‑sens tal‑Artikolu 4(1) u tal‑Artikolu 5(4) tar‑Regolament bażiku.

(ara l-punti 111-114)

8.      Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri antidumping, l‑analiżi tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping u l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li kull ħsara kkawżata lil produttur Komunitarju wieħed, minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil‑fatt, fil‑kuntest tal‑analiżi msejħa ta’ “nuqqas ta’ imputazzjoni” prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009], l‑istituzzjonijiet għandhom, minn naħa, jeżaminaw il‑fatturi l‑oħra magħrufa kollha li jkunu qegħdin jikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja fl‑istess ħin bħall‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, u, min‑naħa l‑oħra, għandhom jiżguraw li l‑ħsara kkawżata minn dawn il‑fatturi l‑oħra ma tkunx imputata lill‑importazzjonijiet imsemmija. L‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku ma jispeċifikax li dan l‑eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss ħsara kkawżata, minn fatturi oħra, lill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. Fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑dispożizzjoni, li huwa li jiġi żgurat li l‑istituzzjonijiet jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping mill‑effetti ta’ fatturi oħra, jista’ jkun il‑każ li, f’ċerti ċirkustanzi, ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komunitarju minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan sa fejn din il‑ħsara tkun ikkontribwixxiet għall‑ħsara li tkun ġiet osservata fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

(ara l-punt 172)