Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Mejju 2008 - Forum 187 vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-189/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Forum 187 ASBL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Sutton, G. Forwood, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn ma tipprovdix perijodi tranżitorji raġonevoli u potenzjali għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni koperti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 2006;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-kawża u

tieħu kull miżura oħra alternattiva jew addizzjonali meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/283/KE tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-iskema ta' għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE 1 wara li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment din l-ewwel deċiżjoni 2. F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni ta' l-2003 ma kinitx tipprovdi miżuri tranżitorji għal dawk iċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-applikazzjoni għat-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti fid-data meta d-deċiżjoni kkontestata kienet innotifikata, jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet tiskadi fl-istess data jew f'qasir żmien min-notifika ta' dik id-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi miżuri tranżitorji għall-kategorija ta' ċentri ta' koordinazzjoni koperti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata:

- hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju dwar għajnuna mill-Istat, kif interpretat b'mod konsistenti mill-qrati Komunitarji;

- iċċaħħad liċ-ċentri mill-aspettattivi leġittimi tagħhom li jibbenefikaw minn perijodu raġonevoli li fih jorganizzaw mill-ġdid l-affarijiet tan-negozju u tat-taxxa wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tagħlaq l-proċedura ta' l-għajnuna eżistenti (innotifikata lir-rikorrenti fis-17 ta' Marzu 2008)

- tikser l-Artikolu 254(3);

- filwaqt li tipprovdi għall-ġbir u għall-ħlas tat-taxxa b'mod retroattiv f'każ ta' għajnuna eżistenti, effettivament tkun qiegħda tordna l-irkupru ta' l-għajnuna bħal li kieku kienet għajnuna illegali u dan imur kontra l-prinċipju li għajnuna eżistenti għandha biss tinbidel għall-futur, f'data wara d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta' l-għajnuna eżistenti;

- tonqos milli tosserva l-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi taċ-ċentri ta' koordinazzjoni li nvokaw id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 20033 bħala bażi legali li in sostenn tagħha setgħu jiksbu t-tiġdid ta' l-awtorizzazzjonijiet;

- tikser il-prinċipji tat-trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni peress li ttrattat b'mod differenti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-gruppi differenti taċ-ċentri.

____________

1 - ĠU 2008 L 90, p. 7

2 - Kawżi magħquda tat-22 ta' Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra I - 5479

3 - Kawżi magħquda tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 R u C-217/03 R, Ġabra I - 5479