Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Mejju 2008 - Chelyabinskij electrometalurgicheskij kombinat u Kuznetskie Ferrosplavy vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-190/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Chelyabinskij electrometalurgicheskij kombinat OAO (Chelyabinsk, ir-Russja) u Kuznetskie Ferrosplavy OAO (Novokuznetsk, ir-Russja) (rappreżentant: P. Vander Schueren, lawyer)

Konvenuti: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-regolament ikkontestat safejn dan jaffettwa lir-rikorrenti;

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż imġarrba mir-rikorrenti fir-rigward ta' dawn il-proċeduri; jew

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż imġarrba mir-rikorrenti fir-rigward ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jressqu ħames motivi in sostenn tar-rikors tagħhom għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/20081, tal-25 ta' Frar 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ferro-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja (iktar 'il quddiem ir-"regolament ikkontestat" safejn dan jaffettwa lir-rikorrenti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2008, innotifikata lilhom fit-3 ta' Marzu 2008, li biha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħhom għal sospensjoni tal-miżuri anti-dumping stabbiliti mir-regolament ikkontestat (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku2 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Bażiku") u naqas mill-obbligu ta' motivazzjoni adegwata meta rrifjuta li juża l-marġini ta' profitt attwali ta' l-importatur tar-rikorrenti għad-determinazzjoni tal-prezz ta' l-esportazzjoni tagħhom.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni kif ukoll l-Artikoli 6(7), 8(4) u 20(1) tar-Regolament Bażiku minħabba l-kxif bil-quddiem min-naħa tiegħu lill-produttur Maċedonjan SILMAK.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku billi wettaq żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkluda li l-industrija Komunitarja ġarbet dannu materjali.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikoli 3(6) u 3(7) tar-Regolament Bażiku u huwa vizzjat minn żball ta' liġi, minn diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, minn negliġenza u minn raġunament inadegwat safejn il-Kunsill allegatament injora l-effett ta' fatturi oħra fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità li jiksru r-rabta bejn l-importazzjonijiet ikkonċernati u l-allegat dannu materjali għall-industrija Komunitarja.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser id-drittijiet ta' difiża tagħhom meta rrifjuta li jipprovdi informazzjoni fuq l-ilment li ġġustifika l-bidu ta' l-investigazzjoni anti-dumping.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jressqu motiv wieħed ta' annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u żball manifest ta' evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' amministrazzjoni tajba meta ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għas-sospensjoni tal-miżuri.

____________

1 - ĠU 2008 L 55, p. 6

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p.1)