Language of document : ECLI:EU:F:2016:166

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

21 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑82/15

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Assigurazzjoni għall-mard – Rifjut ta’ rimbors ta’ spejjeż mediċi – Terapija bil-laser – Nuqqas ta’ validità xjentifika tat-trattament – Modalitajiet għan-nomina ta’ tabib indipendenti – Ordni tat-tobba kompetenti – Opinjoni ta’ tabib indipendenti – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Raġunijiet għar-rifjut ta’ rimbors – Dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard – Għan tat-terapija bil-laser – Effetti konfortanti fuq l-uġiegħ – Awtorizzazzjoni minn qabel tal-uffiċjal mediku – Dannu materjali – Konklużjonijiet prematuri – Dannu morali – Ammont mhux speċifikat – Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu Carlo De Nicola jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2014 li permezz tagħha l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) irrifjutalu r-rimbors tal-ispejjeż mediċi relatati ma’ terapija bil-laser qawwi tat-tip FP3 kif ukoll l-annullament tal-“atti kollha konnessi, konsekuttivi u preċedenti”, inklużi numru ta’ ittri tal-Bank marbuta magħha, u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Bank u tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens għad-danni li jidher li ġarrab.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment tal-4 ta’ Diċembru 2014, li permezz tagħha huwa rrifjuta li jirrimborsa lil Carlo De Nicola l-ispejjeż tat-terapija bil-laser FP3, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż ta’ C. De Nicola.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Rikors promotur mhux ċar u preċiż biżżejjed – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u l-Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 50(1)(d))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Opinjoni tat-tielet tabib miksuba wara n-nuqqas ta’ qbil bejn l-uffiċjal mediku u t-tabib inkarigat – Att preparatorju – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Perizja medika – Ħatra tat-tielet tabib – Obbligu għall-Bank li jitlob il-ħatra tat-tielet tabib mill-ordni tat-tobba ssuġġerit mill-membru tal-persunal ikkonċernat – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 35)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Perizja medika – Opinjon tat-tielet tabib – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Eżami mill-ġdid ta’ evalwazzjonijiet mediċi maħruġa regolarment – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

5.      Bank Ewropew tal-Investiment – Kompetenzi tal-President – Deċiżjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għar-relazzjonijiet tax-xogħol – Delega – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Statuti tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 13(7))

6.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Dritt inkundizzjonat – Assenza – Motivi tar-rifjut – Nuqqas ta’ utilità terapewtika tat-trattament – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 35)

7.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Rifjut – Nuqqas ta’ utilità terapewtika tat-trattament – Opinjoni tat-tielet tabib – Impreċiżjoni fil-mistoqsija magħmula lilu – Assenza ta’ eżami effettiv tal-effetti eventwali tat-trattament inkwistjoni fuq il-persuna affiljata – Inammissibbiltà – Annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

8.      Unjoni Ewropea – Rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni – Rikors għad-danni indirizzat kontra l-Unjoni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba r-rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi mill-Bank Ewropew tal-Investiment – Rappreżentanza tal-Unjoni mill-Bank

(Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

9.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni – Assenza ta’ indikazzjonijiet dwar id-dannu mġarrab – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 50(1)(d))

1.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku konformement mal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess Statut, u mal-Artikolu 50(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jinkludi s-suġġett tal-kawża u t-talbiet tar-rikorrent. B’hekk ir-rikors jikkostitwixxi l-att promotur li fih ir-rikorrent għandu l-obbligu li jiddefinixxi s-suġġett tal-kawża.

F’dan ir-rigward, id-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża fir-rikors għandha tippermetti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidentifika bi preċiżjoni l-atti li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent jitlob l-annullament, fid-dawl tal-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, fi kwalunkwe każ, jagħti deċiżjoni ultra petita, billi jiddeċiedi annullament li jmur lilhinn minn dak mitlub mir-rikorrent. B’hekk, talbiet għal annullament li ma jsemmux espressament l-att jew l-atti li fir-rigward tagħhom qed jintalab l-annullament u li ma jippermettux li jiġi identifikat bi preċiżjoni suffiċjenti l-atti inkwistjoni ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 50(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

Konsegwentement, sa fejn dawn it-talbiet jirrigwardaw l-atti kollha konnessi, konsekuttivi u preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 55 sa 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 52

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, EU:T:2010:215, punt 30

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, De Nicola vs BEI, F‑55/08 RENV, EU:F:2014:244, punt 42

2.      Huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jimmodifikaw, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan tal-aħħar, li jistgħu jikkawżaw preġudizzju. Meta inkwistjoni jkun hemm atti jew deċiżjonijet li l-elaborazzjoni tagħhom titwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri ad interim, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jkun hemm rikors kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura li r-rikorrent jista’ jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti marbuta strettament magħha. Għalhekk, għalkemm ċerti miżuri purament preparatorji jistgħu jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrent, peress li dawn jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut ta’ att ulterjuri li jista’ jiġi kkontestat, dawn il-miżuri ma jistgħux madankollu jkunu s-suġġett ta’ rikors indipendenti u għandhom jiġu kkontestati fl-okkażjoni ta’ rikors indirizzat kontra dan l-att.

Fir-rigward ta’ proċedura mmexxija konformement mad-dispożizzjonijiet interni tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard, intiża sabiex tinkiseb l-opinjoni tat-tielet tabib fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-uffiċjal mediku u t-tabib inkarigat mill-kura tal-membru tal-persunal ikkonċernat, peress li mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li d-deċiżjoni finali dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi inkorsi mill-membru tal-persunal tittieħed mill-Bank, fuq parir tat-tielet tabib, huwa biss fil-mument ta’ dan it-teħid ta’ deċiżjoni li l-pożizzjoni ġuridika tal-membru tal-persunal tinsab affettwata, u mhux fil-mument li tingħata l-opinjoni tat-tielet tabib jew, a fortiori, meta jintbagħtu ittri intiżi sabiex tinkiseb tali opinjoni.

(ara l-punti 59 sa 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat-8 ta’ Marzu 2005, D vs BEI, T‑275/02, EU:T:2005:81, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, EU:T:2010:215, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑65/09, EU:F:2010:149, punt 42

3.      Peress li d-dispożizzjonijiet interni tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tar-rimbors tal-ispejjeż mediċi ma jinkludu ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-ordni nazzjonali tat-tobba kompetenti li lilu għandu jindirizza lilu nnifsu l-Bank fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-uffiċjal mediku u t-tabib inkarigat mill-kura tal-membru tal-persunal, il-Bank ma għandux l-obbligu, fi kwalunkwe każ, li jitlob il-ħatra tat-tielet tabib mill-ordni nazzjonali tat-tobba li taħtu jaqa’ l-ispeċjalista li ta l-kura jew li wettaq it-trattament inkwistjoni.

Barra minn hekk, mill-imsemmija dispożizzjonijiet interni jirriżulta li, għalkemm il-ħatra tat-tielet tabib toriġina minn talba tal-persuna assigurata, huwa l-Bank li għandu jikkuntattja l-ordni tat-tobba kkonċernat, u mhux il-persuna assigurata nnifisha. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Bank għandu ċerta diskrezzjoni fl-għażla tal-ordni tat-tobba. F’dan ir-rigward, anki jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat jista’ jissuġġerixxi lill-Bank sabiex jirreferi għal ordni tat-tobba speċifiku, tali suġġeriment fih innifsu ma jista’ jagħti lok għal ebda obbligu għall-Bank li jipproċedi fuqu.

(ara l-punti 71 u 72)

4.      Ir-rimedji disponibbli għall-membri tal-persunal tal-Unjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jintużaw sabiex jitqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet mediċi fil-veru sens tal-kelma, li għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jsiru f’kundizzjonijiet regolari. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex il-kompetenzi meħtieġa fil-qasam mediku sabiex tkun tista’ tivvalida jew tinvalida evalwazzjoni medika, jew saħansitra li tarbitra bejn diversi evalwazzjonijiet mediċi kontradittorji.

F’dan ir-rigward, l-evalwazzjonijiet mediċi fil-veru sens tal-kelma fformulati minn tielet tabib maħtur skont id-dispożizzjonijiet interni tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jkunu nħarġu taħt kundizzjonijiet regolari. B’hekk, il-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata biss li tivverifika, minn naħa, jekk l-imsemmi tielet tabib ikunx inħatar taħt kundizzjonijiet regolari u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari, b’mod partikolari jekk tinkludix motivazzjoni li tippermetti l-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata u jekk tistabbilixxix rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li hija tinkludi u l-konklużjonijiet li tasal għalihom. F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni tista’ tasal ukoll teżamina jekk il-konklużjonijiet ifformulati mit-tielet tabib humiex ibbażati fuq premessa ddefinita b’mod korrett u jekk humiex, għalhekk, rilevanti.

(ara l-punti 104 u 105)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punt 68

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, EU:F:2007:161, punt 39; tal-14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il‑Kummissjoni, F‑79/09, EU:F:2010:99, punt 64; tat-28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il‑Kummissjoni, F‑23/10, EU:F:2011:162, punt 71, u tad-29 ta’ Frar 2012, AM vs Il‑Parlament, F‑100/10, EU:F:2012:24, punt 65

5.      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 13(7) tal-Protokoll dwar l-Istatuti tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipprovdi li l-President tiegħu għandu s-setgħa li jimpjega u jkeċċi lill-membri tal-persunal ta’ dan l-organu, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li d-deċiżjonijiet kollha li għandhom effett għar-relazzjonijiet tax-xogħol fil-Bank għandhom neċessarjament jiġu adottati mill-President tal-Bank innifsu. L-effikaċja tal-organizzazzjoni tal-Bank tirrikjedi pjuttost bil-kontra li, bħal kull istituzzjoni jew organu ieħor tal-Unjoni Ewropea u, b’mod iktar ġenerali, bħal kull persuna li timpjega, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet tista’ tiġi ddelegata lil ċerti korpi jew persuni fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet jew organi.

F’dan ir-rigward, fid-dritt tal-Unjoni, id-delegi tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni huma legali bil-kundizzjoni li test ma jkunx jipprekludihom formalment.

(ara l-punti 115 u 116)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, EU:T:2001:251, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, EU:T:2004:367, punti 97 u 98

6.      Il-persuni affiljati għall-fond għall-mard tal-Bank Ewropew tal-Investiment ma għandhomx dritt awtomatiku għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi kollha tagħhom. Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat l-ekwilibriju finanzjarju tal-fond għall-mard tiegħu, il-Bank ippreveda b’mod partikolari, fid-dispożizzjonijiet interni tiegħu fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard, ipoteżijiet ta’ rifjut ta’ rimbors ta’ ċerti kategoriji ta’ spejjeż mediċi jew kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ftuħ tad-dritt għar-rimbors ta’ ċerti prestazzjonijiet.

B’hekk, jekk il-persuna affiljata għall-fond għall-mard tal-Bank tista’ leġittimament tqis li l-ispejjeż mediċi tagħha għandhom jiġu, bħala prinċipju, irrimborsati skont il-varji limiti previsti mid-dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard, ir-rimbors ta’ ċerti spejjeż jista’ madankollu jiġi legalment irrifjutat mill-Bank jekk, wara parir mill-uffiċjal mediku u, eventwalment, wara parir minn tielet tabib, huwa jqis li l-ispejjeż huma eċċessivi jew li huma marbuta ma’ trattament jew prestazzjonijiet li ma jidhrux li huma neċessarji jew jekk il-persuna affiljata tkun naqset milli titlob l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-uffiċjal mediku għal prestazzjonijiet mhux previsti mill-iskala ta’ rimbors. Barra minn hekk, huwa għal kollox ġustifikat li l-ispiża ta’ trattamenti jew ta’ servizzi li l-utilità terapewtika tagħha hija xjentifikament ikkontestata ma tiġix koperta mill-fond għall-mard, li l-finanzjament tiegħu isir mill-persuni affiljati kollha u mill-Bank innifsu.

F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ utilità terapewtika ta’ trattament huwa kopert mid-dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard, ġaladarba dawn jippermettu lill-Bank jirrifjuta legalment ir-rimbors ta’ spejjeż mediċi li huwa jqis li ma humiex meħtieġa, liema ipoteżi tinkludi, a fortiori, l-ispejjeż ta’ trattamenti kkwalifikati bħala inutili, fis-sens li dawn it-trattamenti ma għandhomx effetti benefiċi terapewtiċi.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard bl-ebda mod ma jipprevedu li l-Bank għandu l-obbligu, meta jqis li ċerti spejjeż mediċi ma humiex neċessarji, li jirrimborsahom minn tal-inqas parzjalment. Interpretazzjoni bħal din, li għandha bħala effet li ġġiegħel lill-Bank jilqa’, b’mod ftit jew wisq li jvarja, it-talbiet kollha ta’ rimbors li ma jkunux espressament esklużi skont il-punt II tal-Anness II tad-dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard, tmur kontra ġestjoni f’saħħitha tas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard u tippreġudika l-ekwilibriju obbligatorju, u barra minn hekk diffiċli li jiġi ppreżervat, bejn l-ispiża tal-prestazzjonijiet mediċi li għandhom jiġu rrimborsati u l-kontribuzzjonijiet tal-affiljati.

(ara l-punti 123 sa 125, 127 u 128)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, EU:F:2007:161, punt 63

7.      Fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż mediċi, meta l-Bank Ewropew tal-Investiment jirrifjuta r-rimbors tal-ispejjeż ta’ terapija minħabba n-nuqqas ta’ utilità tagħha, mingħajr ma l-effetti eventwali tagħha fuq l-uġigħ tal-persuna affiljata kkonċernata ma setgħu jiġu eżaminati b’mod effettiv fl-opinjoni tat-tielet tabib minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kweżit magħmul lilu f’dan ir-rigward mill-Bank innifsu, id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rimbors hija vvizzjata b’irregolarità li tagħti lok għan-nullità tagħha.

(ara l-punt 140)

8.      Meta r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea tirriżulta minħabba l-att ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, hija tiġi rrappreżentata quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-istituzzjoni jew mill-istituzzjonijiet li kontrihom qed jiġi allegat il-fatt li ta lok għar-responsabbiltà.

F’dan ir-rigward, sa fejn dawn huma diretti kontra l-Unjoni Ewropea, mingħajr preċiżazzjoni oħra, it-talbiet għal kumpens għad-dannu morali li membru tal-persunal tal-Bank Ewropew għall-Investiment isostni li ġarrab minħabba r-rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi mill-Bank għandhom jitqiesu li saru kontra l-Bank innifsu.

(ara l-punt 156)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L‑Unjoni Ewropea, T‑479/14, EU:T:2015:2, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata

9.      Sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 50(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġarrab, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, talba intiża għall-ksib ta’ kumpens kwalunkwe hija nieqsa mill-preċiżazzjoni meħtieġa u, konsegwentement, għandha titqies li hija inammissibbli.

Ċertament, f’ċerti każijiet partikolari, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat id-dannu allegat, ma huwiex indispensabbli li tiġi ppreċiżata fir-rikors il-portata eżatta tiegħu u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub. Madankollu, rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli meta r-rikorrent ma jkunx stabbilixxa, u lanqas allega, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ kwantifikazzjoni, fir-rikors, ta’ dan id-dannu.

(ara l-punti 158 u 160)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, EU:C:2004:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tas-7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il‑Kummissjoni, T‑175/04, EU:T:2007:38, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata