Language of document : ECLI:EU:T:2018:81

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

8 ta’ Frar 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż – Nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali – Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża T‑450/09 DEP,

Simba Toys GmbH & Co. KG, stabbilita f’Fürth (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Ruhl, avukat,

rikorrenti,


vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija,

Seven Towns Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Szamosi u M. Borbás, avukati,

li għandha bħala suġġett talba għall-intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO (C‑30/15 P, EU:C:2016:849),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Fl‑1 ta’ April 1996, l-intervenjenti, Seven Towns Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, issostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal tridimensjonali rriprodott hawn taħt:

Image not found

3        Fis‑6 ta’ April 1999, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, bin-numru 162784. Hija ġiet imġedda fl‑10 ta’ Novembru 2006.

4        Fil‑15 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti, Simba Toys GmbH & Co. KG, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata taħt l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001], moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(a) sa (c) u (e) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 7(1)(a) sa (c) u (e) tar-Regolament Nru 2017/2001).

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi.

6        Fit‑23 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-EUIPO skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, u sussegwentement l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-appell.

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-kundanna tal-EUIPO u tal-intervenjenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedimenti ta’ appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑450/09 u ġiet attribwita lir-Raba’ Awla.

9        L-intervenjenti interveniet fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-EUIPO. Hija talbet, bħal dan tal-aħħar, iċ-ċaħda tar-rikors u l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

10      Fl‑10 ta’ Ottubru 2013, minħabba l-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, ġie deċiż ir-riassenjazzjoni tal-kawża T‑450/09 lis-Sitt Awla.

11      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Simba Toys vs UASI – Seven Towns (Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja) (T‑450/09, EU:T:2014:983), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ressqet appell kontra din is-sentenza.

13      Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO (C‑30/15 P, EU:C:2016:849), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja (T‑450/09, EU:T:2014:983), hija stess iddeċidiet il-kawża b’mod definittiv billi annullat id-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-intervenjenti u l-EUIPO li “jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti [mir-rikorrenti] relattivi kemm għall-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑450/09 kif ukoll għal dik tal-appell”.

14      B’ittra tas‑27 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti talbet lill-EUIPO r-rimbors lilha tas-somma ta’ EUR 53 386.70 għall-ispejjeż li hija kienet esponiet fil-Kawża T‑450/09.

15      Peress li ma setax jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet fuq l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, ir-rikorrenti, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Awwissu 2017, ippreżentat, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, irreġistrata bin-numru T‑450/09 DEP, intiża, essenzjalment, li jinkiseb il-ħlas lura mill-EUIPO u mill-intervenjenti in solidum tal-ammont ta’ EUR 54 286.70 għall-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑450/09 u għat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż.

16      Fl-istess ħin, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ressqet, skont l-Artikolu 145 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, irreġistrata bin-numru C‑30/15 P‑DEP, intiża li tikseb ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑30/15 P.

17      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bħala President, lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

18      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti Ġenerali ssib li ma tkunx kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Bis-saħħa tal-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjonijiet ta’ rinviju, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandhom jittieħdu mill-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, permezz ta’ digriet motivat.

20      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, “[i]d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza”. Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

21      F’dan il-każ, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja (T‑450/09, EU:T:2014:983), ikkontestata fil-kuntest tal-appell, wara li ġiet annullata u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-kawża definittivament, għandu jiġi kkonstatat li hija s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO (C‑30/15 P, EU:C:2016:849), li tterminat l-istanza. Barra minn hekk, peress li s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja (T‑450/09, EU:T:2014:983), ġiet annullata fl-intier tagħha, ma għadhiex teżisti xi deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali relatata mal-ispejjeż sostnuti quddiemha fir-rigward ta’ din l-istanza.

22      F’sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li kellha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar talba għal taxxa fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Ottubru 2013, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P‑DEP, EU:C:2013:644, punti 9 sa 12).

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, filwaqt li tirrigwarda l-ispejjeż tal-ewwel istanza, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, u, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tordna:

Il-Kawża T450/09 DEP hija rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Frar 2018.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

A. M. Collins


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.