Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Novembru 2009 - Escola Superior Agrária de Coimbra vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-446/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Escola Superior Agrária de Coimbra (Bencanta, il-Portugall) (rappreżentant: J. Pais do Amaral, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2009)224268, tad-9 ta' Settembru 2009;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi rrimborsat l-ammont previst fil-punt 8 tal-ittra tat-12 ta' Awwissu 2009.

Ksur tal-punti 21.2 u 22 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi standard fir-rigward tal-ammonti l-oħra, ġaladarba kien jeżisti reġistru tal-ħin li d-diversi intervenjenti ddedikaw għall-proġett, flimkien mal-indikazzjoni tal-isem tal-persuna li ddedikat dan il-ħin u bir-riferiment speċifiku għat-tul ta' ħin li ġie ddedikat, fejn il-ħin indikat huwa reali.

Żball ta' natura fattwali, peress li l-amministrazzjoni tista' tieħu azzjoni biss jekk tkun ċerta li l-fatti huma veri, billi mhuwiex biżżejjed li jkun hemm dubju ta' natura amministrattiva dwar jekk ġiex effettivament iddedikat il-ħin imniżżel fit-timesheets, peress li l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-Kummissjoni.

Kunsiderazzjoni żbaljata peress li ma jeżisti ebda obbligu bil-miktub li tiġi adottata ċertu tip ta' sistema ta' reġistru tat-tul ta' ħin tax-xogħol ipprovdut minbarra l-imsemmija reġistrazzjoni fit-timesheets, billi, meta jkun qed jiġi eżegwit il-kuntratt u meta ma jkunx iżjed possibbli li tinbidel il-proċedura li tikkonċerna l-ħin iddedikat għall-proġett permezz tal-għajnuna preċedenti u leġittima tat-timesheets, il-Kummissjoni ma tistax b'mod leġittimu teżiġi iktar milli ddeċidiet jew milli ġie stabbilit kuntrattwalment. Barra minn hekk, huwa inopportun li jkun hemm livell ta' ħtieġa li jimplika li l-ħin iddedikat jiġi rreġistrat b'mod fotografiku.

L-att ikkontestat jikser il-prinċipji ta' bona fide, tal-aspettattivi leġittimi, ta' trasparenza, ta' proporzjonalità, tan-natura raġjonevoli u ta' amministrazzjoni tajba, peress li r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-ħin huma ġodda, liema fatt huwa ssostanzjat miċ-ċirkustanza li dawn l-istess regoli jinsabu espliċitament u kjarament f'verżjonijiet li saru wara l-programm inkwistjoni.

Żball ta' evalwazzjoni tal-fatti, sa fejn il-portata u l-kontenut tar-rifużjoni li ġiet ordnata mhumiex proporzjonati fir-rigward tal-kontenut u tan-natura tal-atti illegali allegatament ikkonstatati, fid-dawl tal-fatt li ma kienx possibbli li jinkisbu r-riżultati, riflessi fil-klassifikazzjoni fl-għaxar post minn madwar 200 proġett, mingħajr ma jiġi ddedikat ħin kunsiderevolment ogħla mill-ammont li effettivament tħallas (wara li jitnaqqas l-ammont li għandu jiġi rrimborsat).

____________