Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Novembru 2009 - Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-449/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre national de la recherche scientifique (Pariġi, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rifużjoni tal-allegat ammont riċevibbli ta' EUR 97 399.55 mitlub mill-Kummissjoni skont il-kuntratt fin-nota ta' debitu tagħha Nru 3230906573, tas-6 ta' Lulju 2009, u li ta lok għall-att ta' tpaċija tat-28 ta' Awwissu 2009 (referenza BUDG/C3 D2009 10.5 - 1232), miżjud bl-interessi moratorji bir-rata legali, skont id-dritt Belġjan applikabbli għall-kuntratt;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, is-Centre national de la recherche scientifique (CNRS) jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rifużjoni tal-ammont riċevibbli ta' EUR 97 399.55, kif jinsab fin-nota ta' debitu Nru 3230906573, tas-6 ta' Lulju 2009, allegatament dovut mir-rikorrent, skont il-Kuntratt NEMAGENETAG dwar proġett tas-sitt programm-qafas ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, u li ta lok għall-att ta' tpaċija tat-28 ta' Awwissu 2009, kif ukoll għall-ħlas tal-interessi moratorji.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq żewġ motivi bbażati:

fuq in-nonosservanza tal-kriterji ta' definizzjoni u ta' ġustifikazzjoni tal-infiq eliġibbli previsti mill-Kuntratt NEMAGENETAG u tal-prinċipju ta' bona fide fl-eżekuzzjoni tal-ftehim, li llimita, u f'xi każijiet, ċaħħad lis-CNRS, mill-possibbiltà li jressaq il-prova ta' eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt;

fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-Provvediment għal Telf ta' Impjieg (PTI) fid-dawl tal-kriterji previsti mill-Artikoli II.19.1, II.19.2.c u II.20 tal-Kundizzjonijiet ġenerali tal-Kuntratt NEMAGENETAG, għaliex, bil-kontra tal-isem qarrieqi tiegħu, il-PTI huwa nfiq tal-persunal marbut mal-assigurazzjoni kontra l-qgħad li ma jistax jinfired mill-infiq eliġibbli tal-persunal. Billi ċaħdet infiq eliġibbli, peress li l-ammonti jikkorrispondu għall-PTI miġbur fuq ir-remunerazzjoni tal-persunal temporanju tas-CNRS involut fil-Proġett NEMAGENETAG, il-Kummissjoni kisret it-termini msemmija hawn fuq.

____________