Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-13 ta’ Frar 2024 – UJ vs Österreichische Zahnärztekammer

(Kawża C-115/24, Österreichische Zahnärztekammer)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UJ

Konvenut: Österreichische Zahnärztekammer

Intervenjent: Urban Technology GmbH

Domandi preliminari

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(d) tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali 1 , li jipprovdi li, fil-każ ta’ telemediċina, il-kura tas-saħħa titqies li hija pprovduta fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tal-kura tas-saħħa, jestendi biss għar-rimbors tal-ispejjeż fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 1.1, l-Artikolu 3(d) tad-Direttiva 2011/24 jipprovdi prinċipju ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini fir-rigward ta’ servizzi ta’ telemediċina?

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 1 tistabbilixxi prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini fir-rigward ta’ servizzi ta’ telemediċina?

Il-“kura tas-saħħa pprovduta fil-każ ta’ telemediċina”, fis-sens tal-Artikolu 3(d) tad-Direttiva 2011/24, hija marbuta esklużivament ma’ servizzi mediċinali individwali mwettqa (transkonfinalment) bl-għajnuna ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), jew hija marbuta ma’ kuntratt ta’ kura komplet li jista’ jinkludi wkoll eżamijiet fiżiċi mwettqa fl-Istat ta’ residenza tal-pazjent?

2.2    Jekk il-“kura tas-saħħa pprovduta fil-każ ta’ telemediċina” tista’ tinkludi wkoll eżamijiet fiżiċi, is-servizzi mwettqa bl-għajnuna ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għandhom jipprevalu, u fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, liema kriterji għandhom jiġu evalwati għal din il-prevalenza?

2.3    Trattament mediku fl-intier tiegħu għandu jitqies li huwa “kura tas-saħħa transkonfinali” fis-sens tal-Artikolu 3(d) u (e) tad-Direttiva 2011/24 jekk, mill-perspettiva tal-pazjent, il-fornitur tal-kura tas-saħħa (f’dan il-każ, klinika dentali) li huwa stabbilit fl-Istat Membru ieħor u li flimkien miegħu l-pazjent ikun ikkonkluda kuntratt ta’ kura jipprovdi parti mit-trattament globali bl-għajnuna ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), filwaqt li l-parti l-oħra tas-servizz globali tiġi pprovduta minn fornitur ta’ kura tas-saħħa (li jeżerċita l-professjoni ta’ dentist) stabbilit fl-istess Stat Membru bħall-pazjent?

3.1    L-Artikolu 2(n) flimkien mal-Artikoli 3(d) u 4(a) tad-Direttiva 2011/24, u flimkien mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li klinika dentali stabbilita fil-Ġermanja hija marbuta, meta tipprovdi “kura tas-saħħa” bit-“telemediċina” fl-Awstrija, tosserva r-regoli professjonali nazzjonali, ta’ natura professjonali, regolamentari jew amministrattiva fis-seħħ f’dan il-pajjiż (b’mod partikolari l-Artikoli 24, 26 u 31 taz-Zahnärztegesetz (il-Liġi dwar id-Dentisti)?

3.2    L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur ta’ kura tas-saħħa jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor meta tali fornitur jipprovdi biss servizzi mediċinali bl-għajnuna ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT)? Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda, ikun hemm ċaqliq lejn Stat Membru ieħor jekk dan il-fornitur iwettaq eżamijiet fiżiċi jew trattament permezz ta’ aġenti fl-Istat ta’ residenza tal-pazjent?

4.    Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 et seq. TFUE tipprekludi r-rekwiżiti stabbiliti fil-Liġi dwar id-Dentisti Awstrijaka, li fl-Artikolu 24 et seq. tagħha tipprovdi prinċipalment l-eżerċizzju dirett u personali tal-professjoni u tawtorizza l-moviment liberu tas-servizzi biss “temporanjament” għal “ċittadini ta’ Stat li huwa parti mill-Ftehim ŻEE” skont l-Artikolu 31 tagħha, u dan f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni, fejn dentist barrani jipprovdi servizzi, prinċipalment fuq bażi permanenti, abbażi ta’ kuntratt ta’ kura uniku, parzjalment minn barra bl-għajnuna ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) (fis-sens ta’ servizzi b’korrispondenza transkonfinali) u parzjalment fit-territorju nazzjonali permezz ta’ dentist Awstrijak li huwa awtorizzat jipprattika l-professjoni bħala aġent?

____________

1     ĠU 2011, L 88, p. 45.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399

1 ĠU 2005, L 255, p. 22 (rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115).