Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Jnnar 2011 - Universal vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-42/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Universal Corp. (Richmond, l-Istati Uniti) (rappreżentant: C. R. A. Swaak, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata stabbilita fl-ittri tat-12 u tat-30 ta' Novembru 2010; u/jew

tiddikjara li r-rikorrenti ma tistax tiġi obbligata tħallas il-multa kollha jew parti minnha imposta f'din il-kawża sakemm tingħata sentenza definittiva fil-Kawża T-12/06, Deltafina vs Il-Kummissjoni, jew f'kull proċeduri sussegwenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinstab fl-ittra tagħha tat-12 ta' Novembru 2010, indirizzata lil Universal Corporation, u kkonfermata bl-ittra tat-30 ta' Novembru 2010, li teżiġi lil din tal-aħħar tħallas il-multa flimkien u in solidum imposta fuq Universal Corporation u Deltafina SpA fil-Każ COMP/C.38.281/B.2 - Tabakk mhux ipproċessat - Italja, tal-20 ta' Ottubru 2005, wara l-irtirar tal-Kawża T-34/06 Universal Corp. vs Il-Kummissjoni iżda qabel ir-riżoluzzjoni tal-Kawża T-12/06 Deltafina SpA vs Il-Kummissjoni u kull proċeduri sussegwenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.    Skont l-ewwel motiv, id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball:

-    Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball inkwantu l-multa hija kompletament koperta mill-garanzija pprovduta mis-sussidjarja tagħha Deltafina. Ir-rikorrenti hija responsabbli flimkien u in solidum bħala l-kumpannija parent 100 % għall-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq Deltafina għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur. Għaldaqstant, l-irtirar tar-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar meta għandha titħallas il-multa.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi:

-    Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettativi leġittimi fir-rigward tal-validità tal-garanzija bankarja sal-konklużjoni tal-proċeduri ta' Deltafina. Billi aċċettat garanzija bankaraja relatata mar-rikors għal annullament minn Deltafina, il-Kummissjoni ħolqot l-aspettattiva leġittima li hija kienet ser tastjeni ruħha milli titlob il-ħlas tal-multa qabel ma tingħata sentenza definittiva fil-Kawża T-12/06. Barra minn hekk il-Kummissjoni kisret l-aspettattiva leġittima tar-rikorrenti fir-rigward ta' trattament konsistenti, mill-Kummissjoni, tar-rikorrenti u ta' Deltafina bħala impriża waħda għall-għanijiet ta' responsabbiltà u ta' eżekuzzjoni forzata.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE:

-    Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta' amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE billi teżiġi ħlas antiċipat tal-multa in solidum qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni fil-proċeduri Deltafina, li magħha l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha. Fil-każ li Deltafina tirbaħ kompletament jew parzjalment il-kawża, il-Kummissjoni tkun obbligata tnaqqas jew tneħħi l-ammont li fir-rigward tiegħu Universal hija responsabbli flimkien u in solidum.

____________