Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Lan Airlines u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-40/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Lan Airlines SA u Lan Cargo SA (Santjago, iċ-Ċilì) (rappreżentanti: B. Hartnett, Barrister, u O. Geiss, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti;

alternattivament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE"), l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-Trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 - ġarr ta' merkanzija bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.    L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni naqset milli tipprova, sal-grad rikjest mill-liġi, li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwat u, bħala riżultat, wettqet żball ta' liġi u ta' fatt meta applikat l-Artikolu 101 TFUE, peress li:

Il-Kummissjoni ma pprovatx li Lan Cargo kienet konxja jew kellha tkun konxja mill-eżistenza ta' pjan antikompetittiv komuni;

Il-Kummissjoni ma pprovatx li Lan Cargo kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha, tikkontribwixxi għal tali pjan antikompetittiv komuni; u

Il-Kummissjoni ma pprovatx li Lan Cargo kienet konxja minn ksur relatat mas-suppliment marbut mas-sigurtà jew mal-kummissjoni fuq is-supplimenti.

2.    It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li:

Il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq provi li ma saritx referenza għalihom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

Il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni tal-provi li ma kinitx stabbilita b'mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

Il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi fid-deċiżjoni kkontestata qajmet oġġezzjonijiet li r-rikorrenti ma kellhomx l-opportunità li jikkummentaw dwarhom.

3.    It-tielet motiv jallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' responsabbiltà individwali u ta' proporzjonalità meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, peress li:

L-iffissar mill-Kummissjoni tat-tul tal-ksur ma kienx jikkorrispondi mal-konklużjoni kemm ta' xjenza kif ukoll ta' intenzjoni ta' parteċipazzjoni fl-allegat pjan antikompetittiv komuni;

Il-Kummissjoni żbaljat fil-kalkolu tal-ammont bażiku;

Il-kalkolu tal-Kummissjoni tal-element bażiku tal-multa naqas milli jirrifletti l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fl-allegat ksur; u

Il-kalkolu tal-Kummissjoni tal-element bażiku tal-multa naqas milli jirrifletti li l-allegat ksur ma kienx ikopri l-prezz sħiħ tas-servizzi rilevanti.

4.    Ir-raba' motiv jallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali u naqset milli tagħti raġunijiet meta aġġustat l-ammont bażiku tal-multa minħabba ċirkustanzi mitiganti, peress li:

Il-Kummissjoni naqqset milli tagħti spjegazzjoni għad-differenzi ferm sinjifikanti bejn il-grad ta' parteċipazzjoni tar-rikorrenti u l-parteċipazzjoni wisq ikbar ta' linji tal-ajru oħrajn; u

Il-Kummissjoni naqset milli oġġettivament tiġġustifika t-trattament ugwali tagħha ta' linji tal-ajru differenti minkejja s-sitwazzjonijiet sinjifikattivament differenti tagħhom.

5.    Il-ħames motiv jallega li l-Kummissjoni naqset milli tagħti raġunijiet għall-esklużjoni li wettqet ta' ħdax-il persuna indirizzata mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, għall-konklużjoni tagħha li l-applikanti kienu involuti fi ksur wieħed u kontinwat, u għall-kalkolu tagħha tal-multi imposti peress li:

Il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet tagħha għall-esklużjoni mid-deċiżjoni kkontestata ta' ħdax-il operatur fl-industrija tal-ġarr li kienu indirizzati mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

Il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunament tagħha fir-rigward tal-elementi kostituttivi rikjesti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-konklużjoni li r-rikorrenti kienu involuti fi ksur wieħed u kontinwat; u

Il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunament tagħha li jsejjes il-kalkolu tagħha tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

6.    Is-sitt motiv jallega li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrenti u, bħala riżultat, kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li:

Ir-rikorrenti ġew imċaħħda mill-opportunità li jwettqu eżami jew kontroeżami tax-xhieda;

Ir-rikorrenti ġew imċaħħda mill-opportunità li jikkummentaw fuq il-kalkolu tal-multa imposta fuqhom;

Il-multa ġiet imposta wara seduta għas-sottomissjonijiet orali li ma kinitx pubblika u li ma attendietx għaliha l-persuna li tieħu d-deċiżjonijiet; u

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn korp amministrattiv, u l-ebda korp ġudizzjarju ma għandu ġurisdizzjoni sħiħa sa biex jistħarreġ l-aspetti kollha tagħha.

____________