Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023 – JPMorgan Chase et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-106/17) 1

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tad-derivattivi tar-rati tal-interessi ddenominati f’euro – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Ksur uniku u kontinwu – Proċedura “ibrida” mifruxa fiż-żmien – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Imparzjalità – Multi – Ammont bażiku – Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Deċiżjoni emendatorja li tikkompleta l-motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni assoluta”

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: JPMorgan Chase & Co. (New York, New York, l-Istati Uniti), JPMorgan Chase Bank, National Association (Columbus, Ohio, l-Istati Uniti), J.P. Morgan Services LLP (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: B. Tormey, A. Holroyd, L. Ream, N. French, N. Frey, D. Das, D. Hunt, N. English, solicitors, M. Lester, KC, D. Piccinin u D. Heaton, barristers)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. van Schaik, T. Baumé u M. Farley, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħhom abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu, minn naħa, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali, tas-7 ta’ Diċembru 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE [Każ AT.39914 – Derivattivi mir-rati tal-imgħax f’euro (EIRD)] u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, huma jitolbu li jiġi deċiż li ma hemmx lok għalfejn tittieħed inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 4610 finali, tat-28 ta’ Ġunju 2021, li temenda d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Dispożittiv

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn J.P. Morgan Services LLP.

L-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 finali, tas-7 ta’ Diċembru 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE [Każ AT.39914 – Derivattivi mir-rati tal-imgħax f’euro (EIRD)] huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil JPMorgan Chase & Co. u JPMorgan Chase Bank, National Association.

L-ammont tal-multa, li għaliha JPMorgan Chase & Co. u JPMorgan Chase Bank, National Association huma responsabbli in solidum għaliha, huwa ffissat għal EUR 337 196 000.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 112, 10.4.2017.