Language of document : ECLI:EU:C:2023:790

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali għal atti ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ imputat fi Stat Membru wara l-għeluq tal-proċedura kriminali mibdija kontrih għall-istess atti mill-prosekutur ta’ Stat Membru ieħor – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun jista’ jitqies li l-imputat ġie ġġudikat b’mod definittiv – Kundizzjoni ta’ determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża – Rekwiżit ta’ istruttorja ddettaljata – Assenza ta’ interrogazzjoni tal-imputat”

Fil-Kawża C‑147/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

Terhelt5,

fil-preżenza ta’:

Központi Nyomozó Fġügyészség,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Terhelt5, minn B. Gyalog, ügyvéd,

–        għall-Központi Nyomozó Főügyészség, minn G. Egri u P. Fürcht, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, K. Szíjjártó u M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u E. Samoilova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn L. Lanzrein u V. Michel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Béres u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KTFS”), kif ukoll tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fl-Ungerija mill-Központi Nyomozó Fġügyészség (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Nazzjonali, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“KNF”) kontra Terhelt5, ċittadin Ungeriż (iktar ’il quddiem l-“akkużat”), essenzjalment għal atti ta’ korruzzjoni li għalihom dan tal-aħħar kien diġà s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Awstrija, li wasslu sabiex iż-Zentrale Staatsanwaltschaft zur Verfolgung von Wirtschaftsstrafsachen und Korruption (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ċentrali għall-Prosekuzzjoni tar-Reati Finanzjarji u l-Korruzzjoni, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“WKStA”) jordna r-rinunzja għall-atti.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 54 tal-KTFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III tagħha, jipprevedi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

4        L-Artikolu 57(1) tal-KTFS jipprovdi:

“Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza.”

 Iddritt Ungeriż

5        L-Artikolu XXVIII(6) tal-Magyarország Alaptörvénye (il-Liġi Bażika tal-Ungerija) jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-każijiet eċċezzjonali previsti mil-liġi fir-rigward tar-rimedji legali, ħadd ma għandu jkun suġġett għal prosekuzzjoni kriminali jew kundanna għal reat kriminali li fir-rigward tiegħu jkun ġie illiberat jew ikkundannat b’deċiżjoni finali taħt il-leġiżlazzjoni tal-Ungerija jew – sa fejn stabbilit minn trattat internazzjonali jew att tal-Unjoni Ewropea – taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor.”

6        Skont l-Artikolu 4(3) tal-büntetőeljárásról szóló 2017. évi XC. törvény (il-Liġi Nru XC tal‑2017 dwar il-Proċedura Kriminali), ma jistgħux jinbdew proċeduri kriminali u, jekk ikunu nbdew, għandhom jiġu rrinunzjati jekk l-atti mwettqa mill-awtur ta’ reat ikunu diġà ġew aġġudikati b’deċiżjoni finali, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri straordinarji ta’ rimedju u ċerti proċeduri speċjali disponibbli.

7        L-Artikolu 4(7) ta’ din il-liġi jipprevedi li proċeduri kriminali ma jistgħux jinbdew u, jekk ikunu nbdew, dawn għandhom jingħalqu jekk l‑awtur tar-reat ikun diġà ġie suġġett għal deċiżjoni finali fi Stat Membru tal-Unjoni, jew deċiżjoni fil-mertu tal-kawża tkun ġiet adottata fi Stat Membru, li, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, tipprekludi fir-rigward tal-istess atti kemm il-bidu ta’ proċeduri kriminali ġodda kif ukoll it-tkomplija ta’ proċeduri kriminali ex officio jew abbażi ta’ rimedji ġudizzjarji ordinarji.

8        L-Artikolu 254 tal-Büntető Törvénykönyvről szóló 1978. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal‑1978 li tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali) kien jipprevedi:

“(1)      Kull min jagħti jew iwiegħed vantaġġ indebitu lil impjegat jew lil membru ta’ korp baġitarju, ta’ organizzazzjoni professjonali jew ta’ organu soċjali, jew lil xi ħadd ieħor fl-interess tiegħu, sabiex jonqos mill-obbligi tiegħu, huwa ħati ta’ reat u jista’ jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iżjed minn tliet snin.

(2)      Ir-reat ikun punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux iżjed minn ħames snin jekk il-vantaġġ indebitu jingħata jew jiġi mwiegħed lil impjegat jew lil membru ta’ korp baġitarju, ta’ organizzazzjoni professjonali jew ta’ organu soċjali awtorizzat li jieħu miżuri b’mod awtonomu.”

 Iddritt Awstrijak

9        L-Artikolu 190 tas-Strafprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StPO”), intitolat “Għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-prosekuzzjoni għandha ttemm il-proċeduri kriminali u tagħlaq il-proċedura istruttorja meta:

1.      ir-reat li huwa s-suġġett tal-proċedura istruttorja ma jkunx punibbli bil-liġi jew, għal raġunijiet legali, ma jkunx permissibbli li l-prosekuzzjoni tal-akkużat titkompla, jew

2.      ma jkun hemm l-ebda raġuni reali sabiex jitkomplew il-proċeduri kontra l-akkużat.”

10      Skont l-Artikolu 193 tas-StPO, intitolat “Proċeduri ulterjuri”:

“(1)      Ladarba jingħalqu l-proċeduri, ma tista’ ssir l-ebda istruttorja ulterjuri kontra l-akkużat; jekk ikun il-każ, il-prosekuzzjoni għandha tordna l-ħelsien tiegħu. Madankollu, jekk id-deċiżjoni relatata mat-tkomplija tal-proċedura teħtieġ ċerti atti istruttorji jew amministrazzjoni ta’ provi, il-prosekutur jista’, minn żmien għal żmien, jordna t-twettiq tagħhom jew iwettaqhom.

(2)      Il-prosekutur jista’ jordna t-tkomplija ta’ istruttorja magħluqa taħt l-Artikolu 190 jew l-Artikolu 191 sakemm il-proċeduri kriminali relatati mar-reat ma jkunux preskritti u jekk:

1.      l-akkużat ma jkunx ġie interrogat fir-rigward ta’ dan ir-reat […] u ma tkun ġiet imposta fuqu ebda restrizzjoni f’dan ir-rigward, jew

2.      jinqalgħu jew jidhru fatti jew provi ġodda li, waħedhom jew flimkien ma’ riżultati oħra tal-proċeduri, jidhru li jiġġustifikaw il-kundanna tal-akkużat […]

[…]”

11      Skont l-Artikolu 195 tas-StPO, vittma ta’ reat tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, titlob li titkompla proċedura ta’ investigazzjoni li tkun ingħalqet, kemm‑il darba dak ir-reat ma jkunx ġie preskritt. Jekk il-prosekutur iqis li t-talba tal-vittma hija ġġustifikata, huwa għandu jkompli l-proċeduri indipendentement mir-rekwiżiti previsti fil-punt 1 jew fil-punt 2 tal-Artikolu 193(2) tas-StPO.

12      L-Artikolu 307 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StGB”), intitolat “Korruzzjoni”, fil-verżjoni tiegħu li tapplika fil-kawża prinċipali, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull min

[…]

6.      […] joffri, iwiegħed jew jikseb lil uffiċjal pubbliku barrani, għalih innifsu jew għal terz, vantaġġ sabiex iwettaq jew jonqos milli jwettaq, bi ksur ta’ dmirijietu, atti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu sabiex jinkiseb jew jinżamm kuntratt jew kwalunkwe vantaġġ indebitu ieħor fi tranżazzjonijiet internazzjonali, jeħel piena ta’ priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sentejn.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Fit‑22 ta’ Awwissu 2012, il-WKStA beda, fl-Awstrija, proċeduri kriminali kontra żewġ persuni ta’ nazzjonalità Awstrijaka, taħt suspett ta’ ħasil tal-flus, ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi u ta’ korruzzjoni, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 307(1) tal-iStGB, kif ukoll kontra l-akkużat, taħt suspett ta’ korruzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

14      L-investigazzjonijiet kienu jirrigwardaw fatti li seħħew bejn is-sena 2005 u s-sena 2010 u kienu jikkonċernaw suspetti ta’ tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi permezz ta’ diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri differenti sabiex tiġi influwenzata d-deċiżjoni li għandha tittieħed fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ ferroviji ġodda għal żewġ linji tal-metro f’Budapest (l-Ungerija). Dawn kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, fi trasferimenti ta’ somom ta’ ammont totali ta’ diversi miljuni ta’ euro bħala ħlas għal servizzi ta’ konsulenza li kien issuspettat li qatt ma kienu ġew tassew ipprovduti.

15      L-akkużat, li allegatament kien jaf bin-natura fittizzja tal-kuntratti ta’ konsulenza u bil-għan veru tagħhom, kien taħt suspett li, sabiex jikseb dan il-kuntratt pubbliku, fittex li jxaħħam lill-persuna jew lill-persuni li kienu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw lil dawk li kellhom jiddeċiedu lil min għandu jingħata dan il-kuntratt. B’mod iktar speċifiku, bejn il‑5 ta’ April 2007 u t‑8 ta’ Frar 2010, huwa allegatament għamel diversi ħlasijiet minn kumpannija li jammontaw għal iktar minn EUR 7 000 000 lil uffiċjali pubbliċi li kienu awturi tar-reat ta’ tixħim passiv u li baqgħu mhux magħrufa.

16      Dawn is-suspetti fil-konfront tal-akkużat kienu bbażati fuq informazzjoni pprovduta mis-Serious Fraud Office (l-Uffiċju tal-Frodi Serji, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem is-“SFO”) fil-kuntest ta’ talba għal assistenza ġudizzjarja relatata ma’ investigazzjoni ta’ grupp ta’ impriżi Brittaniċi, fuq l-analiżi ta’ informazzjoni bankarja ta’ kumpannija Awstrijaka li l-produzzjoni tagħha ġiet ordnata mill-WKStA, kif ukoll fuq is-smigħ tal-persuni ssuspettati Awstrijaċi msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, li nstemgħu bħala xhieda.

17      L-akkużat ma nstemax bħala persuna ssuspettata matul l-investigazzjoni mmexxija mill-WKStA peress li l-miżura istruttorja li ttieħdet minn dan il-prosekutur fis‑26 ta’ Mejju 2014, intiża sabiex jinstab l-imputat, ma rnexxietx.

18      Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Novembru 2014, il-WKStA temm il-proċedura istruttorja u rrinunzja għall-atti tagħha, billi qies, filwaqt li rrifera għar-riżultati tal-investigazzjonijiet imwettqa sa dak iż-żmien mill-awtoritajiet Awstrijaċi, Brittaniċi u Ungeriżi, li ma kienx hemm raġuni reali għal xiex għandhom jitkomplew il-proċeduri kriminali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 190 tas-StPO. Dan il-prosekutur qies li, billi ma kien hemm ebda prova li wieħed mill-persuni ssuspettati msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza u l-akkużat kienu tassew wettqu atti ta’ korruzzjoni msemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 307(1) tal-iStGB, dawn l-atti ma kinux ġew stabbiliti b’biżżejjed ċertezza sabiex jagħtu lok għal kundanna kriminali, b’tali mod li ttieħdet deċiżjoni ta’ rinunzja għall-atti.

19      Il-WKStA reġa’ eżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni ta’ rinunzja għall-atti iżda sab, kull darba, li l-kundizzjonijiet għat-tkomplija tal-proċedura, stabbiliti fl-Artikoli 193 u 195 tas-StPO, ma kinux issodisfatti peress li, b’mod partikolari, l-atti ta’ korruzzjoni li l-akkużat kien mixli bihom kienu ġew preskritti fl-Awstrija sa mhux iktar tard mis-sena 2015.

20      Fl‑10 ta’ April u fid‑29 ta’ Awwissu 2019, il-KNF ippreżenta, quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju, att ta’ akkuża li abbażi tiegħu nbdew proċeduri kriminali fl-Ungerija kontra l-akkużat għal atti ta’ korruzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 254(1) u (2) tal-Liġi Nru IV tal‑1978 li tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali, imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

21      Billi qieset li l-atti ta’ korruzzjoni li bihom huwa mixli l-akkużat kienu l-istess bħal dawk li kienu diġà s-suġġett ta’ investigazzjonijiet immexxija fl-Awstrija mill-WKStA qabel ma dan il-prosekutur irrinunzja għall-atti tagħhom, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Diċembru 2020, temmet dawn il-proċeduri skont il-prinċipju ta’ ne bis in idem kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) u (7) tal-Liġi Nru XC tal‑2017 dwar il-Proċedura Kriminali, imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza.

22      Dan id-digriet ġie annullat permezz ta’ digriet tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Budapest, l-Ungerija) tal‑15 ta’ Ġunju 2021, li bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tar-rinviju.

23      Skont il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Budapest), id-digriet tal-WKStA tat‑3 ta’ Novembru 2014 li temm l-investigazzjoni, imsemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li huwa deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta u tal-Artikolu 54 tal-KFS, peress li d-dokumenti disponibbli ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod ċar li dan id-digriet huwa bbażat fuq evalwazzjoni tal-provi ddettaljata biżżejjed u kompleta. B’mod partikolari, xejn ma juri li l-WKStA ġabar xi provi għajr is-smigħ taż-żewġ persuni ssuspettati Awstrijaċi msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza jew li sema’ xi waħda mill-kważi 90 persuna msemmija mill-KNF fl-att tal-akkuża tiegħu, bil-ħsieb li jinstemgħu jew li jagħtu xhieda. Barra minn hekk, l-akkużat ma nstemax bħala persuna ssuspettata.

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-[Karta] u fl-Artikolu 54 tal-KTFS jipprekludi t-tressiq ta’ proċeduri kriminali mibdija fi Stat Membru kontra l-istess persuna u l-istess fatti li fir-rigward tagħhom diġà tressqu, fi Stat Membru ieħor, proċeduri kriminali li ntemmu definittivament permezz ta’ deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li tordna t-tmiem tal-investigazzjoni?

(2)      Iċ-ċirkustanza li, anki meta jkun hemm deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li tordna t-tmiem tal-proċeduri kriminali (investigazzjoni) fi Stat Membru, ikun possibbli li l-investigazzjoni terġa’ tinfetaħ sal-mument li r-reat isir preskritt, anki jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ma qiesx li jkun iġġustifikat li jerġa’ jiftaħ tali investigazzjoni ex officio, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal-KTFS, li jipprojbixxi definittivament il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali ġodda fi Stat Membru kontra l-istess persuna u l-istess fatti?

(3)      Investigazzjoni li ġiet mitmuma fir-rigward ta’ imputat li ma ġiex interrogat fil-kwalità ta’ persuna investigata dwar reat li jinvolvi l-koimputati tiegħu, anki meta kontra l-imsemmija persuna twettqu atti ta’ investigazzjoni fil-kwalità ta’ imputat, u l-fatt li t-tmiem tal-investigazzjoni kien ibbażat kemm fuq data ta’ investigazzjoni li saret magħrufa wara talba ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, kemm fuq il-produzzjoni ta’ data relatata ma kontijiet bankarji, kif ukoll fuq l-interrogazzjoni tal-koimputati fil-kwalità tagħhom ta’ persuni investigati, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal-KTFS u tista’ titqies li twettqet b’mod suffiċjentement iddettaljat u eżawrjenti?”

 Fuq iddomandi preliminari

25      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KTFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni definittiva, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, deċiżjoni liberatorja favur imputat li tittieħed, fl-ewwel Stat Membru, wara istruttorja li essenzjalment tirrigwarda atti ta’ korruzzjoni, fejn dan l-imputat ikun is-suġġett, għall-istess atti, ta’ proċeduri kriminali ġodda fi Stat Membru ieħor u fejn:

–        id-deċiżjoni liberatorja tkun ittieħdet mill-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru mingħajr impożizzjoni ta’ piena u mingħajr intervent ta’ qorti u tkun ġiet motivata mill-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kwalunkwe prova li tista’ turi li l-imputat tassew wettaq ir-reat li huwa mixli bih;

–        skont id-dritt nazzjonali applikabbli fl-ewwel Stat Membru, minkejja n-natura definittiva ta’ tali deċiżjoni liberatorja, l-uffiċċju tal-prosekutur ikollu l-possibbiltà li jkompli l-proċeduri f’kundizzjonijiet strettament iddefiniti, bħal meta jseħħu fatti jew jinkixfu provi sinjifikattivi ġodda, kemm‑il darba, f’kull każ, ir-reat ma jkunx ġie preskritt, u

–        matul l-istruttorja, l-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru jkun ġabar informazzjoni mingħajr, madankollu, ma jkun interroga lill-akkużat, li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħala persuna ssuspettata, peress li l-miżura istruttorja li kienet ta’ natura ta’ restrizzjoni koerċittiva, intiża sabiex jinstab l-akkużat, ma rnexxietx.

26      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (il-kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni preċedenti u l-proċeduri jew id-deċiżjonijiet sussegwenti jkunu jikkonċernaw l-istess fatti (il-kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Dual Prod, C‑412/21, EU:C:2023:234, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha b’mod espliċitu fuq il-premessa li, f’dan il-każ, din l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

28      Dwar l-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex persuna tkun tista’ titqies li “l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KTFS, minn naħa, il-proċeduri kriminali għandhom ikunu ġew “definittivament eżawriti” wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni kriminali inkwistjoni, bħal, f’dan il-każ, deċiżjoni liberatorja u, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni għandha tingħata wara “determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 34 u 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit li l-proċeduri kriminali għandhom ikunu ġew definittivament eżawriti, għandu jitfakkar, fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel żewġ inċiżi msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-Artikolu 54 tal-KTFS japplika wkoll għal deċiżjonijiet ta’ awtorità fdata bl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, bħal prosekutur, li jtemmu definittivament il-proċeduri kriminali fi Stat Membru, mingħajr l-impożizzjoni ta’ piena u minkejja li tali deċiżjonijiet ikunu ttieħdu mingħajr l-intervent ta’ qorti u li ma jiħdux il-forma ta’ sentenza. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit għandha ssir abbażi tad-dritt tal-Istat kontraenti li jkun ta d-deċiżjoni kriminali inkwistjoni u għandha tiżgura li d-deċiżjoni inkwistjoni tagħti lok, f’dan l-Istat, għall-protezzjoni li jagħti l-prinċipju ta’ ne bis in idem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C‑491/07, EU:C:2008:768, punti 35 u 36, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 35 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-fatt li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-proċeduri kriminali li jkunu ngħalqu permezz ta’ deċiżjoni liberatorja jistgħu jinfetħu mill-ġdid fil-każ ta’ “fatti jew rivelazzjonijiet ġodda”, bħal akkużi ġodda, ma jistax iqiegħed f’dubju n-natura definittiva ta’ din id-deċiżjoni peress li din tal-aħħar ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-proċeduri kriminali, sa fejn din il-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid, minkejja li ma tikkostitwixxix “rimedju straordinarju”, timplika, madankollu, it-tressiq eċċezzjonali, u dan abbażi ta’ provi differenti, ta’ proċedura distinta, pjuttost milli s-sempliċi kontinwazzjoni tal-proċedura li tkun diġà ngħalqet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2016:1057, punti 37 sa 40).

31      F’dan il-każ, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-fatt li d-dritt Awstrijak jipprevedi, minn naħa, fil-punt 2 tal-Artikolu 193(2) tas-StPO, it-tkomplija ta’ proċedura li tkun ingħalqet wara li tittieħed deċiżjoni liberatorja f’kundizzjonijiet stretti, jiġifieri meta “jinqalgħu jew jidhru fatti jew provi ġodda li, waħedhom jew flimkien ma’ riżultati oħra tal-proċeduri, jidhru li jiġġustifikaw il-kundanna tal-akkużat”, ma jistax iqiegħed f’dubju n-natura definittiva ta’ din id-deċiżjoni.

32      L-istess jgħodd, min-naħa l-oħra, għall-possibbiltà l-oħra li titkompla l-proċedura prevista mid-dritt Awstrijak, irregolata wkoll b’mod strett, jiġifieri meta, skont il-punt 1 tal-Artikolu 193(2) tas-StPO, “l-imputat ma jkunx ġie interrogat fir-rigward ta’ dan ir-reat […] u ma tkun ġiet imposta fuqu ebda restrizzjoni f’dan ir-rigward”.

33      Fil-fatt, din il-possibbiltà, minkejja li ma tikkostitwixxix “rimedju straordinarju”, timplika, fid-dawl taż-żewġ kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta, it-tressiq eċċezzjonali ta’ proċedura distinta, pjuttost milli s-sempliċi kontinwazzjoni tal-proċedura li tkun diġà ngħalqet, li l-għan tagħha huwa li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni liberatorja fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-imputat fil-każ fejn, sussegwentement, dan tal-aħħar seta’ ġie interrogat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, l-uffiċju tal-prosekutur ma setax jinqeda minn din il-possibbiltà wara li ttieħdet id-deċiżjoni liberatorja, peress li huwa paċifiku li, anki jekk l-imputat ma ġiex interrogat, ġiet, madankollu, eżerċitata “koerċizzjoni” fil-konfront tiegħu fil-forma ta’ miżura istruttorja, intiża sabiex jinstab l-imputat, li ma rnexxietx.

34      In-natura strettament irregolata u eċċezzjonali ta’ dawn il-possibbiltajiet li titkompla proċedura li tkun diġà ngħalqet hija kkorroborata mill-fatt li, skont l-Artikolu 193(2) tas-StPO, ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ma huwiex, f’kull każ, possibbli jekk, sadanittant, ir-reat ikun ġie preskritt. Dan kien il-każ f’din il-kawża, peress li huwa paċifiku li, tal-inqas mis-sena 2015, seħħet il-preskrizzjoni tar-reat, jiġifieri ftit xhur biss wara li ttieħdet id-deċiżjoni liberatorja, fix-xahar ta’ Novembru 2014.

35      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jeżistu possibbiltajiet li titkompla proċedura li tkun diġà ngħalqet sa fejn ir-reat ikun għadu ma ġiex preskritt iżda li, f’dan il-każ, l-uffiċċju tal-prosekutur ma jkunx inqeda minn dawn il-possibbiltajiet qabel il-preskrizzjoni tar-reat, ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju n-natura definittiva ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura meta l-proċeduri kriminali ma jkunux ġew definittivament eżawriti.

36      Fil-fatt, billi dawn il-possibbiltajiet eċċezzjonali li titkompla proċedura li tkun diġà ngħalqet, kif strettament irregolati mill-Artikolu 193(2) tas-StPO, ma jistgħux jaffettwaw in-natura definittiva ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura meħuda abbażi tal-Artikolu 190 tas-StPO, id-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur li ma jinqediex minn waħda jew l-oħra minn dawn il-possibbiltajiet minħabba li l-kundizzjonijiet sabiex isir dan ma kinux issodisfatti lanqas ma tista’ tqiegħed f’dubju n-natura definittiva tal-imsemmija deċiżjoni.

37      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Awstrijak, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) u għad-duttrina Awstrijaka, sostna li, fid-dritt Awstrijak, id-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur li jirrinunzja għall-proċedura skont l-Artikolu 190 tas-StPO, “billi ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ rimedju ordinarju, tipproduċi, sa mill-mument li fih tittieħed, l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ natura definittiva, kemm mill-perspettiva sostantiva kif ukoll minn dik proċedurali”. Fost l-effetti tagħha, dan il-gvern isemmi l-hekk imsejjaħ effett ta’ “imblukkar” (“Sperrwirkung”) li jirriżulta minn tali deċiżjoni, skont il-prinċipju ta’ ne bis in idem, fir-rigward tal-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri l-oħra, sa fejn din id-deċiżjoni tkun ittieħdet wara eżami minn qabel tal-mertu kif ukoll wara evalwazzjoni tal-fondatezza tar-reat li l-imputat huwa ssuspettat li wettaq.

38      Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel żewġ inċiżi msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza ma humiex ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-fatt li, f’dan il-każ, ir-rekwiżit, imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li l-proċeduri kriminali għandhom ikunu ġew “definittivament eżawriti”, huwa ssodisfatt.

39      Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżit, imfakkar ukoll fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċeduri kriminali inkwistjoni tkun ingħatat wara “determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża”, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li ċ-ċirkustanza, imsemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 25 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura tkun ittieħdet minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe prova ta’ natura li turi li l-imputat tassew wettaq il-ksur li huwa mixli bih ma timplikax li din it-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li liberazzjoni minħabba insuffiċjenza ta’ provi hija bbażata fuq determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten, C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 60).

40      It-tieni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura definittiva tas-sentenza, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KTFS, għandha ssir mhux biss fid-dawl tal-għan ta’ dan l-artikolu li jfittex li jiggarantixxi li kull min ikun ġie kkundannat u skonta l-piena tiegħu jew, jekk ikun il-każ, ikun ġie lliberat definittivament fi Stat Membru, ikun jista’ jiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ ta’ proċeduri ġodda, għall-istess fatti, fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi promossa l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha, fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja skont l-Artikolu 3(2) TUE (ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 47, u tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      It-tielet, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa, min-naħa tiegħu, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu li jinħoloq u jinżamm spazju mingħajr fruntieri interni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 92, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 54 tal-KTFS, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu neċessarjament jimplika li għandha teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, anki meta l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu tkun twassal għal soluzzjoni differenti. Din il-fiduċja reċiproka teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tat-tieni Stat Membru jaċċettaw deċiżjoni definittiva li tkun ingħatat fit-territorju tal-ewwel Stat kontraenti hekk kif tkun ġiet ikkomunikata lil dawn l-awtoritajiet (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 93, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-imsemmija fiduċja reċiproka tista’ tirnexxi biss jekk it-tieni Stat kontraenti jkun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu, abbażi tad-dokumenti kkomunikati mill-ewwel Stat kontraenti, li d-deċiżjoni kkonċernata meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat tikkostitwixxi fil-fatt deċiżjoni definittiva li tinkludi determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar tal-Interpol), C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Ir-raba’, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni tal-uffiċju tal-prosekutur li ttemm il-proċeduri kriminali u li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni ma tistax titqies li tkun ingħatat wara determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża u, għaldaqstant, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni definittiva”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KTFS, meta mill-motivazzjoni stess ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li ma kienx hemm istruttorja ddettaljata, li mingħajrha tista’ tiġi kkontestata l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u li, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ smigħ tal-vittma u dak ta’ xhud potenzjali jikkostitwixxu indizju li ma saritx istruttorja ddettaljata fil-kawża prinċipali (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 53).

45      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tal-WKStA li jagħlaq il-proċeduri kriminali tteħditx wara “istruttorja ddettaljata”, fis-sens tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483), b’tali mod li din id-deċiżjoni tista’ titqies li ngħatat wara determinazzjoni dwar il-mertu kif jeżiġi l-Artikolu 54 tal-KTFS, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li ssemmi l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha u riprodotti fit-tielet inċiż imsemmi fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li, waqt l-investigazzjoni, l-uffiċċju tal-prosekutur ġabar informazzjoni fil-kuntest ta’ talba għal assistenza ġudizzjarja, kif ukoll wara li ngħata aċċess għal kontijiet bankarji u sema’ żewġ persuni ssuspettati oħra, iżda ma interrogax lill-imputat, peress li l-miżura istruttorja li għandha n-natura ta’ restrizzjoni koerċittiva, intiża sabiex jinstab l-imputat, finalment ma rnexxietx.

46      Kif jirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483), fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, l-uffiċċju tal-prosekutur, “mingħajr ma saret ebda investigazzjoni iktar fid-dettall sabiex jinġabru u jiġu eżaminati xi provi”, ma kompliex bil-proċeduri kriminali “għar-raġuni biss li l-akkużat kien irrifjuta li jagħti xhieda u li l-vittma u xhud ta’ hearsay kienu jirrisjedu fil-Ġermanja, u għalhekk ma setgħux jinstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni [fil-Polonja] u li, għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-vittma ma setgħux jiġu vverifikati”. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li d-deċiżjoni li ttemm il-proċeduri kriminali abbażi ta’ tali investigazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li ssegwi determinazzjoni dwar il-mertu.

47      Mill-banda l-oħra, f’dan il-każ, huwa paċifiku, minn naħa, li, matul investigazzjoni li damet iktar minn sentejn, il-WKStA kellu aċċess għal kontijiet bankarji fil-kuntest ta’ talba għal assistenza ġudizzjarja mill-awtoritajiet Brittaniċi, jiġifieri s-SFO, kif ukoll għal kontijiet bankarji oħra, u sema’ żewġ persuni ssuspettati oħra ta’ nazzjonalità Awstrijaka msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza.

48      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Awstrijak jirrileva li l-flussi tal-flus identifikati wara li ngħata aċċess għall-imsemmija kontijiet bankarji ġew analizzati mill-Bundesamt für Korrutionsprävention und Korrutionsbekämpfung (l-Uffiċċju Federali Awstrijak għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, l-Awstrija). Wara laqgħa ta’ koordinazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għat-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust) f’Mejju 2014, is-SFO informa lill-WKStA li ma kien hemm ebda prova ġdida li twassal għall-identifikazzjoni ta’ uffiċjal pubbliku b’mod partikolari fl-Ungerija, billi l-aċċess għal kontijiet, kemm fis-Slovakkja kif ukoll f’Ċipru, ma pprovda ebda indikazzjoni dwar dan il-punt. Barra minn hekk, irriżulta li huwa dubjuż li t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-kontijiet mitluba mis-SFO fil-Liechtenstein tista’ tagħti iktar kjarifiki. Fit‑3 ta’ Novembru 2014, l-Eurojust informat lill-WKStA li l-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi lanqas ma setgħu jsaħħu s-suspetti ta’ reat.

49      Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, f’dan il-każ, l-imputat ma ġiex interrogat, huwa paċifiku li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, dan ġara għaliex huwa kien is-suġġett ta’ miżura istruttorja ta’ natura koerċittiva intiża sabiex jinstab, anki jekk din finalment ma rnexxietx.

50      Kif sostna wkoll, essenzjalment, il-Gvern Svizzeru, is-sempliċi fatt li l-imputat ma nstemax matul l-investigazzjoni jikkostitwixxi, bħala tali, indikazzjoni tal-assenza ta’ istruttorja ddettaljata biss sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jobbliga lill-uffiċju tal-prosekutur jisma’ lill-imputat qabel ma tittieħed deċiżjoni li tagħlaq l-istruttorja. Issa, għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 193(2) tas-StPO jipprevedi, b’mod espliċitu, il-possibbiltà li jitkomplew il-proċeduri kriminali wara li tkun ittieħdet deċiżjoni liberatorja fejn l-imputat ma jkunx ġie interrogat għar-reat li tiegħu huwa ssuspettat u kemm‑il darba ebda restrizzjoni ma tkun ġiet imposta fuqu f’dan ir-rigward. Għalhekk, jidher li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, f’ċerti ċirkustanzi, tali deċiżjoni tista’ tittieħed mingħajr ma l-imputat jiġi interrogat.

51      Għalkemm, f’tali ipoteżi, l-assenza ta’ smigħ tal-imputat bħala persuna ssuspettata ma tistax, waħedha, tiġġustifika l-konklużjoni li ma saritx istruttorja ddettaljata, xorta jibqa’ l-fatt, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-fatt jista’ madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni fost indizji rilevanti possibbli oħra li jixhdu tali assenza ta’ istruttorja ddettaljata. Għal dan l-għan, għandu jiġi stabbilit li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kien raġonevolment id-dmir tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru li jieħu miżura istruttorja li tiżgura interrogazzjoni effettiva tal-imsemmi imputat li seta’, manifestament, jipproduċi fatti jew provi ġodda li jistgħu jqiegħdu f’dubju, b’mod sinjifikattiv, il-fondatezza ta’ deċiżjoni liberatorja. B’dan premess, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, prosekutur ma jistax jinżamm milli jiġbed konklużjonijiet mill-fatt li imputat ikun ħarab minn jeddu l-possibbiltà li jinstema’ billi, pereżempju, jagħmel lilu nnifsu mhux aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-pulizija.

52      B’mod ġenerali, huwa biss f’każijiet pjuttost eċċezzjonali li t-tieni Stat Membru jista’ jikkonkludi li ma saritx istruttorja ddettaljata fl-ewwel Stat Membru, jiġifieri fejn, fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli tal-ewwel Stat Membru, dan ikun manifestament il-każ fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-motivi li jinsabu f’din id-deċiżjoni, kif ukoll tal-informazzjoni li tkun possibbilment ġiet ikkomunikata qabel tittieħed dik id-deċiżjoni mill-ewwel Stat Membru bi tweġiba, jekk ikun il-każ, għal talba indirizzata lilu mit-tieni Stat Membru.

53      Fil-fatt, il-konstatazzjoni mit-tieni Stat Membru tal-assenza ta’ istruttorja ddettaljata għandha tkun l-eċċezzjoni pjuttost milli r-regola, peress li, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 39 sa 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali konstatazzjoni hija meħtieġa f’kull każ fejn mill-kliem tad-deċiżjoni kriminali kkonċernata jirriżulta li din tal-aħħar ma segwiet ebda istruttorja jew evalwazzjoni reali tar-responsabbiltà kriminali tal-imputat jew inkella li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, din id-deċiżjoni essenzjalment ittieħdet għal raġunijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura purament proċedurali jew għal raġunijiet ta’ opportunità, ta’ ekonomija jew ta’ politika ġudizzjarja.

54      Tali kunċett huwa bi qbil mal-għan speċifiku li jfittex li jilħaq l-Artikolu 54 tal-KTFS, li jiggarantixxi li persuna li tkun ġiet illiberata b’mod definittiv fi Stat Membru tkun tista’ tiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ li jinfetħu proċeduri kriminali kontriha, fir-rigward tal-istess fatti, fi Stat Membru ieħor, kif imsemmi fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent bejn l-Istati Membri li fuqhom huwa msejjes il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’din id-dispożizzjoni kif ukoll fl-Artikolu 50 tal-Karta, kif jirriżulta mill-punti 41u 42 ta’ din is-sentenza.

55      Dan l-għan u dawn il-prinċipji jipprekludu, mill-banda l-oħra, li l-prosekutur tat-tieni Stat Membru, meta jagħmel il-ħsieb li jibda proċeduri kontra persuna li jkunu diġà ttieħdu passi kontriha u li, wara istruttorja, kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni liberatorja definittiva għall-istess fatti fl-ewwel Stat Membru, iwettaq eżami ddettaljat ta’ din l-istruttorja sabiex jiddetermina, b’mod unilaterali, jekk din hijiex iddettaljata biżżejjed fid-dawl tad-dritt tal-ewwel Stat Membru.

56      Barra minn hekk, meta il-prosekutur tat-tieni Stat Membru jkollu dubji serji u konkreti dwar in-natura ddettaljata jew suffiċjentement eżawrjenti tal-istruttorja mmexxija mill-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru fid-dawl tal-fatti u tal-provi li kienu għad-dispożizzjoni ta’ dan il-prosekutur matul l-istruttorja jew li dan seta’ effettivament ikollu billi jieħu l-miżuri investigattivi raġonevolment meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-imsemmi prosekutur għandu javviċina lill-prosekutur tal-ewwel Stat Membru sabiex jitlob l-għajnuna tiegħu, b’mod partikolari dwar id-dritt nazzjonali applikabbli u r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni liberatorja li tittieħed wara din l-istruttorja, billi jirrikorri, pereżempju, għall-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni previst għal dan l-għan fl-Artikolu 57 tal-KTFS.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri, b’mod ġenerali u għalhekk, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KTFS, li jirrispettaw lil xulxin u li jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati.

58      B’dan premess, għalkemm l-elementi fattwali mfakkra fil-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza, kemm‑il darba jiġu pprovati, huma intiżi li jikkonfermaw li l-istruttorja mwettqa fl-ewwel Stat Membru ma hijiex manifestament nieqsa mid-dettall, xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’dan il-każ dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem sabiex tevalwa n-natura ddettaljata tal-istruttorja fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha f’dan ir-rigward.

59      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni kumplessiva, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tieħu inkunsiderazzjoni, fost indizji rilevanti possibbli oħra li jixhdu l-assenza tan-natura ddettaljata tal-istruttorja mmexxija fl-ewwel Stat Membru, il-fatt li l-imputat ma jkunx ġie interrogat bħala persuna ssuspettata.

60      Fid-dawl ta’ dan premess, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KTFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni definittiva, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, deċiżjoni liberatorja favur imputat li tittieħed fl-ewwel Stat Membru wara istruttorja li tirrigwarda essenzjalment fatti ta’ korruzzjoni, fejn dan l-imputat ikun is-suġġett, għall-istess fatti, ta’ proċeduri kriminali ġodda fit-tieni Stat Membru u fejn:

–        id-deċiżjoni liberatorja tkun ittieħdet mill-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru mingħajr impożizzjoni ta’ piena u mingħajr intervent ta’ qorti u tkun ġiet motivata mill-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kwalunkwe prova li tista’ turi li l-imputat tassew wettaq ir-reat li huwa mixli bih;

–        skont id-dritt nazzjonali applikabbli fl-ewwel Stat Membru, minkejja n-natura definittiva ta’ tali deċiżjoni liberatorja, l-uffiċċju tal-prosekutur ikollu l-possibbiltà li jkompli l-proċedura f’kundizzjonijiet strettament iddefiniti, bħal meta jseħħu fatti jew jinkixfu provi ġodda sinjifikattivi, u kemm‑il darba, f’kull każ, ir-reat ma jkunx ġie preskritt, u

–        matul l-istruttorja, l-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru jkun ġabar informazzjoni mingħajr, madankollu, ma jkun interroga lill-akkużat, li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, billi l-miżura istruttorja li għandha n-natura ta’ restrizzjoni koerċittiva, intiża sabiex jinstab l-akkużat, finalment ma rnexxietx,

sa fejn l-assenza ta’ interrogazzjoni tal-imputat mill-prosekutur tal-ewwel Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-prosekutur tat-tieni Stat Membru fost indizji rilevanti possibbli oħra li jixhdu l-assenza ta’ istruttorja ddettaljata fl-ewwel Stat Membru, kemm‑il darba, madankollu, jiġi stabbilit li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kien raġonevolment id-dmir tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru li jieħu miżura istruttorja li tiżgura interrogazzjoni effettiva tal-imsemmi imputat li setgħet, manifestament, tipproduċi fatti jew provi ġodda li setgħu jqiegħdu f’dubju, b’mod sinjifikattiv, il-fondatezza ta’ deċiżjoni liberatorja.

 Fuq lispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l14 ta’ Ġunju 1985 bejn il Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis26 ta’ Marzu 1995, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għandha tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni definittiva, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, deċiżjoni liberatorja favur imputat li tittieħed fl-ewwel Stat Membru wara istruttorja li tirrigwarda essenzjalment fatti ta’ korruzzjoni, fejn dan l-imputat ikun is-suġġett, għall-istess fatti, ta’ proċeduri kriminali ġodda fit-tieni Stat Membru u fejn:

–        id-deċiżjoni liberatorja tkun ittieħdet mill-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru mingħajr impożizzjoni ta’ piena u mingħajr intervent ta’ qorti u tkun ġiet motivata mill-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kwalunkwe prova li tista’ turi li l-imputat tassew wettaq ir-reat li huwa mixli bih;

–        skont id-dritt nazzjonali applikabbli fl-ewwel Stat Membru, minkejja n-natura definittiva ta’ tali deċiżjoni liberatorja, l-uffiċċju tal-prosekutur ikollu l-possibbiltà li jkompli l-proċedura f’kundizzjonijiet strettament iddefiniti, bħal meta jseħħu fatti jew jinkixfu provi ġodda sinjifikattivi, u kemmil darba, f’kull każ, ir-reat ma jkunx ġie preskritt, u

–        matul l-istruttorja, l-uffiċċju tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru jkun ġabar informazzjoni mingħajr, madankollu, ma jkun interroga lill-imputat, li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, peress li l-miżura istruttorja li għandha n-natura ta’ restrizzjoni koerċittiva, intiża sabiex jinstab l-imputat, finalment ma rnexxietx,

sa fejn l-assenza ta’ interrogazzjoni tal-imputat mill-prosekutur tal-ewwel Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-prosekutur tat-tieni Stat Membru fost indizji rilevanti possibbli oħra li jixhdu l-assenza ta’ istruttorja ddettaljata fl-ewwel Stat Membru, kemmil darba, madankollu, jiġi stabbilit li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kien raġonevolment id-dmir tal-prosekutur tal-ewwel Stat Membru li jieħu miżura istruttorja li tiżgura interrogazzjoni effettiva tal-imsemmi imputat li setgħet, manifestament, tipproduċi fatti jew provi ġodda li setgħu jqiegħdu f’dubju, b’mod sinjifikattiv, il-fondatezza ta’ deċiżjoni liberatorja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.