Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Jannar 2011 - Rheinischer Sparkassen - und Giroverband vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-27/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Rheinischer Sparkassen- und Giroverband (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Rosenfeld u I. Liebach, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2010, C (2010) 9525 finali, Għajnuna mill-istat, MC 8/2009 u C 43/2009 - il-Ġermanja - WestLB, sa fejn tiċħad l-applikazzjoni tal-Ġermanja tat-28 ta' Ottubru 2010 intiża li testendi oltre l-15 ta' Frar 2011 it-terminu previst għall-bejgħ u t-terminazzjoni tal-operazzjonijiet il-ġodda ta' Westdeutsche Immobilienbank AG;

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2010, C(2010) 9525 finali, Għajnuna mill-istat, MC 8/2009 u C 43/2009 - il-Ġermanja - West LB, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet b'mod impliċitu li l-Ġermanja kienet ippreżentat applikazzjoni waħda biss intiża li testendi sal-15 ta' Frar 2011 it-terminu previst għall-bejgħ u t-terminazzjoni tal-operazzjonijiet il-ġodda ta' Westdeutsche Immobilienbank AG u, għalhekk, ma setgħetx tittieħed deċiżjoni fuq estensjoni oħra lil hinn minn din id-data;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha :

L-ewwel motiv: ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFEU

Ir-rikorrenti tqis li f'dan ir-rigward il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn ġabret iż-żewġ applikazzjonijiet ippreżentati mill-Ġermanja għall-estensjoni tat-terminu f'applikazzjoni waħda.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tat-terminu skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2009) 3900 finali, korretta fit-12 ta' Mejju 2009 dwar għajnuna mill-Istat, li l-Ġermanja beħsiebha talloka favur ir-ristrutturazzjoni ta' WestLB AG (C 43/2008 [ 390/2008] (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 2009") ma humiex sodisfatti.

It-tieni motiv: żbalji ta' evalwazzjoni u abbuż tal-poteri

Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-għoti tal-estensjoni tat-terminu, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni diskrezzjonali tagħha fuq konstatazzjoni fattwali żbaljata. Fil-fehma tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tippresupponi b'mod żbaljat li l-estensjoni tat-terminu ntalbet sal-15 ta' Frar 2011 biss, jew impliċitament tikkonstata li ma huwiex iktar neċsssarju li tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni oħra għal terminu itwal.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma għamlitx użu tal-possibbiltà li testendi t-terminu espliċitament stabbilita fl-Aritkolu 2(2) tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 2009, minkejja li l-kundizzjonijiet kienu sodisfatti. Minflok ma għamlet dan, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dritt mhux miktub għall-estensjoni sui generis, li ma għandux bażi legali u li l-kundizzjonijiet tiegħu huma tassew vagi.

It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni fost l-oħrajn li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-terminazzjoni tal-operazzjonijiet il-ġodda ta' Westdeutsche Immobilienbank AG b'effett mill-15 ta' Frar 2011 hija spoporzjonata meta mqabbla mal-iżvantaġġi li jirriżultaw minnha.

Ir-raba' motiv: ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

F'dan il-kuntest ir-rikorrenti ssostni li, f'każijiet oħra marbuta mal-kriżi finanzjarja, li fihom istituzzjonijiet finanzjarji ngħataw għajnuna ikbar, il-Kummissjoni allokat termini itwal għal bejgħ ta' holding u għall-kumpanniji li jiffinanzjaw proprjetà.

Il-ħames motiv: ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt tinterpreta u tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet ta' Stat Membru b'mod li jmur kontra l-formulazzjoni espressa, l-objettiv u l-għan tagħhom.

____________