Language of document : ECLI:EU:T:2012:434

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2012 (*)

“FEŻR – Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja – Programm operattiv li jaqa’ taħt l-objettiv Nru 1 (1994-1999), dwar il-Land ta’ Thüringen (il-Ġermanja)”

Fil-Kawża T‑265/08,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, T. Henze, C. Blaschke u K. Petersen, bħala aġenti, assistiti minn U. Karpenstein, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, sussegwentement minn N. Díaz Abad u J. M. Rodríguez Cárcamo u fl-aħħar nett minn A. Rubio González, abogados del Estado,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, Y. de Vries, B. Koopman, M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblyté u B. Conte, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1690 finali, tat-30 ta’ April 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-programm operattiv fir-reġjun tal-objettiv Nru 1 tal-Land ta’ Thüringen (il-Ġermanja) (1994‑1999), skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (94) 1939/5 tal-5 ta’ Awwissu 1994,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ Settembru 1993, il-Gvern Ġermaniż ressaq quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talba għal għajnuna finanzjarja Komunitarja, sabiex jiffinanzja programm operattiv għar-reġjun objettiv Nru 1 tal-Land ta’ Thüringen (1994‑1999), intiż sabiex jinkoraġġixxi l-investimenti produttivi minn impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME).

2        Fid-29 ta’ Lulju 1994, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/628/KE, dwar l-istabbiliment tal-qafas ta’ sostenn Komunitarju għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni tal-Ġermanja kkonċernati mill-objettiv Nru 1, jiġifieri Mecklenburg-Vorpommern, Brandenburg, Sachsen-Anhalt, Sachsen, Thüringen u Ost-Berlin (ĠU L 250, p. 18). Din id-deċiżjoni ppermettiet l-istabbilment tal-programm operattiv tal-Länder il-ġodda.

3        Permezz tad-Deċiżjoni C (94) 1939/5, tal-5 ta’ Awwissu 1994, il-Kummissjoni approvat il-programm operattiv għal-Land ta’ Thüringen li jaqa’ taħt l-objettiv Nru 1 fil-Ġermanja (ARINCO Nru 94.DE.16.005) (iktar ’il quddiem “l-intervent inkwistjoni”) li jipprovdi għal parteċipazzjoni ta’ fondi strutturali ta’ ECU 1 021 771 000, li permezz tad-Deċiżjoni C (99) 5087, tad-29 ta’ Diċembru 1999, saru EUR 1 086 827 000  b’kofinanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ta’ ammont massimu ta’ EUR 1 020 719 000. Il-Ministeru tal-Ekonomija u tat-Trasport tal-Land ta’ Thüringen kien innominat bħala l-awtorità ta’ ġestjoni.

4        Għal dak li jirrigwarda l-miżura 2.1 li tikkonċerna s-sostenn għall-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-SME, id-Deċiżjoni C (99) 5087 iffissat l-ammont totali tal-ispejjeż għal EUR 674 104 000 u l-kontribuzzjoni mill-FEŻR għal EUR 337 052 000.

5        Matul is-sena 2001, il-Kummissjoni wettqet analiżi sistematika ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fil-Land ta’ Thüringen, abbażi tal-Artikolu 23(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20) u tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2064/97, tal-15 ta’ Ottubru 1997, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4253/88 f’dak li jirrigwarda l-kontroll finanzjarju mwettaq mill-Istati Membri dwar l-operazzjonijiet kofinanzjati mill-fondi strutturali (ĠU L 290, p. 1).

6        Fit-30 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport finali tagħha dwar il-programmi operattivi tal-Länder ta’ Thüringen u ta’ Sachsen-Anhalt, li kien jinkludi rakkomandazzjonijiet.

7        Fl-24 ta’ Ġunju 2002, id-dikjarazzjoni prevista taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2064/97 ġiet stabbilita minn kumpannija tal-verifika u trasmessa lill-Kummissjoni.

8        Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2002, l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw it-talba tagħhom għal ħlas finali fuq l-intervent inkwistjoni. Fis-27 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni temmet l-intervent inkwistjoni u pproċediet għall-ħlas finali fl-ammont mitlub.

9        Wara l-għeluq tal-intervent, b’mod partikolari bejn is-27 u l-31 ta’ Ottubru, l-10 u l-21 ta’ Novembru, l-1 u l-5 ta’ Diċembru u fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej wettqet diversi żjarat ta’ kontroll. Matul is-sena 2004, hija wettqet analiżi tan-nuqqasijiet tal-intervent inkwistjoni, fil-kuntest tal-eżami tad-dikjarazzjoni ta’ garanzija għas-sena 2003. 28 proġett tal-miżura 2.1 ġew eżaminati.

10      Fit-22 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Awdituri ttrasmettiet ir-rapport provviżorju tagħha ta’ kontroll lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Awwissu u tat-13 ta’ Ottubru 2004, l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw lill-Qorti tal-Awdituri informazzjoni addizzjonali.

11      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Jannar 2005, il-Qorti tal-Awdituri ttrasmettiet ir-rapport tagħha ta’ kontroll (iktar ’il quddiem: ir-“rapport ta’ kontroll tas-17 ta’ Jannar 2005”) lill-awtoritajiet nazzjonali. Dan kien jindika l-eżistenza ta’ irregolaritajiet individwali u sistematiċi dwar operazzjonijiet speċifiċi, bħall-finanzjament ta’ impriżi li ma kinux jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ SME, id-dikjarazzjoni ta’ spejjeż ineliġibbli (kirjiet futuri, VAT, maħfriet), żbalji fil-kalkolu tal-għajnuna massima u n-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn għal ċerti tipi ta’ spejjeż bħal dawk ġenerali jew fuq il-fondi tagħhom. Ir-rapport ikkonkluda li kien hemm nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-intervent inkwistjoni. Ir-rata ta’ żball tat-28 proġett li jaqgħu taħt il-miżura 2.1 kien ta’ 31.36 %.

12      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Ġermaniżi l-ewwel riżultati tal-verifika tagħha tar-rapport ta’ kontroll tas-17 ta’ Jannar 2005 u talbet lil dawn l-awtoritajiet jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

13      Abbażi tal-analiżi tan-nuqqasijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni informat lil-Land ta’ Thüringen b’korrezzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal EUR 135 miljun. Wara konsultazzjonijiet bilaterali mal-Land ta’ Thüringen, uħud minn dawn il-kritiki ġew irtirati.

14      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 billi opponew l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati u billi pprovdew dokumenti addizzjonali ta’ sostenn li jiċċertifikaw l-eliġibbiltà ta’ ċerti spejjeż.

15      Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 1690 finali, tat-30 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja minn tal-FEŻR għall-intervent inkwistjoni bi EUR 81 425 825.67, minħabba irregolaritajiet individwali u sistematiċi identifikati fil-qafas tal-miżura 2.1, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Il-Kummissjoni wettqet estrapolazzjoni tar-rata ta’ żball għall-miżura 2.1, billi ħadet bħala bażi rata ta’ żball ta’ 23.88 %. Hija kkalkolat ammont ta’ EUR 1 232 012.70 għall-irregolaritajiet individwali, u ammont ta’ EUR 80 193 812.97 għall-irregolaritajiet sistematiċi.

16      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-iżbalji sistematiċi identifikati huma dawn li ġejjin:

–        finanzjament mogħti lil impriża li ma hijiex SME (proġetti Maxit Baustoffwerke GmbH, arcon II Flachglasveredelung, Gothaer Fahrzeugwerk u CeWe Color AG);

–        benefiċjarju finali li ma ssodisfax il-kriterji nazzjonali applikabbli għall-SME għal finanzjament addizzjonali ta’ 15 % (proġett TRALAG Landmaschinen GmbH);

–        spejjeż ineliġibbli ddikjarati fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kiri (proġetti TelePassport Service GmbH u Schuster Kunstofftechnik GmbH).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat dan ir-rikors.

18      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew awtorizzati jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ġew awtorizzati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura orali, skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

22      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fis-6 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet xi osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta li jirrigwardaw il-linji gwida tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ottubru 1997, dwar korrezzjonijiet finanzjarji netti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-Kummissjoni”) u l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil ċerti punti tar-rapport ta’ kontroll tas-17 ta’ Jannar 2005.

23      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-27 ta’ Settembru 2011.

 Id-dritt

24      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka ħames motivi, abbażi, rispettivament, l-ewwel u t-tieni, tal-ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, it-tielet, tan-nuqqas ta’ kontroll fuq il-post mill-Kummissjoni, ir-raba’, tal-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni u, l-ħames, tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba li ma ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitwettaq tnaqqis

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li żbalji amministrattivi attribwiti lill-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kritika magħmula mill-Kummissjoni, anki jekk wieħed jassumi li hija materjalment korretta, ma tistax tiġi kklassifikata bħala irregolarità, għaliex huma biss sempliċi żbalji amministrattivi, li ma jaqgħux fil-kamp tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, sakemm dawn ma jwasslux għal bidla sinjifikattiva tal-azzjoni jew tal-miżura inkwistjoni u li ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni.

26      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jikkostitwixxi irregolarità, ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku. Hija tinnota li fil-verżjoni Olandiża, aġir ħażin tal-operatur ekonomiku huwa meħtieġ. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din id-definizzjoni kienet maħsuba biex tapplika għar-regolamenti kollha settorjali, inkluż ir-Regolament Nru 4253/88, fir-rigward tal-identità terminoloġika tat-terminu “irregolarità” f’kull verżjoni lingwistika, bejn l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Hija tqis li interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta’ irregolarità fiż-żewġ regolamenti jikser il-prinċipju ta’ uniformità tad-dritt Komunitarju.

27      Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kunċett ta’ irregolarità għandu jiġi interpretat b’mod differenti fir-Regolament Nru 2988/95 u r-Regolament Nru 4253/88 ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata, li tafferma fil-punti 26 u 27 li l-irregolaritajiet jirriżultaw minn atti jew omissjonijiet tal-benefiċjarji finali.

28      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li, fid-dawl tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, l-amministrazzjoni pubblika ma tammontax għal operaturi ekonomiċi, li huma impriżi pubbliċi jew privati li qed jikkompetu għal prodotti jew servizzi. Madankollu, il-kritiki tal-Kummissjoni jikkonsistu biss fi żbalji purament amministrattivi, bħall-inklużjoni uffiċjali ta’ impriża li mhux SME taħt l-assi prijoritarja 2.1 tal-programm operattiv tal-Land ta’ Thüringen, jew l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat li huwa allegatament għoli wisq għal żewġ operaturi ekonomiċi fil-kuntest ta’ kiri-bejgħ, billi l-għoti ta’ għajnuna tikkostitwixxi atti amministrattivi individwali bbażati fuq dispożizzjonijiet ta’ natura amministrattiva.

29      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li jirriżulta mid-dikjarazzjoni fil-minuti tal-Kunsill, u mill-arranġamenti prattiki tal-11 ta’ April 2002, nota 10, tal-Kummissjoni, dwar l-obbligu li jikkomunikaw l-irregolaritajiet, kif ukoll mill-atti u mill-ommissjonijiet tal-amministrazzjonijiet statali li ma jistgħux jikkostitwixxu irregolaritajiet minħabba li ma humiex attribwibbli lill-operaturi ekonomiċi.

30      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta wkoll ir-rilevanza tar-referenza għall-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni (C‑199/03 Ġabra p. I‑8027), peress li l-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-operaturi ekonomiċi, ma ġiex ikkontestat mill-Gvern Irlandiż.

31      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-paralleliżmu mwettaq mill-Kummissjoni fil-punti 25 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata mal-bażi legali tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) ma huwiex iktar rilevanti, sa fejn għall-FAEGG, id-dritt li tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji minħabba żbalji amministrattivi jew nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, huwa espressament rikonoxxut mil-leġiżlatur Komunitarju, kif ukoll li għall-FEŻR huwa meħtieġ bidla sostanzjali tal-programm operattiv. L-unika bażi legali li tawtorizza t-tnaqqis tal-għajnuna Komunitarja mwettqa f’din il-kawża mill-Kummissjoni hija r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31) li japplika biss għall-perijodi ta’ finanzjament sussegwenti.

32      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta, skont il-prinċipju ta’ kompetenza limitata, li jirriżulta mill-Artikolu 5 KE, li l-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13) jista’ jiġi invokat biex jiġġustifika setgħat ta’ rkupru taħt ir-Regolament Nru 4253/88.

33      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta wkoll li l-ebda dispożizzjoni Komunitarja ma tawtorizza lill-Kummissjoni biex tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji għal żbalji amministrattivi li huma ta’ natura purament nazzjonali, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 espressament jeħtieġ ksur tad-dritt Komunitarju. Il-prinċipju ġenerali ta’ lealtà, ibbażat fuq l-Artikolu 10 KE ma jistax jiġġustifika tluq minn dan it-tqassim fundamentali ta’ kompetenzi, iżda jibni fuq l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri.

34      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

35      L-Artikolu 24(2), tar-Regolament Nru 4253/88 jawtorizza lill-Kummissjoni li tnaqqas jew li tissospendi l-għajnuna għal intervent, jekk l-eżistenza ta’ irregolarità tkun ikkonfermata permezz tal-eżami mwettaq taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, dan l-artikolu ma jippreċiżax l-awtur tal-irregolarità mwettqa fl-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura ffinanzjata mill-Fondi.

36      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tislet parallel bejn l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li jfisser li irregolarità hija biss ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, għaliex huma jfittxu għanijiet differenti, u mhux kamp ta’ applikazzjoni identiku. Essenzjalment, ir-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi qafas ġenerali legali għall-ġlieda kontra l-frodi, li, bħala definizzjoni, ma jistax jitwettaq minn awtorità nazzjonali, billi r-Regolament Nru 4253/88 jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2006, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑282/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83).

37      Għandu jiġi wkoll ikkonstat li l-awtoritajiet nazzjonali huma kkunsidrati responsabbli għall-użu korrett tal-fondi Komunitarji, u li huma responsabbli li jiżguraw li jittieħdu, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex fost affarijiet oħra, jiġi żgurat li l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi jkunu reali u regolari. Il-Kummissjoni fil-fatt teżerċita funzjoni kumplimentari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑366/88, Ġabra p. I‑3571, punti 19u 20).

38      Huwa stabbilit li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ natura kwantitattiva jew kwalitattiva f’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jagħtu lok għat-tnaqqis ta’ għajnuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-fatt li anki irregolaritajiet li ma għandhomx impatt finanzjarju speċifiku setgħu jippreġudikaw b’mod serju l-interessi finanzjari tal-Unjoni kif ukoll ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqsant, jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni (sentenza L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 et seq).

39      Żball amministrattiv marbut man-nuqqas ta’ koinċidenza bejn l-ammonti previsti fil-pjan ta’ finanzjament u dawk tat-talba għall-pagament jista’ jikkostitwixxi irregolarità li tiġġustifika t-tnaqqis tal-għajnuna (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 2009, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑74/07, Ġabra p. II‑107, punti 34 et seq).

40      Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ċentrali fl-implementazzjoni tal-Fondi Strutturali jiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “irregolarità”. Fil-fatt, żball imwettaq minn dawn tal-aħħar għandu jitqies bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, fir-rigward tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, imsemmija fl-Artikolu 274 KE, ta’ kooperazzjoni leali, imsemmija fl-Artikolu 10 KE, li ma tawtorizzax immunità tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 huwa l-unika dispożizzjoni li tippermetti t-tnaqqis tal-ammont ta’ għajnuna fil-każ fejn l-intervent ma seħħx kif oriġinarjament ippjanat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2002, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni, C‑500/99 P, Ġabra p. I‑867, punt 88).

41      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq il-fatt li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tawtorizza lill-Kummissjoni biex tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji għal żbalji amministrattivi li huma ta’ natura purament nazzjonali fil-kuntest tas-sistema Komunitarja ta’ għoti ta’ sussidji, għandu jitfakkar li huwa l-benefiċjarju li għandu jikkonforma ma’ serje ta’ obbligi li d-definizzjoni u l-kontroll tagħhom huma, sa ċertu punt, f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Huwa diffiċli li interpretazzjoni differenti tiġi rrikonċiljata mal-prinċipji ta’ amministazzjoni finanzjarja tajba u ta’ lealtà. Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi żbalji amministrattivi nazzjonali, dawn jirrigwardaw l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

42      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, li teskludi mill-kunċett ta’ “irregolaritajiet” żbalji mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tista’ ddgħajjef l-effettività tar-regola stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

43      Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali jaqgħu taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ċentrali fl-implementazzjoni tal-fondi strutturali, ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88.

44      Għaldaqstant din l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq eżami mill-ġdid tal-eżistenza tal-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

45      Essenzjalment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ma twettqux irregolaritajiet mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, u li l-kritika tal-Kummissjoni dwar l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll hija infondata.

 Fuq l-iżbalji ta’ klassifikazzjoni li saru mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda n-natura tal-ispejjeż ineliġibbli ta’ proġetti relatati ma impriżi li ma humiex SME

–       L-argumenti tal-partijiet

46      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ma hemm l-ebda żball amministrattiv rilevanti billi, minn naħa, il-proġetti kkonċernati jistgħu jiġu sostnuti u inklużi fuq l-istess kriterji bħall-assi prijoritarja 1.1 tal-programm operattiv, u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm dannu lill-baġit Komunitarju, li hija kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88.

47      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-kalkolu u l-ġestjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-impriżi li ma humiex SME taħt l-assi prijoritarja 2.1 ma twassalx, anki potenzjalment, għal spiża mhux iġġustifikata. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-ħames impriżi ċċitati taħt l-assi prijoritarja 2.1 jissodisfaw il-kundizzjoni tal-bejgħ interreġjonali meħtieġ skont l-assi 1.1, li espressament tipprovdi li l-investimenti produttivi jistgħu jsiru “indipendentement mid-daqs tal-impriża”. F’dan il-kuntest, il-kritiki tal-Qorti tal-Awdituri ma jikkonċernawx għajnuna finanzjarja illegali għal ċerti impriżi, iżda biss l-inklużjoni tal-għajnuna fil-programm operattiv.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Il-kritiki indirizzati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lid-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw numru ta’ proġetti.

50      Fir-rigward tal-proġett TRALAG Landmaschinen GmbH, hekk kif ġie indikat fil-punt 46 tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx hemm ksur tad-definizzjoni ta’ SME li tinsab fil-qafas Komunitarju ta’ sostenn stabbilit mid-Deċiżjoni 94/628, iżda ta’ dik fl-24 pjan ta’ qafas ta’ interess komuni intitolat “Titjib tal-istrutturi ekonomiċi reġjonali” għall-perijodu 1995-1999, adottat mill-kummissjoni ta’ ppjanar tal-Bundestag (Assemblea Federali, il-Ġermanja) fis-27 ta’ April 1995, li għandu jiġi rrispettat taħt il-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi finanzjament addizzjonali ta’ 15 % għall-impriżi li ma jimpjegawx iktar minn 250 persuna, li ma huwiex il-każ ta’ Tralag Landmaschinen, li safrattant ibbenefikat minn dan. Għalhekk, din l-impriża ma kinitx eliġibbli għall-finanzjament addizzjonali ta’ 15 %.

51      Fir-rigward tal-proġett dwar dan tal-aħħar, kif ukoll l-erba’ proġetti l-oħra li jirrigwardaw Maxit Baustoffwerke GmbH, arcon II Flachglasveredelung, Gothaer Fahrzeugwerk u CeWe Color AG, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999, it-talba għall-pagament finali dwar l-interventi tal-perijodu ta’ programmazzjoni 1994‑1999 kellu jiġi sottomess lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2003, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ emenda sussegwenti. Il-ħames proġetti inkwistjoni ġew inklużi taħt il-miżura 2.1. Kif ġie indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, it-talba għall-pagament finali kien ippreżentat lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Lulju 2002 u ġie onorat minnha fis-27 ta’ Ġunju 2003, li jfisser li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jargumentaw b’suċċess li dawn il-proġetti kienu eliġibbli skont il-miżura 1.1. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-inklużjoni żbaljata tikkostitwixxi dikjarazzjoni ta’ spejjeż ineliġibbli skont il-miżura 2.1 tal-intervent inkwistjoni, li ma tistax tinbidel wara l-31 ta’ Marzu 2003.

52      Madankollu, kif diġà ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ dawn l-irregolaritajiet hija biżżejjed sabiex timponi korrezzjoni finanzjarja, mingħajr mal-baġit Komunitarju għandu jsofri dannu finanzjarju preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27, 31, 58 u 59).

53      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Awdituri ma llimitatx ruħha li tikkritika l-finanzjament tal-impriżi li ma humiex SME fil-kuntest tal-miżura 2.1, iżda kkonstatat li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu 100 % ineliġibbli għall-benefiċċju ta’ sostenn Komunitarju.

54      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-distinzjoni bejn kiri-bejgħ u leasing u l-inapplikabbiltà tal-worksheets u tal-istandard internazzjonali ta’ kontabbiltà 17

–       L-argumenti tal-partijiet

55      F’dak li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet Nru 38 TelePassport Service GmbH u Nru 44 Schuster Kunststofftechnik GmbH li l-ispejjeż tagħhom kienu kkunsidrati bħala ineleġibbli, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn il-kiri-bejgħ u l-leasing, minn naħa, u l-applikabbiltà tal-worksheet Nru 20 annessa mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/321/KE, tat-23 ta’ April 1997, li temenda d-deċiżjonijiet li japprovaw l-oqfsa Komunitarji ta’ sostenn, id-dokumenti uniċi ta’ programmazzjoni u l-programmi ta’ inizjattiva Komunitarja, adottati fir-rigward tal-Ġermanja (ĠU L 146, p. 9) (iktar ’il quddiem il-“worksheet Nru 20”) u l-istandard internazzjonali ta’ kontabilità 17, min-naħa l-oħra.

56      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kiri-bejgħ ma huwiex “forma partikolari ta’ leasing”, hekk kif tikkunsidrah il-Kummissjoni. L-għan essenzjali tal-kuntratt ta’ kiri-bejgħ jikkonsisti fil-ksib ta’ beni ta’ natura ekonomika, li jidħol fis-seħħ mal-konklużjoni tal-kuntratt, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu. Fir-rigward tal-leasing, l-għan tiegħu huwa limitat għas-sempliċi disponibbiltà tiegħu għall-użu, bil-kirja tirrappreżenta r-remunerazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-beni. Għaldaqstant, li l-għajnuna finanzjarja Komunitarja tiġi limitata għal 60 rata ta’ kiri-bejgħ ma hijiex ġustifikata. Barra minn hekk, il-prezz ikkalkolat għall-kiri-bejgħ ma jaqbilx ma’ tqegħid għad-dispożizzjoni, iżda għal rata tal-prezz ta’ bejgħ, b’tali mod li l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal sabiex ma jkunx hemm differenza li tiddependi skont jekk il-kerrej huwiex bank jew bejjiegħ tal-magna.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti billi tinsisti fuq interpretazzjoni awtonoma tat-termini tad-dritt Komunitarju kif ukoll fuq il-fatt li l-akkwist ta’ beni minn kiri-bejgħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżazzjoni ta’ kiri-bejgħ peress li l-benefiċjarji finali kisbu l-proprjetà sħiħa biss fl-aħħar tal-perijodu ta’ 60 xahar, wara li jkunu għamlu l-pagamenti kollha, li għall-proġetti kkonċernati dan seħħ biss wara l-għeluq tal-intervent Komunitarju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini użati f’dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma fiha l-ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri, għandhom, sabiex jistabbilixxu s-sens u l-portata, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fid-dawl tal-kuntest u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, u tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11). Barra minn hekk, kif ġustament ġie rrilevat mill-Kummissjoni, il-fatt li d-Deċiżjoni 97/321 dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż li rċevew ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi tat-termini tagħha, billi din id-deċiżjoni hija parti minn ħmistax-il deċiżjoni simili magħmula fl-istess ġurnata u indirizzati lill-ħmistax-il Stat Membru ta’ dak iż-żmien u li ġew ippubblikati fl-istess ħin.

59      Fir-rigward tal-essenza tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-akkwist ta’ beni fil-kuntest ta’ kiri-bejgħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżazzjoni ta’ xiri-bejgħ eliġibbli b’mod sħiħ billi l-benefiċjarji finali ma ħallsux il-prezz sħiħ tax-xiri matul il-perijodu ta’ eliġibilità. Għalhekk, il-benefiċjarji finali kisbu biss il-proprjetà sħiħa tal-beni fl-għeluq tal-perijodu ta’ 60 xahar, wara li għamlu l-pagamenti kollha, li għall-proġetti kkonċernati seħħ biss wara l-għeluq tal-intervent Komunitarju.

60      Għal dak li jirrigwarda l-istandard internazzjonali ta’ kontabbiltà 17, għandu jiġi kkonstatat li r-referenza għal dawn l-istandards fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma hija konklużiva, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għalih b’mod sussidjarju, bħala regola ta’ kalkolu ġeneralment aċċettat għall-interpretazzjoni tat-terminu kiri‑finanzjament.

61      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-worksheets li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1997 (sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-worksheets, annessi mad-Deċiżjoni 97/321 jimponu piżijiet ġodda jew addizzjonali fuq l-Istati Membri jew fuq il-benefiċjarji), għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ ineliġibbiltà ma ġiex introdott permezz ta’ din id-deċiżjoni u li l-worksheets inklużi ma’ din id-deċiżjoni sempliċement jikkodifikaw il-prattika eżistenti, billi jindikaw li għall-ispejjeż ta’ leasing tapplika r-regola eżistenti li tgħid li l-ispejjeż futuri ma humiex eliġibbli. Għalhekk, ma jistax ikun hemm lok għall-applikazzjoni retroattiva tal-worksheet Nru 20.

62      Għaldaqstant, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-kwalifika żbaljata mill-Kummissjoni li ċerti irregolaritajiet huma sistematiċi

–       L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni tibda mill-premessa żbaljata li tgħid li l-Qorti tal-Awdituri kkwalifikat is-sostenn għall-impriżi li ma humiex SME bis-saħħa tal-assi prijoritarja 2.1 tal-programm operattiv bi żball sistematiku. F’dan ir-rigward, hija tikkritika lill-Kummissjoni li estrapolat ir-rata ta’ żball ta’ 23.88 % għall-ispejjeż kollha mwettqa taħt l-assi prijoritarja 2.1 tal-programm operattiv minħabba fin-natura sistematika tal-iżbalji filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri ma kkritikat l-ebda wieħed mill-ħames proġetti msemmija iktar ’il fuq għal żbalji sistemiċi. In-nuqqas ta’ dan l-iżball materjali wassal għal bażi ta’ kalkolu kompletament differenti. Lanqas ma jista’ jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tbegħdet mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, hekk kif hija ssostni.

64      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      Fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, għandu jiġi kkonstatat li mill-ifformular tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jirriżultax li fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha mogħtija minn dan l-Artikolu, il-Kummissjoni hija marbuta mal-osservazzjonijiet tal-korp ta’ kontroll. Għall-kuntrarju, hija tista’ tagħti l-evalwazzjoni tagħha tal-irregolaritajiet ikkonstatati. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tirrifletti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u mhux dik tal-Qorti tal-Awdituri.

66      Barra minn hekk, il-kalkoli żbaljati li jirrigwardaw impriżi li ma humiex SME huma sistemiċi għaliex jirriflettu nuqqas ta’ ġestjoni, ta’ kontroll jew ta’ verifika, li mmanifestat ruħha ripetutament u li bi probabbiltà kbira tinsab f’serje ta’ każijiet simili. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ikkwalifikat il-kalkoli żbaljati dwar impriżi li ma humiex SME bħala irregolaritajiet sistematiċi.

67      Konsegwentement, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-kwalifika żbaljata mill-Kummissjoni li l-kontrolli ta’ 5 % ma humiex suffiċjenti u fuq il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

–       L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-kritika tal-Kummissjoni li hemm nuqqasijiet fl-implementazzjoni tal-kontrolli ta’ 5 %, skont ir-Regolament Nru 2064/97 u temmen li din ma tistax tkun il-bażi għall-eżistenza ta’ irregolarità.

69      L-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li jirriżulta miċ-ċertifikat estern finali maħruġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2064/97, li l-“kontrolli ta’ 5 %” kienu l-iktar affidabbli u li kienu jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Issa la l-Qorti tal-Awdituri, u lanqas l-awdituri esperti esterni ma kkritikaw il-fatt li l-awtoritajiet tal-Land ta’ Thüringen ma kinux issodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni għall-kontroll tagħha tas-sistema.

70      It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-kritika li saret mill-Kummissjoni li tgħid li “check-lists” magħmula għall-kontrolli ta’ 5 % ma jsegwux il-linji gwida li jinsabu fil-worksheets. Hija tqis li l-linji gwida, anki jekk dawn ma jkunux espliċitament inklużi fiċ-check-lists, dawn mingħajr dubju jagħmlu parti integrali mill-kontrolli ta’ 5 %.

71      It-tielet nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-aġir tal-Kummissjoni huwa kontradittorju, peress li ma reġgħetx għamlet din il-kritika fil-protokoll “Ventura” tat-23 ta’ Lulju 1998 u lanqas fir-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2002.

72      Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li s-sempliċi fatt li l-kontrolli ta’ 5 % werew rata ta’ żball inferjuri għal dik tal-investigazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri dan minnu nnifsu ma jwassalx għat-tqegħid fid-dubju tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-awtoritajiet kompetenti. Id-differenza tirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Awdituri wettqet analiżi tan-nuqqasijiet manifesti fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, filwaqt li l-kontrolli ta’ 5 % twettqu b’mod każwali, kif meħtieġ mir-Regolament. Filwaqt li l-kontroll permezz ta’ kampjun huwa rappreżentattiv, l-analiżi tan-nuqqasijiet mill-Qorti tal-Awdituri huwa intiż sabiex jidentifika r-riskji.

73      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti billi tindika li l-ebda korrezzjoni finanzjarja ma ġiet applikata sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ikkonstati mill-Qorti tal-Awdituri.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li r-referenza għan-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri, fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-intervent inkwistjoni, li l-Kummissjoni tinvoka mill-premessa 11 ta’ din id-deċiżjoni, ma huwiex raġuni indipendenti għal tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja. It-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja, fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq korrezzjoni finanzjarja estrapolata għall-irregolaritajiet sistematiċi. L-ebda korrezzjoni finanzjarja ma ġiet applikata sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ikkonstati mill-Qorti tal-Awdituri. Dan l-argument huwa għalhekk ineffettiv.

75      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba fil-kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis b’estrapolazzjoni

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-metodu ta’ estrapolazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tnaqqis bis-saħħa tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88

 Fuq in-nuqqas ta’ dritt għal estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

–       L-argumenti tal-partijiet

76      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, bis-saħħa tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, li għandu jinqara fid-dawl tat-titolu tagħha, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi għat-tnaqqis, għas-sospensjoni jew għat-tmiem tal-azzjoni jew tal-miżura kkonċernata. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għal każ individwali konkret u l-paragrafu 3 għall-ħlas lura tal-ammont imħallas żejjed. Minn dan jirriżulta li korrezzjoni finanzjarja hija espressament limitata għall-ammonti li għalihom huwa ċar li dawn ikunu ġew imħallsa indebitament.

77      Hija żżid li r-Regolament Nru 4253/88 huwa differenti mill-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG skont ir-Regolament Nru 729/70, fejn l-Artikolu 5(2)(c) jawtorizza espressament lill-Kummissjoni biex tieħu inkunsiderazzjoni l-kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja, tal-portata tad-diskrepanzi kkonstati, tan-natura u tal-gravità tal-ksur kif ukoll tad-dannu finanzjarju sostnut mill-Komunità Ewropea.

78      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja essenzjalment issostni li qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1260/1999, validu għall-perijodu ta’ finanzjament 2000‑2006, ma kien hemm ebda qafas legali dettaljat li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi, b’tali mod li korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati jkunu kontestabbli. Ir-Regolament Nru 2064/97 ma jikkostitwixxix bażi legali, u lanqas ma jipprovdi għall-inqas għal proċeduri ta’ estrapolazzjoni sabiex isiru l-korrezzjonijiet finanzjarji.

79      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-fatt li l-irregolaritajiet sistematiċi ta’ spiss ma jistgħux jiġu kkwantifikati b’mod preċiż ma jawtorizzax lill-Kummissjoni li tirrikorri għall-estrapolazzjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 4253/88.

80      Ir-Renju ta’ Spanja jammetti li skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Madankollu, l-użu ta’ teknika ta’ estrapolazzjoni tinvolvi t-tnaqqis tal-għajnuna għal proġett ibbażat fuq preżunzjoni u mhux fuq il-bażi ta’ verifika. Tali possibbiltà mhux biss ma hijiex prevista mill-Artikolu inkwistjoni, iżda hija wkoll kuntrarja għall-ispirtu u għall-għan tagħha. Kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑443/97, Ġabra p. I‑2415), ma ġġustifikatx l-applikazzjoni tat-teknika ta’ estrapolazzjoni. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li l-estrapolazzjoni teħtieġ il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet sistematiċi bbażati fuq kampjun rappreżentattiv, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

81      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni wkoll li ma hemm l-ebda bażi legali għall-estrapolazzjoni fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4235/1988 u jqis li ma huwiex ċar kif il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta’ kooperazzjoni leali, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu msemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tassumi kompetenzi permezz tal-linji gwida tagħha li ma jistgħux jikkostitwixxu bażi li tiġġustifika l-estrapolazzjoni. Ma hijiex il-Kummissjoni li tiddetermina l-portata tas-setgħat u tal-kompetenzi tagħha, iżda din hija l-prerogattiva tal-leġiżlatur Ewropew. Lanqas ma jirriżulta dan mis-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, l-estrapolazzjoni għandha tippreserva l-garanziji proċedurali, waqt li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien ma kien fiha ebda dispożizzjoni legali f’dan ir-rigward.

82      Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra, fl-ewwel lok, li għall-perijodu ta’ programmazzjoni 1994‑1999, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika korrezzjonijiet finanzjarji b’estrapolazzjoni billi ma hemmx bażi legali. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li l-Kummissjoni tista’ biss tapplika korrezzjonijiet finanzjarji individwali. Dan huwa dak li jiddistingwi s-sistema applikabbli għall-korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-FEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 1994‑1999 tas-sistema applikabbli għall-clearance tal-kontijiet fil-kuntest tal-FAEGG - Taqsima Garanziji. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż ifakkar li, fil-kuntest tal-FAEGG - Taqsima Garanziji, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet l-applikazzjoni tal-metodu ta’ estrapolazzjoni (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2002 Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑118/99, Ġabra p. I‑747, u tal-4 ta’ Marzu 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑344/01, Ġabra p. I‑2081). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-metodu ta’ estrapolazzjoni ma huwiex ipprojbit bħala prinċipju. Madankollu, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi espressament li l-Kummissjoni hija awtorizzata biss li tapplika korrezzjonijiet finanzjarji individwali għall-irregolarità kkonstatata. Huwa biss permezz tar-Regolament Nru 1260/1999 li l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapplika korrezzjonijiet estrapolati. Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ estrapolazzjoni hija pprojbita, bħala prinċipju, mir-Regolament Nru 4253/88.

83      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tapplika korrezzjonijiet finanzjarji b’estrapolazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 4253/88, sa fejn, minn naħa, dan ir-regolament ma jipprovdix il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-metodu ta’ estrapolazzjoni u, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ma jinkludix dan il-metodu ta’ garanziji proċedurali stretti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex tapplika korrezzjonijiet permezz ta’ estrapolazzjoni sakemm ma tkunx qed tuża kampjun każwali u rappreżentattiv tat-tranżazzjonijiet li jippreżentaw karatteristiċi simili. Il-kundizzjonijiet u l-garanziji għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ att vinkolanti u ma huwiex biżżejjed li dawn jiġu pprovduti minn sempliċi linji gwida tal-Kummissjoni u din ma tistax tinvokahom sabiex tiġġustifika l-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, dawn il-linji gwida ma jipproduċux effetti ġuridiċi u ma humiex vinkolanti. Konsegwentement, ma tistax isservi bħala bażi legali għall-estrapolazzjoni.

84      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

85      Jirriżulta mill-ifformular tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, li l-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata, meta tiddetermina, insegwitu għal eżami kontradittorju previst taħt l-Artikolu 24(1), irregolarità, u b’mod partikolari bidla ta’ importanza li teffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ natura kwantitattiva jew kwalitattiva f’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jagħtu lok għat-tnaqqis ta’ għajnuna.

86      Din id-dispożizzjoni għalhekk tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tnaqqas kif ukoll diskrezzjoni wiesgħa, mingħajr ma jissemmgħu limiti dwar l-għażla tal-metodi li l-Kummissjoni tista’ tuża sabiex tiddetermina l-ammont tat-tnaqqis.

87      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni jista’ jkun iġġustifikat f’dan il-każ.

88      Fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 jippermetti lill-Kummissjoni tipproċedi għal korrezzjonijiet finanzjarji billi tuża dan l-imsemmi metodu jiddependi mill-interpretazzjoni tal-frażi “konferma tal-eżistenza ta’ irregolarità” fl-ifformular ta’ din id-dispożizzjoni.

89      Fl-eżerċizzju tas-setgħa li timponi korrezzjonijiet finanzjarji, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont li għandu jingħata lura għandu jkun konformi mal-għan imfittex taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88.

90      Dan l-għan jippermetti korrezzjoni finanzjarja, meta l-ispejjeż tal-finanzjament mitlub ma jkunux saru skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dan il-għan, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 għandu jiġi interpretat b’mod li jippermetti lill-Kummissjoni li tnaqqas l-għajnuna b’mod adegwat.

91      B’mod iktar preċiż, hekk kif il-Kummissjoni ġustament indikat fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-korrezzjoni tiddependi mit-telf finanzjarju sostnut mill-baġit tal-Unjoni, stabbilit mill-verifika. Dan it-telf għandu jiġi korrett fl-intier tiegħu peress li kull nuqqas ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw bis-saħħa tal-Artikolu 274 KE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-għajnuna f’miżura li tirrifletti d-daqs tal-irregolarità li stabbiliet fil-kuntest tal-proċeduri kontradittorji skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88.

92      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tassumi l-irregolaritajiet inkwistjoni, iżda għandha tistabbilixxi, kif meħtieġ mil-liġi, li dawn l-irregolaritajiet ma kinux limitati għal każijiet konkreti li eżaminat. Għalhekk, sabiex jintwera li l-irregolaritajiet ma humiex limitati għal każijiet speċifiċi li eżaminat, huwa biżżejjed li tippreżenta provi li jħallu wieħed jiddubita b’mod serju u raġonevoli ir-regolarità tal-kontrolli kollha mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. Hija ma hijiex meħtieġa li turi b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet tal-kontrolli kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

93      Dan it-tħaffif tal-oneru tal-prova huwa spjegat mill-fatt li s-sistema tar-Regolament Nru 4253/88 ma tipprovdix għal kontroll sistematiku mill-Kummissjoni, li billi din ma hijiex f’pożizzjoni li tikseb l-informazzjoni li teħtieġ mill-aġenti ekonomiċi, ikun għalhekk fiżikament impossibbli li dan jiġi żgurat.

94      Meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat provi biżżejjed sabiex ikun hemm dubju serju u raġonevoli fuq il-kontrolli kollha nazzjonali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri l-ineżattezza tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi jippreżenta provi iktar iddettaljati dwar ir-realtà tal-kontrolli tagħha. Jekk l-Istat Membru ma jipprovdix tali provi, il-Kummissjoni stabbiliet li l-irregolaritajiet ma kinux limitati għall-każijiet konkreti li eżaminat.

95      Id-deċiżjoni ta’ tnaqqis għandha tirrifletti din id-dimensjoni sistematika tal-irregolaritajiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni dwar l-kontrolli kollha mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. F’każ bħal dan, l-użu tal-metodu tal-estrapolazzjoni jirrappreżenta l-iktar mezz xieraq biex jiġu żgurati l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Billi l-irregolaritajiet sistematiċi ġew stabbiliti, it-tnaqqis tal-għajnuna għalhekk ma hijiex ibbażata fuq sempliċi preżunzjoni tal-Kummissjoni, iżda fuq fatt stabbilit.

96      Il-Kummissjoni, madankollu, tibqa’ suġġetta għall-obbligu li tirrispetta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kwistjoni dwar jekk hija osservatx dan il-prinċipju billi adottat id-deċiżjoni kkontestata hija diskussa iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-ħames motiv.

97      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tuża l-metodu ta’ estrapolazzjoni sabiex tistabbilixxi korrezzjoni finanzjarja.

98      Barra minn hekk, jekk ir-Regolament Nru 2064/97 ma jipprovdix l-estrapolazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, dan huwa spjegat mill-fatt li dan ir-regolament jikkostitwixxi regolament ta’ implementazzjoni bbażat fuq ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu mis-sistemi ta’ kontroll finanzjarju stabbiliti mill-Istati Membri fil-qasam tal-miżuri kofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

99      Għalhekk, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-assenza ta’ dritt għal estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-linji gwida

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tirrikorri għal estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-linji gwida tagħha, b’mod partikolari, minħabba fin-natura purament interna tagħhom u n-nuqqas ta’ effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

101    Bl-istess mod, il-kontenut ta’ dawn il-linji gwida ma kienx aċċettat mill-Istati Membri li opponew dan ripetutament. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq test mhux approvat minn dawn tal-aħħar.

102    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ntqal fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kundizzjonijiet u l-ammont massimu ta’ korrezzjonijiet imħallsa f’daqqa jew ta’ estrapolazzjonijiet ma humiex deskritti, u li l-ebda metodu ta’ kalkolu ma huwa msemmi.

103    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

104    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Kif ukoll, ma huwiex ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni użat il-linji gwida sabiex tagħti bażi legali lil din id-deċiżjoni.

105    F’kull każ, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-kwistjoni tal-portata tal-linji gwida fil-kuntest tas-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Ir-Renju ta’ Spanja talab l-annullament tal-linji gwida, billi qis li dawn kienu ta’ theddida għall-Istati Membri minħabba sanzjonijiet ġodda ta’ natura pekunjarja u li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tgħaddi tali att.

106    Il-Kummissjoni kienet qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, meta sostniet li l-linji gwida ma jimponux fuq l-Istati Membri obbligi addizzjonali għal dawk diġà previsti mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li ma jaffettwawx is-sitwazzjoni legali eżistenti tagħhom u li ma jipproduċux effetti legali.

107    Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna. Hija tikkonstata li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u tipprovdi missjoni lid-dipartimenti kkonċernati sabiex japplikawhom. Għalhekk, il-linji gwida jindikaw il-linji ġenerali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni bi ħsiebha, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, sussegwentement, tadotta deċiżjonijiet individwali li l-legalità tagħhom tkun tista’ tiġi kkontestata mill-Istat Membru kkonċernat quddiem il-qorti tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza, tali att tal-Kummissjoni, li jirrifletti biss l-intenzjoni ta’ din li ssegwi ċerta linja ta’ kondotta fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li ġiet mogħtija mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jipproduċi effetti legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, 114/86, Ġabra p. 5289, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 28).

108    Tali linji gwida huma biss l-espressjoni tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi ċerta linja ta’ kondotta fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha bl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

109    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala att intiż li jipproduċi effetti legali, b’tali mod li r-rikors għal annullament tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

110    Għalhekk, billi tiddeċiedi li r-rikors huwa inammissibbli għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet distinzjoni bejn il-linji gwida u d-deċiżjonijiet individwali adottati abbażi tiegħu.

111    Jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni tista’ tirreferi għal-linji gwida sabiex issaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-Istati Membri. Madankollu, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 104 iktar ’il fuq, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jikkostitwixxi l-unika bażi legali mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

112    Għalhekk, dan l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

113    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kollu kemm hi.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tipproċedi f’din il-kawża għal estrapolazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

114    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-estrapolazzjoni hija bbażata fuq kampjun li ma huwiex rappreżentattiv. B’mod iktar preċiż, hija tikkunsidra li xejn fil-deċiżjoni kkontestata ma juri li l-kontrolli mill-Qorti tal-Awdituri li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-estrapolazzjonijiet tagħha kienu miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kontroll ta’ kampjun rappreżentattiv, proċedura li għaliha hija ma hijiex marbuta. Filwaqt li l-proċeduri ta’ kampjunar statistiku jgħin sabiex ikun hemm evalwazzjoni globali sa mill-każijiet ordinarji, l-analiżi tan-nuqqasijiet timplika għażla minn qabel fl-oqsma ta’ kontroll u fl-għanijiet imfittxija. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni tadotta aġir li jmur kontra dak stabbilit fil-punt 6 tal-linji gwida, kif ukoll fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata.

115    Fir-rigward tal-parallel magħmul mill-Kummissjoni mal-FAEGG‑Taqsima Garanzija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-linji gwida applikabbli f’dan il-qasam jawtorizzaw biss estrapolazzjoni ta’ massimu ta’ 10 % fil-każ ta’ perikolu ta’ telf għoli ħafna u mifrux. Madankollu, f’din il-kawża, ir-rata kienet ta’ 23.88 %, u dan il-perikolu ma kienx allegat.

116    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

117    Jirriżulta mill-fajl li sabiex jiġi stabbilit il-kampjun li fuq il-bażi tiegħu twettaq il-kontroll tagħha, il-Qorti tal-Awdituri, skont il-programm ta’ kontroll għad-DAS 2003 u l-linji gwida tagħha, għażlet b’mod każwali 30 operazzjoni li minnhom 28 jaqgħu taħt il-miżura 2.1, bid-daqs tal-kampjun ikun magħżul skont it-tip ta’ fondi.

118    Minn dan isegwi li l-kontrolli mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri huma ta’ natura xierqa, huma oġġettivi u rappreżentattivi u li l-Qorti tal-Awdituri ħadmet fuq il-bażi ta’ metodu ta’ teħid ta’ kampjuni rappreżentattiv, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet intitolata twettaq estrapolazzjoni.

119    Barra minn hekk, il-linji gwida dwar il-FAEGG - Taqsima Garanzija ma humiex maħsuba sabiex japplikaw f’din il-kawża, tant li r-rati indikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja japplikaw għal korrezzjonijiet b’rata fissa u mhux għal estrapolazzjonijiet. Madankollu, l-għan tal-estrapolazzjoni huwa li jiġi evitatat korrezzjoni b’rata fissa favur estrapolazzjoni tar-rata ta’ żball ta’ kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni kollha li minnu l-kampjun kien imfassal.

120    It-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kontroll fuq il-post mill-Kummissjoni qabel it-tnaqqis

 L-argumenti tal-partijiet

121    Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li l-Kummissjoni bbażat fuq l-analiżi ta’ nuqqasijiet jikkostitwixxi żball proċedurali importanti, bi ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 4253/88, regola ta’ proċeduri vinkolanti li teħtieġ kontroll fil-post u permezz ta’ kampjun tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Analiżi tan-nuqqasijiet li saret mill-Qorti tal-Awdituri ma hijiex proċedura li tissostitwixxi proċeduri ta’ kontroll permezz ta’ kampjun rappreżentattiv imwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

122    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

123    Fir-rigward tal-kritika espressa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar in-nuqqas ta’ kontrolli effettwati mill-Kummissjoni nfisha, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi li, jekk l-implementazzjoni ta’ azzjoni jew ta’ miżura tidher li tiġġustifika biss parti mill-għajnuna finanzjarja lilha allokata, “il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami xieraq”.

124    Madankollu, li jiġi dedott minn din il-formulazzjoni, obbligu għall-Kummissjoni li twettaq il-kontrolli meħtieġa esklużivament minnha hija interpretazzjoni riġida wisq li tinvolvi d-duplikazzjoni tal-kontrolli u li tikkawża telf ta’ riżorsi Komunitarji, li jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

125    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tar-rwol tagħha ta’ kontroll tal-użu tal-fondi Komunitarji, għandha d-dritt li tuża’ sorsi varji ta’ informazzjoni. Il-Qorti Ġenerali diġà aċċettat li sempliċi riferiment għall-provi miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali kienet biżżejjed. Għalhekk, kif ġie kkunsidrat fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il‑Kummissjoni (T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punt 45), meta l-awtoritajiet nazzjonali wettqu kontroll bir-reqqa li tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha mill-benefiċjarju ta’ sussidju Komunitarju, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tibbaża ruħha fuq konstatazzjonijiet fattwali ddettaljati u tiddetermina jekk dawn il-konstatazzjonijiet jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jiġġustifikaw penali skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 kif emendat. Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑1554/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

126    Bil-kontra, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jġarrbu l-ebda dannu, proċedurali jew sostantiv, skont l-għażla tal-metodu jew tal-awturi tal-kontrolli. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-garanziji proċedurali u l-konsegwenzi prattiki tal-kontrolli mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri u mill-Kummissjoni huma ekwivalenti.

127    Għal dak li jirrigwarda l-garanziji proċedurali, għandu jiġi nnutat li ż-żewġ tipi ta’ kontrolli – effettwati mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri – huma komparabbli. Fiż-żewġ każijiet, id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati, għandhom jiġu applikati standards ta’ verifika għolja, l-Istat Membru għandu jkun informat qabel ma jseħħ kontroll fuq il-post, il-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipparteċipaw fil-kontroll u l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-riżultati tat-test.

128    Bil-kontra, il-konsegwenzi prattiki prevedibbli taż-żewġ tipi ta’ kontrolli ma humiex komparabbli, peress li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma għandha l-ebda forza vinkolanti u billi l-korrezzjonijiet finanzjarji ma jistgħux jiġu imposti direttament fuq il-bażi tiegħu.

129    Fil-fatt, il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni għandhom rwol separat fil-proċeduri tal-baġit tal-Komunità. Skont l-Artikolu 246 KE, il-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura l-kontroll tal-kontijiet. Skont l-Artikolu 248(1) KE, hija teżamina d-dħul kollu u l-infiq tal-Komunità u tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta’ garanzija tal-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Awdituri għandha tivverifika l-ġestjoni tar-riżorsi mill-Kummissjoni tal-fondi Komunitarji. Il-Qorti tal-Awdituri tikkonstata s-sitwazzjoni u tifformula wkoll rakkomandazzjonijiet sabiex tottimizza l-ġestjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha funzjoni addizzjonali, li huwa l-irkupru tar-riżorsi fil-każ fejn l-irregolaritajiet ġew ikkonstatati fl-implementazzjoni tal-proġetti.

130    Konsegwentement, mill-perspettiva sistematika, ir-rwoli u l-funzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet ma humiex identiċi, u l-Kummissjoni ma tistax awtomatikament tagħmel użu mill-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

131    Bħala regola ġenerali, jirriżulta li l-kontroll mitlub mill-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88 ma għandux bilfors isir minn uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija madankollu obbligata, minn naħa, li tiżgura li din twettaq korrezzjonijiet fuq il-bażi ta’ kontrolli mwettqa minn terzi li ma humiex awtomatiċi, iżda bbażati fuq l-analiżi bi sħubija mal-Istat Membru kkonċernat, tad-data u tar-riżultati ta’ kontrolli, u min-naħa l-oħra, li tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi ta’ dawn il-kontrolli u tal-konsultazzjonijiet konsegwenti.

132    Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, matul il-proċedura amministrattiva, fil-kuntest ta’ sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà reali li jikkummentaw dwar il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri u dwar il-korrezzjonijiet li kienet ser timponi fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet.

133    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-verifika, id-dipartimenti tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88, eżaminaw il-bażi tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u talbu lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jipprovdulhom informazzjoni u provi oħra. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni bagħtu r-riżultati ta’ dan l-eżami lill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2006. L-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tal-5 ta’ Jannar 2007, fejn opponew l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati fil-kuntest tal-programmi operattivi għall-perijodu 1994‑1999. Permezz ta’ ittra tat-23 April 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ġermaniżi għal laqgħa bilaterali li saret fit-8 ta’ Mejju 2007 fi Brussell. Is-seduta dwar l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati ma waslet għall-ebda ftehim. Madankollu, l-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jipprovdu, fi żmien ġimagħtejn mil-laqgħa, provi oħra li jwasslu għall-eliġibbiltà ta’ ċerti nfiq u operazzjonijiet. Din l-informazzjoni ġiet trasmessa lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tat-22 ta’ Ġunju 2007.

134    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opportunità biżżejjed sabiex tesprimi ruħha dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u li hija pproċediet għal eżami xieraq tal-każ fil-kuntest ta’ sħubija, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88, b’tali mod li naqqset l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji oriġinarjament previsti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

135    Għalhekk, fl-aħħar ta’ dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni effettivament għamlet bħala tagħha r-riżultati tal-kontroll imwettaq mill-Qorti tal-Awdituri u l-garanziji proċedurali tal-Istat Membru kienu, f’kull każ, irrispettati.

136    Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni minħabba fin-nuqqas ta’ formulazzjoni ta’ riservi, mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-inklużjoni b’mod żbaljat ta’ impriżi li ma humiex SME

 L-argumenti tal-partijiet

137    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda riserva, la fid-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Awwissu 1994, f’dik tal-10 ta’ Ottubru 1996, jew f’dik tal-20 ta’ Diċembru 1999, dwar l-inklużjoni ta’ impriżi li jimpjegaw iktar minn 500 impjegat bħala SME, li wassal lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex leġittimament jemmnu li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward. B’dan l-aġir, il-Kummissjoni kienet parzjalment responsabbli għal punti li hija tikkritika. Il-fatt li din tal-aħħar timponi estrapolazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi, ikkostitwiti mill-inklużjoni b’mod żbaljat tal-għajnuna finanzjarja għall-SME, mingħajr ma tikkunsidra r-responsabbiltà tagħha tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni leali.

138    Hija tikkunsidra li din l-ommissjoni tal-Kummissjoni hija saħansitra iktar importanti milli fl-1997 u fl-1999, il-Kummissjoni rċeviet ir-rapporti annwali dwar l-evalwazzjoni tal-interventi tal-FEŻR, li tinkludi l-inklużjoni ta’ impriżi li jimpjegaw 500 impjegat jew iktar fil-miżuri SME, mingħajr ma din tiġi kkritikata. Ir-rapport finali tal-2002 ma jikkritikax iktar dan il-punt.

139    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

140    Hekk kif ġie mfakkar fil-kuntest tal-eżami tal-motivi preċedenti (ara l-punti 37 u 39 iktar ’il fuq), ir-responsabbiltà sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni regolari tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻR hija primarjament tal-Istati Membri.

141    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 4253/88 ma jipprovdi l-ebda regola proċedurali li tissuġġetta d-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas jew li ttemm l-għajnuna għall-kundizzjoni li tqajjem dubji dwar l-amministrazzjoni tajba tal-proġett qabel it-tmiem tal-intervent, kif jirriżulta mill-punt 79 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni (T‑176/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

142    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni tal-Unjoni. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77).

143    Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx stabbiliet li l-Kummissjoni kienet żguratha li l-impriżi li jimpjegaw 500 impjegat jew iktar ser ikunu kkunsidrati bħala SME u li konsegwentement jistgħu għalhekk jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma ġiex miksur.

144    Kif ukoll, hija ġurisprudenza stabbilita li t-tolleranza ta’ irregolaritajiet fil-passat, taħt il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, ma jagħtu l-ebda dritt lill-Istat Membru kkonċernat li jeżiġi l-istess aġir għall-irregolaritajiet kurrenti (sentenza L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

145    Għaldaqstant ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba fin-natura eċċessiva tat-tnaqqis tal-għajnuna deċiża mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

146    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, billi wettqet tnaqqis eċċessiv, ibbażat fuq estrapolazzjoni li tirrigwarda l-perijodu ta’ programmazzjoni kollu. Fil-fatt, l-iżbalji kkonstatati mill-Qorti tal-Awdituri ma jistgħux, fil-fehma tagħha, jiġġustifikaw il-kritika ġenerali li tikkonsisti f’funzjonament ħażin tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Land ta’ Thüringen matul is-snin 1994 sa 1999. Din il-konstatazzjoni tmur kontra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li saru fl-1998 u fl-2002, kif ukoll nota finali ta’ kumpannija ta’ awdituri esperti, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni. Jekk il-pagament finali tat-23 ta’ Ġunju 2003 twettaq kif suppost, dan kien preċiżament minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx identifikat xi riservi sostanzjali dwar is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

147    Barra minn hekk, anki jekk il-leasing u l-kiri-bejgħ kienu fl-istess livell, hija tqis li l-Kummissjoni ssuġġettat is-sostenn għal-leasing għal leġiżlazzjoni limitata mill-1 ta’ Mejju 1997 biss.

148    Fir-rigward ta’ Tralag Landmaschinen GmbH, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li estrapolazzjoni ma kinitx iktar aċċettabbli minħabba li din l-impriża kienet rċeviet sostenn addizzjonali ta’ 15 % taħt l-24 pjan qafas, meta dan tal-aħħar beda japplika biss mis-17 ta’ Marzu 1995.

149    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

150    Għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx identifikat xi riservi sostanzjali dwar is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, għandu jiġi enfasizzat li dan l-argument fir-realtà jirrigwarda biss il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni tal-Unjoni. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi Branco vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata u Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

151    Madankollu, ma huwiex ċar mill-proċess tal-kawża jew mill-argumenti tar-rikorrenti, li hija kienet ġiet żgurata b’mod speċifiku, bla kundizzjonijiet u b’mod konsistenti mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud.

152    Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, il-ksur ta’ obbligi li l-osservanza tagħhom huwa ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb ta’ sistema Komunitarja jista’ jkun issanzjonat bit-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-dritt għall-għajnuna finanzjarja (sentenza Sgaravatti Mediterranea vs Il‑Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, punti 134 u 135).

153    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-FAEGG, li hija wkoll applikabbli mutatis mutandis f’din il-kawża, li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-ispejjeż kollha inkorsi, jekk tikkonstata li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kontroll biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑263/98, Ġabra p. I‑6063, punt 125). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-atti ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25). Jekk, fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ clearance tal-kontijiet, il-Kummissjoni, minflok tirrifjuta l-finanzjament tal-ispejjeż kollha, tfittex li tistabbilixxi regoli li jiddifferenzjaw skont il-grad ta’ riskju ta’ livelli differenti ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ kontroll, l-Istat Membru għandu juri li dawn il-kriterji huma arbitrarji u li ma humiex ekwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑50/94, Ġabra p. I‑3331, punt 28).

154    Għalhekk il-Kummissjoni ma kinitx prekluża milli timponi korrezzjonijiet finanzjarji.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, permezz tal-Artikolu 6 tal-linji gwida tagħha, li meta tikkunsidra estrapolazzjoni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-istruttura amministrattiva involuta fin-nuqqas, il-portata tal-abbuż, il-frekwenza tagħhom, kif ukoll l-effetti tagħhom.

156    Hekk kif diġà ġie osservat qabel (ara l-punt 85 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tiddisponi minn ċertu setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 u li tippermettilha tieħu deċiżjonijiet li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministazzjoni finanzjarja tajba li jinsab fl-Artikolu 274 KE u, kif ukoll, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

157    Hekk kif ukoll ġie indikat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni analizzat ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri u effettivament naqqset l-ammont tal-korrezzjonijiet previsti fil-bidu.

158    F’din il-kawża, parti kbira mill-irregolaritajiet regolarment ikkonstati wara l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Ġermaniżi, bħall-inklużjoni b’mod żbaljat ta’ impriżi li ma humiex SME jew in-natura inammissibbli tal-ispejjeż iddikjarati fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kiri, jirrifletti nuqqas sistematiku ta’ ġestjoni, ta’ kontroll jew ta’ verifika fir-rigward tal-miżura 2.1 matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 1994-1999. U huwa probabbli li dan in-nuqqas jinsab f’serje ta’ każijiet simili. Għalhekk il-Kummissjoni korrettament applikat il-metodu ta’ estrapolazzjoni, speċjalment minħabba fl-importanza għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni nazzjonali, li l-ewwel nett għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw l-implementazzjoni regolari tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi (ara l-punti 37 u 39 iktar ’il fuq) u li, kif ġie ripetutament imfakkar fil-kuntest tar-Regolament Nru 4253/88, huwa mistenni li jaġixxi fi sħubija mal-Kummissjoni.

159    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-ħames motiv u r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

160    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

161    Peress illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, għandha tiġi kkundannata sabiex tħallas l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

162    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba li ma ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitwettaq tnaqqis

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li żbalji amministrattivi attribwiti lill-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq eżami mill-ġdid tal-eżistenza tal-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

– Fuq l-iżbalji ta’ klassifikazzjoni li saru mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda n-natura tal-ispejjeż ineliġibbli ta’ proġetti relatati ma impriżi li ma humiex SME

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq id-distinzjoni bejn kiri-bejgħ u leasing u l-inapplikabbiltà tal-worksheets u tal-istandard internazzjonali ta’ kontabbiltà 17

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-kwalifika żbaljata mill-Kummissjoni li ċerti irregolaritajiet huma sistematiċi

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-kwalifika żbaljata mill-Kummissjoni li l-kontrolli ta’ 5 % ma humiex suffiċjenti u fuq il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba fil-kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis b’estrapolazzjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tal-metodu ta’ estrapolazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tnaqqis bis-saħħa tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88

– Fuq in-nuqqas ta’ dritt għal estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-assenza ta’ dritt għal estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-linji gwida

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tipproċedi f’din il-kawża għal estrapolazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kontroll fuq il-post mill-Kummissjoni qabel it-tnaqqis

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni minħabba fin-nuqqas ta’ formulazzjoni ta’ riservi, mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-inklużjoni b’mod żbaljat ta’ impriżi li ma humiex SME

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ minħabba fin-natura eċċessiva tat-tnaqqis tal-għajnuna deċiża mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.