Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Lulju 2008 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-265/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma u Rechtsanwalt U. Karpenstein)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1690 finali tat-30 ta' April 2008 dwar it-tnaqqis ta' l-ammont li ġej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għal programm operattiv fir-reġjun ta' l-objettiv 1 tal-Land ta' Thüringen fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-ERDF għall-programm operattiv fir-reġjun ta' l-objettiv 1 tal-Land ta' Thüringen fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999).

Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi in sostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel lok, hija tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni b'mod korrett xi elementi ta' fatt importanti relatati mal-punt 2.1 tal-programm operattiv ikkonċernat (miżuri ta' appoġġ għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju: għajnuna għal investiment produttiv).

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/881 sa fejn ma jeżistux irregolaritajiet skond din id-dispożizzjoni. B'mod partikolari, f'dan il-kuntest hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax lill-Kummissjoni sabiex twettaq korrezzjonijiet finanzjarji minħabba żbalji ta' l-amministrazzjoni jew tas-sistemi amministrattivi u ta' kontroll allegatament insuffiċjenti.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 4253/88 ma jawtorizzax lill-Kummissjoni sabiex twettaq korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati peress li l-Artikolu 24 ta' din id-dispożizzjoni huwa bbażat fuq każijiet konkreti u somom kalkolabbli, u mhux fuq konklużjonijiet ipotetiċi ta' nuqqasijiet sistematiċi ta' l-amministrazzjoni bbażati fuq is-sejba ta' żball amministrattiv.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tilmenta li anki jekk jitqies li l-korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati huma legali, jeżisti ksur ta' l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 4253/88 peress li l-estrapolazzjonijiet huma inkorretti. F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-Kummissjoni ma setgħetx twettaq estrapolazzjonijiet minn analiżi tal-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-punti dgħajfa fis-sens li l-Kummissjoni għandha parti mir-responsabbiltà lejn il-kritiki tagħha stess u fis-sens li l-estrapolazzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fondi strutturali differenti, minn naħa waħda, u bejnhom u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti oħrajn, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).