Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Lulju 2008 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-270/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma, aġent assistit minn C. von Donat, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1615 finali tad-29 ta' April 2008 dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) mogħtija permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(94) 1973 tal-5 ta' Awwissu 1994 għall-programm operattiv Berlin (lvant) objettiv Nru 1 (1994-1999) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-ERDF għall-programm operattiv għar-reġjun objettiv Nru 1 ta' Land Berlin fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999).

L-ewwel nett ir-rikorrenti ssostni fil-motivi li l-Kummissjoni evalwat ħażin il-fatti. Ir-rikorrenti tikkontesta b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni interpretat ħażin ċerti riżultati ta' analiżi u ppreżumiet b'mod mhux ġustifikat l-eżistenza ta' żbalji sistematiċi fil-ġestjoni u l-kontroll.

Fit-tieni lok ir-rikorrenti tisħaq li ma hemmx bażi legali għall-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji ġenerali u estrapolati mill-programm operattiv għall-perjodu ta' għajnuna 1994-1999 peress li ma kienx hemm għal dan il-perjodu regolamentazzjoni komparabbli ma' l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1260/991. Barra minn hekk, la d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/882 u lanqas l-orjentamenti interni tal-Kummissjoni, tal-15 ta' Ottubru 1997, dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji netti fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jew il-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba skond l-Artikolu 274 KE, ma joffru bażi legali preċiża biżżejjed. Lanqas ma tista' tinstab skond ir-rikorrenti prattika amministrattiva fuq perjodu fit-tul u ġeneralment aċċettata.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 sa fejn ma hemm l-ebda irregolarità fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Hija tkompli ssostni f'dan il-kuntest li anki jekk il-kundizzjonijiet għal tnaqqis ta' l-għajnuna finanzjarja skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 ġew soddisfatti, il-Kummissjoni kellha tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha u tevalwa jekk dan it-tnaqqis kienx proporzjonat.

Sussidjarjament ir-rikorrenti tisħaq li l-korrezzjonijiet ġenerali huma sproporzjonati u li l-Kummissjoni kellha tipproċedi bl-estrapolazzjoni fuq il-bażi ta' nuqqas materjali insuffiċjenti.

Hija ssostni wkoll li l-konvenuta naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva b'mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha.

Fl-aħħar nett ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' sħubija minħabba li minkejja d-diversi kontrolli mill-kontrolluri finanzjarji matul il-perjodu ta' għajnuna finanzjarja 1994-1999, hija fl-ebda mument ma pprevediet konsegwenzi finanzjarji minħabba nuqqasijiet sistematiċi.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1).

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f'dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).