Language of document : ECLI:EU:T:2011:209

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Mejju 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Kostruzzjoni ta’ materjal ferrovjarju — Ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Adattament tat-talbiet — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Riżorsi tal-Istat — Imputabbiltà tal-Istat — Kriterju ta’ investitur privat — Impriża f’diffikultà”

Fil-Kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08,

Région Nord-Pas-de-Calais (Franza), irrappreżentata minn M. Cliquennois u F. Cavedon, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑267/08,

Communauté d’agglomération du Douaisis (Franza), irrappreżentata minn M.Y. Benjamin u D. Rombi, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑279/08,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett, inizjalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1089 finali, tat-2 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 45/2007) implementata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA, sussegwentement, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4112 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 45/2007) implementata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, M. E. Martins Ribeiro u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Arbel Fauvet Rail (iktar’il quddiem “AFR”) hija kumpannija li tikkostruwixxi materjal ferrovjarju għal użu industrijali stabbilita f’Douai, fi Franza.

2        Fl-4 ta’ Lulju 2005, din il-kumpannija kisbet mir-Région Nord-Pas-de Calais (iktar’il quddiem ir-“reġjun NPDC”) u mill-communauté d’agglomération du Douaisis (iktar’il quddiem il-“CAD”) żewġ ħlasijiet bil-quddiem, li jammontaw għal EUR miljun il-wieħed, b’rata ta’ interess annwali ta’ 4.08 % u rimborsabbli bi ħlasijiet biannwali fuq tul ta’ tliet snin li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Jannar 2006.

3        Wara li sar ilment, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkomunikaw l-informazzjoni dwar dawn il-miżuri. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal dawn it-talbiet b’komunikazzjonijiet tas-27 ta’ April u tal-24 ta’ Ottubru 2006, u tat-30 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Ġunju 2007 rispettivament.

4        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

5        Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Ottubru 2007 (ĠU C 249, p. 17). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

6        Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Ottubru, tat-18 u tad-19 ta’ Diċembru 2007. Hija ma rċevietx l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati.

7        Permezz ta’ Deċiżjoni C (2008) 1089 finali, tat-2 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 445/2007) implementata minn Franza favur AFR (ĠU L 238, p. 27, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni oriġinali”), il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mir-reġjun NPDC u mill-CAD kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fir-rigward ta’ kreditu mogħti lil impriża f’diffikultà li r-rimbors tiegħu ma ġie żgurat minn ebda garanzija, il-Kummissjoni qieset li l-ammont ta’ din l-għajnuna kien daqs id-differenza bejn ir-rata tal-interess li effettivament ġiet applikata u r-rata ta’ interess li għaliha l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess kreditu fis-suq privat.

8        Il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Franċiża favur AFR kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, hija ordnat li din tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji mir-Repubblika Franċiża, flimkien mal-interessi.

 Proċedura u żviluppi ġodda fil-mori tal-kawża

9        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fil-11 u fis-17 ta’ Lulju 2008, ir-reġjun NPDC u l-CAD ippreżentaw, rispettivament, ir-rikorsi T‑267/08 u T‑279/08, li kellhom bħala għan inizjali talba għal annullament tad-deċiżjoni oriġinali.

10      Ir-reġjun NPDC talab, fir-replika, li l-Kawżi T‑267/08 u T‑279/08 jingħaqdu. Il-Kummissjoni ma fformulat ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward u l-CAD iddikjarat ruħha favorevoli mal-fatt li l-kawżi jingħaqdu.

11      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Frar 2009, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ordna, abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-Kawżi T‑267/08 u T‑279/08 jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

12      Fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni rtirat id-deċiżjoni oriġinali għaliex, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (T‑102/07 u T‑120/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar’il quddiem is-“sentenza Biria”), il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna ma kienx legalment motivat skont kif meħtieġ bil-liġi.

13      Id-deċiżjoni oriġinali ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4112 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 45/2007) implementata minn Franza favur AFR (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha l-Kummissjoni, minn naħa, ikkonfermat l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, ordnat lir-Repubblika Franċiża sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-imsemmija għajnuna, flimkien mal-interessi.

14      Fit-23 ta’ Awwissu 2010, fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-reġjun NPDC u l-CAD, minn naħa, ippreċiżaw li, minkejja l-irtirar tad-deċiżjoni oriġinali, huma ma xtaqux ibiddlu t-talbiet inizjali tagħhom fir-rikorsi u, min-naħa l-oħra, talbu sabiex jadattaw it-talbiet tagħhom b’mod li r-rikorsi tagħhom jirrigwardaw ukoll id-deċiżjoni kkontestata.

15      Fis-27 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tat-23 ta’ Awwissu 2010 ippreżentati mir-rikorrenti. Hija rrinunċjat għat-talbiet tagħha intiżi sabiex ir-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u talbet li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

16      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla u għaldaqstant din il-kawża ġiet assenjata lil din tal-aħħar.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni domandi bil-miktub. Dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2010.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Fil-Kawża T‑267/08, ir-reġjun NPDC jitlob lil Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Fil-Kawża T‑279/08, il-CAD titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Fil-Kawżi T‑267/08 u T‑279/08, il-Kummissjoni titlob lil Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lil kull wieħed mill-partijiet ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 Id-dritt

A –  Fuq il-konsegwenzi proċedurali tal-irtirar tad-deċiżjoni oriġinali u tas-sostituzzjoni tagħha bid-deċiżjoni kkontestata

22      Kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 iktar’il fuq, id-deċiżjoni oriġinali ġiet irtirata u ssostitwita, wara li ġew ippreżentati r-rikorsi, bid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti talbu sabiex ikunu jistgħu jadattaw it-talbiet inizjali tagħhom b’mod li r-rikorsi tagħhom ikunu jirrigwardaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni hija, fil-mori tal-kawża, issostitwita b’deċiżjoni li għandha l-istess suġġett, din għandha titqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinstab f’rikors ippreżentat lill-qorti tal-Unjoni kontra deċiżjoni, tadatta d-deċiżjoni kkontestata jew tissostitwixxiha u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra l-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għad-deċiżjoni sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra din (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalhekk, f’din il-kawża, minn naħa, għandu jitqies li t-talbiet inizjali tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali tilfu l-iskop tagħhom, minħabba l-fatt li din id-deċiżjoni ġiet issostitwita mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod li ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-imsemmija talbiet, u min-naħa l-oħra, għandu jitqies li t-talbiet il-ġodda tar-rikorrenti msemmija fil-punt 14 iktar’il fuq għandhom jiġu milqugħa, li jiġi kkunsidrat li r-rikorsi tagħhom huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li l-partijiet jitħallew jifformulaw mill-ġdid it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta’ dan l-element ġdid, li jimplika, għalihom, id-dritt li jippreżentaw talbiet, motivi u argumenti supplimentari.

B –  Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

25      Ir-rikors T‑267/08 jinkludi seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ kontradittorju, ta’ ugwaljanza, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ osservanza tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolarità ġuridika tal-awtur tal-għajnuna. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan jinkludi żewġ partijiet li jikkonċernaw, rispettivament, żball ta’ evalwazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi u żball ta’ klassifikazzjoni tal-AFR bħala impriża f’diffikultà. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar l-allegat vantaġġ li AFR nisslet mill-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u fuq użu ħażin ta’ poter.

26      Ir-rikors T‑279/08 jinkludi erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ impriża f’diffikultà. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat.

27      Barra minn hekk, CAD qajmet, matul is-seduta, il-ħames motiv li huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ garanziji li jiżguraw ir-rimbors tal-ħlasijiet bil-quddiem.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames motiv tar-rikors T‑279/08

a)     L-argumenti tal-partijiet

28      Matul is-seduta, il-CAD sostniet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli kontenzjużi kienu ngħataw mingħajr ebda garanzija li tiżgura r-rimbors tagħhom. Fil-fatt, il-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija minn CAD ingħataw bil-kundizzjoni li jkun hemm funżjoni irrevokabbli bejn AFR u Lormafer, kumpannija kkontrollata mill-kumpannija Arbel SA. Din il-fużjoni tikkostitwixxi garanzija minħabba li tkabbru l-konfini għall-irkupru tad-dejn mill-kredituri li jistgħu jirriżultaw minnha.

29      Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li peress li dan il-motiv tqajjem b’mod tardiv huwa għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Sussidjarjament, hija sostniet li l-kundizzjoni tal-għoti tal-għajnuna invokata mill-CAD ma tistax ġuridikament titqies bħala garanzija u li l-għoti tal-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi ma kien suġġett għal ebda garanzija.

30      Bi tweġiba għall-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, il-CAD sostniet li l-argument inkwistjoni kien jinsab fil-punt 30 tar-rikors tagħha u li l-kundizzjoni invokata kienet ġiet speċifikata fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-CAD tal-24 ta’ Ġunju 2005 li jikkostitwixxu l-Anness A.2 tar-rikors tagħha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal‑Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ikkunsidrati flimkien, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati u li t-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

32      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tagħha, ma qajmitx dan il-motiv fir-rikors tagħha. Fil-fatt, il-punt 30 tar-rikors sempliċiment isemmi li l-ħlas bil-quddiem kontenzjuż ingħata mill-CAD “taħt ċerti kundizzjonijiet”, mingħajr ma ssemmi, fost dawn il-kundizzjonijiet, li l-fużjoni irrevokabbli ta’ AFR u Lormafer tikkostitwixxi garanzija u li l-Kummissjoni kienet għalhekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ebda garanzija kienet tiżgura r-rimbors tal-ħlasijiet bil-quddiem. Barra minn hekk, il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-CAD li jinsabu fl-Anness A.2 tar-rikors sempliċiment jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tal-ħlas bil-quddiem kien suġġett, mingħajr ma jsemmu ebda garanzija li tiżgura r-rimbors tal-imsemmi ħlas bil-quddiem, u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu interpretati bħala li qed jifformulaw dan il-motiv. Għandu jingħad ukoll li dan il-motiv lanqas ma huwa invokat mir-rikorrenti fit-talba tagħha sabiex jiġu adattati t-talbiet u l-motivi tagħha msemmija fil-punt 14 iktar’il fuq.

33      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tallegax li l-imsemmi motiv jibbaża ruħu fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura.

34      Għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura msemmija fil-punt 31 iktar’il fuq, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ garanziji li jiżguraw ir-rimbors tal-ħlasijiet bil-quddiem għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

35      Sussidjarjament u anki jekk jitqies li dan l-argument jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jsostni estensjoni tal-motiv li diġà tqajjem u, għalhekk, ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament, 306/81, Ġabra p. 1755, punt 9, u tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑301/97, Ġabra p. I‑8853, punt 169), fi kwalunkwe każ, huwa għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-kundizzjoni stabbilita għall-għoti ta’ ħlas bil-quddiem mogħti mill-CAD, jiġifieri l-fużjoni bejn il-kumpanniji AFR u Lormafer, ma tqiegħedx lill-CAD f’sitwazzjoni pprivileġġjata meta mqabbla mal-kredituri l-oħra ta’ AFR. Din la tikkostitwixxi impenn meħud minn terz favur CAD u lanqas l-għoti ta’ beni bi ħlas preferenzjali tal-CAD. Għalhekk, din ma tistax titqies li tikkostitwixxi garanzija li tiżgura r-rimbors tal-imsemmi ħlas bil-quddiem. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt.

2.     Fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑267/08 u fuq it-tieni motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-reġjun NPDC isostni li d-deċiżjoni kkontestata tbati minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Huwa josserva, preliminarjament, li l-Kummissjoni pproċediet bl-eżami globali u maqgħud tal-għajnuna mogħtija lil AFR, li hija qisitha bħala li tikkostitwixxi għajnuna waħda, u mhux żewġ għajnuniet distinti, mogħtija mir-reġjun NPDC, minn naħa, u mill-CAD, min-naħa l-oħra.

37      Huwa jsostni li l-motivazzjoni hija żbaljata fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mill-CAD għaliex, ġaladarba, fil-premessa 18 tad-deċiżjoni oriġinali, il-Kummissjoni ddikjarat li din l-għajnuna kienet ingħatat mill-komuni tal-CAD. Issa, il-CAD, fuq livell amministrattiv u baġitarju, hija stabbiliment pubbliku awtonomu, ġuridikament distinta mill-komuni li jifformawha, li magħha jistgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet kuntrattwali, u li għandha l-kompetenzi u fiskalità tagħha stess. Għalhekk, il-motivazzjoni dwar l-allegata għajnuna mogħtija mill-imsemmija komuni hija inapplikabbli, fatt li jrendi l-motivazzjoni dwar l-għajnuna mogħtija mill-CAD ineżistenti. Ir-rettifika tal-iżball li jinsab fil-premessa 18 tad-deċiżjoni oriġinali, magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 27 tad-deċiżjoni oriġinali, ma teliminax dan id-difett proċedurali, peress li l-Kummissjoni ma tipprovdix spjegazzjoni dwar dan il-bdil ta’ klassifikazzjoni.

38      Għalhekk, il-motivazzjoni li tirrigwarda l-parti reġjonali tal-għajnuna għandha wkoll titqies bħala ineżistenti, skont il-prinċipju ta’ indiviżibbiltà tal-motivazzjoni.

39      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tqis li l-motivazzjoni kienet diviżibbli, jirriżulta li l-parti reġjonali tal-għajnuna ma tkunx biżżejjed immotivata għaliex l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-AFR tkun saret fuq il-bażi ta’ għajnuna totali ta’ EUR żewġ miljuni. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ għall-impriża straħet fuq bażijiet żbaljati.

40      Il-CAD issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata, bħalma kienet id-deċiżjoni oriġinali, minn motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-metodu użat għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, peress li tistrieħ fuq żieda ta’ 800 punt ta’ bażi tar-rata ta’ interess ta’ referenza (iktar’il quddiem il-“primjum ta’ riskju”). Fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċiment tirreferi, minn naħa, għad-deċiżjoni oriġinali u, min-naħa l-oħra, għall-Komunikazzjoni 2008/C 14/02 tagħha dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, p. 6, iktar’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza). Issa, minn naħa, id-deċiżjoni oriġinali kienet ġiet irtirata għaliex il-kalkolu tal-imsemmi primjum ta’ riskju ma kienx biżżejjed immotivat u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi riferiment għat-testi applikabbli, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni għas-sitwazzjoni inkwistjoni li tippermetti li tiġi vverifikata r-rilevanza tal-analiżi, huwa, skont il-ġurisprudenza, insuffiċjenti, għaliex ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-validità tal-metodu tal-kalkolu taż-żieda tal-interessi użat.

41      Barra minn hekk, il-CAD issostni fir-replika li l-Kummissjoni pproċediet b’analiżi globali u maqgħud tal-mekkaniżmi tal-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli mogħtija lil AFR, minkejja li fil-verità kien hemm żewġ ħlasijiet bil-quddiem distinti.

42      Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

43      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni interessati, iżda huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punti 62 sa 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Barra minn hekk, meta deċiżjoni tkun ġiet adottata f’kuntest li l-persuna interessata tkun taf sew, din tista’ tiġi mmotivata fil-qosor (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punti 89 u 92).

45      Għandha titfakkar wkoll il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑406/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, Ġabra p. II‑1403, punt 63). L-oġġezzjonijiet u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-att huma għalhekk irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta-Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑68/03, Ġabra p. II‑2911, punt 79, u Biria, punt 12 iktar’il fuq, punt 210).

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑267/08

46      Ir-reġjun NPDC essenzjalment isostni li d-deċiżjoni kkontestata tbati minn nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex minnha jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija mill-CAD kienu ngħataw mill-komuni tal-CAD.

47      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li peress li d-deċiżjoni oriġinali kienet ġiet irtirata, ir-reġjun NPDC ma jistax jargumenta b’mod utli l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-premessi 16, 17 u 27 ta’ din tal-aħħar jidentifikaw b’mod ċar u inekwivoku lil CAD, u mhux lill-komuni li jifformawha, bħala l-kollettività li għamlet wieħed miż-żewġ ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli inkwistjoni, b’mod li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala nieqes minn fatti.

 Fuq it-tieni motiv tar-rikors T‑279/08

48      Il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna l-motivazzjoni insuffiċjenti dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. It-tieni parti tirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn eżami globali u maqgħud tal-għajnuna mogħtija lil AFR.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna

49      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna bil-kliem segwenti:

“(49) Fil-każ tal-għajnuniet mogħtija taħt forma ta’ krediti lil impriżi f’diffikultà, l-element ta’ għajnuna huwa magħmul mid-differenza bejn l-interess effettivament applikat u l-interess li bih l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess kreditu fis-suq privat.

(50) Skont il-Komunikazzjoni tal-1997 fuq ir-rati ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rati ta’ referenza li suppost jirriflettu l-livell tar-rati tal-interessi medji meħtieġa fis-suq għal self għal żmien medju u fit-tul, fejn dan is-self huwa jinkludi garanzija normali. L-imsemmija komunikazzjoni tenfasizza wkoll li r-rata ta’ referenza hija rata fissa li tista’ tiżdied f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari, bħal pereżempju meta l-impriża tinsab f’diffikultà jew f’każ fejn il-garanzija normalment meħtieġa mill-banek ma hijiex ipprovduta. F’dawn il-każijiet, iż-żieda tista’ tkun ta’ 400 punt ta’ bażi jew iktar. Il-Komunikazzjoni tal-1997 fuq ir-rati ta’ referenza ma tispeċifikax jekk primjums ta’ riskji differenti jistgħu jiġu akkumulati jekk wieħed jikkunsidra r-riskji differenti. Minkejja li din l-akkumulazzjoni ma hijiex eskluża, il-Kummissjoni għandha timmotiva fid-deċiżjoni tagħha l-metodu użat bl-għan li takkumula l-primjums ta’ riskji differenti billi tirrikorri għal analiżi tal-prassi tas-swieq finanzjarji. […]

(51) Fl-2004, uffiċċju ta’ verifika […] ħejja studju […] f’isem il-Kummissjoni (iktar’il quddiem ‘l-istudju’). Fuq il-bażi ta’ riċerka empirika, l-istudju jidentifika l-primjums osservabbli fuq is-suq għal kategoriji differenti ta’ riskji marbuta ma’ impriżi jew ma’ tranżazzjonijiet (li għandhom garanzija varjabbli). L-istudju juri b’mod ċar li l-preżenza simultanja ta’ aspetti differenti ta’ riskji (solvenza tal-persuna li ssellef, garanziji) titwettaq fil-forma ta’ żidiet li għandhom jiżdiedu mar-rata ta’ bażi.

(52) Wara l-istudju, l-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-element tal-għajnuna fis-self ġie rfinat u ppreċiżat fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2008 dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont […] (iktar’il quddiem il-‘komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza’). Din il-komunikazzjoni tirrifletti l-metodu maħsub mill-istudju u tistabbilixxi ż-żieda ta’ żidiet differenti fir-rata bażika, kemm skont is-solvenza tal-impriża kif ukoll il-garanziji offruti.

(53) Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-determinazzjoni tal-element tal-għajnuna fil-miżuri tirreferi għall-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u, kif tindika b’mod paċifiku l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ‘il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat tirrigwarda sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha’.

[…]

(54) Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-metodu xieraq sabiex jiġi ddeterminat l-element tal-għajnuna huwa dak li jinsab fil-komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza u biħsiebha teżamina l-miżuri inkwistjoni fid-dawl ta’ din il-komunikazzjoni.

(55) Il-komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza tistabbilixxi żieda li tippermetti li tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ impriża f’diffikultà li toffri livell baxx ta’ garanzija li tkun daqs 1 000 punt ta’ bażi.

(56) Kif intwera fit-taqsima 5.1.3, il-Kummissjoni tqis li AFR kienet impriża f’diffikultà fil-mument li ngħataw il-miżuri (ta’ għajnuna). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-ebda garanzija ma ngħatat insostenn tal-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli u li l-livell ta’ garanziji jista’ għalhekk jitqies bħala baxx.

(57) Għalhekk, l-element ta’ għajnuna huwa, bħala regola, id-differenza bejn ir-rata bażika miżjuda b’ 1 000 punt u r-rata li biha l-miżura ngħatat. Madankollu, meta jitqies li fid-deċiżjoni oriġinali tat-2 ta’ April 2008 hija kkunsidrat li ż-żieda applikabbli hija ta’ 800 punt ta’ bażi, li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma kkontestax din id-deċiżjoni, li ebda kompetitur tal-benefiċjarju ma qiegħed fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni inizjali u fid-dawl tal-fatti kollha tal-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma hemmx lok li tiżdied din iż-żieda fil-kawża preżenti.

(58) Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-element ta’ għajnuna huwa daqs id-differenza bejn ir-rata ta’ interess ta’ referenza applikabbli miżjuda b’800 punt ta’ bażi u r-rata ta’ interess li ġiet applikata għall-miżura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50      Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna użat mill-Kummissjoni, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-CAD, ma tillimitax ruħha għal sempliċi riferiment għall-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza u għad-deċiżjoni oriġinali. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-metodu tal-kalkolu magħżul, jiġifieri l-użu tar-rata ta’ referenza assoċjata maż-żieda fissa marbuta mas-sitwazzjoni diffiċli ta’ AFR u man-nuqqas ta’ garanziji li jiżguraw il-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli.

51      Fl-ewwel lok, il-metodu tal-kalkolu espost mill-Kummissjoni jirreferi għall-Komunikazzjoni 97/C273/06 dwar il-metodu tal-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 273, p. 3, iktar’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-rati ta’ referenza”) kif ukoll għall-komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza.

52      Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata minn analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AFR – fejn il-fondatezza tikkostitwixxi kwistjoni distinta minn dik tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni – u tan-nuqqas ta’ garanziji.

53      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-motivazzjoni taż-żieda fir-rata ta’ referenza applikabbli, fid-dawl tar-riskji akkumulati li jirriżultaw mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AFR u fin-nuqqas ta’ garanziji, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza Biria, punt 12 iktar’il fuq, punt 218), għal analiżi tal-prassi fuq is-swieq finanzarji, li saret f’Ottubru 2004 minn uffiċju ta’ verifika f’isem il-Kummissjoni, li hija bbażata fuq riċerka empirika tal-primjums osservabbli fuq is-suq ta’ kategoriji differenti ta’ riskji marbuta mal-impriżi jew ma’ tranżazzjonijiet.

54      Ir-riferiment għad-deċiżjoni oriġinali magħmul fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata huwa intiż biss, flimkien mar-riferiment għal teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-kawża, sabiex jimmotiva l-iffissar mill-Kummissjoni tal-primjum ta’ riskju għal 800 punt ta’ bażi. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-iffissar tal-primjum ta’ riskju għat-tali livell huwa mmotivat biżżejjed.

55      Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-eżami “globali u maqgħud” tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lil AFR

56      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, meta ppreżentat il-miżuri ta’ sostenn inkwistjoni fil-premessa 17, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni ċara bejn iż-żewġ ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli mogħtija, minn naħa, mir-reġjun NPDC u, min-naħa l-oħra, mill-CAD.

57      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal “ħlasijiet bil-quddiem konġunti”, dan il-fatt ma għandux jitqies bħala li jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, kien ġie ppreċiżat ukoll, fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ħlas bil-quddiem mogħti mill-CAD kien suġġett, skont l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni, għall-kundizzjoni li ħlas bil-quddiem rimborsabbli simili kellu jingħata, abbażi tal-istess kundizzjonijiet, mir-reġjun NPDC.

58      Fit-tielet lok, għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet eżami konġunt tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-ħlasijiet bil-quddiem inkwistjoni, tad-determinazzjoni tal-ammont tagħha u tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, dan il-fatt ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, ladarba l-ħlasijiet bil-quddiem kienu ngħataw, minn naħa, taħt l-istess kundizzjonijiet, fir-rigward tar-rata ta’ interessi, tal-modalitajiet ta’ rimbors u tan-nuqqas ta’ garanziji, u, min-naħa l-oħra, lill-istess benefiċjarju, motivazzjoni konġunta tissodisfa, f’dan il-każ, l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jiġifieri l-ħtieġa li r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, joħroġ b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li jippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

59      Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, it-tieni motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

3.     Fuq it-tieni motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ kontradittorju, ta’ ugwaljanza, ta’ amministrazzjoni tajba, tal-osservanza tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

a)     L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-reġjun NPDC isostni li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li japplika għal kull proċedura mressqa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, huwa imperattiv fil-kuntest ta’ proċeduri marbuta mal-għajnuna mill-Istat mhux biss favur id-destinatarju tad-deċiżjoni, iżda wkoll favur il-kollettività li tkun tat l-għajnuna. Issa, il-Kummissjoni ma ressqitx talba la lill-kummissjoni permanenti tal-kunsill reġjonali ta’ NPDC, li ddeċidiet l-għoti tal-għajnuna, u lanqas lill-President tal-imsemmi kunsill reġjonali, li għandu s-setgħa li jipproċedi bl-eżekuzzjoni tagħha. Ir-Repubblika Franċiża lanqas ma ressqet talba għal spjegazzjonijiet lil dawn l-awtoritajiet eletti tal-Kunsill Reġjonali, fejn il-kuntatti li ġew stabbiliti kienu biss mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, l-awtoritajiet deċiżjonali jew amministrattivi tar-reġjun NPDC ma kellhomx aċċess għall-proċess u ma kinux id-destinatarji tal-atti tal-proċess, tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża jew tad-domandi redatti mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna kontenzjuża. Il-Kummissjoni jmissha jew ikkomunikat direttament mar-reġjun NPDC, jew talbet lir-Repubblika Franċiża sabiex tinforma lir-rappreżentant legali tagħha, jiġifieri l-President tal-Kunsill Reġjonali, sabiex jaqsam miegħu l-osservazzjonijiet tiegħu.

62      Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ osservanza tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri, billi ħolqot preġudizzju għall-amministrazzjoni libera tal-kollettivitajiet territorjali ggarantiti mill-Kostituzzjoni Franċiża tal-4 ta’ Ottubru 1958.

63      In-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, minkejja li din hija bbażata fuq metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li huwa differenti mill-metodu użat fid-deċiżjoni oriġinali, jikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt ta’ informazzjoni tar-reġjun NPDC bħala persuna interessata kif ukoll tad-dritt ta’ smigħ tiegħu. Kien hemm ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Franċiża.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux biss fuq elementi ġodda, iżda wkoll fuq allegat nuqqas ta’ dokumenti mibgħuta lilha mill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-pjan ta’ rkupru implementat minn AFR, kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju jippreżumi li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma hijiex ibbażata fuq in-nuqqas ta’ elementi li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet fid-deċiżjoni provviżorja, il-partijiet interessati ma setgħux iqisu li għandhom jipprovdulha. F’dan il-każ, lanqas ma kien hemm deċiżjoni provviżorja, fejn il-Kummissjoni sempliċiment issostitwixxiet id-deċiżjoni kkontestata mad-deċiżjoni oriġinali, mingħajr l-iċken formalità u f’ħabi totali. Għalhekk, ir-reġjun NPDC bħar-Repubblika Franċiża ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċulha l-elementi kif kellhom jiġu pprovduti.

65      Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet ikkonċernati mill-għajnuna, peress li l-persuna li tilmenta li tat bidu għall-ftuħ tal-proċedura tqieset bħala parti interessata skont l-Artikolu 108(2) TFUE, filwaqt li l-kollettività territorjali li tat l-għajnuna msemmija fl-ilment tqieset biss bħala terza interessata, li ma għandhiex is-setgħa li tipparteċipa fil-proċedura.

66      Il-CAD tikkritika lill-Kummissjoni talli ma kkonsultat la magħha, la mar-reġjun NPDC u lanqas mal-kumpannija AFR, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuni interessati jitqiegħdu f’sitwazzjoni li jsostnu l-perspettiva tagħhom u li jieħdu pożizzjoni fuq id-dokumenti tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni. Is-sempliċi konsultazzjoni tar-Repubblika Franċiża ma hijiex biżżejjed.

67      Hija ssostni wkoll li għandu jiġi vverifikat jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kinitx ċara biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuni interessati jidentifikaw b’mod effettiv l-aġir li dwaru huma qed jiġu kkritikati.

68      Il-CAD iżżid tgħid li n-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ mill-Kummissjoni. Peress li l-Kummissjoni ma informathiex bl-eżami mill-ġdid tal-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi u tal-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna li huwa differenti mill-metodu użat sabiex tiġi mmotivata d-deċiżjoni oriġinali, hija ma tqegħditx f’pożizzjoni sabiex issostni l-perspettiva tagħha.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

70      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull tip ta’ proċedura mressqa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tkun tqegħdet f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, sabiex issostni b’mod utli l-perspettiva tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti, oġġezzjonijiet u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 32).

71      Fir-rigward tad-drittijiet tal-korpi infra-statali li taw l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi osservat li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. Huwa biss l-Istat Membru kkonċernat, bħala destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, li jista’ għalhekk verament jinvoka d-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2009, Operator ARP vs Il-Kummissjoni, T‑291/06, Ġabra p. II‑2275, punt 35). Il-korpi infra-statali li jagħtu l-għajnuna, bħalma huma r-rikorrenti, u bħall-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna u l-kompetituri tagħhom huma biss meqjusa bħala persuni interessati f’din il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T‑158/96, Ġabra p. II‑3927, punt 42).

72      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, matul l-istadju tal-eżami msemmi fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 16, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 59).

73      Fir-rigward ta’ dan l-obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni f’avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex il-persuni interessati kollha jsiru jafu bil-ftuħ ta’ proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17) u li din il-komunikazzjoni hija maħsuba biss sabiex tikseb, mingħand il-persuni interessati, kull informazzjoni intiża sabiex tgħin lill-Kummissjoni fl-azzjoni futura tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 19, u tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II‑1399, punt 256).

74      Din il-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-persuni interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Minn dan isegwi li l-persuni interessati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punti 59 u 60, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 125).

75      Għaldaqstant, il-persuni interessati ma jistgħux jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta l-Kummissjoni ma tkunx talbet personalment l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 82]. Il-Kummissjoni lanqas ma għandha l-obbligu li tibgħat lill-persuni interessati l-osservazzjonijiet jew l-informazzjoni li hija rċeviet mingħand il-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat.

76      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-dritt ta’ amministrazzjoni tajba, billi, fl-ewwel lok, naqset milli tibgħatilhom direttament talba ta’ spjegazzjoni jew li titlob lir-Repubblika Franċiża tinforma lir-rappreżentant legali tagħhom sabiex huwa jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, billi, fit-tieni lok, ma awtorizzatilhomx l-aċċess għall-proċess, u fit-tielet lok, għaliex huma ma kinux id-destinatarji tal-atti tal-proċedura, tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża jew tad-domandi magħmula mill-Kummissjoni dwar l-għajnuna kontenzjuża.

77      Il-CAD issostni wkoll li minbarra d-drittijiet tad-difiża tagħha, kien hemm ksur ukoll tad-drittijiet tad-difiża tar-reġjun NPDC u tal-benefiċjarju tal-għajnuna, AFR, għaliex l-osservazzjonijiet tagħhom ma ġewx milqugħa. Fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li l-CAD għandha interess ġuridiku biss sabiex tikseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha [ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2001, British American Tobacco International (Holdings) vs Il-Kummissjoni, T‑41/00, Ġabra p. II‑1301, punti 18 u 19, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER, T‑411/06, Ġabra p. II‑2771, punt 101]. Peress li l-CAD ma għandhiex interess ġuridiku sabiex tikseb ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-reġjun NPDC u tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-oġġezzjoni bbażata fuq il-ksur tal-imsemmija drittijiet hija inammissibbli sa fejn hija invokata mill-CAD.

78      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 sa 75 iktar’il fuq jirriżulta li l-persuni interessati, bħalma huma r-rikorrenti, ma jistgħux jinvokaw drittijiet tad-difiża bħala tali, iżda għandhom biss id-dritt ta’ smigħ u li jkunu assoċjati mal-proċedura f’miżura xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Għalhekk, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba invokat mir-rikorrenti għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu u li jkunu assoċjati mal-proċedura.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, billi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tas-27 ta’ Ottubru 2007 stedina sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 88(2) KE dwar il-proċedura marbuta mal-għajnuna mill-Istat mhux innotifikata implementata mir-Repubblika Franċiża favur AFR, li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni għall-ftuħ u sunt tagħha, għarrfet lil kull persuna interessata bil-ftuħ tal-proċedura.

80      Fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-CAD li tipprovdi li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ġietx redatta b’mod ċar biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuni interessati jsiru jafu dwar l-aġir li bih qed jiġu kkritikati, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha sabiex tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, li tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u li tesponi r-raġunijiet li joħolqu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra p. II‑4217, punt 104, u tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 138).

81      Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-persuni interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu l-ħsieb li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 138, u Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar’il fuq, punt 105).

82      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar il-motivi li abbażi tagħhom hija kkonkludiet provviżorjament li l-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (premessi 8 sa 15 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ) kif ukoll ir-raġunijiet għaliex hija qieset li kienu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (premessi 16 sa 20 tal-imsemmija deċiżjoni).

83      Barra minn hekk, fir-rigward tal-oġġezzjoni tar-reġjun NPDC u tal-CAD, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara l-irtirar tad-deċiżjoni oriġinali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att illegali tista’ titkompla mill-punt preċiż fejn kienet ġiet ikkonstatata l-illegalità, mingħajr il-ħtieġa għall-Kummissjoni li tibda mill-ġdid il-proċedura billi tmur lil hinn minn dan il-punt preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/9 P, Ġabra p. I‑8147, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punti 99 u 142). Issa, f’dan il-każ, il-motivazzjoni insuffiċjenti li wasslet għall-irtirar tad-deċiżjoni oriġinali ma tmurx lura għall-ftuħ tal-proċedura, li ma huwa vvizjat minn ebda illegalità. Ladarba kellha, fir-rigward tal-kalkolu tal-primjum ta’ riskju, l-elementi neċessarji għall-analiżi l-ġdida meħtieġa skont is-sentenza Biria, punt 12, il-Kummissjoni ma kellhiex għalhekk l-obbligu li tibda mill-ġdid l-investigazzjoni tal-kawża.

84      Peress li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u dak assoċjat mal-proċedura ġew rispettati meta ġiet adottata d-deċiżjoni oriġinali, l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni għal motivazzjoni insuffiċjenti u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tissostiwixxiha ma timponix għalhekk il-ħtieġa li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-reġjun NPDC tista’ tqajjem oġġezzjoni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Franċiża, għandu jiġi kkonstatat li hija ma pproduċiet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li dan in-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kien jikkostitwixxi dan il-ksur.

85      Iż-żieda ta’ elementi addizzjonali fid-deċiżjoni kkontestata, marbuta mal-miżuri ta’ rkupru adottati mill-AFR, ma tistax tqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, din iż-żieda hija intiża sabiex tissodisfa b’mod iktar dettaljat l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li ż-żieda ta’ elementi addizzjonali tikser id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, peress li, bil-kontra, din iż-żieda kienet ta’ natura li tistabbilixxi r-rispett ta’ dan id-dritt. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jressqu ebda element li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni jidher li huwa ta’ natura li jbiddel il-konklużjoni li għaliha hija waslet fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, sabiex dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, hemm bżonn, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, li l-proċedura tkun setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punti 12 u 13, u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 30 u 31).

86      Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisret la d-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu u li jkunu assoċjati mal-proċedura, la d-dritt ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas il-prinċipju ta’ kontradittorju.

87      L-oġġezzjoni tar-reġjun NPDC, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-korpi territorjali infra-statali li jagħtu l-għajnuna, bħalma huma r-rikorrenti, għandhom fil-fatt l-istess drittijiet proċedurali bħall-eventwali persuni li jilmentaw. Dawn tal-aħħar huma meqjusa biss bħala persuni interessati f’din il-proċedura, li magħhom il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tibda diskussjoni kontradittorja (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 59, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra p. II‑4739, punt 140).

88      Barra minn hekk, fir-rigward tal-oġġezzjoni tar-reġjun NPDC ibbażata fuq l-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri, għandu jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li korp infra-statali jkollu stat legali u fattwali li jrendih suffiċjentement awtonomu fir-rigward tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri li huwa jadotta, ikun dan il-korp, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollu rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 58, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Unión General de Trabajadores de la Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, Ġabra p. I‑6747, punt 48). Madankollu, fil-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ir-rwol tal-partijiet interessati li ma jkunux l-Istat Membru kkonċernat huwa limitat għal dak imfakkar fil-punt 74 iktar’il fuq. F’dan ir-rigward, dawn ma jistgħux jippretendu li huma stess ikunu f’diskjussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħal dik miftuħa għall-benefiċċju tal-imsemmi Stat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 82). Għalhekk, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

89      Fl-aħħar nett, l-oġġezzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sostnuta mir-reġjun NPDC (ara punt 64 iktar’il fuq) lanqas ma hija konvinċenti.

90      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat, l-aspettattivi leġittimi li setgħu qajmu l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T‑6/99, Ġabra p. II‑1523, punt 126). Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha fuq in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ elementi li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-partijiet interessati ma setgħux iqisu li għandhom jipprovdulha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 125).

91      F’din il-kawża, il-premessa 18 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ hija redatta kif ġej:

“[F’dan l-istadju, il-Kummissjoni għandha d-dubji tagħha li l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturar prevista mil-Linji gwida jiġu sodisfatti. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrileva l-punti segwenti:

–        l-awtoritajiet Franċiża ma ppreżentawlhiex pjan ta’ ristrutturar skont il-punti 34 sa 37 tal-linji gwida

–        il-Kummissjoni ma ġabritx informazzjoni dwar il-miżuri ta’ kumpens intiżi li jipprekludu kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna (punti 38-42 tal-linji gwida).]”

92      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar skont il-punti 34 sa 37 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar’il quddiem il-“linji gwida”), id-deċiżjoni ta’ ftuħ tinkludi għalhekk indikazzjonijiet li juru li l-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni.

93      Il-partijiet interessati u r-Repubblika Franċiża kienu jafu għalhekk li huma kellhom juru li hemm dan il-pjan ta’ ristrutturar, li għalih l-għoti tal-għajnuna kien suġġett, sabiex jistabbilixxu l-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija. Għalhekk, ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fuq dan il-punt.

94      Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

4.     Fuq it-tielet motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet ġuridiċi tal-awtur tal-għajnuna

a)     L-argumenti tal-partijiet

95      Ir-reġjun NPDC jsostni li n-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna lil AFR mill-CAD bħala stabbiliment pubbliku juri li hemm żball dwar il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni, billi kkunsidrat b’mod żbaljat li l-għajnuna ngħatat mill-komuni tal-CAD, ma kkunsidratx il-partikolarità ġuridika tal-awtur tal-għajnuna. Hija naqset milli tiddeċiedi fuq nofs l-għajnuna mogħtija, fejn il-mod ta’ finanzjament speċifiku ma ġiex eżaminat, anki jekk l-effetti tal-għajnuna ma jistgħux jiġu mifruda mill-mod ta’ finanzjament tagħha.

96      Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-reġjun NPDC jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

97      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, peress li d-deċiżjoni oriġinali kienet ġiet irtirata, ir-rikorrent ma jistax jallega b’mod utli li din hija vvizjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-awturi tal-għajnuna. Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li dan l-argument jitqajjem ukoll kontra d-deċiżjoni kkontestata, billi jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari fil-premessi 16, 17 u 27 ta’ din id-deċiżjoni, li l-CAD kienet il-kollettività li tat wieħed miż-żewġ ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli kontenzjużi, il-Kummissjoni ma vvizjat l-imsemmija deċiżjoni b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

98      L-argument, differenti mill-preċedenti, li jipprovdi li l-mod ta’ finanzjament speċifiku tal-għajnuna mogħtija mill-CAD ma kienx ġie kkunsidrat qed jiġi konfuż mal-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors T­267/08 u ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest.

99      Għalhekk l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolarità ġuridika tal-CAD għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

5.     Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-oriġini tal-fondi, u r-raba’ motiv tar-rikors T‑297/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat

a)     L-argumenti tal-partijiet

100    Ir-reġjun NPDC isostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-oriġini tal-fondi inkwistjoni, peress li dawn il-fondi ma ġewx, kif kienet iddikjarat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni oriġinali, mill-komuni tal-CAD, iżda mill-CAD innifisha, li tikkostitwixxi stabbiliment pubbliku ta’ kooperazzjoni interkomunali. Għalhekk, il-Kummissjoni kient ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-ħlas bil-quddiem mogħti mill-CAD kien ġej minn riżorsi tal-Istat, anki jekk il-komunitajiet ta’ agglomerazzjoni kellhom ir-riżorsi proprji tagħhom. Dawn ir-riżorsi huma parzjalment ibbażati fuq kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ natura fiskali jew parafiskali u ġejjien ukoll minn servizzi ta’ natura ekonomika pprovduti minn dawn l-istabbilimenti pubbliċi.

101    Ir-reġjun NPDC, billi bbaża ruħu fuq l-Artikoli L. 4331‑1 sa L. 4331‑3 tal-kodiċi ġenerali tal-kollettivitajiet territorjali Franċiżi li jispjega d-dħul li għandhom ir-reġjuni, isostni li l-għajnuna li huwa stess ipprovda kien ġej ukoll minn riżorsi li ma humiex bilfors riżorsi fiskali jew parafiskali.

102    Ir-reġjun NPDC jikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata ddeduċiet li l-ħlasijiet mogħtija lill-AFR kienu imputabbli lill-Istat sempliċiment minħabba l-fatt li huma ngħataw mill-kollettivitajiet territorjali. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami individwali ta’ kull każ tal-kriterju ta’ imputabbiltà, fatt li ma seħħx għaliex hija qieset li l-ħlasijiet bil-quddiem kienu ngħataw mill-komuni tal-CAD.

103    Il-CAD issostni li l-komunitajiet ta’ agglomerazzjoni għandhom varjetà kbira ta’ riżorsi, fejn fosthom hemm dħul separat mit-taxxi u mill-miżati differenti, bħalma huwa d-dħul mill-beni tagħhom, mobbli u immobbli, l-ammonti li huma jirċievu mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, mill-assoċjazzjonijiet jew mill-individwi, għal servizz ipprovdut, u r-riżultat tad-donazzjonijiet u legati li huma kkonsentiti lilhom. Peress li dan id-dħul ma jirriżultax minn kontribuzzjoni obbligatorja imposta mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, huwa ma jistax jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat. Il-Kummissjoni jmissha analizzat l-oriġini tar-riżorsi li ntużaw għall-iffinanzjar tal-ħlas bil-quddiem rimborsabbli, sabiex tiddetermina jekk dan il-ħlas bil-quddiem ittiħiedtx mir-riżorsi tal-Istat jew mir-riżorsi l-oħra tal-CAD.

104    Il-CAD isostni wkoll li l-ħlas bil-quddiem rimborsabbli mogħti ma jikkostitwixxix spiża addizzjonali għaliha, iżda dħul futur, għaliex dan huwa self ta’ flus suġġett għal rimbors li joħloq interessi bir-rata ta’ 4.08 %, li tikkorrispondi għar-rata ta’ referenza Komunitarja fil-mument tal-għoti.

105    Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

106    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna fis-sens tat-Trattat tippreżumi li kull wieħed mill-erba’ kriterji kumulattivi msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE jiġi sodisfatt. L-ewwel nett, għandu jkun involut intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jikkawża distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Permezz ta’ dawn il-motivi r-rikorrenti jikkontestaw l-argument li għandhom jiġu sodisfatti l-ewwel minn dawn il-kriterji, li jipprovdi li sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, Ġabra p. I‑7139, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Għandu jiġi enfasizzat li intervent tal-Istat jew permezz tal-riżorsi tal-Istat ma għandux neċessarjament ikun miżura deċiża mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Dan jista’ wkoll jirriżulta minn awtorità infra-statali. Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura adottata minn kollettività territorjali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna ladarba jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 17 u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar’il fuq, punt 55). Fi kliem ieħor, il-miżuri meħuda mill-korpi intra-statali (deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħra) tal-Istati Membri, ikun liema jkun l-istatus ġuridiku u d-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu, bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑103/00 u T‑92/00, Ġabra p. II‑1385, punt 57).

109    Fir-rigward tal-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex jgħinu lil impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jifformawx parti jew le b’mod permanenti mill-partimonju tal-imsemmija awtoritajiet pubbliċi. Konsegwentement, anki jekk l-ammonti li jikkorrispondu mal-miżura inkwistjoni ma humiex permanentement fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 50, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 37).

110    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar’il fuq jirriżulta li l-fatt li l-ħlasijiet bil-quddiem ingħataw mir-reġjun NPDC u mill-CAD, għalhekk minn kollettivitajiet territorjali u mhux mill-awtorità ċentrali, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jwassal sabiex dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-kundizzjoni marbuta mal-imputabbiltà ta’ dawn il-miżuri li jikkonċernaw l-Istat hija għalhekk sodisfatta.

111    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 iktar’il fuq jirriżulta li l-finanzjament eventwali tal-miżuri kontenzjużi mir-riżorsi stess tar-reġjun NPDC u mill-CAD li ma humiex ta’ natura fiskali jew parafiskali lanqas ma jista jwassal sabiex l-imsemmija miżuri ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-kriterju determinanti fil-qasam tar-riżorsi tal-Istat huwa l-kontroll pubbliku, u l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju, kemm jekk jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji jew le, li s-settur pubbliku jista’ effettivament juża sabiex isostni l-impriżi.

112    Barra minn hekk, l-argument tal-CAD, li jgħid li l-ħlas bil-quddiem ma jikkostitwixxix spiża, iżda dħul futur, għaliex dan huwa self ta’ flus suġġett għal rimbors li jiġġenera l-interessi, għandu jiġi miċħud. L-interessi li impriża tista’ jkollha tgħaddi bħala kontroparti għal self fil-fatt ma humiex ta’ natura li tista’ ġġib totalment fix-xejn il-vantaġġ li minnu tibbenefika l-imsemmija impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, Ġabra p. I‑3913, punt 21). Effettivament teżisti spiża fuq il-baġit tal-CAD, għaliex din tal-aħħar setgħet tibbenefika minn rata ta’ rendiment iktar vantaġġuża li kieku hija selfet dan l-ammont taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq jew li kieku hija qeditu jew investietu b’mod ieħor. F’din l-ipoteżi, l-għajnuna hija kkostitwita mid-differenza bejn l-interessi li kienu tħallsu li kieku ġiet applikata r-rata ta’ interess li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u dawk li effettivament ingħataw (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punt 53). Il-legalità tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ għall-benefiċjarju tal-għajnuna, fid-dawl tar-rata ta’ interess applikata u tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AFR, ser tiġi eżaminata, min-naħa tagħha, fil-kuntest tal-ħames motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-vantaġġ li AFR kienet nislet mill-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli.

113    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li peress li d-deċiżjoni oriġinali ġiet irtirata, il-CAD ma tistax issostni b’mod utli li din hija vvizjata minn żball ta’ identifikazzjoni ta’ wieħed mill-awturi tal-għajnuna. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li dan l-argument jista’ jitqajjem ukoll kontra d-deċiżjoni kkontestata, billi jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari fil-premessi 16, 17 u 27 tagħha, li l-CAD kienet il-kollettività li tat wieħed miż-żewġ ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli inkwistjoni, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ analiżi tal-finanzjament tal-miżura inkwistjoni.

114    Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi, u r-raba’ motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat, jiġu miċħuda.

6.     Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq żball ta’ klassifikazzjoni ta’ AFR bħala impriża f’diffikultà, u fuq it-tielet motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ impriża f’diffikultà

a)     L-argumenti tal-partijiet

115    Ir-reġjun NPDC isostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kklassifikat lil AFR bħala impriża f’diffikultà fis-sens tal-punt 10(a) tal-Linji gwida u, sussidjarjament, tal-punt 11 tal-imsemmija linji gwida.

116    Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ AFR bħala impriża f’diffikultà fis-sens tal-punt 10(a) tal-Linji gwida, il-Kummissjoni llimitat l-analiżi tagħha għar-riżultati finanzjarji ta’ AFR li jinsabu fit-tabella riprodotta fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata u li tkopri l-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li l-għajnuna kienet ingħatat fl-4 ta’ Lulju 2005. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ewwel riżultati pożittivi tal-pjan ta’ tiġdid imfassal mill-AFR, li kienu madankollu jinħassu mill-ewwel nofs tal-2005, meta ngħata l-ħlas bil-quddiem. Id-dħul mill-bejgħ kien għalhekk ta’ EUR 45 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri kważi d-doppju tad-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel, li kien ta’ EUR 22.7 miljun. It-telf naqas minn EUR 14.3 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2003 għal EUR 8.1 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2005. Bejn l-4 ta’ Marzu 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2005, ġew iffirmati tnax-il kuntratt ta’ provvista, b’ammont totali ta’ EUR 61 608 790. L-ammont akkumulat ta’ dawn il-kuntratti kien jirrappreżenta EUR 31 805 650 matul l-ewwel nofs tas-sena 2005. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni din id-dinamika ta’ tiġdid u l-fatt li t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ għas-sena 2004 kien ir-riżultat ta’ strateġija ta’ ripożizzjonament fuq is-suq tal-vaguni l-iktar tekniċi bl-iktar valur miżjud.

117    Dan il-pjan ta’ ristrutturar kien ġie ppreżentat b’mod dettaljat mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni f’korrispondenza tal-24 ta’ Ottubru 2006. Fil-każ li hija qieset li ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar il-kontenut tiegħu, il-Kummissjoni jmissha talbet tagħrif addizzjonali fuq dan il-punt, skont is-setgħat investigattivi li hija għandha abbażi tar-Regolament Nru 659/1999. Il-Kummissjoni kellha, b’mod ġenerali, tmexxi investigazzjoni f’isimha, li permezz tagħha kellha tinjora kull element li jista’ jistabbilixxi li l-AFR ma baqgħetx impriża f’diffikultà meta ngħataw il-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli.

118    Ir-reġjun NPDC jenfasizza li huwa stess u l-CAD taw il-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli kkonċernati minħabba din id-dinamika ta’ tiġdid, kif juru d-diskussjonijiet li saru f’dik l-okkażjoni fi ħdan l-istanzi tagħha. Billi ddikjarat li l-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi kienu inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, minkejja li l-imsemmija ħlasijiet bil-quddiem huma intiżi sabiex isostnu l-kompetittività ta’ impriża innovattiva li qed tiżviluppa prodotti tal-futur, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-perspettivi invokati mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni meta huwa ppreżenta, fis-7 ta’ Lulju 2008, it-test li sar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] (ĠU L 214, p. 3) (iktar’il quddiem ir-“regolament ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija”), li l-għanijiet tiegħu huma li jippermetti lill-Istati Membri sabiex jagħtu għajnuna għall-impjieg, għall-kompetittività u għall-ambjent mingħajr l-ebda intervent mill-Kummissjoni.

119    Ir-reġjun NPDC isostni li l-Kummissjoni ma pproċedietx b’analiżi tal-kuntest ekonomiku u kompetittiv li fih żviluppat AFR meta ngħataw il-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli, u b’mod partikolari l-perspettivi ta’ żvilupp fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija u fuq l-art. Huwa jibbaża ruħu, minn naħa, fuq l-istudju mwettaq mill-assoċjazzjoni “route roulante 2006”, tat-8 ta’ Settembru 2005, li juri li AFR tista’ tiġi assoċjata ma’ proġett ta’ awtostrada ferrovjarja, b’mod partikolari minħabba l-ispiża żgħira tal-prodotti tagħha, u, min-naħa l-oħra, fuq l-istudju mwettaq minn AFR li juri l-isforzi magħmula minn din l-impriża sabiex ittejjeb il-kwalità teknika u l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodotti tagħha.

120    Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-fatt li sussidju li jammonta għal EUR 1.5 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) kien ingħata lil AFR fil-5 ta’ Novembru 2004, fejn l-ewwel għoti sar f’Novembru 2005, ħaġa li ma setgħetx isseħħ li kieku kien ġie stabbilit li AFR kellha l-karatteristiċi ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

121    Skont ir-reġjun NPDC, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta’ evalwazzjoni billi kklassifikat, sussidjarjament, lil AFR bħala impriża f’diffikultà fis-sens tal-punt 11 tal-Linji gwida peress li l-indikazzjonijiet rilevanti kollha ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni.

122    Fl-aħħar nett, ir-reġjun NPDC isostni li s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata minflok id-deċiżjoni oriġinali tikkonferma li l-Kummissjoni pproċediet, matul il-proċedura amministrattiva, b’evalwazzjoni inkompleta tal-kuntest ekonomiku li fih il-ħlasijiet bil-quddiem kienu ngħataw. L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tikkumpensa għall-illegalità li tivvizja d-deċiżjoni oriġinali, peress li l-Kummissjoni naqset milli tipproċedi b’eżami ġdid li huwa biżżejjed approfondit u fid-dettal tal-punti ta’ fatti rilevanti u peress li sempliċiment “għattiet” id-difetti tal-analiżi lakunarja.

123    Il-CAD issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx l-inizjattiva tanalizza l-kuntest ekonomiku ġenerali li fih jidħol l-intervent tagħha, ikkaratterizzat min-nuqqasijiet ta’ numru kbir ta’ industriji fil-qasam tal-metallurġija. Hija ssostni li r-reġjun NPDC kien is-suġġett ta’ klassifikazzjoni fiż-żona ta’ Objettiv Nru 2 mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fondi strutturali għall-perijodu mill-2000 sal-2006, li jfisser li kien jinsab f’żona li qed tesperjenza diffikultajiet strutturali li teħtieġ għajnuna permezz tal-għajnuna pubblika għaż-żvilupp mill-ġdid ekonomiku u soċjali.

124    Il-CAD issostni wkoll li AFR kellha attività kummerċjali sinjifikattiva meta ngħata l-ħlas bil-quddiem. AFR kienet ippreżentat lill-CAD kuntratti ta’ provvista li jammontaw għal EUR 30 398 301 għal dan il-perijodu. Għalhekk, hija ma tissodisfax il-kriterji ta’ impriża f’diffikultà.

125    L-awtoritajiet Franċiżi implementaw pjan ta’ ristrutturar tal-impriża AFR li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni permezz ta’ żewġ ittri rispettivamaent tas-27 ta’ April u tal-24 ta’ Ottubru 2006. Dan il-pjan huwa bbażat b’mod partikolari fuq ir-ripożizzjonament tal-kumpannija fuq is-suq tal-vaguni iktar tekniċi b’valur miżjud aħjar. Din l-istrateġija tispjega t-tnaqqis minimu fid-dħul mill-bejgħ ikkonstatat fl-2004. Barra minn hekk, dan il-pjan wassal għal tnaqqis fid-defiċit tal-kumpannija fl-2005, għal żieda fid-dħul mill-bejgħ, li minn EUR 22.6 miljun fl-2004 għadda għal EUR 45 miljun fl-2005, u għall-eżistenza ta’ ktieb tal-ordnijiet tal-klijenti li qabeż EUR 70 miljun fl-2006. Għalkemm hija ma kinitx tqis lilha nnifisha informata biżżejjed fuq dan il-qawmien fl-attività ta’ AFR, il-Kummissjoni kellha titlob tagħrif addizzjonali fuq dan il-punt, skont is-setgħa investigattiva li hija għandha abbażi tar-Regolament Nru 659/1999. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni mexxiet investigazzjoni li permezz tagħha injorat kull element li jista’ jistabbilixxi li l-AFR ma baqgħetx impriża f’diffikultà meta ngħataw il-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli.

126    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqabbel mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (JO 2008, C 184, p. 13, iktar’il quddiem il-“Linji gwida fuq l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi tal-ferrovjarji”), li kienet ħasbet għal ċerti miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw l-għajnuna pubblika lill-impriżi tas-settur ferrovjarju.

127    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza Franċiża, hija biss l-informazzjoni li tissemma fis-silta tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk impriża hijiex f’sitwazzjoni ta’ diffikultà ekonomika jew le.

128    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

129    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 17, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 83).

130    Hija tista’ tadotta, sabiex teżerċita din id-diskrezzjoni, regoli ta’ gwida permezz ta’ atti bħal-Linji gwida applikabbli f’dan il-każ, sa fejn dawn ir-regoli ma jiddevjawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Meta l-Kummissjoni tadotta att ta’ dan it-tip, dan ikun vinkolanti għaliha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Għaldaqstant, hija l-qorti li għandha tivverifika li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija adottat (sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar’il fuq, punt 77).

132    Madankollu, ladarba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni, li hija speċifikata, fejn xieraq, permezz ta’ regoli ta’ gwida adottati minnha, tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, il-qorti teżerċita kontroll ristrett fuq dawn. Dan huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar’il fuq, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Għandu jitfakkar li, għalkemm ma hemmx definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ impriża f’diffikultà, il-Kummissjoni tqis, fil-punt 9 tal-linji gwida, li impriża tinsab f’diffikultà “meta hija ma tkunx tista’, abbażi tar-riżorsi tagħha jew tal-fondi mislufa lilha mill-proprjetarji/azzjonisti tagħha jew mill-kredituri tagħha, twaqqaf it-telf li, mingħajr l-intervent barrani tal-awtoritajiet pubbliċi, ikun qed iwassalha għall-mewt ekonomiku kważi ċert fi żmien qasir jew medju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

134    Skont il-Punt 10(a) tal-linji gwida, impriża hija, “bħala regola u irrispettivament mid-daqs tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], meqjusa bħala f’diffikultà, fil-każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, “meta iktar minn nofs il-kapital azzjonarju tagħha jkun intilef, u iktar minn kwart ta’ dan il-kapital ikun intilef matul l-aħħar tnax-il xahar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Punt 10(ċ) tal-Linji gwida, l-istess japplika, għal kull tip ta’ impriża, meta l-impriża tissodisfa, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għaliha, il-kundizzjonijiet ta’ ssuġġettar għal proċedura kollettiva ta’ insolvenza.

135    Skont il-punt 11 tal-Linji gwida:

“Anki jekk l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 10 ma tiġi sodisfatta, impriża tista’ madankollu titqies li tinsab f’diffikultà, b’mod partikolari jekk hemm indikazzjonijiet komuni ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, bħalma huwa l-livell dejjem jikber tat-telf, it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, it-tinfiħ tal-ħażniet, il-kapaċità eċċessiva, it-tnaqqis gross tal-marġni tal-awtofinanzjament, iż-żieda fid-dejn, iż-żieda fl-ispejjeż finanzjarji kif ukoll it-tnaqqis jew it-telf tal-valur nett tal-assi. Fil-każijiet l-iktar gravi, l-impriża tista’ saħansitra tkun saret insolventi jew tkun is-suġġett ta’ proċedura kollettiva dwar l-insolvenza tagħha skont id-dritt nazzjonali. F’dan l-aħħar każ, il-Linji gwida japplikaw għall-għajnuna li tkun eventwalment ingħatat fil-kuntest ta’ din il-proċedura bi ħsieb li jiġi żgurat li tinżamm l-attività tal-impriża. Fil-każijiet kollha, l-impriża f’diffikultà hija eliġibbli biss wara li jintwera li hija ma tistax tiżgura l-irkupru tagħha permezz tar-riżorsi proprji tagħha, jew permezz tal-fondi miksuba mill-proprjetarji/azzjonisti tagħha jew minn sorsi tas-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

136     F’dan il-każ, il-Kummissjoni prinċipalment ibbażat ruħha fuq il-punt 10(a) tal-Linji gwida sabiex tikklassifika lil AFR bħala impriża f’diffikultà. F’dan ir-rigward, hija osservat li AFR kienet sa mill-2001 tirreġistra kapital negattiv u li meta ngħatat l-għajnuna, hija ma kinitx kapaċi tbiddel din it-tendenza u li terġa’ ssib kapital pożittiv. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din id-data finanzjarja, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li tinsab fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li turi li l-kapital ta’ AFR kien negattiv fil-31 ta’ Diċembru 2001, f’ammont ta’ EUR 6.6 miljun, fil-31 ta’ Diċembru 2002, f’ammont ta’ EUR 8.7 miljun, fil-31 ta’ Diċembru 2003, f’ammont ta’ EUR 23 miljun, u fil-31 ta’ Diċembru 2004, f’ammont ta’ EUR 21.09 miljun.

137    Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li meta ngħatat l-għajnuna, AFR kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ impriża f’diffikultà li tinsab fil-punt 11 tal-linji gwida. Hija bbażat ruħha fuq it-tnaqqis kontinwu tad-dħul mill-bejgħ u fuq il-livell persistenti tat-telf ta’ AFR. Id-data finanzjarja li tinsab fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, turi fil-fatt li d-dħul mill-bejgħ ta’ AFR, li kien ta’ EUR 70 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2001, ta’ EUR 42 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2002 u ta’ EUR 42.7 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2003, għadda għal EUR 22.7 miljun biss fil-31 ta’ Diċembru 2004. Din id-data turi wkoll li r-riżultat nett tal-kumpannija kien negattiv f’ammont ta’ EUR 10 500 000 fil-31 ta’ Diċembru 2001, ta’ EUR 2 083 746 fil-31 ta’ Diċembru 2002, ta’ EUR 14 270 634 fil-31 ta’ Diċembru 2003 u ta’ EUR 11 589 620 fil-31 ta’ Diċembru 2004.

138    Il-Kummissjoni tosserva wkoll, fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li f’Jannar 2004 AFR ma setgħetx tħallas fit-terminu stabbilit id-dejn azzjonarju u fiskali li ammonta għal EUR 4.3 miljun u li kellha, għaldaqstant, titlob moratorju u l-iffissar ta’ pjan ta’ clearance ta’ dan id-dejn.

139    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi invokati mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri, minn naħa, il-krediti mogħtija lil AFR (żieda fl-overdraft fuq il-kont kurrenti mogħti minn bank privat u depożiti riċevuti mill-klijenti tagħha) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li AFR ibbenefikat minn diversi garanziji mogħtija minn istituzzjoni finanzjarja. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li, fl-ewwel lok, AFR ma setgħetx, fid-dawl tal-kapital negattiv tagħha, toħroġ waħedha mid-diffikultajiet tagħha permezz tar-riżorsi proprji tagħha; fit-tieni lok, l-azzjonist ta’ AFR, minkejja l-kontribuzzjoni tiegħu insostenn tal-kumpannija, ma setax jiżgura l-irkupru tas-sussidjarja tiegħu, u fit-tielet lok, li l-krediti u l-garanziji msemmija iktar’il fuq juru barra minn hekk kapaċità li jinkisbu krediti f’ammonti limitati u għal perijodu qasir ta’ żmien, li ma jippermettux li jiġi kkonstatat li AFR setgħet tirrimedja għad-diffikultajiet tagħha permezz ta’ finanzjament qawwi minn sorsi tas-suq.

140    Fl-aħħar nett, fil-premessi 42 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma laqgħetx l-argument li jipprovdi li l-miżuri ta’ rkupru ta’ AFR implementati sa mill-2004 kienu bdew jipproduċu riżultati pożittivi fix-xhur li ppreċedew l-għoti tal-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li r-riżultati invokati kienu modesti, inċerti, li kienu jkopru perijodu relattivament qasir u li ma jistgħux jitqiesu bħala indikazzjonijiet serji tal-irkupru tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AFR, meta mqabbla mal-elementi li juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet gravi, bħalma huwa r-riżultat nett negattiv u l-kapital negattiv mill-2001.

141    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament qieset li impriża li għandha l-kapital proprju u riżultat nett negattiv kienet meqjusa bħala impriża f’diffikultà skont il-kriterji ddefiniti fil-punt 11 tal-linji gwida.

142    Fir-rigward tad-data li, skont ir-rikorrenti, imissha ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni, fil-korrispondenzi tagħhom tas-27 ta’ April u tal-24 ta’ Ottubru 2006, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar ta’ AFR. Huma enfasizzaw, fl-ittra tagħhom tal-24 ta’ Ottubru 2006, li t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ għall-2004 kien marbut mar-rieda li ma tibqax involuta fis-suq tal-vaguni mhux tekniċi u li sa mill-2005 t-tendenza kienet inkoraġġjanti, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 45 miljun fl-2005 u bi ktieb tal-ordnijiet tal-klijenti li qabeż EUR 70 miljun fl-aħħar tal-2006.

143    Madankollu, id-dħul mill-bejgħ ta’ AFR fil-31 ta’ Diċembru 2005 u l-ammont tal-ktieb tal-ordnijiet tal-klijenti fl-aħħar tal-2006 huma elementi li ġew wara l-għoti tal-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi, li seħħew fl-4 ta’ Lulju 2005. Issa, il-ġurisprudenza tippreċiża b’mod ċar li l-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu107(1) TFUE għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta din il-miżura ttieħdet. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra fatturi li jkunu seħħew wara, hija tkun fil-fatt qed tagħti vantaġġ lill-Istati Membri li jonqsu mill-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-għajnuna, fl-istadju ta’ ppjanar, li huma jipprevedu li jagħtu (ara s-sentenza Biria, punt 12 iktar’il fuq, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Barra minn hekk, titjib fis-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja matul is-sena li matulha ngħataw il-miżuri kontenzjużi ma jistax jinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha fil-mument tal-għoti, b’mod partikolari peress li ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza tal-imsemmija garanzija setgħet tinfluwenza dan l-iżvilupp (sentenza Biria, punt 12 iktar’il fuq, punti 148 u 170).

145    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dħul mill-bejgħ ta’ AFR fil-31 ta’ Diċembru 2005 kif ukoll il-krediti pendenti fil-ktieb tal-ordnijiet tal-klijenti fl-aħħar tal-2006.

146    Fir-rigward tal-ewwel riżultati pożittivi tal-miżuri ta’ rkupru ta’ AFR implementati mill-2004 u li ġew invokati mir-rikorrenti, jiġifieri ż-żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ AFR fl-ewwel nofs tal-2005, it-tnaqqis fit-telf tagħha u l-krediti pendenti tal-kuntratti konklużi matul il-perijodu mill-4 ta’ Marzu 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2005 inkluż, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament osservat, fid-deċiżjoni kkontestata u fil-kitbiet tagħha, li l-ebda wieħed minn dawn l-elementi, fid-dawl tal-karattru modest tagħhom u tal-fatt li jkopru perijodu relattivament qasir, ma kien ta’ natura li jbiddel il-preżunzjoni li AFR, li kellha kapital negattiv u sa mill-2001 esperjenzat telf sinjifikattiv, kienet impriża f’diffikultà meta ngħataw il-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi, fir-rigward tal-kriterji ddefiniti bil-punt 11 tal-linji gwida. L-istess jgħodd għall-perspettivi ta’ żvilupp tat-trasport bil-ferrovija u fl-art invokat mir-reġjun NPDC, fid-dawl tal-karattru riskjuż u inċert. Fil-fatt, il-livelli ta’ telf u ta’ djun finanzjarji huma, fihom infushom, kriterji li jistgħu jistabbilixxu l-karattru ta’ impriża f’diffikultà [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvagwardar u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà tal-1999 (ĠU 1999, C 288, p. 2), sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 191, u Biria, punt 12 iktar’il fuq, punt 135].

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm lok għall-Kummissjoni, li kienet f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-klassifikazzjoni ta’ AFR bħala impriża f’diffikultà abbażi tal-informazzjoni li hija kellha, li titlob lir-Repubblika Franċiża sabiex tipprovdilha informazzjoni addizjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar’il fuq, punt 28).

148    L-argument tar-reġjun NPDC li jgħid li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sussidju riċevut minn AFR taħt il-FEŻR f’Novembru 2005 għandu wkoll jiġi miċħud. L-għoti ta’ sussidju taħt il-FEŻR, deċiż mill-awtoritajiet Franċiżi abbażi tal-qsim ta’ responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jirriżulta b’mod partikolari mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31) ma jistax fil-fatt jorbot lill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ dan is-sussidju bħala impriża f’diffikultà fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tapplika għall-għajnuna mill-Istat.

149    Fir-rigward tal-argument tal-CAD ibbażat fuq il-Linji gwida fuq l-għajnuna mill-Istat lill-impriżi ferrovjarji, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma japplikawx fil-kawża preżenti, peress li AFR ma tissodisfax id-definizzjoni ta’ impriża ferrovjarja stabbilita bl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).

150    Fir-rigward tal-argument tal-CAD ibbażat fuq il-ġurisprudenza Franċiża dwar id-definizzjoni ta’ impriża f’diffikultà, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bħala regola, mhux soltu li jiddefinixxi l-klassifikazzjonijiet tiegħu billi jispira ruħu mill-ordinament ġuridiku nazzjonali jew ta’ iktar minn wieħed minnhom mingħajr ma jipprovdi preċiżazzjoni espressa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑103/01, Ġabra p. I‑5369, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-Linji gwida mkien ma jirreferu għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, għajr f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-proċedura kollettiva ta’ insolvenza, li ma hijiex inkwistjoni f’dan il-każ. Għalhekk, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza Franċiża sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ AFR bħala impriża f’diffikultà magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

151    Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tar-reġjun NPDC fiż-żona ta’ Obejttiv Nru 2 mil-leġiżlazzjoni li tapplika għall-fondi strutturali għall-perijodu mill-2000 sal-2006, invokata mill-CAD, ma tikkostitwixxix element rilevanti li jmissha ttieħdet inkunsiderazzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, mill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk AFR kinitx impriża f’diffikultà. Skont il-linji gwida, il-fatt li impriża f’diffikultà tinsab f’reġjun megħjun huwa element li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra meta tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturar. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta l-impriża kkonċernata tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà.

152    Fir-rigward tal-argument tar-reġjun NPDC ibbażat fuq ksur tar-regolament ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, għandu jiġi kkonstatat li r-reġjun NPDC ma jindikax liema dispożizzjoni ta’ dan it-test il-Kummissjoni kienet kisret meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

153    Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evawlazzjoni meta kklassifikat lil AFR bħala impriża f’diffikultà.

154    Għalhekk, it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq żball fil-klassifikazzjoni ta’ AFR bħala impriża f’diffikultà, u t-tielet motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ impriża f’diffikultà, għandhom jiġu miċħuda.

7.     Fuq il-ħames motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allegat vantaġġ li AFR nislet mill-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli

a)     L-argumenti tal-partijiet

155    Ir-reġjun NPDC jsostni li hemm għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE biss jekk ir-rata applikata għar-rimbors tal-ħlasijiet bil-quddiem setgħet tinkiseb f’ċirkustanzi simili mis-suq tal-kreditu mill-benefiċjarju tal-imsemmija ħlasijiet bil-quddiem. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni injorat l-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi, li kienu ta’ natura li juru li AFR kienet għadha tgawdi mill-fiduċja tal-banek u tal-klijenti tagħha meta ngħataw il-ħlasijiet kontenzjużi, fir-rigward tal-“prodotti speċifiċi proposti minn stabbilimenti finanzjarji speċifiċi”, mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi tas-suq tal-kreditu. Għalhekk, hija ma wrietx li AFR ma setgħetx tikseb fondi mis-suq b’rata simili sew viċin dik mogħtija mir-reġjun NPDC jew il-CAD. Għalhekk, ma jistax jintwera li l-ħlasijiet bil-quddiem inkwistjoni taw vantaġġ lil AFR.

156    Ir-reġjun NPDC jenfasizza li l-Kummissjoni ma wrietx fejn ir-rikorrenti ma aġixxewx, f’din il-kawża, bħala investituri privati. Il-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi kienu ngħataw sabiex jakkumpanjaw il-pjan ta’ tiġdid ta’ AFR, fid-dawl tal-perspettivi ta’ żvilupp u ta’ rkupru tagħha. AFR kienet tibbenefika minn krediti u minn garanziji, li juru l-fiduċja tal-imsieħba kummerċjali tagħha, u l-Kummissjoni ma turix kif dawn il-krediti u dawn il-garanziji ma ppermettewx lil AFR sabiex tirrikorri għas-suq sabiex tegħleb id-diffikultajiet li rriżultaw.

157    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-reġjun NPDC.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

158    Sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 60; sentenzi tal-Qorti Ġenerali Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar’il fuq, punt 243, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T‑163/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

159    Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jiġi applikat il-kriterju, indikat fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa bbażat fuq il-possibbiltajiet għall-impriża benefiċjarja li tikseb l-ammonti inkwistjoni taħt kundizzjonijiet simili mis-suq tal-kapital. B’mod partikolari, wieħed għandu jsaqsi lilu nnifsu jekk investitur privat kienx iwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet (sentenza Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar’il fuq, punt 51).

160    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-konstatazzjoni li AFR, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, ma setgħetx tikseb mis-suq tal-kreditu fondi taħt kundizzjonijiet daqshekk vantaġġużi bħal dawk miksuba mingħand ir-rikorrenti, peress li l-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi ngħataw mingħajr l-ebda garanzija li tiżgura r-rimbors tagħhom, filwaqt li r-rati ta’ interess applikati jikkorrispondu għal self “żgurat minn garanziji normali”. Issa, mill-analiżi tal-prassi tas-swieq finanzjarji, magħmula fl-2004 f’isem il-Kummissjoni minn uffiċċju ta’ verifika (ara l-punti 49 u 53 iktar’il fuq) u li wasslet sabiex tiġi adottata l-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza, jirriżulta li, f’sitwazzjoni li tippreżenta riskju simili bħal dak fil-każ inkwistjoni, jiġifieri impriża f’diffikultà li toffri livell baxx ta’ garanzija, żieda ta’ 1 000 punt ta’ bażi hija miżjuda mar-rata ta’ referenza.

161    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament ċaħdet, fil-premessi 29 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex juru li AFR kienet għadha tgawdi mill-fiduċja tal-banek tagħha u tal-klijenti tagħha meta ngħataw il-ħlasijiet bil-quddiem. Fil-fatt, iż-żieda tal-overdraft fil-kont kurrenti mogħti minn bank privat huwa kreditu għal perijodu qasir ħafna, kuntrarjament għall-ħlasijiet bil-quddiem kontenzjużi li huma mifruxa fuq tliet snin, u li għalhekk ma huwiex is-suġġett għall-istess analiżi ta’ riskju mill-kredituri. Il-fatt li debitur jista’ jikseb kreditu għal perijodu qasir ma jippermettix għalhekk li tittieħed deċiżjoni dwar il-possibbiltajiet tiegħu li jikseb self għal żmien itwal, fejn ir-rimbors ikun jiddependi mill-kapaċità ta’ sopravivenza tiegħu. Barra minn hekk, id-depożiti magħmula mill-klijenti ta’ AFR huma s-suġġett ta’ kontrogaranzija maħruġa minn istituzzjoni finanzjarja, li jfisser li dawn il-klijenti ma humiex esposti għar-riskji marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AFR u, għalhekk, ma kellhomx għalfejn jissuġġettaw l-għoti tad-depożiti inkwistjoni għal analiżi tas-solidità finanzjarja tal-impriża simili għal dik li kienet issir minn kreditur potenzjali li jkun qed jikkunsidra jagħti self mingħajr garanziji.

162    Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet, kif meħtieġ minnha, analiżi intiża sabiex tiżgura li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma kienx seta’ jikseb self bil-kundizzjonijiet simili għas-suq tal-kreditu. Barra minn hekk, ir-reġjun NPDC ma pproduċa l-ebda element ta’ natura li juri li din l-analiżi kienet ivvizjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

163    Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-ħames motiv tar-rikors T‑267/08 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

8.     Fuq is-sitt motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna

a)     Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq in-nuqqas tal-iffissar tal-ammont ta’ għajnuna li jista’ jiġi rkuprat

 L-argumenti tal-partijiet

164    Ir-reġjun NPDC isostni li l-Kummissjoni għandha, meta tiddeċiedi li tordna l-irkupru ta’ għajnuna, tiddetermina l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat. Il-ġurisprudenza taċetta li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni approssimattiva tal-għajnuna, fid-dawl ta’ diffikultajiet partikolari, iżda dawn il-fatti huma s-suġġett ta’ kontroll sħiħ mill-qorti tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset mill-obbligi kollha tagħha dwar l-iffissar tal-ammont tal-għajnuna, fid-dawl tan-nuqqas totali ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-ammont fid-deċiżjoni kkontestata.

165    Li kieku l-Kummissjoni kellha bżonn ta’ preċiżazzjonijiet dwar ir-rata ta’ interessi fis-seħħ meta ngħatat l-għajnuna hija jmissha talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex tiksibhom jew tibgħat ordni diretta lir-Repubblika Franċiża f’dan is-sens. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda diffikultà partikolari sabiex tistabbilixxi l-valur eżatt tal-għajnuna. Dawn id-diffikultajiet huma ineżistenti, minn naħa, ġaladarba terminu ta’ ħames snin ma huwiex terminu eċċessiv sabiex tiġi stabbilita ċ-ċarezza dwar ir-rati fis-seħħ meta l-għajnuna ngħata, f’Lulju 2005, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li wieħed jara jekk ir-rata tal-interess hijiex inqas mill-valur tas-suq ma jirrappreżentax diffikultà impossibbli għall-Kummissjoni.

166    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

167    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tirrikjedi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, għandha tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tingħata lura. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont waħdu, u mingħajr diffikultajiet eċċessivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punt 25; tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 39, u tal-14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑419/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

168    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tevalwa, fil-premessa 58 tagħha, l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li tikkonsisti fi ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli magħmula mid-differenza bejn l-interessi effettivament dovuti skont il-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli u l-interessi li għandhom ikunu dovuti skont ir-rati ta’ referenza fis-seħħ meta ngħatat l-għajnuna, miżjuda b’800 punt ta’ bażi.

169    Dawn l-elementi jippermettu lir-Repubblika Franċiża tiddetermina waħedha, u mingħajr diffikultajiet eċċessivi, abbażi tar-rati ta’ referenza tradizzjonali li jinsabu fis-sit tad-direttorat ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni”, l-ammont tal-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli.

170    B’hekk l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud peress li infondat.

b)     Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-primjum ta’ riskju

 L-argumenti tal-partijiet

171    Ir-reġjun NPDC isostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-metodu tagħha tal-kalkolu tar-rata li AFR setgħet tibbenefika minnha mis-suq tal-kreditu, evalwat fid-deċiżjoni oriġinali skont ir-rata ta’ referenza fis-seħħ meta ngħatat l-għajnuna, miżjuda b’800 punt ta’ bażi.

172    Ir-reġjun NPDC jammetti li l-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-rati ta’ referenza tipprovdi li r-rata ta’ referenza hija rata fissa li tista’ tiżdied f’sitwazzjonijiet ta’ riskju partikolari, iżda huwa jqis li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda element li jiġġustifika li f’dan il-każ iż-żieda fir-rata ta’ referenza, li tista’ tilħaq “l-400 punt ta’ bażi u saħansitra iktar” skont l-imsemmija komunikazzjoni, kienet id-doppju tal-ammont indikat f’dan it-test.

173    Huwa jikkontesta r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni oriġinali, għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/492/KE, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2005 (ex NN 52/2004) implementata mill-Ġermanja għall-Grupp Biria (ĠU L 183, p. 27) sabiex tiġġustifika ż-żieda ta’ 800 punt ta’ bażi inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni ma humiex, fil-fatt, simili. Fil-kawża Biria, l-għajnuna mogħtija kienet tikkonsisti f’parteċipazzjoni passiva li tammonta għal iktar minn EUR 2 miljun sal-aħħar tal-2010, jiġifieri parteċipazzjoni għal perijodu twil ta’ żmien, filwaqt li, fil-kawżi preżenti, hemm inkwistjoni ħlas bil-quddiem rimborsabbli fl-ammont ta’ EUR 2 miljun li r-riskju tiegħu huwa maqsum bejn żewġ korpi distinti, u li barra minn hekk ingħata għal terminu ta’ tliet snin, jiġifieri għal perijodu qasir ta’ żmien, fejn il-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-rati ta’ referenza tiddefinixxi s-self għal perijodu medju jew twil bħala self minn ħames sa għaxar snin. Barra minn hekk, fil-kawża Biria, l-impriża kkonċernata kienet tqieset bħala instabbli, għaliex kienet adottat pjan ta’ insolvenza, filwaqt li AFR, li tinsab’il bogħod milli tadotta dan il-pjan, kienet adottat u implementat pjan ta’ tiġdid.

174    Ir-reġjun NPDC iqis li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-iffissar tar-rata li impriża setgħet tibbenefika minnha mis-suq tal-kreditu biss abbażi ta’ deċiżjoni iżolata, fejn, barra minn hekk, il-punti ta’ fatt huma differenti mis-sitwazzjoni ta’ AFR. Dan l-aġir imur kontra l-previżibbiltà u ċ-ċertezza legali. Dan iwassal sabiex id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni f’dan il-qasam issir arbitrarja. Fin-nuqqas ta’ kuntest preċiż, il-Kummissjoni tista’ tabbuża mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha sabiex tiffissa l-ammont taż-żidiet tar-rata ta’ referenza, b’mod partikolari billi tapplika żieda għolja biżżejjed sabiex l-ammont tal-għajnuna ma jkunx jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli de minimis.

175    Skont ir-reġjun NPDC, il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet in-nuqqasijiet fil-metodu ta’ kalkolu tagħha tar-rata ta’ referenza u ta’ skont fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza, li ħassret u ssostitwixxiet il-komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza tal-1997.

176    Barra minn hekk, ir-reġjun NPDC żied jgħid, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li huwa jikkontesta l-metodu ta’ kalkolu ġdid użat fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk il-bażi ta’ kalkolu użata kinitx ir-rata Euribor għal sena, ir-rata tas-suq monetarju għal tliet xhur jew kull bażi oħra ta’ kalkolu.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-reġjun NPDC.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

178    Għandu jiġi osservat li, salv l-argument li jinsab fil-punt 176 iktar’il fuq, l-argument tar-reġjun NPDC żviluppat fil-kuntest ta’ din it-tieni parti ta’ dan il-motiv jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu espost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni oriġinali, u mhux dak li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-reġjun NPDC ma fformulax mill-ġdid dan il-motiv meta adotta l-konklużjonijiet u l-motivi tiegħu wara li ġiet irtirata d-deċiżjoni oriġinali u ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

179    Issa, il-metodu ta’ kalkolu tal-primjum ta’ riskju użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa differenti minn dak użat fid-deċiżjoni oriġinali. Kif ġie kkonstatat fil-punti 49 sa 55 iktar’il fuq, dan il-metodu, b’differenza mid-deċiżjoni oriġinali, huwa bbażat b’mod partikolari fuq analiżi tal-prassi tas-swieq finanzjarji f’dak li jirrigwarda l-primjums ta’ riskju f’każ ta’ akkumulazzjoni ta’ riskji marbuta mas-solvenza tal-impriża u mal-garanziji offruti.

180    Ir-reġjun NPDC indika, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ser ikompli jsostni din it-tieni parti ta’ dan il-motiv, “sa fejn il-Kummissjoni tibqa’ ma timmotivax b’mod ċar il-fondatezza tal-metodu tal-kalkolu li hija tuża sabiex tevalwa l-elementi tal-għajnuna”.

181    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-reġjun NPDC iħawwad il-kwistjonijiet ta’ motivazzjoni proċedurali mal-evalwazzjoni dwar il-mertu. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li huwa differenti mill-kwistjoni dwar il-legalità fuq il-mertu tal-att inkwistjoni. Issa, għandu jiġi osservat li n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni ġiet ikkonstatata matul l-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors T‑267/08 u tat-tien motiv tar-rikors T‑279/08.

182    Fir-rigward tal-argument tar-reġjun NPDC li jinsab fil-punt 176 iktar’il fuq, li jipprovdi li l-bażi ta’ kalkolu ma kienx ġie ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-bażi ta’ kalkolu użata, jiġifieri r-rata ta’ referenza applikabbli, hija ddeterminata b’mod ċar u preċiż mill-komunikazzjonijiet tal-1997 u tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza, li t-tnejn li huma ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kkontestata. Il-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-rati ta’ referenza, li kienet tapplika fid-data tal-għoti tal-ħlasijiet bil-quddiem u sal-1 ta’ Lulju 2008, tippreċiża li r-rata ta’ referenza hija kkunsidrata bħala l-istess għall-medja tar-rati indikaturi rreġistrati matul ix-xhur ta’ Settembru, Ottubru u Novembru ta’ qabel, li hija aġġustata matul is-sena meta din tirreġistra differenza ta’ iktar minn 15 % mill-medja tar-rati indikaturi rreġistrati matul l-aħħar tliet xhur magħrufa, peress li għal Franza r-rata indikatur innifisha hija ddefinita bħala r-rata swap interbankarja għal ħames snin, miżjuda bi primjum ta’ 0.75 punt (75 punt ta’ bażi). Il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-rati ta’ referenza, li bdiet tapplika mill-1 ta’ Lulju 2008, tippreċiża li r-rata ta’ bażi hija bbażata fuq ir-rati IBOR għal sena u tiddetermina preċiżament il-modalitajiet għall-aġġornament ta’ din ir-rata. Barra minn hekk, lista preċedenti tar-rati ta’ referenza li tinsab, kif tfakkar fil-punt 169 iktar’il fuq, fis-sit tad-DĠ “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni tippermetti li tiġi faċilment stabbilita liema hija r-rata ta’ referenza li tapplika għall-każ inkwistjoni. Għalhekk, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

183    Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

184    B’hekk is-sitt motiv tar-rikors T-267/08, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ffissar tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

9.     Fuq is-seba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u użu ħażin ta’ poter

a)     L-argumenti tal-partijiet

185    Ir-reġjun NPDC isostni li l-Kummissjoni bbenefikat mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex twessa’ l-analiżi tagħha, tintroduċi minn taħt elementi addizzjonali u twieġeb ukoll għall-kitbiet li hija ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża. Billi inkludiet elementi ġodda li jirrigwardaw il-miżuri ta’ rkupru maħsuba minn AFR u l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata, l-intenzjoni tal-Kummissjoni hi li r-rikors ippreżentat mir-reġjun NPDC jitlef l-effett tiegħu, fatt li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u użu ħażin ta’ poter.

186    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

187    Skont ir-reġjun NPDC, billi l-Kummissjoni inkludiet elementi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata intiżi li jirrispondu għall-kitbiet tagħha, l-intenzjoni tagħha hi li r-rikors tiegħu jitlef l-effett tiegħu, fatt li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża u użu ħażin ta’ poter.

188    Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-legalità tal-irtirar magħmul mill-Kummissjoni.

189    F’dan ir-rigward, huwa utli li titfakkar il-ġurisprudenza fil-qasam tal-irtirar ta’ atti amministrattivi li jagħtu drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili favur id-destinatarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, b’riżerva għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2002, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, C‑500/99 P, Ġabra p. I‑867, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata), u bil-kundizzjoni li dan l-irtirar iseħħ f’terminu raġonevoli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta-Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 97), lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni d-dritt tal-irtirar, minħabba l-illegalità li taffettwah, ta’ deċiżjoni li tat vantaġġ lid-destinatarju tagħha.

190    Dan id-dritt ta’ rtirar ta’ deċiżjoni illegali għandu a fortiori jiġi rikonoxxut lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward ta’ att li ma joħloqx dritt li huwa vvizjat minn illegalità, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, f’dan il-każ inkwistjoni, kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet miksuba mid-destinatarju tad-deċiżjoni ma jipprekludux l-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 1997, AssiDomän Kraft Products et vs Il-Kummissjoni, T‑227/95, Ġabra p. II‑1185, punt 41). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni mmotivat l-imsemmi rtirar b’mod suffiċjenti skont il-liġi fil-premessi 8 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata.

191    Għalhekk, il-Kummissjoni kellha d-dritt tirtira d-deċiżjoni oriġinali.

192    Fir-rigward taż-żieda ta’ elementi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, f’dak li jikkonċerna l-elementi dwar il-miżuri ta’ rkupru adottati minn AFR, li din iż-żieda hija intiża, min-naħa tal-Kummissjoni, sabiex twieġeb b’mod iktar dettaljat mid-deċiżjoni oriġinali għal argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors kontenzjużi tagħhom. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argumenti ppreżentati mir-rikorrenti nnifishom ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża.

193    Fir-rigward tal-motivazzjoni ġdida dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-primjum ta’ riskju, għandu jiġi kkonstatat li din, ċertament, ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjoni kontradittorja matul il-proċedura kontenzjuża li tirrigwarda d-deċiżjoni oriġinali. Min-naħa l-oħra, din kienet is-suġġett ta’ diskussjoni kontradittorja quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li r-rikorrenti ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din id-diskussjoni ppermettiet lil wieħed miż-żewġ rikorrenti, il-CAD, tqajjem oġġezzjoni dwar il-legalità tal-motivazzjoni l-ġdida, li ġiet eżaminata fil-punti 49 sa 55 iktar’il fuq. Għalhekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali ġie osservat.

194    B’hekk l-oġġezzjoni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura kontenzjuża għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

195    Ir-reġjun NPDC isostni wkoll li l-introduzzjoni ta’ elementi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata kienet intiża sabiex ir-rikors tiegħu jitlef l-effett tiegħu u tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter.

196    Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija tkun ingħatat dawn il-poteri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 24, u tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑3657, punt 38). Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din tkun ingħatat għal dan il-għan (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑387/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 159, u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    F’dan il-każ, ir-reġjun NPDC ma pproduċa l-ebda element li jista’ juri li l-Kummissjoni kienet użat s-setgħa ta’ rtirar tagħha u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida għal għanijiet li ma humiex dawk li tikkorreġi illegalità li taffettwa d-deċiżjoni oriġinali u li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

198    Għalhekk, l-oġġezzjoni bbażata fuq użu ħażin ta’ poter għandha tiġi miċħuda.

199    B’hekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

200    Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

201    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba f’dan is-sens, u, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tiegħu, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha għal raġunijiet eċċezzjonali.

202    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma talbitx li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

203    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-deċiżjoni oriġinali, li dawn ir-rikorsi kienu inizjalment jirrigwardawha, kienet illegali, għaliex ma kinitx suffiċjentement immotivata, u li ġiet irtirata għal din ir-raġuni.

204    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ rtirar tad-deċiżjoni oriġinali, li għandhom jiġu sostnuti minn dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 1 089 finali, tat-2 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 45/2007) implementata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż, salv dawk sostnuti mir-reġjun Nord‑Pas‑de-Calais u mill-communauté d’agglomération du Douaisis wara li ġiet ikkomunikata lil dawn tal-aħħar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4112 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 45/2007) implementata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA, li permezz tagħha d-Deċiżjoni C (2008) 1 089 finali ġiet rtirata.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Firem

      Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u żviluppi ġodda fil-mori tal-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A – Fuq il-konsegwenzi proċedurali tal-irtirar tad-deċiżjoni oriġinali u tas-sostituzzjoni tagħha bid-deċiżjoni kkontestata

B – Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1. Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames motiv tar-rikors T‑279/08

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑267/08 u fuq it-tieni motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑267/08

Fuq it-tieni motiv tar-rikors T‑279/08

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-eżami “globali u maqgħud” tal-ħlasijiet bil-quddiem mogħtija lil AFR

3. Fuq it-tieni motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuqil-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ kontradittorju, ta’ ugwaljanza, ta’ amministrazzjoni tajba, tal-osservanza tal-identitŕ kostituzzjonali tal-Istati Membri u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4. Fuq it-tielet motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet ġuridiċi tal-awtur tal-għajnuna

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5. Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-oriġini tal-fondi, u r-raba’ motiv tar-rikors T‑297/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6. Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq żball ta’ klassifikazzjoni ta’ AFR bħala impriża f’diffikultŕ, u fuq it-tielet motiv tar-rikors T‑279/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kunċett ta’ impriża f’diffikultŕ

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

7. Fuq il-ħames motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-allegat vantaġġ li AFR nislet mill-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

8. Fuq is-sitt motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna

a) Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq in-nuqqas tal-iffissar tal-ammont ta’ għajnuna li jista’ jiġi rkuprat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b) Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-primjum ta’ riskju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

9. Fuq is-seba’ motiv tar-rikors T‑267/08, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u użu ħażin ta’ poter

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.