Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2021 – L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-156/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni 1 ;

sussidjarjament

tannulla d-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament 2020/2092:

l-Artikolu 4(1),

l-Artikolu 4(2)(h),

l-Artikolu 5(2),

is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-Artikolu 5(3),

l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(3),

l-Artikolu 6(3) u (8);

u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura inadegwata tal-bażi legali tar-Regolament u fuq in-nuqqas ta’ bażi legali adegwata

L-Artikolu 322(1)(a) TFUE, id-dispożizzjoni magħżula bħala l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, jagħti s-setgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jadotta regoli finanzjarji relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; madankollu, l-imsemmi regolament ma fihx dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip. Konsegwentement, il-bażi legali tar-Regolament ma hijiex adegwata u r-Regolament ma għandux bażi legali adegwata.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 TUE flimkien mal-Artikoli 4(1) TUE, 5(2) TUE, 13(2) TUE u 269 TUE

Il-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat tinvolvi kjarifika, fir-rigward ta’ każ speċifiku, tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 TUE, li ma hijiex permessa mill-Artikolu 7 TUE. L-istabbiliment minnha ta’ proċedura parallela bis-saħħa tar-Regolament ikkontestat tikser u tevita l-Artikolu 7 TUE. Fl-istess ħin, il-proċedura stabbilita bir-Regolament tmur kontra d-distribuzzjoni tas-setgħat kif iddefinita fl-Artikolu 4(1) TUE, tikser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, u l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE u tikser l-Artikolu 269 TFUE permezz tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali

Il-kunċetti fundamentali użati mir-Regolament ikkontestat la huma parzjalment iddefiniti u lanqas huma parzjalment is-suġġett ta’ definizzjoni uniformi, u, għal din ir-raġuni, huma ma humiex adatti sabiex jissostanzjaw l-evalwazzjonijiet u l-miżuri li jistgħu jittieħdu jew jiġu adottati abbażi tar-Regolament jew sabiex l-Istati Membri jitħallew jidentifikaw biċ-ċertezza meħtieġa mir-Regolament dak li huwa mistenni minnhom fir-rigward tas-sistemi legali tagħhom jew tal-funzjonament tal-awtoritajiet tagħhom. Bl-istess mod, dispożizzjonijiet speċifiċi differenti tar-Regolament, kemm individwalment kif ukoll meħuda flimkien, jimplikaw grad ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament li jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza u ta’ ċarezza legali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat jippermetti li jittieħdu miżuri wkoll fil-każ ta’ riskju għall-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ effett speċifiku jew impatt speċifiku, l-applikazzjoni tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati taħt ir-Regolament tista’ titqies li hija sproporzjonata. Bl-istess mod, l-imsemmija dispożizzjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-annullament tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament

L-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat jippermetti wkoll, meta jinqalgħu sitwazzjonijiet jew azzjonijiet oħra tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma rilevanti għall-immaniġġjar finanzjarju sod tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jiġi ddeterminat li l-prinċipji tal-Istat tad-dritt ikunu ġew miksura u li jiġu adottati miżuri, li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal-azzjonijiet u tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu ssanzjonati, jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-annullament tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat, jekk jittieħdu miżuri fir-rigward ta’ Stat Membru, jiġifieri, jiġi mċaħħad minn fondi mill-baġit tal-Unjoni, dan ma għandux jeżenta lill-Gvern tal-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jkompli jiffinanzja l-utenti finali tal-programmi miftiehma qabel. Dan, minn naħa, imur kontra l-bażi legali tar-Regolament, billi jimponi obbligu fuq il-baġits tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar defiċits tal-baġit u jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-annullament tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament

Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, il-miżuri li għandhom jiġu adottati għandhom iqisu n-natura, it-tul, il-gravità u l-iskop tal-ksur tal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt, li jqajjem dubju dwar ir-relazzjoni bejn il-ksur tal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt li jkunu speċifikament ġew ikkonstatati li twettqu u l-impatt speċifiku fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, għalhekk, huma inkompatibbli mal-bażi legali tar-Regolament u mal-Artikolu 7 TUE. Bl-istess mod, il-fatt li l-miżuri ma humiex ddefiniti bil-preċiżjoni meħtieġa jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-annullament tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament

Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, il-miżuri li għandhom jiġu adottati għandhom jiffokaw, sa fejn huwa possibbli, fuq l-azzjonijiet tal-Unjoni li huma affettwati mill-ksur tal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt, li ma jiggarantixxix l-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn il-ksur tal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt li jkunu speċifikament ġew ikkonstatati li twettqu u l-miżuri li għandhom jiġu adottati u, għalhekk, jirrappreżenta ksur kemm tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll permezz ta’ determinazzjoni inadegwata tar-rabta bejn il-ksur tal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt li jkunu speċifikament ġew ikkonstatati li twettqu u l-miżuri li għandhom jiġu adottati, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq l-annullament tal-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament

Skont l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ser tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inklużi deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, organizzazzjonijiet oħra internazzjonali rilevanti u istituzzjonijiet oħra rrikonoxxuti, u, meta tevalwa l-proporzjonalità tal-miżuri imposti, ser tqis tali informazzjoni u tali gwida, li ma timplikax definizzjoni preċiża tal-informazzjoni użata. Il-fatt li r-referenzi u s-sorsi użati mill-Kummissjoni ma humiex iddefiniti b’mod adegwat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

____________

1     ĠU 2020, L 433I, p. 1.