Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2013 – ZZ vs KESE

(Kawża F-54/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)

Konvenut: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni tal-KESE li tiċħad talba, ippreżentata mir-rikorrent abbażi tal-Artikolu 90(1) tal-Istatut, sabiex jikseb kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba l-allegata tenaċità jew anki fastidju amministrattiv.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-KESE, tat-3 ta’ Ottubru 2012, inkwantu tiċħad it-talba tar-rikorrent tal-5 ta’ Ġunju 2012 intiża sabiex jikseb kumpens xieraq u raġonevoli għad-dannu morali, il-preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu u għal saħħtu u l-preġudizzju għall-karriera tiegħu li huwa ġarrab, li kienet ikkonfermata wara l-ilment tar-rikorrent tal-24 ta’ Ottubru 2012, permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2013;

jagħti lir-rikorrent il-kumpens għad-dannu morali subit u l-preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu u għal saħħtu, bla ħsara għal żieda jew tnaqqis matul il-proċedura, fl-ammont ta’ EUR 12 000;

jagħti lir-rikorrent il-kumpens għall-preġudizzju għall-karriera tiegħu li huwa ġarrab minħabba d-dewmien fil-promozzjoni tiegħu dovut għal investigazzjonijiet u proċeduri li kienu għaddejjin dak iż-żmien, permezz ta’ rikostruzzjoni tal-karriera fil-grad AST 5, u dan bla ħsara għal tibdil matul il-proċedura u, sussidjarjament, permezz ta’ kumpens xieraq valutat għal EUR 41 403.09, bla ħsara għal żieda matul il-proċedura;

jikkundanna lil KESE għall-ispejjez.