Language of document : ECLI:EU:F:2007:221

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawżi magħquda F-51/05 u F-18/06

Tineke Duyster

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Lingwi – Ammissibbiltà – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Assenza – Leave parentali – Talba għal posponiment tad-data tal-bidu tal-leave parentali – Effett ta’ leave tal-mard”

Suġġett: Rikorsi, ippreżentati skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tagħhom T. Duyster titlob b’mod partikolari: fil-kawża F‑51/05, fl-ewwel lok, l-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, jiġifieri d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2004 li tatha leave parentali mill-1 ta’ Novembru 2004 sat-30 ta’ April 2005 inklużivament, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2004 li ċaħdet it-talba tagħha għal posponiment/irtirar tal-leave parentali, u r-rendikont tad-dħul tagħha ta’ Novembru 2004; fit-tieni lok, li jiġi ddikjarat li l-leave parentali għat-tifel tagħha għadu jista’ jintalab; fit-tielet lok, il-ħlas ta’ diversi somom bħala danni, b’mod partikolari bħala kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-inċertezza li hija allegatament kienet tinsab fiha fir-rigward ta’ l-istatus tagħha bħala uffiċjal u għad-danni morali kkawżati minn din l-inċertezza; fil-kawża F‑18/06, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Novembru 2005, li tistabbilixxi l-bidu tal-leave parentali tagħha bħala t-8 ta’ Novembru 2004, u, min-naħa l-oħra, id-danni, b’mod partikolari sabiex tiġi kkumpensata għad-danni materjali u morali kkawżati minn din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi huma miċħuda. Minbarra l-ispejjeż tagħha, il-Kummissjoni għandha tbati terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Obbligu ta’ premura ta’ l-amministrazzjoni

(it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 21 KE)

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Motivazzjoni ta’ deċiżjoni – Esklużjoni

(Artikolu 230 KE)

4.      Proċedura – Eċċezzjoni ta’ litis pendens

5.      Uffiċjali – Leave – Leave parentali – Irtirar ta’ talba – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 42a)

6.      Uffiċjali – Leave – Leave parentali – Interruzzjoni – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 42a)

1.      Skond l-obbligu ta’ premura tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom jindirizzaw uffiċjal b’deċiżjoni individwali f’lingwa li dan ikun jaf b’mod approfondit, ladarba l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tiżgura li l-uffiċjali jkunu jistgħu b’mod effettiv u faċli jiksbu għarfien ta’ l-atti amministrattivi li jikkonċernawhom individwalment.

Madankollu mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 21 KE ma jistax jiġi konkluż li kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja indirizzata lil xi uffiċjal tagħha għandha ssir fil-lingwa materna tiegħu. Fil-fatt, ir-riferimenti tat-Trattat għall-użu tal-lingwi fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma l-manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitajru li jiżgura lil kull ċittadin id-dritt li kwalunkwe ħaġa li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu se ssir fil-lingwa tiegħu f’kull ċirkustanza.

(ara l-punti 56 sa 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, Ġabra p. I‑8283, punt 82

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 46

2.      Huma biss l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw, direttament u individwalment, l-interessi tal-partijiet interessati billi jimmodifikaw, b’mod kunsiderevoli, is-sitwazzjoni legali tagħhom, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkawżawlhom preġudizzju.

Madankollu, ċerti atti, anki jekk ma jaffettwawx l-interessi materjali jew il-pożizzjoni ta’ l-uffiċjal, jistgħu jiġu kkunsidrati, fid-dawl tan-natura tal-funzjoni inkwistjoni u taċ-ċirkustanzi, bħala atti li jikkawżaw preġudizzju, jekk dawn jaffettwaw l-interessi morali jew il-perspettivi tal-futur tal-parti interessata. L-element essenzjali ta’ att li jikkawża preġudizzju huwa li l-att jaffettwa l-interessi ta’ persuna, jiġifieri li jista’ jippreġudika l-interessi ta’ din il-persuna, b’mod partikolari fir-rigward tat-talba li din tkun ippreżentat. Ir-rikors għandu jkun tali li jista’, bl-eżitu tiegħu, iwassal għal benefiċċju lill-parti li tippreżentah.

(ara l-punti 78 sa 80)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Ġunju 1973, Kley vs Il-Kummissjoni, 35/72, Ġabra p. 679, punti 4 u 5; 29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 17; 3 ta’ Diċembru 1992, Moat vs Il-Kummissjoni, C‑32/92 P, Ġabra p. I‑6379, punt 9; 10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Alvarez Moreno, C‑373/04 P, Ġabra p. I‑1, punt 42

3.      L-evalwazzjonijiet magħmula fil-kunsiderazzjonijiet ta’ deċiżjoni ma jistgħux ikunu, bħala tali, suġġetti għal rikors ta’ annullament u ma jistgħux jiġu sottomessi għall-istħarriġ tal-legalità tagħhom mill-qorti Komunitarja ħlief safejn, inkwantu huma kunsiderazzjonijiet ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tad-dispożittiv ta’ dan l-att jew jekk, ta’ l-anqas, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jimmodifikaw is-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv ta’ l-att inkwistjoni.

(ara l-punt 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Rikors li għandu l-istess partijiet u l-istess għanijiet, ibbażat fuq l-istess motivi ta’ rikors ippreżentat qabel, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

(ara l-punti 94 u 102)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9; 22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il-Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Ġunju 2007, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni, T‑68/07, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 16

5.      Talba għal-leave parentali tista’ tiġi unilateralment irtirata mill-uffiċjal, iżda dan biss fi żmien raġjonevoli, u fi kwalunkwe każ mhux wara d-data li fiha tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni dwar dik it-talba jew, l-iktar tard, sad-data li fiha l-uffiċjal ikkonċernat ikun sar jaf b’din id-deċiżjoni.

(ara l-punt 139)

6.      L-Artikolu 2(4) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 42a tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra tista’, fuq talba tal-parti interessata, tannulla d-deċiżjoni li tagħti leave parentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti wkoll interruzzjoni temporanja tal-leave parentali.

L-ispeċifikazzjoni li l-Awtorità tal-Ħatra “tista’”, skond l-istess artikolu, tannulla l-leave, u għalhekk ma hijiex marbuta li tilqa’ kull talba għal annullament jew interruzzjoni, turi li kull deċiżjoni meħuda f’dan is-sens mill-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet leġittimi, invokati mill-uffiċjal, fil-kuntest tal-għanijiet tal-leave parentali, u għandha tkun riżultat ta’ bbilanċjar ta’ l-interessi tiegħu u dawk ta’ l-istituzzjoni.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-amministrazzjoni tkun inqas meta l-parti interessata li tibbenefika minn leave parentali tistabbilixxi, fit-talba tagħha għal interruzzjoni tal-leave, li ġrajjiet li seħħew wara li jkun ingħata dan il-leave jqegħduha b’mod inkontestabbli fl-impossibbiltà li tieħu ħsieb il-wild fiċ-ċirkustanzi oriġinarjament previsti. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta l-uffiċjal jimrad b’marda li l-gravità u l-karatteristiċi tagħha jqegħduh f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà bħal din.

(ara l-punti 163, 167, 169 u 170)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, ĠabraSP p. I‑7643, punt 38