Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Ottubru 2011 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-554/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta li teżegwixxi l-ħlas dovut lill-rikorrenti u li minflok titlob il-ħlas lura tal-ammont diġà mogħti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt EuropeAid/124378/D/SER/TN (Nru 2007/145-464), ikkomunikata lir-rikorrenti permezz tal-ittra tat-8 ta' Awwissu 2011 (Ref. : C&F/2011/D/001101), kif ukoll in-nota ta' dejn mehmuża;

tannulla d-deċiżjonijiet kollha rilevanti sussegwentement adottati mill-konvenuta; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li r-rikorrenti kellha tirrimborsa ċertu ammont minflok ma tingħata l-ammont dovut għax-xogħol eżegwit, approvat u validat.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta interpretat b'mod żbaljat id-dritt tagħha għall-irkupru tal-ammont mitlub u l-bażi legali tal-imsemmi dritt, biex b'hekk kisret l-Artikolu 79 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju . Fil-fatt, il-konvenuta naqset milli tqis il-konferma li tinsab fl-iskedi tal-ħin tal-esperti impjegati mir-rikorrenti, kif ukoll il-volum ta' xogħol ipprovdut minn dawn tal-aħħar u li huwa korrettament ivvalidat, iktar u iktar meta l-ebda kumment fuq ix-xogħol imwettaq ma sar in tempore non suspecto.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, ta' bona fide u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn :

il-konvenuta rrifjutat li tħallas l-ammonti dovuti għal xogħol validat u aċċettat;

hija naqset milli tinforma lir-rikorrenti fi żmien utli dwar id-dubji fir-rigward tal-obbligu tagħha li tagħtiha l-ammonti vverifikati mill-awditur ; u

hija inkoraġġiet lir-rikorrenti sabiex tkompli b'xogħlha matul tnax-il xahar u sabiex tipprovdi servizzi, taħt l-impressjoni li ser titħallas għal dan ix-xogħol.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-konvenuta rrifjutat li tħallas l-ammonti dovuti u li, minflok, ordnat ir-rimbors ta' ċertu ammont mir-rikorrenti, mingħajr ma pprovdiet l-ebda analiżi jew ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha fuq l-ammonti rispettivi.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi użu ħażin ta' poter.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145)