Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2021 – Roos et vs Il-Parlament

(Kawża T-710/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Robert Roos (Poortugaal, il-Pajjiżi l-Baxxi), Anne-Sophie Pelletier (Ixelles, il-Belgju), Francesca Donato (Palermo, l-Italja), Virginie Joron (Durningen, Franza) u IC (rappreżentanti: P. de Bandt, M. Gherghinaru, u L. Panepinto, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2021 dwr regoli eċċezzjonali fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà li jirregolaw l-aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-ispejjeż kollha, inkluż dawk marbuta mar-rikors intiż għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali valida tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jinħolqu effetti fir-rigward tal-membri tal-Parlament Ewropew. Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-Artikolu 25 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, għall-impożizzjoni tal-miżura kkontestata fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, huma jsostnu li deċiżjoni tal-Bureau, bħad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tkun ibbażata fuq miżuri li jimplikaw l-ipproċessar ta’ data kunfidenzjali ħafna sa fejn, konformement mal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-elementi essenzjali ta’ tali pproċessar tad-data għandhom ikunu previsti f’“liġi”, li ma huwiex il-każ ta’ deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju li jistabbilixxi l-libertà u l-indipendenza tal-membri tal-Parlament u l-immunitajiet ikkonferiti lilhom mit-Trattati. Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (li jistabbilixxi l-prinċipju li d-deputati huma liberi u indipendenti) u l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (li jipprovdi b’mod partikolari li ebda restrizzjoni amministrattiva jew oħra ma għandha tiġi imposta fil-konfront tal-moviment liberu tal-membri tal-Parlament li jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa tal-Parlament). Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala konsegwenza li r-rikorrenti għandhom jippreżentaw ċertifikat COVID elettroniku tal-UE validu kull darba li jixtiequ jmorru l-Parlament. Jekk ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jippreżentaw tali ċertifikat, ir-rikorrenti jiġu rrifjutati l-aċċess għall-bini tal-Parlament.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali dwar l-ipproċessar tad-data personali. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-finalità tal-ipproċessar tad-data u tal-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, sabiex id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati COVID elettroniċi tar-rikorrenti tkun tista’ tintuża sabiex jingħataw aċċess għall-bini tal-Parlament, huwa legalment meħtieġ li din tkun inġabret għal dan il-għan. Fin-nuqqas ta’ bażi legali li tawtorizza espliċitament l-ipproċessar ta’ data medikali dwar il-vaċċinazzjoni, it-testijiet jew l-irkuprar għall-finijiet tal-kundizzjonar tal-aċċess għall-post tax-xogħol jew għall-assemblej parlamentari, ma huwa b’ebda mod il-Bureau tal-Parlament li jawtorizza tali pproċessar tad-data, a fortiori permezz ta’ regola li ma hijiex liġi fis-sens formali tat-terminu.

It-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ trasparenza u ta’ minimizzazzjoni peress li, fil-mument tal-ġbir tad-data personali tagħhom, ir-rikorrenti ma ġewx informati li din id-data ser tintuża sabiex tagħtihom jew tirrifjutalhom aċċess għall-post tax-xogħol fejn jeżerċitaw il-mandat tagħhom ta’ membru tal-Parlament.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser, b’mod inġustifikat, id-dritt għall-ħajja privata u għad-data personali, id-dritt għall-integrità fiżika, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà kif ukoll id-dritt għall-ugwaljanza u għan-nondiskriminazzjoni. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet għall-integrità fiżika tar-rikorrenti, tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tagħhom, tad-dritt għall-ugwaljanza u għan-nondiskriminazzjoni tagħhom kif ukoll tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tad-data personali tagħhom.

It-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-ksur mid-deċiżjoni kkontestata tad-drittijiet u tal-prinċipji msemmija fl-ewwel parti ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-miżura kkontestata ma hijiex neċessarja, adattata u proporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

____________