Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2021 – TO vs EASO
(Kawża T-727/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: TO (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 u li kellha tiskadi fit-18 ta’ Diċembru 2021, li tagħha r-rikorrenti ħadet konjizzjoni fl-4 ta’ Jannar 2021 permezz tal-link [kunfidenzjali] 1 , meħuda minn [kunfidenzjali], sa fejn ma testendix għall-ewwel sena addizzjonali, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-lista ta’ riżerva bis-segwenti referenzi [kunfidenzjali] li kienet valida sal-31 ta’ Diċembru 2020;
tiftaħ mill-ġdid u testendi, konsegwentement, il-lista ta’ riżerva, bħall-44 lista estiża oħra li huma previsti mid-deċiżjoni kkontestata, għal sena dekorribbli mill-ftuħ mill-ġdid tagħha u, konsegwentement, tinnomina lir-rikorrenti b’upgrade għal AST 3;
tikkundanna lill-konvenut sabiex iħallas lir-rikorrenti d-danni, intiżi sabiex ikopru kemm id-dannu materjali u kif ukoll id-dannu morali tagħha, li jikkorrispondu:
għad-differenza fir-remunerazzjoni bejn dik irċevuta minn AST 1 skala 3 attwali u dik irċevuta minn AST 3 skala 1, ikkalkolata fuq perijodu ta’ ħames snin, b’effett mid-data lmentata, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf ta’ opportunitajiet evalwat fil-livell ta’ 75 %;
għad-differenza fid-dritt għall-pensjoni bejn dik irrikonoxxuta għal AST 1 skala 3 attwali u dik ta’ AST 3 skala 1, ikkalkolata fuq l-istess perijodu ta’ ħames snin, b’effett mid-data lmentata, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf ta’ opportunitajiet evalwat fil-livell ta’ 75 %;
għal ammont ta’ EUR 7 500 għad-dannu morali kkawżat;
għal EUR 1.00 provviżorju għat-telf ta’ kopertura mill-fond għall-mard;
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li ġew miksura u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u tal-Artikolu 27 u tat-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ premura, u fuq eċċess u użu ħażin ta’ poter.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
____________
1 Data kunfidenzjali miżmuma.