Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ April 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Högsta domstolen – l-Isvezja) – Diskrimineringsombudsmannen vs Braathens Regional Aviation AB

(Kawża C-30/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew mill-oriġini etnika – Direttiva 2000/43/KE – Artikolu 7 – Difiża tad-drittijiet – Artikolu 15 – Sanzjonijiet – Rikors għad-danni bbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni – Kunsens tal-konvenut għat-talba għal kumpens, mingħajr ma jirrikonoxxi l-parti tiegħu fl-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni – Rabta bejn il-kumpens imħallas u l-allegata diskriminazzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Regoli tal-proċedura nazzjonali li jipprekludu lill-qorti li quddiemha jitressaq ir-rikors milli tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-allegata diskriminazzjoni minkejja t-talba espressa tar-rikorrent)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Högsta domstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Diskrimineringsombudsmannen

Konvenut: Braathens Regional Aviation AB

Dispożittiv

L-Artikoli 7 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil qorti li quddiemha jitressaq rikors għad-danni bbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni pprojbita minn din id-direttiva milli teżamina t-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni, meta l-konvenut jaċċetta li jħallas il-kumpens mitlub mingħajr madankollu ma jirrikonoxxi l-eżistenza tal-imsemmija diskriminazzjoni. Hija l-qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha tilwima bejn individwi, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta għall-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

____________

1     ĠU C 103, 18.3.2019.