Language of document : ECLI:EU:T:2022:811

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

14 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2092 – Dazju kumpensatorju definittiv – Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 – Twaqqigħ tal-prezzijiet – Pressjoni fuq il-prezzijiet – Artikolu 8(5) tar-Regolament 2016/1037 – Rabta kawżali – Il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 u l-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 – Azzjoni li ‘tinkariga’ organu privat mit-twettiq ta’ funzjoni li tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja jew li ‘tordnalu’ li jagħmel dan – Remunerazzjoni inqas minn adegwata – Appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 u Artikolu 6(d) tar-Regolament 2016/1037 – Benefiċċju – Il-punt 1(a)(i) tal-Artikolu 3 u l-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 – Trasferiment dirett ta’ fondi – Artikolu 7 tar-Regolament 2016/1037 – Kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju – Artikolu 8(1) u (8) tar-Regolament 2016/1037 – Theddida ta’ dannu materjali – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑143/20,

PT Pelita Agung Agrindustri, stabbilita f’Medan (l-Indoneżja),

PT Permata Hijau Palm Oleo, stabbilita f’Medan,

irrappreżentati minn F. Graafsma, J. Cornelis u E. Rogiest, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Kienapfel, G. Luengo u P. Němečková, fil-kwalità ta’ aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

European Biodiesel Board (EBB), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn M.‑S. Dibling u L. Amiel, avukati,

intervenjent,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, PT Pelita Agung Agrindustri u PT Permata Hijau Palm Oleo, jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2092 tat‑28 ta’ Novembru 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (ĠU 2019, L 317, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn dan ir-regolament jikkonċernahom.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti huma kumpanniji Indoneżjani li jipproduċu u jesportaw il-bijodiżil lejn l-Unjoni Ewropea.

3        Fid‑19 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013, L 315, p. 2), li applika għar-rikorrenti dazju antidumping definittiv.

4        Fil‑25 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 1198/2013 li ttemm il-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni (ĠU 2013, L 315, p. 67).

5        Fil‑15 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1194/2013 sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-ewwel rikorrenti (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, PT Pelita Agung Agrindustri vs Il‑Kunsill, T‑121/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:500).

6        Fil‑25 ta’ Jannar 2018, wara talba tar-Repubblika tal-Indoneżja, il-Bord tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ħareġ rapport dwar il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1194/2013 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Unjoni Ewropea – Miżuri Antidumping fuq il-Bijodiżil li Joriġina mill-Indoneżja”, adottat fil‑25 ta’ Jannar 2018 (WT/DS 480/R), iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Bord UE‑bijodiżil (Indoneżja)”). Il-Bord tal-WTO kkonkluda li l-Unjoni kienet aġixxiet b’mod inkompatibbli ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (ĠU 1994, L 336, p. 103), li jinsabu fl-Anness 1 A tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO (ĠU 1994, L 336, p. 3).

7        Fit‑22 ta’ Ottubru 2018, European Biodiesel Board (EBB) ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 143, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Skont dan l-ilment, l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja kienu ssussidjati u għalhekk kienu jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

8        Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2018 (ĠU 2018, C 439, p. 16), il-Kummissjoni fetħet proċedura antisussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja.

9        Il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni jikkorrispondi għall-“esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, magħruf aktar bħala ‘bijodiżil’, fil-forma pura jew kif inkluż f’taħlita, li joriġina mill-Indoneżja” (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

10      Il-bijodiżil prodott fl-Indoneżja huwa prinċipalment tal-ester metiliku taż-żejt tal-palm (iktar ’il quddiem il-“PME”), li huwa dderivat miż-żejt tal-palm mhux irraffinat (iktar ’il quddiem iċ-“CPO ”). Mill-banda l-oħra, il-bijodiżil prodott fl-Unjoni huwa essenzjalment tal-ester metiliku tar-rapa (iktar ’il quddiem ir-“RME”), iżda jinkiseb ukoll minn materji primi oħra, fosthom iċ-CPO.

11      Il‑PME u r-RME jappartjenu t-tnejn li huma għall-kategorija ta’ esteri monoalkiliċi tal-aċidi grassi. Il-kelma “ester” tirreferi għat-transesterifikazzjoni taż-żjut veġetali, jiġifieri t-taħlit taż-żejt mal-alkoħol, li jipproduċi l-bijodiżil u, bħala subprodott, il-gliċerina. L-aġġettiv “metiliku” jirriferi għall-metanol, l-alkoħol l-iktar użat f’dan il-proċess. L-esteri monoalkiliċi tal-aċidi grassi huma magħrufin ukoll bl-isem “esteri metiliċi tal-aċidi grassi” (iktar ’il quddiem il-“FAME”). Minkejja li l-PME u r-RME t-tnejn huma FAME, huma għandhom proprjetajiet fiżiċi u kimiċi f’partijiet differenti, u, b’mod partikolari, punt limitu tal-filtrabbiltà fil-ksieħ (iktar ’il quddiem iċ-“CFPP”) differenti. Iċ-CFPP jikkorrispondi għat-temperatura li fiha karburant jinblokka filtru tal-karburant, minħabba l-kristallizzazzjoni jew l-iffriżar ta’ wħud mill-komponenti tiegħu. Għar-RME, iċ-CFPP jista’ jkun ta’ ‑14 °C filwaqt li, għall-PME, huwa ta’ madwar 13 °C. Fis-suq, il-bijodiżil li għandu CFPP partikolari huwa ħafna drabi deskritt bħala FAME X, pereżempju, FAME 0 jew FAME 5.

12      L-investigazzjoni dwar is-sussidji u d-dannu kkawżat kopriet il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ottubru 2017 u t‑30 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-analiżi tax-xejriet rilevanti għad-determinazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fejn kien meħtieġ, il-Kummissjoni eżaminat ukoll data sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni.

13      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju antisussidji li kien indirizzat lilhom mill-Kummissjoni, tweġibiet li huma kkompletaw fl‑1 ta’ Marzu 2019. Il-Kummissjoni wettqet verifiki fuq il-post fil-bini tar-rikorrenti fl-Indoneżja, mit‑12 sal‑15 kif ukoll fit‑22 ta’ Marzu 2019.

14      Fit‑12 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1344 li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (ĠU 2019, L 212, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2019, L 236, p. 30, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). Id-dazju kumpensatorju provviżorju applikabbli għar-rikorrenti kien ta’ 18 %.

15      Fit‑28 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokumenti tan-notifika provviżorja. Inżammet seduta mal-Kummissjoni fis‑6 ta’ Settembru 2019.

16      Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kienet ipprevediet li timponi miżuri kumpensatorji definittivi fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Indoneżja. Ir-rikorrenti għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn fl‑14 ta’ Ottubru 2019. Inżammu seduti fl‑14 ta’ Ottubru 2019 fil-preżenza tal-uffiċjal tas-seduta u fis‑17 ta’ Ottubru 2019.

17      Fi tmiem il-proċedura antisussidji, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat li permezz tiegħu hija kkonfermat il-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom fir-Regolament provviżorju. Hija kkunsidrat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu appoġġjaw l-industrija tal-bijodiżil permezz ta’ sussidji fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sostniet li dan l-appoġġ seħħ permezz ta’ ċerti programmi. Dan kien jirrigwarda, b’mod partikolari, il-fatt li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, organu rregolat mid-dritt pubbliku, kien ħallas lill-produtturi tal-bijodiżil li pprovdew il-bijodiżil lill-kumpanniji msejħa “Entità tal-Petrofjuwil” id-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil minerali, imħallas minn dawn l-entitajiet, u l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil iffissat mill-Ministru għall-Enerġija u għar-Riżorsi Minerali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu inkarigaw lill-produtturi taċ-CPO, materja prima li l-produtturi tal-bijodiżil kienu xtraw sabiex jibdluha f’bijodiżil, mill-provvista ta’ din il-materja prima b’remunerazzjoni inqas minn adegwata, jew ordnawlhom li jagħmlu dan, b’mod partikolari permezz ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni u tal-kontroll tal-prezzijiet bl-intervent tal-grupp ta’ kumpanniji pubbliċi PT Perkebunan Nusantara (iktar ’il quddiem “PTPN”).

18      Id-dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għar-rikorrenti kien ta’ 18 %.

 It-talbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni, sostnuta minn EBB, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

21      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw essenzjalment seba’ motivi, ibbażati:

–        l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, waqt id-determinazzjoni tat-twaqqigħ;

–        it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, fl-analiżi tar-rabta kawżali;

–        it-tielet, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni billi kkonkludiet l-eżistenza ta’ sussidju taħt il-forma ta’ provvista taċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata;

–        ir-raba’, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-punt 1(a)(i) tal-Artikolu 3 u tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li jivvizzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ sussidju taħt il-forma ta’ trasferiment dirett ta’ fondi;

–        il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju mogħti mill-iskema tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt;

–        is-sitt, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (8) tar-Regolament bażiku, fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali;

–        is-seba’, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 8(1) u (2) tarRegolament bażiku waqt iddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezz

22      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBB.

 Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taddata rilevanti kollha fiddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezz

23      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, għaliex il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz ma huwiex ibbażat fuq provi pożittivi u ma jirriżultax minn eżami oġġettiv. B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, huma jsostnu li l-ewwel metodu użat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet imur kontra l-fatt li kompetizzjoni diretta ma tistax teżisti bejn il-PME importat mill-Indoneżja u l-PME prodott fl-Unjoni, peress li tal-ewwel huwa użat bħala input fil-produzzjoni ta’ taħlit tal-bijodiżil u t-tieni huwa mħallat direttament mad-diżil minerali. Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni metodu, li jikkonsisti fil-paragun tal-importazzjonijiet tal-PME mill-Indoneżja mal-bejgħ tal-PME prodott fl-Unjoni kif ukoll mal-bijodiżil li għandu CFPP ta’ 0 % (iktar ’il quddiem il-“FAME 0”) prodott fl-Unjoni, lanqas jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bijodiżil Indoneżjan huwa input għall-produzzjoni tal-FAME 0 u li ma jistax jintuża f’ċerti reġjuni kesħin tal-Unjoni minħabba l-livell għoli tiegħu ta’ CFPP. Fil-kuntest tat-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li t-tielet metodu, li jikkonsisti fil-paragun tal-importazzjonijiet kollha tal-bijodiżil mill-Indoneżja mal-bejgħ kollu tal-bijodiżil fl-Unjoni mingħajr aġġustament tal-prezz, ma jiħux inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-prezzijiet tat-tipi ta’ bijodiżil skont il-livell ta’ CFPP tagħhom.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li jkollhom jeżaminaw (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C 100/17 P, EU:C:2018:842, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antisussidji. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu jkun ristrett għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate, C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 46, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni antisussidji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate, C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      L-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu sabiex josserva jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 64).

27      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni hija bbażata fuq provi pożittivi u tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-imsemmija industrija. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-effett fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet issussidjati, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku jipprevedi l-obbligu li jiġi eżaminat jekk tabilħaqq kienx hemm, fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni jew jekk dawn l-importazzjonijiet għandhomx, b’xi mod ieħor, l-effett li jwaqqgħu l-prezzijiet b’mod sinjifikattiv jew li jostakolaw b’mod sinjifikattiv żidiet fil-prezzijiet li altrimenti kienu jseħħu (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 236 u 237).

28      Ir-Regolament bażiku ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ twaqqigħ tal-prezz u ma jipprevedix metodu għall-kalkolu ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 238). Il-metodu segwit sabiex jiġi ddeterminat eventwali twaqqigħ tal-prezzijiet għandu, bħala prinċipju, jintuża fil-livell tal-“prodott simili”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku, anki jekk dan jista’ jkun kompost minn diversi tipi ta’ prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2021:533, punt 64, segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża).

29      Il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni jitwettaq, skont l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet u jintuża, b’mod iktar wiesa’, bil-għan li jiġi evalwat dan id-dannu u li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, jiġifieri l-livell ta’ eliminazzjoni tal-imsemmi dannu. L-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet issussidjati, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 8(1), jeżiġi li jitwettaq paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-imsemmija industrija meta dawn jinbiegħu fit-territorju tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 239).

30      B’mod skematiku, fil‑kuntest tad‑determinazzjoni tat‑twaqqigħ tal-prezz, l‑istituzzjonijiet jagħmlu paragun tal‑prezzijiet tal-Unjoni mal‑prezzijiet aġġustati tal‑importazzjonijiet, b’mod li jinkiseb marġni ta’ twaqqigħ espress f’perċentwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 65).

31      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tinvolvi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni testendi, mill-inqas, għad-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-metodu ta’ analiżi, għad-data u l-provi li għandhom jinġabru, għall-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ twaqqigħ kif ukoll għall-interpretazzjoni u għall-evalwazzjoni tad-data miġbura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 78 u 107, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2021:533, punti 27 sa 30, segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża).

32      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

–       Fuq lewwel metodu ta’ kalkolu

33      Skont il-premessa 234 tar-Regolament ikkontestat, l-ewwel metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet “qabbel l-importazzjonijiet tal-PME mill-Indoneżja mal-bejgħ tal-PME prodott fl-Unjoni Ewropea”, “[peress li l]-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezz varjaw bejn 6,0 % u 11,6 %”. Il-premessa 235 tar-Regolament ikkontestat tippreċiża li “[l]-paragun eżatt kien bejn il-PME f’[CFPP] + 13 mill-Indoneżja u l-PME fil-PCFPP + 10 mill-industrija tal-Unjoni”, li “[l]-PME mibjugħ b’CFPP +10 ma tħallatx sabiex jilħaq dak is-CFPP”, li “mal-bijodiżil żdied addittiv li jiswa anqas minn 1 [ewro] għal kull tunnellata metrika, jiġifieri madwar 0,1 % biss tal-kost tal-produzzjoni”, u li “[l]-Kummissjoni ma tqisx li aġġustament għal dan l-addittiv huwa meħtieġ peress li ma jkollu l-ebda impatt fuq il-kalkoli”.

34      Skont il-premessa 293 tar-Regolament provviżorju, dan il-paragun kien ikopri madwar 20 % tal-bejgħ kollu tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

35      Mill-premessa 292 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li dan il-paragun jirrigwarda l-istess prodott min-naħa tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri l-bijodiżil miż-żejt tal-palm pur. Dan il-punt ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

36      Fil-premessa 242 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li ma kienet sabet l-ebda differenza fil-prezz bejn dawn il-prodotti. Barra minn hekk, hija rrilevat, fl-istess premessa, li l-kwotazzjonijiet għall-PME pur ma għamlu l-ebda referenza għaċ-CFPP attwali tal-prodott, iżda biss għall-PME. Peress li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tista’ tikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeduċiet, ġustament, li l-PME kollu kien jinbiegħ bi prezzijiet simili irrispettivament miċ-CFPP preċiż. Għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni kompetittiva bejn iż-żewġ prodotti, ir-Regolament ikkontestat jindika, fil-premessa 228, li analiżi tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun uriet bejgħ sinjifikattiv tal-PME pur direttament lil raffineriji tad-diżil minerali, f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet tal-PME pur li joriġina mill-Indoneżja. Il-fatt li, skont il-premessa 290 tar-Regolament provviżorju, il-PME pur “normalment ma” jitħallatx mad-diżil minerali, iżda ma’ bijodiżils oħrajn li għandhom livell ta’ CFPP iktar baxx l-ewwel għall-produzzjoni ta’ taħlita ta’ CFPP ta’ 5 °C jew ta’ CFPP ta’ 0 °C, li mbagħad titħallat mad-diżil minerali, ma jistax jeskludi li dan il-prodott jinbiegħ direttament lil raffineriji tad-diżil minerali.

37      L-argument tar-rikorrenti li l-PME importat jintuża bħala input għall-produzzjoni ta’ taħlit tal-bijodiżil filwaqt li l-PME prodott fl-Unjoni huwa direttament imħallat mad-diżil minerali u li, konsegwentement, ma tistax teżisti kompetizzjoni diretta bejniethom it-tnejn ma huwiex sostnut bi provi u jidher li huwa bbażat fuq qari żbaljat tar-Regolament ikkontestat.

38      Fil-fatt, il-fatt li l-premessa 253 tar-Regolament ikkontestat issemmi li l-PME prodott fl-Unjoni huwa mibjugħ direttament lill-kumpanniji taż-żejt ma jfissirx li l-PME importat ma huwiex. Għall-kuntrarju, din l-ipoteżi hija msemmija b’mod espliċitu fil-premessa 228 tar-Regolament ikkontestat, fejn il-Kummissjoni spjegat l-eżistenza ta’ kompetizzjoni diretta bejn iż-żewġ prodotti billi ppreċiżat li “[a]naliżi tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun [kien wera] biċ-ċar il-bejgħ sinifikanti tal-PME pur direttament lil raffineriji tad-diżil minerali, li se jkunu f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet tal-PME pur mill-Indoneżja”. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-premessa 254 tal-imsemmi regolament tiddikjara biss li “[l]-Kummissjoni ma tikkontestax li l-PME huwa wkoll importat fl-Unjoni biex jitħallat ma’ bijodiżils oħra”.

39      Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqsu milli jipprovdu elementi suffiċjenti sabiex irendu implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat. Madankollu, tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġi ġġustifikat l-annullament ta’ att (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Mill-preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, bl-ewwel metodu ta’ kalkolu, it-tip u l-proprjetajiet fiżiċi tal-prodotti mqabbla, kif ukoll l-użu tagħhom u r-relazzjoni kompetittiva tagħhom. Għalhekk, hija wettqet paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni meta dawn jinbiegħu fit-territorju tal-Unjoni, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq.

41      Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-ewwel metodu ta’ kalkolu għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq ittieni metodu ta’ kalkolu

42      Skont il-premessa 245 tar-Regolament ikkontestat, it-tieni metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet “espanda l-kwantità ta’ bijodiżil prodott fl-Unjoni li ġie mqabbel mal-importazzjonijiet mill-Indoneżja, billi inkluda l-bejgħ ta’ bijodiżil FAME0 mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fit-tqabbil”.

43      Il-premessi 246 sa 248 tar-Regolament ikkontestat jippreċiżaw li:

“(246) Sabiex il-bejgħ fl-Unjoni tal-FAME0 jitqabbel mal-importazzjonijiet tal-pajjiż kollu tal-PME mill-Indoneżja, il-prezz tal-bejgħ tal-FAME0 fl-Unjoni ġie aġġustat u, b’riżultat ta’ dan, tnaqqas għal-livell tal-prezz tal-bejgħ fl-Unjoni tal-PME sabiex jiġi kkunsidrat il-valur tas-suq tad-differenzi fil-proprjetajiet fiżiċi.

(247) Sabiex jiġi ċċarat il-kalkolu, fuq talba ta’ dawk li ssottomettew kummenti, il-prezz tat-tnaqqis ta’ hawn fuq kien fil-medda ta’ EUR 100 sa 130 għal kull tunnellata metrika. Barra minn hekk, biex jiġi ċċarat il-kalkolu, 55 % tal-bejgħ kollu tal-industrija tal-Unjoni kopert minn dan it-tqabbil jinkludi kemm il-PME kif ukoll l-FAME0 […]

(248) Il-marġni għall-pajjiż kollu tat-twaqqigħ tal-prezz li nstab b’dan il-metodu kien ta’ 7,4 %.”

44      Mill-qari tar-Regolament ikkontestat jidher li l-Kummissjoni wessgħet il-perimetru tal-paragun imwettaq waqt l-ewwel metodu ta’ kalkolu sabiex tinkludi, min-naħa tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, kemm il-PME kif ukoll il-FAME 0. Għal dan il-għan, il-prezzijiet tal-FAME 0 ġew aġġustati ’l isfel, għal-livell tal-prezz ta’ bejgħ tal-PME, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni il-valur tas-suq tad-differenzi fil-proprjetajiet fiżiċi.

45      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bijodiżil Indoneżjan huwa input għall-produzzjoni tal-bijodiżil ta’ CFPP ta’ 0 °C u li ma jistax jintuża f’ċerti reġjuni kesħin tal-Unjoni minħabba l-livell għoli ta’ CFPP tiegħu. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, huma jinvokaw rapporti tal-Bord tal-WTO, u b’mod partikolari r-Rapport tal-Bord “UE-bijodiżil (Indoneżja)” li fil-punt 7.158 innota “l-kumplessità tar-relazzjonijiet kompetittivi bejn il-PME u l-bijodiżil imħallat li għandu CFPP ta’ 0 gradi, peress li l-PME Indoneżjan huwa input għall-bijodiżil imħallat, inkluż il-bijodiżil mħallat li għandu CFPP ta’ 0 gradi”.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim fuq is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO (ĠU 1994, L 336, p. 156, iktar ’il quddiem il-“Ftehim SMK”) adottati minn dan il-korp, ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 54, u tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 103, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 419).

47      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda), stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-Dritt tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 jimplika li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Ftehim SMK, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 32, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2021:533, punt 24, segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża). Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel riferiment għalihom meta tkun qiegħda tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet tal-Ftehim SMK (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 103).

48      Fi kwalunkwe każ, qabelxejn, il-Kummissjoni enfasizzat, ġustament, fil-premessi 251 u 252 tar-Regolament ikkontestat, il-bidla fl-istruttura tal-industrija tal-Unjoni li issa tipproduċi wkoll il-PME. Għalhekk, is-sitwazzjoni tas-suq kienet immodifikata meta mqabbla ma’ dik li kienet immotivat l-analiżi, esposta fil-punt 45 iktar ’il fuq, imwettqa fir-Rapport tal-Bord “UE‑bijodiżil (Indoneżja)”.

49      Imbagħad, u għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, mill-premessa 246 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq tad-differenzi fil-proprjetajiet fiżiċi meta hija aġġustat il-prezz tal-bejgħ fl-Unjoni tal-FAME 0 sabiex twettaq il-paragun. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-aġġustament tal-prezz tal-FAME 0 magħmul mill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, huma jużaw dan l-aġġustament bħala punt ta’ tluq sabiex jipproponu l-kalkolu tagħhom għat-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-bejgħ kollu tal-bijodiżil fl-Unjoni.

50      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-premessa 254 tar-Regolament ikkontestat, li l-PME Indoneżjan importat kien użat bħala “input” u kien imħallat ma’ bijodiżils oħra sabiex jiġi mmanifatturat, pereżempju, il-FAME 0, u żiedet li “l-kwantità ta’ PME importat [kienet] ddeterminata mill-prezz ta’ dawn l-importazzjonijiet kif ukoll mill-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, u għalhekk il-prezz tal-PME importat [kien] jeżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet fuq it-taħlitiet ukoll”. Il-Kummissjoni żiedet li “[l]-PME [kien] fost it-tipi ta’ bijodiżil li huma l-irħas li jistgħu jintużaw f’taħlitiet bħal FAME0 u FAME+5 li [kienu] adattati għall-użu f’parti sinifikanti mis-suq tal-Unjoni matul is-sena”, u li “[l]-importazzjonijiet tal-PME [kienu] għalhekk jikkompetu direttament ma’ tipi oħra ta’ bijodiżil prodotti fl-UE li nkella jkunu mħallta fi kwantitajiet akbar biex jinkiseb l-istess riżultat tat-taħlita”. Barra minn hekk, fil-premessa 297 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat li ħafna drabi l-FAME 0 kien jinkludi sa 20 % ta’ PME.

51      Għalhekk jidher li l-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha kemm l-użu tal-prodotti kif ukoll ir-relazzjoni kompetittiva tagħhom.

52      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li t-twaqqigħ tal-prezzijiet li jirriżulta mit-tieni metodu huwa manifestament żbaljat.

–       Fuq ittielet metodu ta’ kalkolu

53      Skont il-premessa 256 tar-Regolament ikkontestat, it-tielet metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet “qabbel l-importazzjonijiet tal-pajjiż kollu tal-bijodiżil mill-Indoneżja mal-bejgħ kollu tal-bijodiżil tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun”, u “[l]-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz tal-pajjiż kollu li nstab b’dan il-metodu [huwa] ta’ 17,1 %”.

54      Fil-premessa 270 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat, li dan il-kalkolu qabbel il-PME Indoneżjan li għandu CFPP ta’ 13 °C mal-bejgħ kollu tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, li kien jinkludi wkoll il-PME, u li ma kienet ippreżentata ebda pretensjoni sostanzjata u kwantifikata għal aġġustament.

55      Ir-rikorrenti jsostnu li dan il-metodu ta’ kalkolu jmur totalment kontra d-differenza f’termini ta’ livell ta’ CFPP bejn il-bijodiżil Indoneżjan u l-bijodiżil mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni u jenfasizzaw l-importanza, għall-Korp tal-Appelli u għall-Bord tal-WTO li jsiru l-aġġustamenti neċessarji sabiex jiġi żgurat paragun validu tal-prezzijiet.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim SMK, adottati minn dawk il-korpi, ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat, anki jekk il-qorti tal-Unjoni għandha teħodhom inkunsiderazzjoni.

57      Barra minn hekk, il-Bord tal-WTO indika li “il-prezzijiet imqabbla [kellhom] jikkorrispondu għal prodotti u għal tranżazzjonijiet li [kienu] komparabbli jekk wieħed [riedhom] jagħtu indikazzjoni affidabbli tal-eżistenza u tal-estensjoni ta’ twaqqigħ fl-importazzjonijiet li huma suġġett ta’ dumping jew issussidjati meta mqabbla mal-prezz tal-prodott simili nazzjonali, li fuqha wieħed [seta’] imbagħad jibbaża ruħu sabiex jevalwa r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet previsti u d-dannu kkawżat lill-parti tal-produzzjoni nazzjonali”. Huwa żied li “[s]-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità [kienet] barra minn hekk illimitata mill-obbligu ġenerali […] li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu “[kienet] ibbażata fuq provi pożittivi u [kienet] tinkludi eżami oġġettiv” u li “[p]aragun tal-prezz li ma [kienx] komparabbli ma jissodisfax, fil-fehma tagħna, il-preskrizzjoni imposta fuq l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni li twettaq ‘eżami oġġettiv’ ta’ ‘provi pożittivi’”. Il-Bord jenfasizza li diversi fatturi jiddeterminaw il-prezz tal-bejgħ fi tranżazzjoni partikolari u li, konsegwentement, għandha tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prezzijiet fir-rigward tad-diversi karatteristiċi tal-prodotti u tranżazzjonijiet imqabbla. Għalhekk, fattur fundamentali li jiddetermina l-prezz jinsab fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott u fil-każ fejn l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni “twettaq paragun tal-prezzijiet abbażi ta’ ‘basket’ ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ, l-awtorità għandha tiżgura li l-gruppi ta’ prodotti jew tranżazzjonijiet imqabbla li jikkostitwixxu ż-żewġ naħat tal-ekwazzjoni huma suffiċjentement simili sabiex wieħed ikun jista’ jgħid b’mod raġonevoli li kwalunkwe differenza fil-prezz tirriżulta minn ‘twaqqigħ tal-prezz’ u mhux sempliċement minn differenzi fil-kompożizzjoni taż-żewġ baskets imqabbla”, filwaqt li huwa ppreċiżat li “[f]’każ ta’ diverġenza, l-awtorità għandha twettaq aġġustamenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni u tikkoreġi d-differenzi rilevanti fil-karatteristiċi fiżiċi jew f’karatteristiċi oħrajn tal-prodott” (Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Ċina – Miżuri Antidumping u Kumpensatorji fuq il-Komoditajiet ta’ Laħam tal-Brojler mill-Istati Uniti”, adottat fit‑2 ta’ Awwissu 2013 (WT/DS 427/R, punti 7.475, 7.476, 7.480 u 7.483)).

58      Huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma wettqitx aġġustamenti waqt l-użu tat-tielet metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-paragun bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni huwiex ekwu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq u jekk il-Kummissjoni qabżitx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li tinvolvi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ppreċiżat, fir-risposta tagħha, li l-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni meħud inkunsiderazzjoni għal dan il-paragun kellu livell ta’ CFPP li kien ivarja bejn ‑20 °C u 10 °C. Hija tikkunsidra li ma teżistix, bejn il-prezz u ċ-CFPP, korrelazzjoni fis-sens li differenza fil-gradi twassal għal modifika tal-prezz f’ewro għal kull tunnellata. Minkejja li l-Kummissjoni setgħet tqis il-valur tas-suq tad-differenzi fil-proprjetajiet fiżiċi bejn il-bejgħ tal-FAME 0 fl-Unjoni u l-importazzjonijiet ta’ PME mill-Indoneżja u konsegwentement taġġusta l-prezz tal-bejgħ tal-FAME 0 fl-Unjoni, hija ssostni li ma sabitx approċċ raġonevoli sabiex twettaq aġġustamenti oħra għal dak li jirrigwarda tipi ta’ bijodiżil oħra, pereżempju bejn il-bijodiżil b’bażi ta’ PME u l-bijodiżil b’CFPP ta’ ‑14 °C.

60      Hemm qbil bejn il-partijiet li matul ix-xhur tas-sajf u fir-reġjuni iktar sħan, setgħu jinbiegħu bijodiżils b’livelli ogħla ta’ CFPP, filwaqt li, matul ix-xhur tax-xitwa u fir-reġjuni iktar kesħin, kienu meħtieġa bijodiżils b’livell ta’ CFPP iktar baxx. Il-kwantità ta’ PME użata f’taħlita tiddependi għalhekk mill-istaġun u mis-sitwazzjoni ġeografika fl-Ewropa.

61      Għalhekk, il-Kummissjoni osservat kumplessità kbira tas-suq tal-bijodiżil. Hija ma taqbilx mal-analiżi tar-rikorrenti li l-livell taċ-CFPP għandu, fi kwalunkwe każ, effett fuq il-prezzijiet. Fil-fatt, il-livell taċ-CFPP jista’ jkollu effett fuq il-prezzijiet meta, skont l-istaġun u s-sitwazzjoni ġeografika, livelli differenti taċ-CFPP jistgħu jkunu f’kompetizzjoni f’dan is-suq. Pereżempju, il-bijodiżil b’CFPP ta’ 13 °C kien f’kompetizzjoni mal-bijodiżil b’CFPP ta’ 10 °C is-sena kollha f’diversi reġjuni tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Madankollu, tali kompetizzjoni ma tfissirx awtomatikament differenza fil-prezz. Għalhekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-bejgħ tal-Unjoni tal-PME b’CFPP ta’ 10 °C seta’ jiġi mqabbel mal-importazzjonijiet ta’ PME Indoneżjan b’CFPP ta’ 13 °C mingħajr il-ħtieġa ta’ aġġustament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni eventwali differenzi fir-rigward tal-livell ta’ CFPP. Mill-banda l-oħra, ċerti kundizzjonijiet klimatiċi, pereżempju fix-xitwa, fit-Tramuntana tal-Ewropa, il-bijodiżil b’CFPP ta’ 13 °C ma jkunx f’kompetizzjoni mal-bijodiżil b’CFPP ta’ ‑10 °C, irrispettivament minn kull differenza fil-prezz, għaliex il-bijodiżil b’CFPP ta’ 13 °C ma jistax jintuża f’kundizzjonijiet xitwija. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, minkejja li aġġustament tal-prezz abbażi tal-valur tas-suq osservat kien meqjus neċessarju għall-FAME 0 li huwa l-prodott l-iktar mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni, mhux l-istess japplika għal dak li jirrigwarda tipi ta’ bijodiżil oħra b’livelli inqas ta’ CFPP li mhux bilfors jinsabu f’kompetizzjoni diretta, mill-perspettiva tal-prezzijiet, mal-bijodiżils li għandhom livelli ogħla ta’ CFPP.

62      Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni jirriżulta li d-deċiżjoni li ma twettaqx aġġustamenti tal-prezzijiet, fit-tielet metodu ta’ kalkolu, kienet ibbażata fuq elementi oġġettivi, jiġifieri l-kumplessità tar-relazzjonijiet kompetittivi bejn il-bijodiżils b’livelli differenti ta’ CFPP, id-differenza fil-kundizzjonijiet tas-suq għall-bijodiżils b’livelli differenti ta’ CFPP u l-assenza ta’ korrelazzjoni diretta bejn il-livell ta’ CFPP u l-prezz. Dawn l-elementi huma ta’ natura li jibbażaw b’mod plawżibbli l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li ma qabżitx, f’dan il-każ, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha sabiex tiddefinixxi l-metodu preċiż għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

63      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma wrewx li l-aġġustament mitlub kien neċessarju sabiex jirrendi komparabbli l-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 58).

64      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet alternattiv propost mir-rikorrenti fir-replika. Abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti jipproponu kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz li, billi jiġi applikat proporzjon ta’ EUR 10 jew ta’ EUR 13 għal kull tunnellata (jiġifieri l-istess differenza għal kull unità bħal dik ikkonstatata mill-Kummissjoni bejn il-prezzijiet tal-bijodiżil b’CFPP ta’ 0 °C u dawk tal-bijodiżil b’CFPP ta’ 10 °C) sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni kull grad ta’ differenza ta’ CFPP, li jwassal għal twaqqigħ tal-prezz medju ta’ ‑0.27 % biss.

65      Għandu jiġi kkonstatat, kif ir-rikorrenti ammettew waqt is-seduta, li dan il-metodu ta’ kalkolu huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-aġġustament tal-prezz bejn il-prodott b’CFPP ta’ 0 °C u l-prodott b’CFPP ta’ 10 °C sostnut mill-Kummissjoni fit-tieni metodu ta’ kalkolu jista’ jservi bħala bażi sabiex isiru aġġustamenti għal kull grad ta’ differenza ta’ CFPP. Madankollu, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-kontroreplika, ir-rikorrenti ma jispjegawx fuq liema bażi d-differenza bejn iċ-CFPP ta’ 0 °C u ċ-CFPP ta’ 10 °C diviża b’għaxra kienet tirrappreżenta kull differenza fil-prezz għal kull grad. Fil-fatt, tali preżunzjoni ma tistax tiġi aċċettata għal livelli ta’ CFPP li jvarjaw bejn ‑20 °C u 10 °C inklużi fil-kalkolu propost mir-rikorrenti mingħajr ma pprovdew spjegazzjonijiet dwar ir-rilevanza tal-approċċ tagħhom.

66      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll, l-ewwel, li pretensjonijiet sostanzjati għal aġġustament kienu ġew proposti lill-Kummissjoni u, it-tieni, li minkejja li huma ma ppreżentawx kalkoli oħra, dan kien dovut għall-fatt li l-Kummissjoni ma pprovditilhomx l-informazzjoni neċessarja għal dan il-għan. Madankollu, ir-rikorrenti ma jinvokawx ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li jirriżultaw minn din l-assenza ta’ informazzjoni.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fir-rigward tal-ewwel punt imqajjem mir-rikorrenti, mid-dokumenti li huma jinvokaw jirriżulta li l-proposta ta’ aġġustament tagħhom, l-istess bħal dik tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, kienet tirrigwarda l-ewwel metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u l-paragun bejn il-PME b’CFPP ta’ 13 °C u l-PME b’CFPP ta’ 10 °C. Għaldaqstant, dawn il-proposti ma kinux jikkonċernaw it-tielet metodu ta’ kalkolu u r-rikorrenti ma jispjegawx kif kienu rilevanti f’dan il-kuntest.

68      Fir-rigward tat-tieni punt imqajjem mir-rikorrenti, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-Kummissjoni ma kinitx żvelat, matul l-investigazzjoni, il-firxiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni skont il-livell ta’ CFPP minkejja t-talbiet tar-rikorrenti.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament provviżorju kien jipprovdi diġà informazzjoni dwar il-bejgħ tal-industrija skont iċ-CFPP. Għalhekk, skont il-premessi 295 u 296 tar-Regolament provviżorju u l-premessa 247 tar-Regolament ikkontestat, 20 % tal-bejgħ tal-Unjoni kellu CFPP ta’ 10 °C u 35 % tal-bejgħ tal-Unjoni kellu CFPP ta’ 0 °C (it-total tat-tieni metodu, jiġifieri 55 %, li minnu jitnaqqas il-perċentwali li jikkorrispondi għall-PME b’CFPP ta’ 10 °C, jiġifieri 20 %). Din l-informazzjoni diġà turi li l-bejgħ tal-Unjoni minbarra dak li jirrigwarda CFPP ta’ 10 °C u li jirrigwarda CFPP ta’ 0 °C kien ta’ madwar 45 %. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessa 247 tar-Regolament ikkontestat u fil-premessa 295 tar-Regolament provviżorju jippermettu li jiġi dedott li parti kbira minn dawn il‑45 % kienu jirrigwardaw CFPP negattiv, li barra minn hekk jirrilevaw ir-rikorrenti fir-rikors. Għalhekk, ir-rikorrenti kellhom informazzjoni li kienet tippermettilhom jifhmu l-kalkoli tal-Kummissjoni u jippreżentaw, fuq din il-bażi, alternattivi għal dawn il-kalkoli. Għaldaqstant, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud.

70      Anki jekk jiġi preżunt li l-kritika tar-rikorrenti relatata mat-tielet metodu tkun milqugħa, għar-raġuni li l-Kummissjoni astjeniet, b’mod żbaljat, milli tagħmel aġġustamenti li kienu jimplikaw id-differenzi bejn il-prodotti, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz, bħal dik murija mill-ewwel u mit-tieni metodu, li r-riżultati tagħhom ma ġewx ikkontestati, tibqa’ fondata. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, u għalhekk, l-ewwel parti kollha tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq lassenza ta’ determinazzjoni tattwaqqigħ talprezzijiet għallprodott talindustrija talUnjoni kollu kemm hu u talfatt li sostniet b’mod żbaljat leżistenza ta’ pressjoni fuq ilprezzijiet

71      Fil-kuntest tat-tieni parti, li tinkludi żewġ ilmenti, ir-rikorrenti jsostnu, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx it-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodott tal-industrija tal-Unjoni kollu kemm hu. Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom, huma jsostnu li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja ma kinux jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni.

–       Fuq iddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezzijiet għallprodott kollu kemm hu

72      Għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, intitolat “Prinċipji” u li fil-paragrafu 1 tiegħu jsemmi “kwalunkwe prodott li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tikkawża dannu”, jirriżulta li l-investigazzjoni antisussidji tirrigwarda prodott speċifiku. Dan il-“prodott ikkunsidrat” huwa ddefinit mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni waqt il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 2(c) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-“prodott simili” bħala prodott identiku, jiġifieri jixbah lill-prodott ikkunsidrat mill-aspetti kollha, jew, fl-assenza ta’ tali prodott, prodott ieħor li, minkejja li ma jixbhux mill-aspetti kollha, għandu karatteristiċi li jixbah mill-qrib lil dawk tal-prodott ikkunsidrat.

73      L-effett tal-importazzjonijiet issussidjati fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, neċessarju għad-determinazzjoni tad-dannu skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament bażiku, huwa ddeterminat abbażi tal-“prodott ikkunsidrat”. Sabiex jiġi ddeterminat dan l-effett għandu jiġi eżaminat, skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, “jekk kienx hemm tnaqqis sinifikanti li jwaqqa’ l-prezzijiet permezz tal-importazzjonijiet sussidjati kif imqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni”.

74      Huwa abbażi tad-definizzjoni tal-“prodott ikkunsidrat”, li tirreferi għall-kunċett ta’ “prodott simili”, kif propost mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni, li huwa kkalkolat it-twaqqigħ tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 57).

75      Skont il-ġurisprudenza, ir-Regolament bażiku ma jimponix fih innifsu li l-kunċett ta’ “prodott ikkunsidrat” jirrigwarda neċessarjament prodott meqjus kompletament omoġenju u li jikkonsisti f’prodotti simili (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group, C‑232/14, EU:C:2016:180, punt 42). Id-definizzjoni tal-“prodott ikkunsidrat”, waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni, ma tfissirx li huwa pprojbit lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaqsmu dan il-prodott f’tipi jew f’mudelli ta’ prodotti separati u li jibbażaw ruħhom fuq paraguni bejn il-prezz tal-prodott fis-suq tal-Unjoni u l-prezz tal-importazzjonijiet, mudell b’mudell jew tip b’tip (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 59).

76      Ir-rikorrenti jsostnu li obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi t-twaqqigħ għall-“prodott ikkunsidrat” kollu kemm hu jista’ jiġi bbażat fuq applikazzjoni b’analoġija tat-tagħlimiet misluta mis-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 60).

77      Madankollu, it-tagħlimiet misluta mis-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21), ma humiex trasponibbli għall-analiżi tal-effett fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tal-importazzjonijiet li huma suġġett ta’ dumping, analiżi prevista mill-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, li l-ekwivalenti tagħhom fir-Regolament bażiku fil-qasam tal-antisussidji huma l-Artikolu 8(1) u (2). Fil-fatt, għandha tiġi rrilevata differenza fundamentali bejn id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping u l-analiżi, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dannu, tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni marbuta mal-fatt li din l-analiżi timplika paragun ta’ bejgħ mhux tal-istess impriża, bħalma huwa l-każ tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li huwa kkalkolat abbażi tad-data tal-produttur-esportatur ikkonċernat, iżda ta’ diversi impriżi, jiġifieri l-produtturi‑esportaturi inklużi fil-kampjun u l-impriżi li jagħmlu parti mill-industrija tal-Unjoni inklużi fil-kampjun (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 150 sa 159, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2021:533, punti 136 sa 139, segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża). L-istess konklużjoni hija valida, mutatis mutandis, fir-rigward tal-istabbiliment tat-twaqqigħ tal-prezzijiet skont ir-Regolament bażiku fil-qasam ta’ antisussidji. Għalhekk, it-tagħlimiet tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża.

78      F’dan il-każ, il-premessa 27 tar-Regolament ikkontestat tirreferi għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-premessi 31 sa 37 tar-Regolament provviżorju (ara l-punti 9 u 11 iktar ’il fuq).

79      Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-ewwel metodu ta’ kalkolu, il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezzijiet biss għal 20 % tat-total tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tieni metodu ta’ kalkolu, l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz kienet tippreżenta lakuni, għaliex hija ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità kbira tar-relazzjoni kompetittiva bejn dawn il-prodotti, u kienet tkopri biss 55 % tat-total tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, filwaqt li t-tielet metodu ta’ kalkolu ma kienx jagħmel sens. Tali approċċ kien jippermetti sitwazzjonijiet fejn l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz għal perċentwali żgħir tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni jkun estrapolat għall-bqija tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

80      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti għandu bħala punt ta’ tluq il-preżunzjoni li t-tielet metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li jqabbel l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja mal-bejgħ kollu tal-bijodiżil tal-produtturi tal-Unjoni meħuda fil-kampjun huwa żbaljat u li, fit-tieni metodu ta’ kalkolu li kien jippreżenta lakuni, l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz kienet tkopri biss 55 % tat-total tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Madankollu, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan is-sens ġew miċħuda bir-raġunament sostnut prinċipalment mill-Qorti Ġenerali waqt l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkalkolat it-twaqqigħ tal-prezzijiet l-ewwel għal 20 %, imbagħad għal 55 % u fl-aħħar nett għall-bejgħ kollu tal-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, ma saret ebda estrapolazzjoni mill-konstatazzjonijiet magħmula abbażi ta’ 20 % tal-bejgħ tal-Unjoni.

81      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq it-tielet metodu ta’ kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, l-argument tar-rikorrenti xorta ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, l-użu ta’ żewġ metodi oħra ppermetta lill-Kummissjoni tevalwa l-importanza tat-twaqqigħ tal-prezz għal 55 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni, jiġifieri maġġoranza tal-bejgħ, li huwa rappreżentattiv tas-sitwazzjoni fis-suq kollu. Ir-rikorrenti, li ma setgħux jistabbilixxu li din l-analiżi kienet manifestament ivvizzjata, ma jistgħux għalhekk isostnu b’mod validu li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kien manifestament żbaljat sa fejn kien imwettaq abbażi ta’ estrapolazzjoni abbużiva ta’ data fframmentata ħafna jew li tirrappreżenta perċentwali żgħir tal-bejgħ.

–       Fuq ilpressjoni fuq ilprezzijiet

82      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni sostniet, b’mod żbaljat, li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja setgħu jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet peress li l-PME kien jirrappreżenta biss 20 % tal-bijodiżil b’CFPP ta’ 0 °C u li bejn 35 % u 45 % tal-bijodiżil mibjugħ fis-suq tal-Unjoni għandu CFPP ta’ inqas minn żero. Barra minn hekk, it-Tabella 2 tar-Regolament ikkontestat kienet tippermetti li jiġi kkonstatat li 13 % biss mit-tnaqqis tal-ispejjeż matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni kien għadda fuq il-klijenti, li juri għalhekk li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kienu jeżerċitaw ebda pressjoni fuq il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni. L-analiżi tal-elementi inklużi fit-Tabella 2 tar-Regolament ikkontestat u fit-Tabella 11 tar-Regolament provviżorju kienet turi li l-marġni ta’ profitt tal-produtturi tal-Unjoni kien għadda minn ‑1.8 % għal 0.4 %.

83      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx li jiġi evalwat l-effett ta’ twaqqigħ tal-prezz bħala tali fuq il-prezzijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 174 (mhux ippubblikata)), iżda l-effett iktar globali ta’ importazzjonijiet issussidjati fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni.

84      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, abbażi tal-elementi li jinsabu fit-Tabella 11 tar-Regolament provviżorju, riprodotta fil-premessa 325 tiegħu, osservat, fil-premessa 328 tar-Regolament provviżorju, li twaqqigħ tal-prezz ta’ madwar 10 % kien għamel pressjoni ’l isfel sinjifikattiva fuq il-prezzijiet, li kellha bħala konsegwenza li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika mit-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, minħabba li kellha tgħaddi b’mod sħiħ dan it-tnaqqis lill-klijenti biex tevita telf saħansitra ikbar mis-sehem mis-suq.

85      F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tat-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament ikkontestat u tat-Tabella 11 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament provviżorju:

Industrija tal-Unjoni (qabel, matul u wara l-perijodu ta’ investigazzjoni)


2015

2016

2017

Perijodu ta’ investigazzjoni

Ottubru 2018 sa Ġunju 2019

Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni fis-suq totali (EUR/tunnellata)

715

765

832

794

790

Kost tal-produzzjoni ta’ unità (EUR/tunnellata)

728

767

827

791

760


86      Minn din id-data jirriżulta li matul u wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni kien ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni. Madankollu, dan ma jeskludix l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet Indoneżjani. Fil-fatt, minn din id-data jirriżulta wkoll li, minkejja t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni (ta’ ‑4.35 % bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni) li ppermetta li jiġi evitat telf meta mqabbel mal-ispejjeż, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu wkoll (‑4.56 % bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni), li jikkorrobora l-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 399 tar-Regolament ikkontestat li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika mit-tnaqqis tal-ispejjeż matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-data riprodotta fit-tabelli msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq tirrigwarda l-bejgħ kollu tal-Unjoni u mhux biss perċentwali tal-bejgħ tagħha kif jallegaw ir-rikorrenti.

87      Għalhekk, peress li din id-data hija ta’ natura li ssostni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li hija ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, u, konsegwentement, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li rRegolament ikkontestat, flanaliżi tiegħu tarrabta kawżali, kiser lArtikolu 8(5) tarRegolament bażiku

89      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet allegatament issussidjati u d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni fuq konklużjoni żbaljata li tirrigwarda t-twaqqigħ tal-prezz. Għalhekk, il-ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, imwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, iwassal għal ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.

90      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li t-tieni motiv huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku waqt il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, ikun milqugħ. Peress li dan il-motiv ġie eskluż fl-intier tiegħu, ma jistax jiġi kkritikat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-twaqqigħ tal-prezz ikkonstatat fir-Regolament ikkontestat sabiex tevalwa l-effetti tiegħu fuq l-industrija tal-Unjoni.

91      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni meta hija kkonkludiet leżistenza ta’ sussidju filforma ta’ provvista ta’ CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

92      It-tielet motiv huwa bbażat fuq tliet partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBB.

 Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lawtoritajiet pubbliċi Indoneżjani inkarigaw lillfornituri taċCPO, jew ordnawlhom, jipprovdu lprodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

93      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu inkarigaw lill-fornituri taċ-CPO, jew kienu ordnawlhom, jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata, l-ewwel, permezz ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni u, it-tieni, permezz ta’ “ffissar tal-prezzijiet” trasparenti mill-PTPN, produttur taċ-CPO li huwa kompletament proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

94      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li huwa meqjus li jeżisti sussidju jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jiġu ssodisfatti, jiġifieri li jkun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni u jekk b’hekk jingħatax “benefiċċju”.

95      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) tirrigwarda wkoll id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2012, Novatex vs Il‑Kunsill, T‑556/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:537, punti 34 u 35).

96      Skont il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, teżisti “kontribuzzjoni finanzjarja” jekk l-awtoritajiet pubbliċi “jinkariga[w] […] korp privat biex iwettaq waħda jew iktar mit-tip ta’ funzjonijiet deskritti fil-punti (i), (ii) u (iii) li normalment ikunu responsabbiltà tal-gvern” jew li “jidderiġ[uh li jagħmel dan], u l-prattika, fl-ebda sens, ma tkun differenti mill-prattiċi normali segwiti minn gvernijiet”.

97      Il-kunċetti ta’ “jinkariga” jew “jordna” ma humiex iddefiniti fir-Regolament bażiku.

98      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tifsira u l-portata ta’ kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifformaw parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19, u tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 52).

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sussidju” kumpensabbli.

100    B’mod iktar preċiż, l-għan tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” b’mod li minnu jiġu esklużi l-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji elenkati f’din id-dispożizzjoni. Huwa f’din il-perspettiva li l-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jelenka sitwazzjonijiet konkreti li għandhom jitqiesu li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri t-trasferiment dirett jew indirett ta’ fondi, dħul pubbliku mitluf u l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jew ix-xiri ta’ oġġetti, filwaqt li l-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprevedi fit-tieni inċiż tiegħu li l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jinkarigaw organu privat sabiex iwettaq wieħed jew iktar mit-tipi ta’ funzjonijiet hekk elenkati fil-punt (i), (ii) u (iii), jew li jordnawlu jagħmel dan, huwa ekwivalenti għall-għoti minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ kontribuzzjoni finanzjarju fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 106).

101    F’dan il-kuntest, it-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa, essenzjalment, dispożizzjoni kontra l-evażjoni, li tfittex li tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jevadu r-regoli dwar is-sussidji billi jadottaw miżuri li fl-apparenza ma jaqgħux stricto sensu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, iżda, fil-prattika, għandhom effetti ekwivalenti (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 107). Din hija wkoll l-interpretazzjoni tal-Korp tal-Appelli tal-WTO tal-Artikolu 1.1(a)(1)(iv) tal-Ftehim SMK, li l-kontenut tiegħu huwa simili għal dak tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (ara r-Rapport tal-Korp tal-Appelli tal-WTO intitolat “L-Istati Uniti – Investigazzjoni dwar dazji kumpensatorji fuq is-semikondutturi għall-memorji dinamiċi b’aċċess każwali (DRAM) li joriġinaw mill-Korea”, adottat fis‑27 ta’ Ġunju 2005 (WT/DS 296/AB/R, punt 113)).

102    Skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, il-kelma “tinkariga” tfisser “tassumi funzjoni jew pożizzjoni, tikkommetti, tiddelega, tippreskrivi”. Huwa għalhekk li l-ġurisprudenza interpretat din il-kelma, sabiex tiżgura effett utli sħiħ tat-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, bħala li tindika “kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tammonta, direttament jew indirettament, għall-għoti lil organu privat tar-responsabbiltà li jwettaq tip ta’ funzjoni bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1)(a)(i) sa (iii) tal-imsemmi regolament” (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 108). Minn dan isegwi li l-kelma “tordna”, li skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti tfisser “tħeġġeġ, tikkmanda, tiddetta, tordna, tippreskrivi, issejjaħ”, tinkludi kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tikkonsisti, direttament jew indirettament, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom fuq organu privat sabiex dan iwettaq tip ta’ funzjoni bħal dawk previsti fil-punt 1(a)(i) sa (iii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

103    Barra minn hekk, mill-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni li timmarka l-alternattiva “jew” bejn “tinkariga” u “tordna” jirriżulta b’mod ċar li dawn iż-żewġ azzjonijiet jistgħu jseħħu indipendentement minn xulxin, iżda wkoll flimkien. Minbarra dan, mill-qari tat-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li ma jillimitax in-natura jew l-għan tal-azzjoni li “tinkariga” jew li “tordna”, u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq, li tieħu inkunsiderazzjoni “kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi”, jidher li din l-azzjoni ma għandhiex tkun neċessarjament ir-riżultat ta’ att jew miżura meħuda b’mod iżolat, iżda tista’ tkun ukoll ir-riżultat tal-effett magħqud ta’ diversi miżuri.

104    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi analizzata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, permezz ta’ miżuri bħal taxxa u dazju fuq l-esportazzjoni u l-kontroll de facto permezz tal-intervent ta’ PTPN tal-prezzijiet domestiċi taċ-CPO, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fittxew li jiksbu mill-produtturi taċ-CPO l-provvista ta’ dan il-prodott fis-suq Indoneżjan għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

–       Fuq ittaxxa u d-dazju fuq lesportazzjoni

105    Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li t-taxxa tal-esportazzjoni, li kienet iffissata għal żero matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u d-dazju fuq l-esportazzjoni, li kien sospiż sa mix-xahar ta’ Diċembru 2018, kellhom bħala effett li “jinkarigaw” lill-fornituri taċ-CPO jew li jordnawlhom jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Barra minn hekk, l-għan ta’ dawn il-miżuri ma kienx li l-prezzijiet taċ-CPO jinżammu għal livell baxx sabiex isostnu l-industrija tal-bijodiżil. Tali riżultat kien biss effett sekondarju ta’ miżuri li l-għan ewlieni tagħhom kien li jiżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet taż-żejt tat-tisjir u li jiffinanzjaw il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt.

106    Mill-premessi 113 sa 117 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani imponew taxxa u dazju fuq l-esportazzjoni fuq iċ-CPO.

107    Skont il-premessi 87 u 88 tar-Regolament provviżorju, it-taxxa tal-esportazzjoni kienet ġiet stabbilita fl‑1994, u fil-verżjoni tagħha tal‑2016, hija kienet tikkonsisti fi skeda progressiva ta’ tariffi fuq iċ-CPO kif ukoll fuq prodotti oħra, inkluż il-bijodiżil (li kien konsistentement mogħti rata iktar baxxa miċ-CPO). L-esportaturi Indoneżjani kienu jħallsu taxxa marbuta mal-prezz ta’ referenza tal-awtoritajiet pubbliċi għall-esportazzjonijiet taċ-CPO. Għalhekk, meta l-prezz ta’ referenza tal-esportazzjoni ffissat mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani żdied, hekk ukoll għamlu d-dazji tal-esportazzjoni. Meta l-prezz ta’ referenza kien inqas minn 750 dollaru Amerikan (USD) għal kull tunnellata, ir-rata tat-taxxa applikabbli fuq l-esportazzjoni kienet ta’ 0 %. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezz taċ-CPO kien baqa’ taħt il-limitu ta’ USD 750 għal kull tunnellata u għalhekk ma kienet dovuta ebda taxxa tal-esportazzjoni.

108    Skont il-premessa 89 tar-Regolament provviżorju, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu wkoll stabbilixxew fl‑2015 dazju fuq l-esportazzjoni fuq iċ-CPO u l-prodotti downstream. Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, dan id-dazju kien iffissat għal USD 50 kull tunnellata għaċ-CPO u għal USD 20 kull tunnellata għall-bijodiżil.

109    Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fir-Regolament provviżorju, li l-konklużjonijiet tiegħu huma kkonfermati mir-Regolament ikkontestat (fil-premessi 102 sa 161), il-Kummissjoni wettqet analiżi bbażata fuq il-ġurisprudenza rilevanti tal-WTO.

110    Abbażi ta’ din l-analiżi, fil-premessi 111 sa 157 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset li l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li tirrigwarda l-produtturi taċ-CPO kienet azzjoni li “tinkariga” jew li “tordna” l-provvista tal-prodotti tagħhom lill-utenti nazzjonali għal remunerazzjoni inqas minn adegwata sabiex toħloq fl-Indoneżja suq domestiku taċ-CPO fejn il-prezzijiet kienu artifiċjalment baxxi. Imbagħad, fil-premessa 160 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni rrilevat li l-produtturi Indoneżjani taċ-CPO kollha għandhom jiġu kkunsidrati bħala organi privati, u fil-premessi 162 u 169 tal-istess regolament, li dawn l-impriżi kienu jipprovdu ċ-CPO fis-suq domestiku għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Fl-aħħar nett, fil-premessa 170 tal-istess regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provvista taċ-CPO mit-territorju Indoneżjan lill-industrija tal-bijodiżil Indoneżjana, kienet funzjoni li normalment kienet vestita fl-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset, fl-istess premessa, li taħt tali funzjoni kienet taqa’ d-determinazzjoni mill-gvern ta’ Stat, li kellu s-sovranità fuq ir-riżorsi naturali tiegħu, ta’ kundizzjonijiet regolatorji tal-provvista ta’ materja prima tal-pajjiż lill-impriżi ta’ dak il-pajjiż.

111    Permezz tal-analiżi inkwistjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li kif jirriżulta mill-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat, permezz tat-taxxa u tad-dazju fuq l-esportazzjoni, flimkien, kif jenfasizzaw il-premessi 103, 146 u 157 tar-Regolament ikkontestat, ma’ miżuri oħra, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu fittxew li jiksbu mill-produtturi taċ-CPO il-provvista taċ-CPO fis-suq Indoneżjan għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Fil-fatt, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi kienu stabbilixxew sistema ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni li kienet tirrendi l-esportazzjoni taċ-CPO kummerċjalment mhux attraenti.

112    Il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani ħasbu u imponew tali sistema joħroġ minn diversi elementi msemmija mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat u fir-Regolament provviżorju, li r-rikorrenti ma kkontestawx.

113    Għalhekk, fil-premessa 116 tar-Regolament provviżorju, ġie rrilevat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu rabtu direttament is-sistema tat-taxxi tal-esportazzjoni mal-prezzijiet internazzjonali taċ-CPO, u mhux ma’ data oħra (bħal-livelli tal-produzzjoni jew l-impatt ambjentali) bil-għan li jkun hemm effett fuq il-prezzijiet imħallsa mill-produtturi‑esportaturi. Mit-Tabella 1 riprodotta f’din il-premessa jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani segwu l-iżvilupp tal-prezzijiet fil-livell internazzjonali u aġġustaw il-livell tat-taxxi tal-esportazzjoni skont dawn il-prezzijiet bir-riżultat tat-tnaqqis tal-profittabbiltà tal-esportazzjonijiet.

114    Fil-premessa 119 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-Direttorat Ġenerali Indoneżjan għad-Dwana u s-Sisa kien spjega pubblikament fl‑2015 li l-għan tad-dazji tal-esportazzjoni kien li jiżguraw id-disponibbiltà tal-materja prima u li jixprunaw it-tkabbir tal-industrija domestika taż-żejt tal-palm downstream, li l-manifattura tal-bijodiżil tifforma parti integrali minnha.

115    Għal dak li jirrigwarda d-dazju fuq l-esportazzjoni, fil-premessa 117 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni enfasizzat li l-impożizzjoni tiegħu fl‑2015 kien ikkoinċida ma’ perijodu fejn il-prezzijiet Indoneżjani kienu kważi identiċi għall-prezzijiet dinjija u kien ippermetta lill-produtturi tal-bijodiżil jixtru ċ-CPO bi prezzijiet inqas minn dawk li kienu normalment proposti. Barra minn hekk, fil-premessa 114 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni spjegat li dan id-dazju kien jiffinanzja l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u fil-fatt kien jappoġġja esklużivament l-industrija tal-bijodiżil permezz tas-sussidji.

116    Fil-premessi 128 u 129, ir-Regolament ikkontestat isemmi wkoll żewġ artikli tal-istampa sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni li jikkonfermaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-perijodu. B’hekk, fl-artiklu tad‑19 ta’ Diċembru 2018, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Indoneżjana taż-Żejt tal-Palm ippreveda li l-esportazzjonijiet taċ-CPO setgħu jiżdiedu ladarba d-dazju fuq l-esportazzjoni jitnaqqas għal żero. F’artiklu tas‑6 ta’ Diċembru 2018, analist indipendenti qies li t-tneħħija tad-dazju fuq l-esportazzjoni kienet ser iżżid il-kompetittività tal-esportaturi Indoneżjani tal-prodotti taż-żejt tal-palm permezz tal-iffrankar magħmul li l-biċċa l-kbira minnu x’aktarx imur lura għand il-bdiewa Indoneżjani permezz ta’ prezzijiet ogħla taċ-CPO domestiċi.

117    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod validu, fil-premessa 118 tar-Regolament ikkontestat, li “s-sistema globali ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni stabbilita mill-GOI [il-Gvern tal-Indoneżja] hija mfassla biex tibbenefika l-industrija tal-bijodiżil billi żżomm il-prezzijiet domestiċi tas-CPO artifiċjalment baxxi”.

118    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu, billi jipprevalixxu mill-ġurisprudenza tal-WTO, li dawn ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, għaliex kellhom bħala għan li jiżguraw id-domanda lokali u l-istabbiltà tal-prezzijiet taż-żejt tat-tisjir (għal dak li jirrigwarda t-taxxa tal-esportazzjoni) u li jiffinanzjaw il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (għal dak li jirrigwarda d-dazju fuq l-esportazzjoni) u sa fejn l-effett li seta’ jkollhom fuq il-prezzijiet taċ-CPO kien jirrappreżenta biss effett sekondarju ta’ din il-leġiżlazzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kellhom biss rwol ta’ inkoraġġiment billi jeżerċitaw sempliċement l-attività tagħhom ta’ ġbir ta’ riżorsi pubbliċi.

119    Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani ma kinux igawdu rwol iktar attiv milli jimponu biss atti ta’ inkoraġġiment, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottaw ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni inkwistjoni, f’kuntest fejn, l-ewwel, it-taxxa tal-esportazzjoni kienet marbuta mal-prezzijiet internazzjonali taċ-CPO u kienet tiżdied meta dawn il-prezzijiet kienu jiżdiedu, u, it-tieni, id-dazju fuq l-esportazzjoni kien stabbilit matul perijodu fejn il-prezzijiet Indoneżjani kienu kważi identiċi għall-prezzijiet dinjija, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi rrestrinġew il-libertà ta’ azzjoni ta’ dawn l-impriżi billi fil-prattika llimitaw il-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu dwar is-suq li fih ibigħu l-prodotti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 124).

120    Imbagħad, ma jistax jirnexxi l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani eżerċitaw sempliċement l-attività tagħhom ta’ ġbir ta’ riżorsi pubbliċi, u li l-effett li din l-attività seta’ jkollha fuq il-prezzijiet taċ-CPO kien biss effett sekondarju. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 111 sa 116 iktar ’il fuq, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni inkwistjoni kienu ġew stabbiliti, flimkien ma’ miżuri oħra, bil-għan li jiżguraw il-provvista taċ-CPO fis-suq Indoneżjan għal prezz inqas minn adegwat u li dawn kienu aġġustati wkoll skont il-prezzijiet internazzjonali sabiex jinkiseb dan ir-riżultat. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma ssemmix espliċitament dan l-għan ma huwiex suffiċjenti sabiex jinvalida din il-konklużjoni.

121    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw, f’dan ir-rigward, fuq il-ġurisprudenza tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, u b’mod partikolari fuq ir-Rapport tal-Bord tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO intitolat “L-Istati Uniti – Miżuri li Jittrattaw ir-Restrizzjonijiet għall-Esportazzjoni bħala Sussidji”, adottat fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS 194/R). Fil-fatt, u bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, din il-kawża kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti fil-qasam tad-dazji kumpensatorji, li skont il-Kanada, kienet tassimila azzjoni regolatorja tal-awtoritajiet pubbliċi li tillimita l-esportazzjonijiet ta’ oġġett, u għalhekk restrizzjoni tal-esportazzjoni, għal “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-Artikolu 1.1(a) tal-Ftehim SMK, kinitx kompatibbli ma’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, dik it-tilwima ma kinitx tirrigwarda restrizzjonijiet tal-esportazzjoni speċifiċi, li jagħmlu parti minn sett ta’ miżuri bl-istess għan, u li huma eżaminati fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali Indoneżjan għad-Dwana u s-Sisa dwar l-għan li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-materja prima u li jixprunaw it-tkabbir ta’ industrija partikolari, kif kien irrilevat fil-punt 114 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 134).

122    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni ma ċaħħdux lill-fornituri taċ-CPO mill-possibbiltà li jagħmlu għażla razzjonali u ma ppreġudikawx il-kapaċità tagħhom li jesportaw, peress li 70 % taċ-CPO Indoneżjan kien esportat.

123    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-fatt li 70 % taċ-CPO Indoneżjan kien esportat ma jfissirx li l-produtturi taċ-CPO kienu f’pożizzjoni li jagħmlu liberament l-għażla razzjonali li jesportaw il-prodott tagħhom u jagħmlu minnu remunerazzjoni adegwata. Għall-kuntrarju, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-produtturi taċ-CPO ssodisfaw qabelxejn id-domanda domestika, li kienet tikkorrispondi għal 30 % tal-produzzjoni, skont sorsi pubbliċi msemmija fil-premessa 153 tar-Regolament ikkontestat, u huwa biss wara dan li bdew jirrikorru għall-esportazzjoni. Minn dan jirriżulta li dawn il-produtturi ma kinux qegħdin ifittxu li jesportaw proporzjon ikbar tal-produzzjoni tagħhom fejn il-prezzijiet kienu ogħla, għaliex il-benefiċċji addizzjonali potenzjali tal-esportazzjoni kienu limitati mir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni imposti mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

124    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-taxxa tal-esportazzjoni, li kienet iffissata għal żero matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u d-dazju fuq l-esportazzjoni, li kien sospiż sa minn Diċembru 2018, ma setgħux jippermettu li l-fornituri taċ-CPO jiġu inkarigati, jew ordnati, jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

125    Kif jirriżulta mill-punti 106 sa 113 iktar ’il fuq, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu rabtu direttament is-sistema ta’ taxxi tal-esportazzjoni mal-prezzijiet internazzjonali taċ-CPO. Minn dan isegwi li l-fatt li t-taxxa tal-esportazzjoni kienet ta’ ammont null matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien dovut, kif tenfasizza l-premessa 113 tar-Regolament ikkontestat, għaċ-ċirkustanzi partikolari tas-suq. Fil-fatt, il-livell baxx tal-prezzijiet internazzjonali kien suffiċjenti fih innifsu sabiex jinkoraġġixxi lill-produtturi taċ-CPO jissodisfaw l-ewwel id-domanda domestika. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, kieku l-intenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienet li ma jiġbrux iktar din it-taxxa, huma kienu jneħħuha.

126    Fir-rigward tad-dazju fuq l-esportazzjoni, huwa stabbilit li dan kien miġbur matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u li kien iffissat għal USD 50 għal kull tunnellata għaċ-CPO u għal USD 20 għal kull tunnellata għall-bijodiżil. Il-fatt li dan id-dazju kien sospiż, kif jallegaw ir-rikorrenti, wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri f’Diċembru 2018, ma għandux effett fuq il-validità tal-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni għal dan il-perijodu fir-Regolament ikkontestat.

127    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet kisret ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku billi imponiet miżuri kumpensatorji minkejja l-fatt li t-taxxa tal-esportazzjoni u d-dazju fuq l-esportazzjoni kienu “tneħħew” jew ma kinux għadhom jagħtu benefiċċju lill-esportaturi kkonċernati fis-sens ta’ dan l-artikolu fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri antisussidji.

128    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku jipprevedi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu li ebda miżura kumpensatorja ma hija imposta jekk jintwera li s-sussidji tneħħew jew li dawn ma għadhomx jagħtu benefiċċju lill-esportaturi kkonċernati.

129    Mill-qari tal-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jidher li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tiegħu. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li t-taxxa u d-dazju fuq l-esportazzjoni kienu “tneħħew” kif jallegaw ir-rikorrenti, dan ma jkun ifisser xejn ħlief l-eliminazzjoni ta’ wieħed mill-istrumenti li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani sabiex jipprovdu ċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata, flimkien mal-iffissar tal-prezzijiet ta’ PTPN u l-għoti ta’ sussidji lill-produtturi taċ-CPO. Għalhekk, din l-eliminazzjoni ma tfissirx it-tneħħija tas-sussidju li, minbarra l-provvista taċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata (premessi 102 sa 187 tar-Regolament ikkontestat), kienet tieħu l-forma ta’ trasferiment dirett ta’ fondi bl-intervent tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (premessi 28 sa 101 tar-Regolament ikkontestat) kif ukoll ta’ eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni fuq il-makkinarju fiż-żoni tal-merkanzija marbuta (premessi 188 sa 193 tar-Regolament ikkontestat). Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li dawn is-sussidji ma kinux jagħtu benefiċċju lill-esportaturi kkonċernati, għaliex dan il-benefiċċju ma jiddependix mill-kobor tad-dazji tal-esportazzjoni, iżda mill-effett tagħhom ta’ disważjoni u mill-fatt li l-produtturi taċ-CPO kienu, permezz ta’ sett ta’ miżuri, fosthom ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni, “inkarigati” milli jipprovdu ċ-CPO għal prezz inqas minn adegwat jew kienu ordnati jagħmlu dan.

130    Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ilkontroll talprezzijiet minn PTPN

131    Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu, permezz ta’ “ffissar tal-prezzijiet” trasparenti minn PTPN, eżerċitaw azzjoni li “tinkariga” jew “tordna” fil-konfront tal-fornituri taċ-CPO.

132    Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-premessi 91 sa 99 u 126 tar-Regolament provviżorju u mill-premessi 120 u 123 tar-Regolament ikkontestat, li, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-fornituri taċ-CPO u ta’ PTPN, il-Kummissjoni applikat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku u bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq id-data disponibbli.

133    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku jawtorizza lill-istituzzjonijiet jużaw id-data disponibbli, sabiex ma tiġix kompromessa l-effettività ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni, kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu affaċċjati b’rifjut jew b’nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries, C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62, punt 67), mingħajr madankollu ma jġegħelhom jużaw l-aħjar data disponibbli (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 94). Minn dan jirriżulta li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, tapplika wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

134    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li PTPN iffissat il-prezzijiet taċ-CPO tagħha f’livell artifiċjalment baxx. Huma jsostnu li PTPN ma ffissatx il-prezzijiet tagħha, peress li, l-ewwel, dawn il-prezzijiet kienu ddeterminati permezz ta’ rkanti ta’ kuljum u, it-tieni, is-suq domestiku kien ikkaratterizzat minn qawwa ta’ xiri sinjifikattiva tax-xerrejja taċ-CPO.

135    F’dan ir-rigward, mill-premessi 128 sa 131 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li PTPN hija grupp ta’ kumpanniji kompletament pubbliċi, imqiegħed taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, li jipproduċi komoditajiet differenti, fosthom iċ-CPO.

136    Fil-premessi 132 u 133 tar-Regolament provviżorju, huwa spjegat, u dwar dan hemm qbil bejn il-partijiet, li PTPN kienet torganizza rkanti ta’ kuljum sabiex tbigħ iċ-CPO tagħha. Qabel ma tniedi l-proċess tal-offerti ta’ kuljum, PTPN kienet tidentifika “idea tal-prezz” għall-jum, iżda ma kinitx obbligata tirrifjuta offerti inqas minn din l-“idea tal-prezz”.

137    Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi ta’ data disponibbli sabiex tikkonkludi li PTPN iffissat il-prezzijiet taċ-CPO tagħha f’livell artifiċjalment baxx. L-ewwel, mill-premessa 151 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani influwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ PTPN dwar il-politika tariffarja tagħha. Fil-fatt, meta l-prezz offrut għax-xiri taċ-CPO kien inqas mill-“idea tal-prezz” stabbilita għal dak il-jum speċifiku, il-Bord tad-Diretturi ta’ PTPN, fejn kienu rrappreżentati biss l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, seta’ jiddeċiedi li jaċċetta l-offerta, kif kien jiġri regolarment. It-tieni, mill-premessa 125 tar-Regolament ikkontestat u mill-premessa 135 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-informazzjoni disponibbli kienet uriet li, billi ssegwi d-direttivi tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, PTPN kienet qiegħda tagħmel telf matul dawn l-aħħar snin. It-tielet, kif jirriżulta mill-premessi 122 sa 124 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma setgħet tikseb ebda prova li l-“idea tal-prezz” kienet tirrifletti kwalunkwe prezz tas-suq li jirriżulta minn proċess ta’ offerti kompetittivi. Għall-kuntrarju, il-prezz domestiku taċ-CPO kien inqas mill-kriterji kollha ta’ referenza internazzjonali.

138    Abbażi ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, abbażi tad-data disponibbli, li PTPN ma kinitx aġixxiet bħala operatur razzjonali fis-suq u li kienet iffissat il-prezz taċ-CPO f’livell inqas mill-kriterji ta’ referenza.

139    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-iżbilanċ tas-suq, għandu jitfakkar li huwa minnu li s-suq huwa kkaratterizzat minn tali żbilanċ li jiffavorixxi x-xerrejja taċ-CPO, li huma impriżi kbar li għandhom “qawwa kumpensatorja tal-bejjiegħ”. Il-Kummissjoni ammettiet dan fil-premessa 146 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li, bl-intervent ta’ PTPN, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani setgħu jimplimentaw mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-istess premessa mingħajr ma kienet kontradetta, karatteristika oħra tas-suq taċ-CPO, din id-darba min-naħa tal-provvista, kienet il-frammentazzjoni tiegħu bejn numru kbir ta’ impriżi żgħar, b’mod partikolari, bdiewa individwali. F’tali kuntest, ladarba PTPN kienet tiffissa prezz għall-jum, kien diffiċli ħafna għall-fornituri taċ-CPO li kull wieħed kellu parti żgħira mis-suq li jiffissaw prezzijiet tal-bejgħ ogħla peress li x-xerrejja kellhom qawwa ta’ xiri sinjifikattiva. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-konfigurazzjoni tas-suq kienet tipprekludi li PTPN tiffissa l-prezzijiet. Għall-kuntrarju, jidher li din l-istruttura tas-suq kienet fattur li kien jippermetti lil PTPN tiffissa l-prezzijiet taċ-CPO.

140    Barra minn hekk, għandha tiġi eskluża l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

141    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tikkostitwixxi motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, distint, bħala tali, mill-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni, li l-istħarriġ tiegħu jaqa’ taħt l-eżami tal-mertu ta’ dik id-deċiżjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punt 175, u tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 110). Il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 88, u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 129 (mhux ippubblikata)).

142    Madankollu, f’dan il-każ, il-premessi tar-Regolament ikkontestat u tar-Regolament provviżorju analizzati fil-punti 135 sa 139 iktar ’il fuq jesponu biċ-ċar il-motivi li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li PTPN ma aġixxietx bħala operatur razzjonali fis-suq u iffissat il-prezz taċ-CPO f’livell inqas għall-kriterji ta’ referenza. Dawn l-ispjegazzjonijiet ippermettew lir-rikorrenti jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha, kif jirriżulta mill-punti 134 et seq. iktar ’il fuq.

143    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li, billi kkomunikaw bi trasparenza sħiħa l-prezzijiet ta’ kuljum taċ-CPO ta’ PTPN, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu “inkarigaw” lill-fornituri l-oħra taċ-CPO, jew “ordnawlhom”, jipprovdu l-prodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Il-prezzijiet tal-fornituri indipendenti taċ-CPO kienu ffissati miċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ, mill-istruttura tas-suq u kienu jirriżultaw mil-libertà ta’ deċiżjoni tal-atturi tas-suq. L-aġir tal-fornituri taċ-CPO kien “sempliċi konsegwenza mhux mistennija” tat-trasparenza min-naħa ta’ PTPN.

144    Mill-premessa 160 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-azzjoni li “tinkariga” jew “tordna” tikkonsisti, f’dan il-każ, fil-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, bl-intervent ta’ PTPN, kienu jaġixxu bħala stipulanti tal-prezz fis-suq domestiku Indoneżjan u li l-fornituri indipendenti taċ-CPO kollha kienu jsegwu dawn l-indikazzjonijiet tal-prezz. Fil-fatt, qabelxejn, il-Kummissjoni stabbilixxiet, u r-rikorrenti ma jikkontestawx b’mod validu dawn il-konstatazzjonijiet, kif jirriżulta mill-punti 135 sa 137 iktar ’il fuq, li PTPN iffissat il-prezzijiet tagħha taċ-CPO f’livell artifiċjalment baxx. Imbagħad, il-Kummissjoni nnotat, fil-premessi 140 sa 141 tar-Regolament provviżorju, li PTPN kienet dejjem tippubblika r-riżultati tal-offerti ta’ kuljum fil-pjattaforma online fit-15.30 tal-istess jum tal-offerta, fejn tindika l-prezz unitarju eżatt ta’ aġġudikazzjoni għaċ-CPO, u li n-negozjati ta’ kuljum, bejn il-fornituri taċ-CPO minbarra PTPN u x-xerrejja taċ-CPO, li fihom il-prezz tal-bidu kien jikkorrispondi għall-prezz ta’ kuljum iffissat minn PTPN, kienu ġeneralment iseħħu wara li jsiru magħrufa r-riżultati tal-offerti ta’ PTPN. Il-prezz ta’ kuljum taċ-CPO fis-suq domestiku kien jirrifletti strettament il-prezz ta’ aġġudikazzjoni tal-irkanti ta’ kuljum organizzati minn PTPN u, barra minn hekk, il-prezz unitarju mħallas mill-produtturi‑esportaturi lill-produtturi taċ-CPO li ma humiex tal-Istat, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien dejjem l-istess jew inqas mill-prezz ta’ PTPN għal dik il-ġurnata. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 138 tar-Regolament ikkontestat, dawn il-fatti seħħew f’kuntest fejn l-awtoritajiet pubbliċi kienu adottaw miżuri li jillimitaw il-possibbiltajiet tal-fornituri li jesportaw iċ-CPO tagħhom.

145    F’tali kuntest, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu eżerċitaw azzjoni li tinkariga jew tordna fil-konfront tal-fornituri taċ-CPO permezz ta’ “ffissar tal-prezzijiet” trasparenti minn PTPN, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 101 sa 103 iktar ’il fuq.

146    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu u, konsegwentement, l-ewwel parti kollha tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(b) talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lawtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu appoġġjaw iddħul jew ilprezzijiet

147    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda, għaliex fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jirreferu għall-appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet mogħti lill-“fornituri taċ-CPO” filwaqt li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jirrigwardaw appoġġ mogħti lill-produtturi tal-bijodiżil. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-preċiżazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, magħmula fl-istadju tar-replika, huma inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jidentifika s-suġġett tat-tilwima u jipprovdi espożizzjoni sommarja tal-motivi, l-indikazzjonijiet għandhom ikunu ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara l-argument tiegħu u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Sigma Orionis vs Il‑Kummissjoni, T‑48/16, EU:T:2018:245, punt 54). Fid-dawl tal-argument imressaq minnha fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tifhem, manifestament, il-kriterji fformulati mir-rikorrenti fir-rigward tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata din il-parti joħorġu b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors innifsu, minkejja l-indikazzjoni fit-titolu ta’ din il-parti li l-appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet jingħata lill-“fornituri taċ-CPO” u minkejja riferiment żbaljat fil-premessa 172 tar-Regolament provviżorju li fir-realtà jirrigwarda l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja skont il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2018, Transtec vs Il‑Kummissjoni, T‑616/15, EU:T:2018:399, punt 46). Għalhekk, ir-rikors jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

149    Barra minn hekk, l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li huwa pprojbit li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża, sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Skont il-ġurisprudenza, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Soluzzjoni simili tapplika fir-rigward ta’ lment invokat insostenn ta’ motiv (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, In ’t Veld vs Il‑Kummissjoni, T‑301/10, EU:T:2013:135, punt 97).

150    Issa, it-tieni parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet, diġà kienet invokata fir-rikors promotur. Il-preċiżazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fir-replika, bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tar-risposta, jikkostitwixxu sempliċi amplifikazzjoni tal-imsemmija parti, li għalhekk għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli.

151    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni adottat interpretazzjoni wisq wiesgħa tal-kunċett ta’ “appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet” fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, u marret kontra l-ġurisprudenza tal-WTO. Dan il-kunċett jinkludi biss l-intervent dirett tal-awtoritajiet pubbliċi fis-suq bil-għan li jiffissaw il-prezz ta’ prodott f’livell partikolari. Azzjonijiet li għandhom biss effett indirett fis-suq, bħar-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni u l-komunikazzjoni tal-prezzijiet minn PTPN f’dan il-każ, ma jaqgħux taħtu. Il-miżuri l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni lanqas ma kienu jwasslu għal appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet.

152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-eżistenza ta’ sett ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani esposti mill-Kummissjoni fil-premessi 188 sa 190 tar-Regolament provviżorju, li l-konklużjonijiet tagħhom kienu kkonfermati mill-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat, iżda l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet”, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

153    Peress li din l-espressjoni ma hijiex iddefinita fir-Regolament bażiku, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, hija għandha tiġi interpretata skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih hija użata u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti.

154    L-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sussidju” li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju. B’mod iktar preċiż, il-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-punt (a), li huwa meqjus li jeżisti sussidju meta jkun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja”, “jew”, fil-punt (b), jekk jeżisti “xi tip ta’ appoġġ fir-rigward ta’ dħul jew prezzijiet fis-sens tal-Artikolu XVI tal-GATT 1994”. Minn dan jirriżulta li l-għan tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jipprevedi forma alternattiva ta’ sussidju għal dik prevista fil-punt (a), kif jindika b’mod ċar l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni li timmarka l-alternattiva “jew” sabiex jitwessa’ l-perimetru ta’ din id-dispożizzjoni.

155    Din id-dispożizzjoni hija użata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ sussidju u tirreferi espressament għall-Artikolu XVI tal-GATT għall-interpretazzjoni tagħha, minn fejn tirriżulta r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita huwa stess il-marġni diskrezzjonali tiegħu fl-applikazzjoni tar-regoli tal-GATT u tal-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 40 u 41 u l -ġurisprudenza ċċitata). Dan l-artikolu jirreferi għal “kwalunkwe sussidju inkluża kwalunkwe forma ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet, li jopera direttament jew indirettament sabiex iżid l-esportazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott mit-territorju tiegħu, jew biex inaqqas l-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott fit-territorju tiegħu”. Minn dan jirriżulta li, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-“appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet” huwa forma ta’ sussidju u li din id-dispożizzjoni tiffoka fuq l-effetti ta’ dan is-sussidju fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet.

156    Skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, il-kelma “appoġġ” tfisser l-“għajnuna”, is-“sostenn”, il-“protezzjoni”, l-“eżenzjoni” jew is-“sapport” u l-azzjoni ta’ “appoġġjar” tfisser “li jżomm, li jġorr, li jsostni” jew “jgħin, isostni, jinkoraġġixxi, jappoġġja”. Mill-formulazzjoni tal-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-Artikolu XVI tal-GATT, jirriżulta li din l-azzjoni tista’ tieħu “xi forma” jew “kwalunkwe forma”, formulazzjoni li tħalli miftuħa l-“apparenza”, l-“aspett”, il-“konfigurazzjoni” jew il-“mod jew il-manjiera ta’ kif wieħed jaġixxi jew jipproċedi”. Għalhekk, l-espressjoni “appoġġ għad-dħul u għall-prezzijiet” għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li twassal, direttament jew indirettament, sabiex iżżomm l-istabbiltà tad-dħul jew tal-prezzijiet jew sabiex tipprovoka ż-żieda tagħhom. Ir-riferiment mill-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku għall-Artikolu XVI tal-GATT jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti ta’ din l-azzjoni fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet.

157    F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet fir-Regolament provviżorju, li l-konklużjonijiet tiegħu huma kkonfermati mill-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni sostniet li permezz ta’ sett ta’ miżuri, jiġifieri sistema ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni taċ-CPO, l-iffissar de facto tal-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku f’livell artifiċjalment baxx u sussidji diretti lill-produtturi taċ-CPO sabiex jinkoraġġuhom jikkonformaw ruħhom mal-għanijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, ikkunsidrati fil-kuntest iktar wiesa’ tal-promozzjoni tal-iżvilupp tal-industrija tal-bijodiżil, b’mod partikolari bil-preskrizzjonijiet ta’ taħlit obbligatorju kif ukoll bl-istabbiliment tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt għall-benefiċċju tal-produtturi tal-bijodiżil, l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kellhom l-intenzjoni li jintervjenu fis-suq sabiex jiżguraw riżultat partikolari, jiġifieri li l-produtturi tal-bijodiżil jibbenefikaw minn prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-provvista tagħhom taċ-CPO, materja prima li tirrappreżenta madwar 90 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom.

158    Fil-premessa 191 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu kkontribwixxew għad-dħul magħmul mill-produtturi tal-bijodiżil billi ppermettew li jkollhom aċċess għall-materja prima u għall-element ta’ spiża prinċipali tagħhom bi prezz inqas minn dak tas-suq dinji, li mbagħad kien tradott fi profitti artifiċjalment ogħla li jirriżultaw prinċipalment mill-esportazzjonijiet lil swieq terzi. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll żieda qawwija tal-esportazzjonijiet tal-bijodiżil fl‑2018, kif jirriżulta mit-Tabella 2 riprodotta fil-premessa 192 tar-Regolament provviżorju. Din l-analiżi kienet ikkonfermata kollha mir-Regolament ikkontestat (ara l-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat).

159    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta, fid-dawl tal-argumenti tal-punti 154 u 156 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kisritx il-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-miżuri implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani setgħu jiġu kklassifikati bħala appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet għall-benefiċċju tal-produtturi tal-bijodiżil.

160    Bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport tal-Bord tal-WTO intitolat “Iċ-Ċina – Dazji Kumpensatorji u Dazji Antidumping fuq l-Azzar Elettriku Rromblat Ċatt Orjentat fuq Fili li Joriġina mill-Istati Uniti”, adottat fil‑15 ta’ Ġunju 2012 (WT/DS 414/R), invokati mir-rikorrenti. F’din il-kawża, il-Bord ikkunsidra li l-frażi “kwalunkwe forma ta’ […] appoġġ […] għall-prezzijiet” li tinsab fl-Artikolu 1(1.1)(a)(2) tal-Ftehim SMK ma kellhiex portata daqstant wiesgħa li tinkludi ftehimiet ta’ awtolimitazzjoni li jirrestrinġu l-importazzjonijiet tal-azzar fl-Istati Uniti, li seta’ jkollhom effett sekondarju aċċessorju, ta’ importanza każwali, fuq il-prezzijiet. Għaldaqstant, dik it-tilwima ma kinitx tirrigwarda sett ta’ miżuri li kellhom l-istess għan u l-istess natura bħal dawk eżaminati mir-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari, ta’ restrizzjonijiet tal-esportazzjoni speċifiċi u ffissar de facto tal-prezzijiet permezz ta’ impriża li tappartjeni kompletament lill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani.

161    Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittielet parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 talArtikolu 3 u talArtikolu 6(d) tarRegolament bażiku, u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li kien ingħata benefiċċju lillprodutturi Indoneżjani

162    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ benefiċċju u billi użat prezzijiet ta’ referenza żbaljati għall-kalkolu tal-imsemmi benefiċċju, il-Kummissjoni kisret il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li huwa meqjus li jeżisti sussidju fejn ikun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” jew “appoġġ fir-rigward ta’ dħul jew prezzijiet” tal-awtoritajiet pubbliċi u jekk b’hekk jingħatax “benefiċċju”. L-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“benefiċċju” mogħti. Fir-rigward ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ appoġġ għad-dħul jew għall-prezzijiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ oġġetti mill-awtoritajiet pubbliċi, l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku jipprevedi, essenzjalment, li din il-provvista tagħti benefiċċju jekk issir għal remunerazzjoni inqas minn adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 195 u 196).

164    L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi regoli sabiex jiġi ddeterminat, skont it-tip ta’ miżura kkonċernata, jekk din tistax titqies bħala “benefiċċju lir-reċipjent”. Skont dawn ir-regoli, jeżisti benefiċċju jekk, b’mod konkret, il-benefiċjarju rċieva kontribuzzjoni finanzjarja li tippermettilu jikseb kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li għalihom kellu aċċess fis-suq. B’mod partikolari, fir-rigward tal-provvista ta’ oġġetti, l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku jipprevedi li jeżisti benefiċċju biss jekk “l-għoti jsir għal remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata”, “[l]-adegwatezza ta’ remunerazzjoni [hija] determinata b’referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għoti jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kondizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ”. Minn dawn it-termini jirriżulta li d-determinazzjoni tal-“benefiċċju” tinvolvi paragun u li dan, peress li jfittex li jevalwa l-adegwatezza tal-prezz imħallas fil-konfront tal-kundizzjonijiet normali tas-suq, bħala prinċipju fil-pajjiż tal-provvista, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-ispiża li tinvolvi, għall-benefiċjarju, ir-riċezzjoni tal-oġġett ipprovdut mill-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sa fejn huwa possibbli, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-benefiċċju għandu jippermetti li jirrifletti l-benefiċċju effettivament mogħti lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 208 sa 210).

165    F’dan il-każ, mill-premessi 170 u 171 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-eżistenza ta’ benefiċċju billi użat bħala prezz ta’ referenza għall-finijiet tal-paragun il-prezzijiet franki abbord (FAB) taċ-CPO esportat mill-Indoneżja lejn il-bqija tad-dinja, kif jinsabu fl-istatistiċi Indoneżjani dwar l-esportazzjonijiet, u li hija kkalkolat il-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju bħala l-addizzjoni tad-differenzi bejn dawn il-prezzijiet ta’ referenza taċ-CPO kkalkolati kull xahar, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u l-prezzijiet imħallsa għaċ-CPO mixtri fis-suq domestiku. B’mod iktar preċiż, skont il-premessi 199 sa 201 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkalkolat il-mejda għal kull xahar, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, tal-prezzijiet FAB dinjija tal-esportazzjoni mill-Indoneżja u mbagħad qabblet, ma’ dan il-prezz, il-prezzijiet domestiċi taċ-CPO mħallsa mill-produtturi Indoneżjani tal-bijodiżil. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont totali tad-differenza kien jirrappreżenta l-“iffrankar” miksub mill-produtturi tal-bijodiżil Indoneżjani li xtraw iċ-CPO fis-suq domestiku Indoneżjan meta mqabbel mal-prezz li kienu jħallsu fin-nuqqas tad-distorsjonijiet fis-suq Indoneżjan u li dan l-ammont kien jikkorrispondi għall-benefiċċju li ngħata lil dawn il-produtturi mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

166    Minn dawn il-motivi jirriżulta, l-ewwel, li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni użat b’mod żbaljat il-prezzijiet internazzjonali bħala prezz ta’ referenza huwa bbażat fuq qari żbaljat tar-Regolament provviżorju u tar-Regolament ikkontestat u għandu jiġi eskluż. Fil-fatt, mill-premessa 198 tar-Regolament provviżorju u mill-premessa 182 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma użatx il-prezzijiet internazzjonali bħala prezz ta’ referenza, iżda il-prezzijiet FAB tal-esportazzjoni mill-Indoneżja lejn il-bqija tad-dinja.

167    It-tieni, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jinvalidaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet taċ-CPO fis-suq Indoneżjan kienu distorti mill-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani diġà ġew esklużi fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv. Għalhekk, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li, għall-kalkolu tal-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju permezz ta’ provvista ta’ oġġetti għal remunerazzjoni inqas minn adegwata, hija kellha tiddetermina prezz ta’ referenza xieraq.

168    It-tielet, mill-premessa 198 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezzijiet FAB taċ-CPO esportat mill-Indoneżja lejn il-bqija tad-dinja kienu jikkostitwixxu referenza xierqa għaliex kienu ffissati skont il-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera, kienu jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq fl-Indoneżja, ma kinux distorti bl-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi u, għalhekk, kienu l-aħjar indikatur ta’ dak li kien ikun il-prezz domestiku Indoneżjan fl-assenza tad-distorsjoni dovuta għall-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani. Għall-kuntrarju ta’ din l-analiżi, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jiġi preżunt li l-prezzijiet taċ-CPO fis-suq domestiku Indoneżjan kienu distorti, il-prezz FAB tal-esportazzjoni ma huwiex prezz ta’ referenza validu, għaliex huwa stess huwa distort mir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni. Ir-rikorrenti sostnew dan l-argument waqt is-seduta, billi enfasizzaw li prezz li jinkludi d-dazju fuq l-esportazzjoni, b’limitu ta’ USD 50 għal kull tunnellata, li skont id-definizzjoni tiegħu, jitħallas biss għall-prodott esportat, ma jistax jintuża bħala prezz ta’ referenza għal dak li kien prezz mhux distort fis-suq domestiku. Il-Kummissjoni stess kienet ammettiet, fir-risposta, li d-differenza bejn il-prezzijiet domestiċi taċ-CPO u l-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-CPO kienet tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-ammont tad-dazju fuq l-esportazzjoni.

169    Dan l-argument għandu jiġi eskluż. Qabelxejn, il-fatt li l-prezz FAB taċ-CPO esportat mill-Indoneżja jinkludi l-effetti tad-dazju fuq l-esportazzjoni, kif tippreċiża l-Kummissjoni fil-premessi 173 u 181 tar-Regolament ikkontestat, ma jimplikax neċessarjament li dan il-prezz huwa distort. Għall-kuntrarju, peress li l-prezz taċ-CPO fis-suq domestiku kien inqas minn adegwat, minħabba sett ta’ miżuri fosthom it-taxxa u d-dazju fuq l-esportazzjoni u l-iffissar tal-prezzijiet minn PTPN, il-prezz taċ-CPO esportat, ladarba jitħallas id-dazju fuq l-esportazzjoni, kien jikkorrispondi, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, għall-prezz li l-bejjiegħa kienu joffru għall-esportazzjoni u li x-xerrejja kienu lesti li jħallsu fis-suq internazzjonali.

170    Imbagħad, fil-premessa 173 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni spjegat li l-punt ta’ tluq tal-argumenti tar-rikorrenti kien il-premessa li l-prezzijiet domestiċi taċ-CPO ma kinux artifiċjalment baxxi, iżda li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu għoljin wisq minħabba d-dazju fuq l-esportazzjoni. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq paragun bejn il-prezz tas-suq domestiku u l-prezz FAB tal-esportazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni wriet, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ċ-CPO kien mibjugħ lill-produttur tal-bijodiżil għal prezz artifiċjalment baxx bħala riżultat ta’ sett ta’ miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li d-dazju fuq l-esportazzjoni kien biss komponent tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

171    Fl-aħħar nett, minkejja li d-dazju fuq l-esportazzjoni huwa wieħed mill-miżuri li bħala riżultat jinkoraġġixxu lill-fornituri taċ-CPO jbigħu fis-suq domestiku bi prezzijiet inqas minn adegwati, għal din ir-raġuni huwa ma jirrendix il-prezz FAB Indoneżjan tal-esportazzjoni inadegwat bħala prezz ta’ referenza għall-kalkolu tal-benefiċċju.

172    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li dan il-prezz kien jippermetti, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 164 iktar ’il fuq, li jirrifletti, sa fejn huwa possibbli, il-benefiċċju effettivament mogħti lill-benefiċjarju.

173    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda, u konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilfatt li, billi kkonkludiet leżistenza ta’ sussidju filforma ta’ trasferiment dirett ta’ fondi, ilKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret ilpunt 1(a)(i) talArtikolu 3 u lpunt 2 talArtikolu 3 tarRegolament bażiku

174    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żewġ partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBB.

 Fuq lewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(i) talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kklassifikat bħala sussidji lħlasijiet magħmula millFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt

175    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma jikkostitwixxux trasferiment dirett ta’ fondi taħt il-forma ta’ sussidji, iżda ħlas għax-xiri tal-bijodiżil.

176    Għandu jitfakkar li l-punt 1(a)(i) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li teżisti “kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern fil-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni” fil-każ fejn “prattika tal-gvern li tinvolvi trasferiment dirett ta’ fondi (per eżempju, għoti, self, equity infusion)”.

177    L-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi, minn naħa, il-kunċett ta’ “sussidju” li kien jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” b’mod li jiġu esklużi l-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux f’waħda mill-kategoriji elenkati f’din id-dispożizzjoni (ara l-punti 99 u 100 iktar ’il fuq).

178    Mill-qari tal-punt 1(a)(i) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-formulazzjoni “prattika tal-gvern”, jidher li t-trasferiment dirett ta’ fondi għandu jkun jista’ jiġi attribwit lill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi ttrasferiti. Għalhekk, fil-punt 1(a)(i) tiegħu, dan l-artikolu jinkludi fil-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja”, “prattika tal-gvern” li tinvolvi trasferiment dirett ta’ fondi, mingħajr ma jżid rekwiżiti dwar l-oriġini ta’ dawn il-fondi. Il-fatt li l-oriġini tal-fondi ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ prattika tal-awtoritajiet pubbliċi bħala “kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi” jidher ċar fil-każ previst fit-tieni inċiż tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3, fejn l-awtoritajiet pubbliċi jinkarigaw organu privat iwettaq ċerti funzjonijiet bħat-trasferiment dirett ta’ fondi, jew jordnawlu jagħmel dan, mingħajr ma jippreċiża minn fejn għandhom joriġinaw il-fondi użati. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi” jinkludi l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk trasferiment dirett tal-fondi jistax jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ korrispettiv, jew ta’ korrispettiv ekwivalenti, min-naħa tal-impriża li tirċievi dan it-trasferiment.

179    F’dan il-każ, mill-premessi 30 sa 33 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt huwa organu pubbliku. Dan l-organu huwa użat sabiex jappoġġja x-xiri ta’ bijodiżil mill-entitajiet indikati mill-organi tal-Istat u inkariga aġenzija, l-Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Fond (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija ta’ Ġestjoni”), li tiġbor id-dazji fuq l-esportazzjoni fuq il-prodotti taż-żejt tal-palm li jikkostitwixxi l-finanzjament tiegħu (premessi 41 sa 43 tar-Regolament provviżorju).

180    Skont il-premessi 45 sa 50 tar-Regolament provviżorju (u anki l-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat), il-proċedura li kienet ikklassifikata mill-Kummissjoni bħala “trasferiment dirett ta’ fondi” kienet is-segwenti:

“(45) B’mod aktar preċiż, ir-Regolament Presidenzjali 26/2016 jistipula fl-Artikolu 9(1) tiegħu li ‘id-Direttur Ġenerali ta[d-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija] għandu jaħtar l-Entità tal-Petrofjuwil li għandha twettaq l-akkwist tal-bijodiżil kif mifhum fl-Artikolu 4 fil-qafas ta’ finanzjament mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni […] billi tosserva l-politika tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Aġenzija ta’ Ġestjoni […]’ u fl-artikolu 9(8) ta’ wara li ‘[f]uq il-bażi tal-approvazzjoni mill-Ministru kif mifhuma fil-paragrafu (7), id-Direttur Ġenerali ta[d-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija] f’isem il-Ministru għandu jaħtar: a. il-produtturi tal-bijodiżil li se jipparteċipaw fl-akkwist tal-bijodiżil; u b. l-allokazzjoni tal-volum ta’ bijodiżil għal kull produttur tal-bijodiżil’. […]

(46) Il-produtturi tal-bijodiżil li għażlu li jipparteċipaw u li ġew allokati kwota skont dak ir-regolament huma obbligati li jbigħu l-ammont mensili ta’ bijodiżil lill-hekk imsejħa Entità tal-Petrofjuwil. Sa issa, il-GTI ħatar lil dawn li ġejjin bħala Entità tal-Petrofjuwil:

a) P.T. Pertamina (‘Pertamina’), kumpanija taż-żejt u tal-gass li tappartjeni lill-Istat, u

b) PT AKR Corporindo Tbk (‘AKR’), kumpanija taż-żejt u tal-gass privata.

(47) [Il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt] jipprevedi mekkaniżmu ta’ pagament speċifiku, li bih Pertamina (u għal xi volumi żgħar, AKR) tħallas lill-produtturi tal-bijodiżil il-prezz ta’ referenza tad-diżil (b’kuntrast mal-prezz attwali tal-bijodiżil li matul il-PI kien ikun ogħla), filwaqt li d-differenza bejn dak il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil tħallasha l-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil mill-[Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt].

(48) Il-prezz ta’ referenza għad-diżil u għall-bijodiżil jiġi determinat mill-Ministru tal-Enerġija u r-Riżorsi Minerali […] kif ġej:

a) Il-prezz ta’ referenza tad-diżil huwa bbażat fuq il-prezzijiet irrappurtati minn Platts Singapore għaż-żejt […] u l-kost tal-produzzjoni tad-diżil fl-Indoneżja.

b) […] il-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil huwa bbażat fuq il-prezz domestiku tas-CPO, li miegħu jiżdiedu l-kostijiet tat-trasformazzjoni […]

(49) B’mod aktar preċiż, kull produttur tal-bijodiżil – inklużi l-produtturi esportaturi kollha – joħroġ fattura lil Pertamina (jew lil AKR, skont il-każ) għall-volum ta’ bijodiżil li x-xerrej huwa obbligat juża skont l-obbligu ta’ taħlit [li jipprovdi li, għal ċertu numru ta’ applikazzjonijiet bħal, pereżempju, it-trasport pubbliku, l-operaturi għandhom l-obbligu li jużaw bħala karburant taħlita ta’ diżil minerali u ta’ bijodiżil li tinkludi tal-inqas 20 % bijodiżil], u Pertamina (jew AKR) tħallas lill-produttur il-prezz ta’ referenza għal dak il-perjodu. […]

(50) Sabiex jikseb ir-rimborż tad-differenza fil-prezz bejn il-prezz imħallas minn Pertamina u AKR (abbażi tal-prezz ta’ referenza għad-diżil) u l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil, il-produttur tal-bijodiżil imbagħad għandu jibgħat fattura addizzjonali għall-istess volum lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, u jehmeż lista tad-dokumenti. Ladarba l-Aġenzija ta’ Ġestjoni tkun irċeviet il-fattura, u wara verifika tal-elementi inklużi fiha, l-Aġenzija ta’ Ġestjoni għandha tħallas lill-produttur tal-bijodiżil rilevanti d-differenza bejn il-prezz ta’ referenza għad-diżil (imħallas minn Pertamina jew AKR, skont il-każ) u l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil stabbilit għal dak il-perjodu”.

181    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kklassifikat, b’mod żbaljat, il-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt bħala trasferiment dirett ta’ fondi taħt il-forma ta’ sussidji u mhux bħala ħlasijiet magħmula b’korrispettiv għall-bejgħ ta’ bijodiżil lil PT Pertamina (iktar ’il quddiem “Pertamina”), peress li Pertamina, li kienet ukoll organu pubbliku, kienet tagħmel parti mill-Istat Indoneżjan u, fi kwalunkwe każ, hija kienet tagħmel parti, mal-Aġenzija ta’ Ġestjoni, minn entità ekonomika unika.

182    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi osservat li mill-premessa 46 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li Pertamina tappartjeni lill-Istat Indoneżjan. Madankollu, minkejja l-fatt li Pertamina u l-Aġenzija ta’ Ġestjoni jappartjenu lill-Istat Indoneżjan, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li, skont il-ġurisprudenza li huma jinvokaw (is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 52 sa 55), dawn l-entitajiet jaġixxu fi grupp ifformat minn kumpanniji legalment distinti li jorganizzaw b’dan il-mod numru ta’ attivitajiet eżerċitati, f’każijiet oħra, minn entità li hija unika wkoll mill-perspettiva legali. Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li impriża privata mingħajr affiljazzjoni mal-Istat, PT AKR Corporindo Tbk (iktar ’il quddiem “AKR”), teżerċita l-istess funzjonijiet ta’ Pertamina.

183    It-tieni, anki jekk jiġi preżunt, għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 48 u 49 tar-Regolament ikkontestat, li Pertamina hija organu pubbliku, din hija entità separata mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni u xejn ma jindika li Pertamina kienet taġixxi bħala xerrej wieħed u uniku tal-bijodiżil flimkien mal-Aġenzija ta’ Ġestjoni u l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani permezz ta’ “azzjonijiet magħquda” ta’ diversi organi pubbliċi, kif isostnu r-rikorrenti. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, Pertamina ma kinitx aġenzija inkarigata mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex twettaq biss ċerti funzjonijiet, iżda kumpannija taż-żejt u tal-gass li kienet teżerċita l-istess funzjonijiet bħal AKR, kumpannija taż-żejt u tal-gass privata, kif jirriżulta mill-premessa 46 tar-Regolament provviżorju u mill-premessa 55 tar-Regolament ikkontestat, li ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti. L-argument tar-rikorrenti mressaq waqt is-seduta, li mill-elementi tal-fajl sottomess lill-Kummissjoni kien jirriżulta li Pertamina u AKR kienu nħatru mill-Gvern Indoneżjan sabiex jipprovdu l-bijodiżil, ma jistax ibiddel din il-konklużjoni.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li, anki kieku l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li Pertamina kienet organu pubbliku kienu korretti, żball dwar dan il-punt min-naħa tal-Kummissjoni kien jiġġustifika l-annullament tar-Regolament ikkontestat biss jekk seta’ jikkontesta l‑legalità tiegħu, billi jinvalida l‑analiżi kollha tagħha fir‑rigward tal-eżistenza ta’ sussidju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 119), li ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni.

185    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jippreżentaw sett ta’ argumenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li Pertamina hija organu pubbliku u li ma tifformax entità ekonomika unika mal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, ikollu jiġi kkunsidrat li hija kienet “inkarigata” jew li ġiet “ordnata” mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani li tixtri l-bijodiżil fis-sens tal-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

186    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex il-ħlas tal-prezz ta’ referenza tad-diżil minn Pertamina bħala korrispettiv għax-xiri tal-bijodiżil li kien ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala “trasferiment dirett ta’ fondi”, iżda l-ħlas mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, organu pubbliku, tad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil iffissat għall-perijodu inkwistjoni lill-produttur tal-bijodiżil ikkonċernat. Għaldaqstant, il-punt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda l-aġir ta’ organi privati (ara l-punt 96 iktar ’il fuq), ma huwiex applikabbli.

187    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li kienet teżisti relazzjoni kuntrattwali bejniethom u l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt li kienet tissuġġetta l-ħlas minn dan tal-aħħar għall-kunsinna tal-bijodiżil lil Pertamina. Dan kien xiri li għalih ma kienx neċessarju li l-entità li tħallas għall-oġġetti jkollha wkoll il-pussess tagħhom.

188    Dwar dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 38 tar-Regolament kkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li “l-iżborż tal-[Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt] favur il-produtturi tal-bijodiżil ma jistax jikkwalifika bħala pagamenti dovuti f’kuntratt ta’ xiri bejn il-GOI u l-produtturi tal-bijodiżil iżda jikkostitwixxi trasferiment dirett ta’ fondi”.

189    Mill-kuntest fattwali ta’ dan il-każ, kif ippreżentat fil-premessi 45 sa 50 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat (ara l-punt 180 iktar ’il fuq), u li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema maħsuba mir-Regolament Presidenzjali 26/2016, l-Aġenzija ta’ Ġestjoni ma kinitx tintervjeni fit-tranżazzjoni bejn il-produtturi tal-bijodiżil u Pertamina u AKR. Fil-fatt, huwa d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija li ħatar, l-ewwel, l-entitajiet inkarigati mix-xiri tal-bijodiżil (skont il-politika stabbilita mill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Aġenzija ta’ Ġestjoni) u, it-tieni, f’isem il-Ministru, il-produtturi tal-bijodiżil li jipparteċipaw fl-akkwist tal-bijodiżil kif ukoll il-volum ta’ bijodiżil allokat għal kull produttur. Il-prezz ta’ referenza għad-diżil kif ukoll għall-bijodiżil kien iddeterminat mill-Ministru għall-Enerġija u r-Riżorsi Minerali. Imbagħad, kull produttur bagħat fattura lil Pertamina jew AKR għall-volum ta’ bijodiżil li dawn l-impriżi kellhom jużaw skont il-mandat ta’ taħlit u dawn tal-aħħar ħallsu lill-produttur il-prezz ta’ referenza tad-diżil. Kien biss wara l-għeluq ta’ din it-tranżazzjoni li l-produtturi tal-bijodiżil bagħtu fattura addizzjonali lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni għall-istess volum ta’ bijodiżil sabiex jiksbu l-ħlas tad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil, akkumpanjata minn kopja tad-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija Rinnovabbli Ġdida u l-Konservazzjoni tal-Enerġija li tiċċertifika li huma kienu awtorizzati jipparteċipaw fl-akkwist tal-bijodiżil u li tindika l-kwoti rispettivi ta’ bijodiżil allokati, minn kopja tal-kuntratt ta’ xiri ta’ bijodiżil konkluż ma’ Pertamina jew AKR, iċ-ċertifikat iffirmat minn Pertamina jew AKR u l-produttur tal-bijodiżil ikkonċernat, ittimbrat mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Indoneżja u li jinkludi l-informazzjoni dwar il-post ta’ kunsinna, il-volum u t-tip ta’ bijodiżil u l-ammont tal-ispejjeż ta’ trasport kif ukoll minn kopja tal-ftehim konkluż bejn l-Aġenzija ta’ Ġestjoni u l-produttur tal-bijodiżil ikkonċernat.

190    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ukoll, fil-premessi 67 u 69 tar-Regolament ikkontestat, u dan il-punt lanqas kien ikkontestat mir-rikorrenti, li l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil imħallas lill-fornituri indipendenti ma kienx jirrifletti d-domanda u l-provvista f’kundizzjonijiet normali tas-suq mingħajr intervent tal-awtoritajiet pubbliċi, u li l-ammont tal-ispejjeż ta’ konverżjoni kkalkolat mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fil-kuntest tal-formula użata biex jiġi kkalkolat il-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil kien eċċessiv. Minn din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ddeduċiet, fil-premessa 68 tar-Regolament ikkontestat, li mingħajr dawn il-ħlasijiet, il-prezzijiet tal-bijodiżil fl-Indoneżja kienu ser ikunu inqas. Il-ħlasijiet magħmula mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil, peress li huma kkalkolati abbażi ta’ prezz ta’ referenza tal-bijodiżil li ma jirriżultax mill-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu meqjusa bħala fondi addizzjonali għall-prezz li l-produtturi għandhom id-dritt li jiksbu bħala korrispettiv għall-kunsinni tagħhom lil Pertamina jew AKR.

191    Abbażi ta’ dawn l-elementi fattwali, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut lilha fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, qieset, fil-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat, li l-fondi mħallsa mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt “[ma kinux] għalhekk parti minn kuntratt bi ħlas (bħax-xiri ta’ bijodiżil mill-gvern bi skambju ta’ prezz)”. Fil-fatt, mill-preżentazzjoni tal-fatti la jirriżulta li l-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kien involut fit-tranżazzjoni bejn il-produtturi tal-bijodiżil u l-“Entità tal-Petrofjuwil”, jiġifieri Pertamina u AKR, u lanqas li l-imsemmi Fond irċieva xi korrispettiv għall-ħlasijiet li huwa għamel. Għalhekk, in-natura tat-tranżazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ħlasijiet magħmula mill-imsemmi Fond kienu jagħmlu parti minn skema ta’ obbligi reċiproċi.

192    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ sussidji suġġetti għal kundizzjonijiet għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv huwa ineffettiv.

193    Konsegwentement, l-ewwel parti kollha tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni meta kkonkludiet leżistenza ta’ benefiċċju

194    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kienu jikkostitwixxu benefiċċju.

195    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq xenarju kontrofattwali manifestament żbaljat meta hija kkonkludiet li, fl-assenza tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u tal-ħlasijiet tiegħu, il-produtturi tal-bijodiżil ma setgħux ibigħu l-prodott tagħhom fis-suq Indoneżjan u li l-prezzijiet tal-bijodiżil kienu jkunu inqas. Il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u l-mandat ta’ taħlit kienu żewġ għodod legali distinti b’għanijiet differenti. Fl-assenza ta’ dan tal-ewwel, it-tieni kien jeżisti xorta waħda u l-blenders kien ikollhom jixtru l-bijodiżil sabiex jikkonformaw mal-mandat ta’ taħlit.

196    Kif tfakkar fil-punt 163 iktar ’il fuq, l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprevedi li huwa meqjus li jeżisti sussidju fejn ikun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” tal-awtoritajiet pubbliċi u jekk b’hekk jingħatax “benefiċċju”. L-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“benefiċċju mogħti”. Skont il-ġurisprudenza, benefiċċju huwa mogħti lill-benefiċjarju meta dan jinsab f’sitwazzjoni aħjar milli kien ikun fiha fl-assenza tas-skema ta’ sussidju. Barra minn hekk, mill-punti 1 u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jirriżulta li huwa biss fil-każ fejn il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi tagħti effettivament benefiċċju lil produttur‑esportatur li għandu jitqies li jeżisti sussidju għal dan il-produttur‑esportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punti 195 u 210).

197    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 65 tar-Regolament ikkontestat, li x-xenarju kontrofattwali korrett ma kienx dak fejn, fl-assenza tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, il-blenders kienu jħallsu l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil. Skont il-Kummissjoni, mingħajr il-mandat ta’ taħlit, mingħajr il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u mingħajr il-ħlasijiet tiegħu, il-blenders ma kien ikollhom ebda interess li jixtru l-bijodiżil u l-produtturi tal-bijodiżil ma kinux jirċievu l-fondi addizzjonali korrispondenti għad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u l-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani. Kif jindika l-punt 190 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil imħallas lill-fornituri indipendenti kien eċċessiv.

198    Mir-Regolament provviżorju jirriżulta li l-mandat ta’ taħlit kien introdott mir-Regolament 12/2015 tal-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Materjali (premessa 189). Fl-istess sena 2015, il-Fond għas-Sussidju tal-Bijodiżil, li jagħmel parti mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, ġie stabbilit mir-Regolament Presidenzjali 61/2015 (premessa 40) u l-Aġenzija ta’ Ġestjoni ngħatat il-missjoni tal-ġbir tad-dazji fuq l-esportazzjoni fuq il-prodotti taż-żejt tal-palm li kienu jikkostitwixxu l-finanzjament tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (premessi 41 u 42). Huwa permezz tal-istess dispożizzjoni (l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Presidenzjali 61/2015) li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani taw lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni d-dritt li tuża d-dazji fuq l-esportazzjoni u t-taxxi tal-esportazzjoni imposti fuq iċ-CPO u d-derivattivi tiegħu u imponew l-obbligu tax-xiri u l-użu tal-bijodiżil (premessa 60). Il-fondi sabiex il-produtturi tal-bijodiżil jitħallsu d-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u dak tal-bijodiżil kienu joriġinaw mill-fondi hekk allokati lill-Aġenzija ta’ Ġestjoni.

199    Jidher li l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ taħlit fis-sistema maħsuba mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienet tiddependi mill-finanzjament mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni. Din hija skema kumplessa stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani bil-għan li jappoġġjaw ix-xiri tal-bijodiżil mill-entitajiet maħtura mill-organi tal-Istat, kif jirriżulta mir-Regolamenti Presidenzjali 24/2016 u 26/2016 (premessa 44 tar-Regolament provviżorju). Ix-xenarju tal-eżistenza tal-mandat ta’ taħlit mingħajr il-finanzjament mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni huwa għalhekk purament ipotetiku u l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma bbażatx l-analiżi tagħha fuqu.

200    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 24 u 25 iktar ’il fuq, li tapplika wkoll għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju ta’ sussidju, li l-Kummissjoni kkunsidrat l-iskema fl-intier tagħha u kkonkludiet, fil-premessa 71 tar-Regolament ikkontestat, li l-eżistenza tagħha kienet tpoġġi lill-produtturi tal-bijodiżil f’qagħda aħjar milli kieku kienu jkunu u, għalhekk, kienet tagħtihom benefiċċju.

201    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, f’din l-iskema, l-ammont tal-ispejjeż tal-konverżjoni fil-kuntest tal-formula użata sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ referenza għall-bijodiżil kien eċċessiv (punt 197 iktar ’il fuq). Għalhekk, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil meħud inkunsiderazzjoni mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-ħlasijiet lill-produtturi tal-bijodiżil ma jirriflettix dak li kien ikun il-prezz f’kundizzjonijiet tas-suq. Minn dan, il-Kummissjoni setgħet tiddeduċi, mingħajr ma twettaq żball manifest, li, permezz ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi, il-benefiċjarji kienu f’qagħda aħjar milli fl-assenza ta’ din il-kontribuzzjoni, anki fix-xenarju kontrofattwali propost mir-rikorrenti.

202    Għalhekk, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

203    Fil-kuntest tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li anki, jekk jiġi preżunt li kien ingħata benefiċċju, dan kien mgħoddi kollu fuq il-blenders, Pertamina u AKR. Skont ir-rikorrenti, l-iskema tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kienet maħsuba sabiex tappoġġja lill-blenders fix-xiri tagħhom tal-bijodiżil u tiżguralhom li għal dan il-prodott iħallsu prezz inqas mill-prezz ta’ referenza tas-suq, u mhux sabiex tagħti benefiċċju lill-produtturi tal-bijodiżil.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja li tagħtihom benefiċċju ġew miċħuda (punti 181 sa 192 u 195 sa 201 iktar ’il fuq). Huwa stabbilit ukoll li l-ħlasijiet inkwistjoni, li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-prezz ta’ referenza tad-diżil u dak tal-bijodiżil, tħallsu mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni lill-produtturi tal-bijodiżil, fosthom ir-rikorrenti. Ir-rikorrenti baqgħu ma pproduċewx provi suffiċjenti li jindikaw li parti minn dawn l-ammonti jew tal-benefiċċju magħmul mill-ħlas tagħhom ġiet ittrasferita lil AKR u Pertamina. Madankollu, tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62). Il-fatt li l-iskema stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani setgħet kienet ta’ benefiċċju għal AKR u Pertamina wkoll, ma jfissirx li l-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarji ġie mgħoddi fuq dawn l-impriżi. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-blenders kienu bbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ xiri vantaġġjużi tal-bijodiżil, billi akkwistawh għall-prezz ta’ referenza tad-diżil u mhux għall-prezz ta’ referenza tal-bijodiżil, din iċ-ċirkustanza ma teskludix, fil-kuntest tal-istess skema, li l-produtturi tal-bijodiżil kienu bbenefikaw minn vantaġġ ieħor, li jirriżulta minn ħlasijiet magħmula mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni.

205    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għalhekk, it-tieni parti kollha tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

206    Peress li l-argumenti kollha ppreżentati fil-kuntest tar-raba’ motiv ġew miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 7 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni filkalkolu talammont talbenefiċċju mogħti milliskema talFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt

207    L-argument tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv jista’ jinqasam f’żewġ ilmenti. L-ewwel ilment jirrigwarda l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kienet wettqet fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju mogħti mill-iskema tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, billi ma naqqsitx mill-ammont tas-sussidju d-dazji fuq l-esportazzjoni mħallsa lill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u l-ispejjeż tat-trasport. It-tieni lment huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kienet wettqet fl-istess kalkolu, billi allokat il-ħlasijiet magħmula mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt fuq il-fatturat totali tal-bijodiżil.

208    Il-Kummissjoni, sostnuta minn EBB, tikkontesta dan il-motiv.

 Fuq lassenza ta’ tnaqqis taddazji fuq lesportazzjoni u talispejjeż tattrasport millammont tassussidju

209    L-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi dan li ġej:

“[…] Biex jiġi stabbilit […] l-ammont [tas-sussidju kumpensabbli] jistgħu jitnaqqsu l-elementi li ġejjin mit-total tas-sussidju:

a)      kull miżata għall-applikazzjoni, jew spejjeż oħra magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal, jew jingħata, is-sussidju;

b)      taxxi tal-esportazzjoni, dazji jew tariffi oħra imposti fuq l-esportazzjoni tal-prodott lejn l-Unjoni speċifikament maħsuba biex ipaċu s-sussidju.

Fejn parti interessata tagħmel talba għal tnaqqis, hija għandha turi li t-talba tagħha hija ġustifikata.”

210    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, mill-qari tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari mill-formulazzjoni “jistgħu jitnaqqsu”, jidher ċar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq. It-tnaqqis ta’ dawn l-elementi mill-ammont tas-sussidju kumpensabbli jippreżumi li l-parti kkonċernata turi li t-talba tagħha għal tnaqqis hija ġġustifikata. Ladarba tiġi prodotta din il-prova, il-Kummissjoni għandha tipproċedi bit-tnaqqis mitlub.

211    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tnaqqas mill-ammont tas-sussidju kumpensabbli d-dazji fuq l-esportazzjoni mħallsa lill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, għaliex dawn id-dazji huma ta’ natura differenti mit-taxxi tas-soltu u huma marbuta mal-industrija tal-bijodiżil billi jagħmlu parti mill-katina ta’ valur tagħha.

212    Għandu jiġi kkonstatat li ebda prova ma ġiet prodotta mir-rikorrenti, skont l-oneru tal-prova impost fuqhom skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 204 iktar ’il fuq, li tippermetti li jiġi stabbilit li d-dazji fuq l-esportazzjoni inkwistjoni kienu speċifikament intiżi sabiex ipaċu s-sussidju. Għall-kuntrarju, mill-premessa 89 tar-Regolament provviżorju jirriżulta b’mod ċar, u ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li d-dazju fuq l-esportazzjoni ma jirrigwardax biss il-bijodiżil, iżda ċ-“CPO u l-prodotti downstream”, fosthom il-bijodiżil. Ir-rikorrenti ma jispjegawx kif dazju fuq l-esportazzjoni li jirrigwarda diversi prodotti kien speċifikament intiż sabiex ipaċi s-sussidju li minnu jibbenefika wieħed minn dawn il-prodotti. Barra minn hekk, il-fatt li dawn id-dazji jiffinanzjaw il-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u jidħlu fil-katina ta’ valur tal-bijodiżil ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dawn kienu speċifikament intiżi sabiex ipaċu s-sussidju u, għalhekk, li l-Kummissjoni ma fehmitx il-portata tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku jew kienet ivvizzjat l-analiżi tiegħu bi żball manifest.

213    Għalhekk, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

214    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ispejjeż tat-trasport kienu neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, sabiex il-bijodiżil jiġi kkonsenjat u għalhekk sabiex jiġi riċevut il-ħlas min-naħa tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt u li dawn kellhom jitnaqqsu mill-ammont tas-sussidji kumpensabbli. Il-Kummissjoni, kienet ibbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-Komunikazzjoni tagħha għall-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju fl-investigazzjonijiet antisussidji (ĠU 1998, C 394, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji”), dokument nieqes minn valur vinkolanti, sabiex ma tnaqqasx l-ispejjeż tat-trasport bħala spejjeż mhux obbligatorji mħallsa lill-impriżi privati.

215    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Linji Gwida jikkostitwixxu strument intiż sabiex jippreċiża, fl-osservanza tar-regoli tad-dritt ta’ natura superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tapplika fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidji kumpensabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, EU:T:2006:75, punt 49). Minn dan jirriżulta li, meta tadotta linji gwida, il-Kummissjoni ma tistax tmur kontra t-test ta’ natura superjuri li tiegħu hija tippreċiża l-kriterji ta’ applikazzjoni.

216    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, billi tadotta regoli ta’ kondotta intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħalma huwa l-każ tal-linji gwida li huma intiżi għal operaturi ekonomiċi, u billi tistqarr permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tagħmel restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ċaħda tad-deċiżjonijiet tagħha, skont il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti ġuridiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 210 u 211).

217    Il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji jipprevedu, taħt it-Titolu “G. Elementi li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont tas-sussidju”, li “l-uniċi tariffi jew kostijiet li normalment jistgħu jitnaqqsu huma dawk imħallsa direttament lill-gvern fil-perjodu ta’ investigazzjoni”, li “[j]rid jintwera li dan il-ħlas huwa obbligatorju sabiex jiġi riċevut is-sussidju” u li “[l]-pagamenti lil partijiet privati, pereżempju avukati, kontabilisti, imġarrba biex issir applikazzjoni għas-sussidji, mhumiex deduċibbli”.

218    Dawn il-preċiżazzjonijiet huma kompatibbli mat-test ta’ natura superjuri li huma intiżi li jispjegaw. L-ewwel, il-preċiżazzjoni li wieħed għandu jipproduċi prova li t-tariffi u l-spejjeż deduċibbli huma “obbligatorji sabiex jiġi riċevut is-sussidju” hija konformi mal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li l-ispejjeż u t-tariffi deduċibbli għandhom ikunu “magħmulin kif meħtieġ” sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sussidju. It-tieni, il-preċiżazzjoni li “l-uniċi tariffi jew kostijiet li normalment jistgħu jitnaqqsu huma dawk imħallsa direttament lill-gvern fil-perjodu ta’ investigazzjoni” hija kompatibbli wkoll ma’ din id-dispożizzjoni. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Kummissjoni fil-qasam, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma llimitatx b’mod żbaljat it-tariffi u l-ispejjeż deduċibbli meta hija ppreċiżat permezz tal-Linji Gwida li “kull miżata għall-applikazzjoni, jew spejjeż oħra magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal […] sussidju” imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku kienu dawk “direttament imħallsa lill-gvern matul il-perijodu ta’ investigazzjoni”.

219    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament applikat, fil-premessi 87 sa 92 tar-Regolament ikkontestat, il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji għat-talba ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasport.

220    Madankollu, f’dan il-każ, l-ewwel, ir-rikorrenti ma jsostnux li t-tariffi tat-trasport għall-kunsinna tal-bijodiżil kienu tħallsu direttament lill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. It-tieni, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tagħhom ibbażat fuq il-fatt li l-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kienu suġġetti għall-kunsinna tal-bijodiżil u li, għalhekk, it-tariffi tat-trasport relattivi kienu “magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal, jew jingħata, is-sussidju” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, dawn it-tariffi kienu marbuta esklużivament mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ bejn ir-rikorrenti u Pertamina jew AKR. Il-fatt li, sabiex jirċievu l-ħlasijiet mill-Aġenzija ta’ Ġestjoni, il-produtturi tal-bijodiżil kellhom jehmżu mal-fattura tagħhom serje ta’ dokumenti ta’ sostenn inkluż l-informazzjoni dwar il-post ta’ kunsinna, il-volum u t-tip ta’ bijodiżil ipprovdut u l-ammont ta’ tariffi tat-trasport ma jfissirx li dawn it-tariffi kienu “obbligatorji sabiex jiġi riċevut is-sussidju” fis-sens tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji u ma jbiddilx din il-konklużjoni.

221    Konsegwentement, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ittqassim talammont tassussidju fuq ilfatturat totali talbijodiżil

222    L-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “[f]ejn is-sussidju ma jingħatax b’referenza għall-kwantitajiet manufatturati, maħduma, esportati jew trasportati, l-ammont tas-sussidju kumpensabbli għandu jiġi determinat bl-allokazjoni tal-valur tas-sussidju totali, skont kif ikun il-każ, fuq il-livell ta’ produzzjoni, bejgħ, jew esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati matul il-perjodu tal-investigazzjoni dwar is-sussidjar”.

223    Mid-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-Titolu “b) Denominatur użat għall-finijiet tat-tqassim tal-ammont tas-sussidju”, li huwa stess jinsab taħt it-Titolu “F. Perijodu ta’ investigazzjoni għall-kalkolu tas-sussidju: imputazzjoni kontra tqassim” tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji, jirriżulta li “ii) Għas-sussidji minbarra dawk tal-esportazzjoni, il-bejgħ totali (domestiku u esportat) għandu jintuża bħala denominatur, peress li dawn is-sussidji jingħataw kemm fuq il-bejgħ domestiku kif ukoll fuq il-bejgħ esportat”.

224    F’dan il-każ, fil-premessa 81 tar-Regolament provviżorju, ikkonfermata fil-premessa 100 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni allokat l-ammonti tas-sussidji fuq il-fatturat totali ġġenerat mill-bejgħ tal-bijodiżil tal-produtturi‑esportaturi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, fatturat li jinkludi l-bejgħ domestiku u l-bejgħ esportat.

225    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest billi allokat l-ammont tal-ħlasijiet miġbura mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt fuq il-fatturat totali tal-bejgħ tal-bijodiżil tagħhom. Fil-fehma tagħhom, dawn l-ammonti kellhom jiġu allokati biss fuq il-bejgħ tal-bijodiżil fis-suq domestiku Indoneżjan, li kien l-uniku bejgħ li jiġġustifika l-kisba tal-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt.

226    Madankollu, l-ewwel, peress li s-sussidji ma kinux mogħtija b’referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew trasportati, il-Kummissjoni, billi allokat l-ammonti tas-sussidji fuq il-fatturat totali ġġenerat mill-bejgħ, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-bijodiżil, ikkonformat mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. It-tieni, u peress li, f’dan il-każ, is-sussidji inkwistjoni ma humiex sussidji tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni aġixxiet b’konformità mal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont ta’ Sussidji billi użat bħala denominatur il-bejgħ totali (domestiku u esportat) ta’ dan il-prodott. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-ħlasijiet tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ma kinux jillimitaw l-effetti tagħhom fuq is-suq domestiku Indoneżjan, iżda kienu jikkostitwixxu appoġġ għall-produtturi tal-bijodiżil u setgħu jagħtuhom ukoll benefiċċju fuq il-bejgħ esportat. L-argument tar-rikorrenti ppreżentat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta, li jipprovdi li kieku kellu jiġi applikat il-prinċipju li l-flus huma oġġett funġibbli l-benefiċċju kellu jkun allokat fuq il-bejgħ kollu, ma jbiddilx din il-konklużjoni, iżda pjuttost isaħħaħha. Fil-fatt, tali argument iwassal sabiex jiġi aċċettat li t-tqassim għandu jsir fuq bażi iktar wiesgħa mill-bejgħ tal-bijodiżil fis-suq domestiku biss.

227    Minn dan isegwi li l-approċċ li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturat totali tal-bejgħ tal-bijodiżil huwa xieraq u għalhekk ma jidhirx li huwa manifestament żbaljat.

228    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, billi ma wiġbitx, fir-Regolament ikkontestat, għall-argument tagħhom li l-ammont tas-sussidju kellu jiġi allokat fuq il-fatturat totali tagħhom, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

229    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed li hija ssemmi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 280). Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twieġeb, fil‑motivazzjoni tar‑Regolament provviżorju jew definittiv, għall‑punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha invokati mill‑persuni kkonċernati matul il‑proċedura amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 256 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tagħti motivazzjoni speċifika, fir-regolament li jimponi dazju kumpensatorju definittiv, għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi argumenti mressqa mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva. Huwa biżżejjed li dan ir-regolament ikun fih ġustifikazzjoni ċara tal-elementi prinċipali li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha, peress li din il-ġustifikazzjoni tista’ tindika r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni warrbet l-argumenti rilevanti invokati taħt dan l-aspett mill-partijiet waqt il-proċedura amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 90).

230    Madankollu, meta f’kawża ta’ antisussidji, il-persuni kkonċernati jinsistu matul il-proċedura amministrattiva li jingħataw tweġibiet jew kjarifiki fir-rigward tal-modalitajiet essenzjali tal-kalkoli mwettqa mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li dawn tal-aħħar għandhom iktar u iktar jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-kalkoli hekk mwettqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 127). Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ att għandha tidher fil-parti prinċipali stess tiegħu u, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma tistax tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija sussegwentement, waqt li dan ikun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 91).

231    F’dan il-każ, huwa stabbilit li waħda mir-rikorrenti argumentat sussidjarjament waqt il-proċedura amministrattiva li l-ammont tas-sussidju kellu jiġi allokat fuq il-fatturat totali tagħha, li jinkludi kemm il-bijodiżil kif ukoll il-prodotti l-oħra u li r-Regolament ikkontestat ma jweġibx espliċitament għal dan l-argument. Madankollu, mill-qari tal-premessa 81 tar-Regolament provviżorju, li l-analiżi tagħha ġiet ikkonfermata mir-Regolament ikkontestat, jidher b’mod ċar li t-tqassim seħħ b’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi t-tqassim tal-valur tas-sussidju totali fuq il-livell ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjoni tal-“prodotti kkonċernati”, li, f’dan il-każ, huwa l-bijodiżil.

232    Jirriżulta li din il-ġustifikazzjoni tista’ tiċċara r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni eskludiet l-argumenti mressqa taħt dan l-aspett mill-partijiet waqt il-proċedura amministrattiva b’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 229 iktar ’il fuq.

233    Barra minn hekk, il-metodu tat-tqassim tal-ammont tas-sussidju jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-premessa 100 tar-Regolament ikkontestat u mill-premessa 81 tar-Regolament provviżorju, li ppermetta lir-rikorrenti jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha, kif jirriżulta mill-punti 225 et seq. iktar ’il fuq. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud b’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 iktar ’il fuq.

234    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

235    Peress li l-ilmenti kollha ppreżentati fil-kuntest tal-ħames motiv ġew miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 8(1) u (8) tarRegolament bażiku fid-determinazzjoni tależistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali

236    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, peress li hija kkonkludiet l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali mingħajr ma eżaminat ċerti fatturi stabbiliti fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti.

237    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 319 u 320 tar-Regolament ikkontestat, li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx ġarrbet dannu materjali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, anki jekk l-imsemmija industrija ma kinitx robusta. Madankollu, hija kkunsidrat li kienet teżisti, f’dan il-każ, theddida ta’ dannu materjali għall-imsemmija industrija.

238    Preliminarjament, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi l-kelma “dannu” bħala li tfisser, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, b’mod partikolari, dannu materjali kkawżat lil industrija tal-Unjoni jew theddida ta’ dannu materjali lil tali industrija, u li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett.

239    L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jirregola d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu. Din għandha tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati u l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili u, min-naħa l-oħra, tal-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

240    L-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku jirregola d-“determinazzjoni ta’ theddida ta’ dannu materjali”. Huwa jippreċiża li din id-determinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, suppożizzjonijiet jew xi possibbiltà remota, u li l-bidla fiċ-ċirkostanzi li toħloq xi sitwazzjoni fejn is-sussidju jikkawża dannu għandha tkun prevedibbli b’mod ċar u imminenti. Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ theddida ta’ dannu għanda tirriżulta b’mod ċar mill-fatti tal-każ. Jirriżulta wkoll li d-dannu li tiegħu jkun hemm theddida għandu jseħħ minnufih (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 54).

241    Din id-dispożizzjoni telenka b’mod mhux limitattiv il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kunsill u Il‑Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2015:767, punt 44), jiġifieri fatturi bħal:

“a) in-natura tas-sussidju jew sussidji in kwistjoni u l-effetti kummerċjali li aktarx jirriżultaw minnhom;

b) xi rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet sussidjati fis-suq tal-Unjoni li tindika l-possibbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet;

c) jekk hekk kapaċità disponibbli b’mod liberu u suffiċjenti fuq il-parti tal-esportatur jew żieda imminenti u sostanzjali f’tali kapaċità li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali ta’ esportazzjonijiet sussidjati lejn l-Unjoni, waqt li jittieħed kont tad-disponibbiltà ta’ swieq oħra tal-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjoni addizzjonali;

d) jekk l-importazzjonijiet humiex deħlin bi prezzijiet li jkunu, sa grad sinifikanti, iwaqqgħu l-prezzijiet jew jimpedixxu żieda fil-prezzijiet li kieku kienet isseħħ, u li aktarx iżidu t-talba għal aktar importazzjonijiet;

e) l-inventarji tal-prodott taħt investigazzjoni.”

242    L-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku jippreċiża wkoll li l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi waħdu, ma jista’ jagħti gwida deċiżiva, iżda li t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li iktar esportazzjonijiet issussidjati huma imminenti u li, sakemm ma titteħidx azzjoni protettiva, ser iseħħ dannu materjali.

243    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu, bħal dik ta’ dannu, għandha tiġi stabbilita fid-data tal-adozzjoni tal-miżura antisussidji, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’dik id-data. Fil-fatt, huwa biss fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiddeterminaw jekk iż-żieda imminenti tal-importazzjonijiet futuri ssussidjati tikkawżax dannu materjali għal din l-industrija, fl-ipoteżi fejn ebda miżura ta’ difiża kummerċjali ma tittieħed. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, id-data sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punti 40 u 41).

244    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jeżaminaw. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-eżami ta’ theddida ta’ dannu jippreżumi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni għandu, għaldaqstant, ikun ristrett għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-istituzzjonijiet, ta’ data ta’ natura ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 53). B’mod partikolari, hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 64).

245    Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, stabbilita fil-kuntest tal-analiżi ta’ dannu materjali kkawżat lil industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku, tibqa’, bħala prinċipju, rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tat-theddida ta’ dannu materjali għal din l-industrija, fis-sens tal-Artikolu 8(8) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punt 42).

246    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 8(1) u (8) meta kkonkludiet, fil-premessa 405 tar-Regolament ikkontestat, li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu kkostitwixxew theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

 Fuq issitwazzjoni talindustrija talUnjoni

247    Sabiex waslet għall-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx robusta matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni diversi indikaturi mikroekonomiċi u makroekonomiċi fil-premessi 309 sa 340 tar-Regolament provviżorju u kkonfermat din l-analiżi fil-premessi 279 sa 317 tar-Regolament ikkontestat li fih hija eżaminat ukoll, fil-premessi 321 sa 341, indikaturi ekonomiċi sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni.

248    Mingħajr ma jikkontestaw il-veraċità tad-data użata mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-indikaturi mikroekonomiċi u makroekonomiċi li juru ċerti xejriet pożittivi, kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni sostniet li l-industrija tal-Unjoni kienet f’sitwazzjoni delikata.

249    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, l-ewwel, ir-rikorrenti jargumentaw li l-produzzjoni tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċitajiet żdiedu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

250    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mit-Tabella 3 riprodotta fil-premessa 268 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, wara żieda bejn l‑2015 u l‑2017, il-produzzjoni tal-Unjoni baqgħet kważi stabbli bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (żieda minn 13 071 053 għal 13 140 582 tunnellata għal indiċi stabbli ta’ 111), filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied kunsiderevolment, kif jirriżulta mit-Tabella 4 riprodotta fil-premessa 271 tar-Regolament provviżorju (minn 14 202 128 għal 15 634 102 tunnellati, żieda ta’ 10.08 %). Minn dan jirriżulta li l-produzzjoni tal-Unjoni ma segwietx iż-żieda tal-konsum tal-Unjoni, u għalhekk id-domanda. Barra minn hekk, mit-Tabella 8 riprodotta fil-premessa 309 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet ftit bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 16 594 853 għal 17 031 230 tunnellata), filwaqt li l-użu ta’ dawn il-kapaċitajiet, wara li żdied fl‑2015, fl‑2016 u fl‑2017, naqas ftit bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni.

251    Abbażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 310 tar-Regolament provviżorju, li ż-żieda tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet kunsiderevolment inqas minn dik tad-domanda peress li l-imsemmija industrija setgħet tibbenefika mit-tkabbir tas-suq sa ċertu punt limitat ħafna minħabba ż-żieda sinjifikattiva fl-importazzjonijiet issussidjati, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

252    Peress li din il-konstatazzjoni tikkorrispondi għad-data analizzata u hija ta’ natura li ssostni l-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni delikata, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

253    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-volum tal-bejgħ żdied.

254    Madankollu, mit-Tabella 9 riprodotta fil-premessa 314 tar-Regolament provviżorju jirriżulta b’mod ċar, li minkejja li l-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni żdied bejn l‑2015 u l‑2017, dan il-bejgħ naqas bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, perijodu li jikkorrispondi, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 317 tar-Regolament provviżorju, għat-tneħħija tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

255    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-industrija tal-Unjoni żammet sehem għoli mis-suq, bejn 81 % u 95 %.

256    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 9 riprodotta fil-premessa 314 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinjifikattiv bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 91.6 % għal 81.5 %). Fil-premessa 317 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tispjega, u r-rikorrenti ma jikkontestawx dan il-punt, li dan it-tnaqqis huwa spjegat bit-tneħħija tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Indoneżja li biddlet is-sitwazzjoni tas-suq f’Marzu 2018, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Fid-dawl ta’ din id-data, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

257    Ir-raba’, ir-rikorrenti jargumentaw li l-impjieg u l-produttività kienu qegħdin juru xejriet pożittivi.

258    Fil-fatt, mit-Tabella 10 riprodotta fil-premessa 319 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li n-numru ta’ impjegati tal-industrija tal-Unjoni żdied ftit bejn l‑2015 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (bi 78 impjegat). Madankollu, il-produttività naqset bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (minn 4 782 tunnellata għal kull impjegat għal 4 625 tunnellata għal kull impjegat). Minn dan jirriżulta li ż-żieda żgħira tan-numru ta’ impjegati ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-indikaturi makroekonomiċi kollha. Fil-fatt, skont l-ġurisprudenza, jekk l-eżami tal-istituzzjonijiet għandu jwassal għall-konklużjoni li t-theddida ta’ dannu hija materjali, ma huwiex meħtieġ li l-fatturi u l-indizji ekonomiċi rilevanti kollha jkunu juru xejra negattiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑675/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:209, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Minn dan isegwi li dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

260    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-indikaturi mikroekonomiċi, l-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni żdiedu.

261    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 11 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, wara li żdiedu bejn l‑2015 u l‑2017, il-perijodu li matulu kienu jeżistu d-dazji tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja, il-prezzijiet naqsu minn EUR 832 għal kull tunnellata għal EUR 794 għal kull tunnellata bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

262    It-tieni, ir-rikorrenti jargumentaw li l-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu sa mill‑2017.

263    Fil-fatt, mit-Tabella 11 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu minn EUR 827 għal kull tunnellata għal EUR 791 għal kull tunnellata bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, mid-data kollha ta’ din it-tabella jirriżulta, b’mod partikolari mit-tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ, li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika minn dan it-tnaqqis tal-ispejjeż, għaliex hija kellha tgħaddi dan it-tnaqqis kollu fuq il-klijenti tagħha, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 328 tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

264    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-fluss tal-flus, il-profittabbiltà tal-bejgħ u r-redditu fuq l-investimenti żviluppaw b’mod pożittiv.

265    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mit-Tabella 14 riprodotta fil-premessa 334 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-fluss tal-flus żdied bejn l‑2015 u l‑2017 (b’żieda qawwija bejn l‑2016 u l‑2017) biex imbagħad reġa’ waqa’ għal-livelli tal‑2016. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat żvilupp pożittiv, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti.

266    Għal dak li jirrigwarda r-redditu fuq l-investimenti, dan żdied kunsiderevolment bejn l‑2015 u l‑2016 biex imbagħad baqa’ relattivament stabbli (18 % fl‑2016, 16 % fl‑2017 u 17 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni). Issa, din l-istabbilizzazzjoni tar-redditu fuq l-investimenti, kif ukoll l-istabbilizzazzjoni tal-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti indipendenti għal 0.8 % fl‑2017 u matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, rata li baqgħet dgħajfa, ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bbażati fuq l-elementi rilevanti kollha f’dan ir-rigward.

267    Fir-rigward tad-data sussegwenti għall-investigazzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li din ma hijiex rappreżentattiva u ma tistax tiġi invokata sabiex jinsiltu konklużjonijiet validi minnha.

268    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-awtorizzazzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, id-data sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni hija ġġustifikata fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom bħala għan mhux il-konstatazzjoni ta’ dannu iżda d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ dannu li, min-natura tagħha, timplika analiżi prospettiva. Din id-data tista’ għalhekk tintuża sabiex tikkonferma jew tinvalida l-previżjonijiet li jinsabu fir-regolament tal-Kummissjoni li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju u tippermetti, fl-ewwel ipoteżi, li jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv. Madankollu, l-użu, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tad-data sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni ma jistax jevita l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punt 41).

269    F’dan il-każ, il-Kummissjoni studjat, fil-premessi 321 sa 341 tar-Regolament ikkontestat, id-data relatata mal-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2018 u x-xahar ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ wara l-investigazzjoni”) u kkonkludiet li, matul il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kompliet tiddeterjora.

270    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li użat data mhux rappreżentattiva, għaliex, l-ewwel, fir-Regolament ikkontestat jissemma li, fir-rigward ta’ erbgħa mid-disa’ xhur tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, id-data kienet distorta minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali affaċċjati minn produttur u, it-tieni, huwa kkonstatat, fil-premessa 322 tar-Regolament ikkontestat, li “ċ-ċifri għall-perjodu ta’ investigazzjoni mhumiex direttament komparabbli maċ-ċifri għal wara l-[perijodu ta’ investigazzjoni]”.

271    Dawn l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex fondati. Fil-fatt, il-Kummissjoni rat li tispeċifika ċ-ċirkustanzi li jippermettu l-konstatazzjoni tar-rappreżentattività tad-data tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni jew li jiġġustifikaw ir-rilevanza tagħha. L-ewwel, fil-premessa 331 tar-Regolament ikkontestat, hija spjegat li l-profitti ogħla fix-xitwa tal‑2018‑2019 kienu eċċezzjonali, għaliex ġew irreġistrati minn kumpannija waħda fil-kampjun li setgħet tieħu vantaġġ min-nuqqas temporanju ta’ provvista fir-reġjun tagħha li ppermettilha żżid il-prezzijiet tagħha u, għalhekk, il-profitti tagħha matul dan il-perijodu. It-tieni, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 322 tal-imsemmi regolament, li ċ-ċifri għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma kinux direttament komparabbli maċ-ċifri għall-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni. Għalhekk, hija rrilevat li, minn naħa, fid-dawl tat-termini taż-żmien tal-investigazzjoni, ċerti indikaturi makroekonomiċi setgħu jiġu analizzati biss għall-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Min-naħa l-oħra, hija qabblet it-tnax-il xahar tal-perijodu ta’ investigazzjoni mad-disa’ xhur tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, għaliex id-data relatata mal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni fuq tnax-il xahar kienet għadha ma hijiex disponibbli.

272    Minn dan jirriżulta li din id-data setgħet tintuża sabiex tikkonferma jew tinvalida l-previżjonijiet li jinsabu fir-regolament tal-Kummissjoni li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju sabiex tippermetti li jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 268 iktar ’il fuq.

273    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tagħhom, indirizzata b’mod impliċitu mill-Kummissjoni, li tipprovdi li dawn l-argumenti tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 92).

 Fuq innatura tassussidji inkwistjoni u leffetti kummerċjali li jista’ jkollhom

274    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni provi li huma stess u partijiet oħra pproduċew fir-rigward tan-natura u tal-effetti tas-sussidji inkwistjoni. Dawn il-provi kienu juru, minn naħa, li l-allegata kunsinna taċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata ma kinitx għadha tipproduċi effetti kummerċjali, għaliex it-taxxa u d-dazju fuq l-esportazzjoni kienu waqfu japplikaw fix-xahar ta’ Diċembru 2018, u, min-naħa l-oħra, li l-ħlasijiet magħmula skont il-programm tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kienu saru nulli bejn ix-xahar ta’ Settembru u x-xahar ta’ Diċembru 2018, qabel ma komplew f’livelli baxxi fix-xahar ta’ Jannar 2019, u lanqas kellhom effetti kummerċjali fuq l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-produtturi tal-bijodiżil Indoneżjani. Barra minn hekk, kull benefiċċju miksub mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt kellu jiġi allokat biss fuq il-bejgħ tal-bijodiżil fis-suq domestiku.

275    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jinvalidaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw it-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-provvista taċ-CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata u l-eżistenza ta’ sussidju fil-forma ta’ trasferiment dirett ta’ fondi min-naħa tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt ġew miċħuda fil-kuntest tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ motiv, rispettivament. L-argumenti dwar it-tqassim tal-ammont tas-sussidju fuq il-fatturat totali tal-bijodiżil ġew miċħuda fil-kuntest tal-ħames motiv.

276    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatti mqajma mir-rikorrenti, relatati mal-iffissar għal żero tat-taxxa tal-esportazzjoni, is-sospensjoni tad-dazju fuq l-esportazzjoni sa mix-xahar ta’ Diċembru 2018 u l-varjazzjoni tal-ħlasijiet magħmula skont il-programm tal-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt, li kollha jirrigwardaw il-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni, ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani ħolqu distorsjoni, permezz ta’ sett ta’ miżuri, tas-suq domestiku taċ-CPO fl-Indoneżja u żammew il-prezz ta’ dan il-prodott f’livell artifiċjalment baxx għall-benefiċċju tal-industrija tal-bijodiżil downstream (ara l-premessi 80, 162, 172, 190 u 203 tar-Regolament provviżorju).

277    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 343 tar-Regolament ikkontestat, kif kienet irrilevat fil-premessa 349 tar-Regolament provviżorju, li s-sussidji inkwistjoni kienu ta’ natura li jżommu l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil Indoneżjan f’livell ta’ prezz li jaffettwa b’mod iktar negattiv lill-industrija tal-Unjoni, u b’hekk ikkonfermat (premessa 351 tar-Regolament ikkontestat) l-evalwazzjoni li tinsab, fil-premessa 350 tar-Regolament provviżorju, li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu jaffettwaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

 Fuq irrata ta’ żieda talimportazzjonijiet issussidjati

278    Ir-rikorrenti jallegaw li d-data relatata mal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni ma turix żieda fl-importazzjonijiet tal-bijodiżil Indoneżjan fis-suq tal-Unjoni u li, konsegwentement, il-probabbiltà li din iż-żieda sseħħ fil-futur hija żgħira.

279    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, u r-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżattezza ta’ din id-data, li mit-Tabella 4 riprodotta fil-premessa 353 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu ikbar matul it-tliet trimestri tal-perijodu tal-investigazzjoni (581 078 tunnellata) milli matul l-erba’ trimestri tal-perijodu ta’ investigazzjoni (516 068 tunnellata). L-argument tar-rikorrenti li l-volum trimestrali tal-importazzjonijiet tal-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni kien inqas mill-volum tal-importazzjonijiet tat-tielet trimestru tal‑2018 ma jistax jinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rata ta’ żieda tal-importazzjonijiet. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 355 tar-Regolament ikkontestat, l-ewwel tliet trimestri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma humiex direttament komparabbli mal-aħħar tliet trimestri tal-perijodu ta’ investigazzjoni minħabba differenzi staġjonali u li l-ogħla punt fl‑2018, ta’ 263 678 tunnellata fit-tielet trimestru, ma jistax jitqabbel mar-riżultat tat-tielet trimestru tal‑2019, peress li l-importazzjonijiet matul dan it-trimestru kienu affettwati mill-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji.

280    Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li d-data relattiva għall-perijodu ta’ wara l-investigazzjoni ma turi ebda żieda tal-importazzjonijiet.

281    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), tirrestrinġi l-importazzjonijiet tal-PME.

282    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ġiet adottata wara l-perijodu ta’ investigazzjoni u li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien jiskadi biss fit‑30 ta’ Ġunju 2021, skont l-Artikolu 36(1) tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(2) tal-imsemmija direttiva, il-limitazzjoni sħiħa tal-importazzjoni ta’ “bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art, prodotti minn għelejjel tal-ikel jew tal-għalf, li għalihom hija osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta’ produzzjoni f’art b’ħażna għolja ta’ karbonju ” ser tkun progressiva, sa mill‑31 ta’ Diċembru 2023, skont l-Artikolu 26(2) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 360 tar-Regolament ikkontestat, li l-effett ta’ din id-direttiva ma kienx prevedibbli u li “minħabba li ma [kienx] jaffettwa[…] l-analiżi kurrenti tat-theddida tad-dannu li l-importazzjonijiet Indoneżjani joħolqu għall-industrija tal-Unjoni fil-futur qrib”.

283    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ilkapaċità liberament disponibbli suffiċjenti talesportatur

284    Fir-rigward tal-kapaċità ta’ produzzjoni liberament disponibbli tal-esportaturi Indoneżjani, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni kontradittorja mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani u minn EBB u li hija għażlet li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni riċevuta minn EBB u r-Rapport “US GAIN ta’ Ġakarta” tal‑2019 dwar il-bijokarburanti Indoneżjani. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-provi disponibbli f’dan ir-rigward ma kinux probatorji.

285    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 244 iktar ’il fuq, hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom.

286    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-istituzzjonijiet jevalwaw riskju ta’ theddida ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni f’pajjiż esportatur, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-eżistenza ta’ swieq oħra ta’ esportazzjoni iżda wkoll l-iżvilupp possibbli tal-konsum domestiku fil-pajjiż esportatur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 81).

287    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fil-premessi 353 u 354 tar-Regolament provviżorju, ibbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani, li jipprovdu li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-produtturi Indoneżjani tal-bijodiżil jaqbżu b’mod sinjifikattiv id-domanda domestika b’madwar 300 % u li l-kapaċitajiet mhux użati tal-produtturi Indoneżjani matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienu meqjusa għal madwar 40 % tal-konsum tal-Unjoni. Huma lanqas jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 373 tar-Regolament ikkontestat li tipprovdi li skont ir-Rapport “US GAIN ta’ Ġakarta” tal‑2019, il-kapaċità Indoneżjana ta’ produzzjoni tal-bijodiżil kellha tiżdied minn 11.5 biljun litru għal 13‑il biljun litru bejn l‑2019 u l‑2021.

288    Ir-rikorrenti jsostnu li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani pprovdew informazzjoni li turi użu mistenni ta’ kapaċitajiet ta’ 85 % għall‑2019. Madankollu, mill-qari tal-argumenti tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani tas‑6 ta’ Settembru 2019 li għalihom jirreferu r-rikorrenti, jidher li l-użu tal-kapaċitajiet ta’ 85 % għall‑2019 jirriżulta minn estrapolazzjoni tad-data disponibbli għall-perijodu ta’ Jannar sa Mejju 2019 u jirrigwarda l-parti tal-produzzjoni użata mid-domanda domestika u esterna. Ir-rikorrenti ma jispjegawx preċiżament kif din id-data tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, anki fl-eżempju sottomess mir-rikorrenti, fl‑2019 15 % tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni baqgħu mhux użati.

289    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani pprovdew informazzjoni intiża sabiex turi li l-Indoneżja kienet ser tgħaddi fl‑2020 minn taħlit obbligatorju msejjaħ “B20”, jiġifieri minn taħlit ta’ bijodiżil u ta’ diżil minerali li jinkludi 20 % ta’ bijodiżil, għal taħlit obbligatorju ta’ “B30”, li jinkludi 30 % ta’ bijodiżil, li kien se jassorbi l-kapaċità kollha liberament disponibbli tal-produtturi Indoneżjani. Għalhekk, il-Kummissjoni żbaljat meta qablet ma’ EBB li kien isostni li l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ taħlit “B20” kien ġab problemi u li l-bidla mill-mandat ta’ taħlit “B20” għal taħlit “B30” setgħet tqajjem problemi simili.

290    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti jsostnu li mir-rapport “US GAIN ta’ Ġakarta” tal‑2019 jirriżulta li l-mandat ta’ taħlit “B20” kien estiż għas-settur tat-trasport li ma jaqax taħt l-obbligi ta’ servizz pubbliku fix-xahar ta’ Settembru 2018 biss, li wassal għal żieda tal-konsum lokali tal-bijodiżil ta’ 54 % fl‑2019 u li r-rata ta’ taħlit ġarrbet żieda esponenzjali sa mill‑2017 (minn 8.2 % fl‑2017 għal 12.7 % fl‑2018, sabiex tilħaq 19.9 % fl‑2019). Id-dikjarazzjonijiet riprodotti fl-imsemmi rapport kienu jiddikjaraw li l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ taħlit “B30” kienet prevista għall‑2020.

291    Mill-premessi 374 sa 376 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet nota tal-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani fir-rigward tal-bidla mill-mandat ta’ taħlit “B20” għal mandat ta’ taħlit “B30”.

292    Issa, fil-premessa 382 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni rrilevat li, skont ir-Rapport “US GAIN ta’ Ġakarta” tal‑2019, il-mandat ta’ taħlit “B20”, li kien mira obbligatorja sa mill‑2016, ma setax jintlaħaq għall-ewwel darba biss fl‑2019, jiġifieri tliet snin wara l-iskadenza stabbilita. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jaċċettaw l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni.

293    Mill-premessa 376 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni studjat id-data pprovduta mill-awtoritajiet pubbliċi Indoneżjani flimkien mal-informazzjoni pprovduta milnn EBB fl-osservazzjonijiet tiegħu tad‑29 ta’ April 2019, li juru li l-operaturi Indoneżjani kienu qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet fid-distribuzzjoni, fid-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-ħżin u tat-taħlit fl-implimentazzjoni tal-mandat ta’ taħlit “B20” u li dan il-mandat kellu l-għan li jnaqqas l-importazzjonijiet tad-diżil minerali, pjuttost milli jnaqqas l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil lejn swieq oħra. Fil-premessa 377 tar-Regolament ikkontestat, hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni pprovduta minn EBB li turi li l-implimentazzjoni tal-mandat ta’ taħlit “B30” kienet mistennija li tieħu ż-żmien.

294    Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ żieda tar-rati ta’ taħlit għal 30 % f’sena waħda, fil-punt 383 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meħuda inkunsiderazzjoni ż-żieda tar-rati ta’ taħlit sa mill‑2011, żieda minn 19.9 % għal 30 % kienet tidher estremament ambizzjuża.

295    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu r-rikorrenti (ara l-punt 290 iktar ’il fuq), iż-żieda l-iktar sinjifikattiva tar-rata ta’ taħlit seħħet mill‑2018 għall‑2019, peress li r-rata ta’ taħlit għaddiet minn 12.7 % għal 19.9 %. Issa, din iż-żieda, ta’ 7.2 punti perċentwali, kienet sostanzjalment inqas mill‑10 punti perċentwali neċessarji sabiex jintlaħaq il-mandat ta’ taħlit “B30” f’sena.

296    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkonformat mal-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha ta’ dan il-każ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 53), u huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li hija kkonkludiet, fil-premessa 384 tar-Regolament ikkontestat, li ma huwiex probabbli li ser jiġi ssodisfatt mandat ta’ taħlit “B30” fil-futur qrib, u li dan kien jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kapaċitajiet mhux użati fl-Indoneżja fil-futur qrib.

297    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti naqsu milli jipprovdu elementi suffiċjenti sabiex jirrendu implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat dwar il-mandat ta’ taħlit. Issa, peress li tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġi ġġustifikat l-annullament ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62), dawn iċ-ċirkustanzi huma suffiċjenti sabiex dawn l-argumenti tar-rikorrenti jiġu miċħuda.

 Fuq illivell talprezz tal-importazzjonijiet issussidjati

298    Ir-rikorrenti jsostnu li, fir-rigward tal-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet issussidjati, il-Kummissjoni rreferiet biss għall-konklużjonijiet tagħha fil-qasam tat-twaqqigħ tal-prezz, li, kif intwera fil-kuntest tal-ewwel motiv, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma jeżerċitawx pressjoni fuq il-prezzijiet tal-Unjoni.

299    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom huma intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, waqt id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, u li l-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja kienu eżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet tal-Unjoni, ġew miċħuda fl-intier tagħhom. Barra minn hekk, mit-Tabella 7 riprodotta fil-premessa 283 tar-Regolament provviżorju u li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li l-prezz tal-importazzjoni tal-bijodiżil mill-Indoneżja kien ta’ EUR 671 għal kull tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li, kif jirriżulta mit-Tabella 11 riprodotta fil-premessa 325 tar-Regolament provviżorju, il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni waqa’ minn EUR 832 għal kull tunnellata għal EUR 794 għal kull tunnellata bejn l‑2017 u l-perijodu ta’ investigazzjoni.

300    Konsegwentement, dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda u, għalhekk, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet taddifiża tarrikorrenti

301    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li ċerta informazzjoni kienet ġiet żvelata lilhom biss fir-Regolament ikkontestat, u għalhekk ċaħħdithom mill-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi eskluż li kieku huma setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn il-punti, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

302    Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

303    Skont l-imsemmi prinċipju, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ sussidji u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76, u tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, T‑35/01, EU:T:2004:317, punt 289 u l-ġurisprudenza ċċitata).

304    Għalkemm huwa minnu li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antisussidji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eżistenza ta’ irregolarità f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet tista’ twassal għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazju kumpensatorju biss sa fejn ikun hemm possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata (ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

305    Skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent li juri li d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li dan ir-rikorrent kien ikun jista’ jiddefendi ruħu aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali li taffettwa b’hekk konkretament id-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 78 u 79).

306    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġewx miksura matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

307    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet, fil-premessi 230 sa 233 tar-Regolament ikkontestat, konstatazzjonijiet ġodda dwar is-sensittività dgħajfa tad-domanda tal-bijodiżil għall-varjazzjonijiet tal-prezz fis-suq tal-bijodiżil tal-Unjoni, billi ddikjarat li prezz inqas tal-bijodiżil ma kienx iwassal għal żieda tal-konsum u li għalhekk il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma kienet tirrendi xejn irrispettivament mill-materja prima użata.

308    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Permezz tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 230 sa 233 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat il-portata tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti, qabelxejn, fil-premessa 289 tar-Regolament provviżorju, jiġifieri li “fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-klijent finali li jixtri l-bijodiżil ma jkunx konxju, u lanqas ikkonċernat, mill-materja prima li tkun intużat fil-produzzjoni, iżda jeżiġi prodott li jissodisfa ċertu livell massimu ta’ CFPP”, imbagħad, fil-premessa 299 tal-imsemmi regolament, jiġifieri li “l-importazzjonijiet tal-PME mill-Indoneżja bi prezzijiet sussidjati ikollhom l-effett li jbaxxu l-prezz ta’ ħafna mit-taħlitiet mibjugħa fis-suq tal-Unjoni”, u, fl-aħħar nett, fil-premessa 328 tal-istess regolament, jiġifieri li “twaqqigħ tal-prezz ta’ madwar 10 % jagħmel pressjoni ’l isfel sinifikanti fuq il-prezzijiet”. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jippretendu li l-premessi 230 sa 233 tar-Regolament ikkontestat kienu jinkludu elementi ġodda li jimmodifikaw l-analiżi sostnuta sa issa mill-Kummissjoni u li fuqhom hija kellha tippreżenta osservazzjonijiet.

309    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li introduċiet, fil-premessi 251 sa 254 tar-Regolament ikkontestat, konstatazzjonijiet ġodda dwar it-tibdil li seħħ fis-suq tal-Unjoni sa mill-investigazzjoni preċedenti u dwar il-fatt li l-importazzjonijiet tal-PME kienu f’kompetizzjoni ma’ tipi oħra tal-bijodiżil.

310    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Ir-rikorrenti ma jistgħux ma jkunux jafu li issa l-industrija tal-Unjoni kienet tipproduċi l-PME. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni kienet esposta fil-premessi 292 sa 294 tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkritikat lill-Kummissjoni li kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma għarrfithomx bil-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet tipproduċi l-PME.

311    Għaldaqstant, il-Kummissjoni esponiet fir-Regolament provviżorju, matul il-proċedura amministrattiva li tintemm mal-adozzjoni tar-regolament definittiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il‑Kunsill, T‑88/98, EU:T:2002:280, punt 131), il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-elementi invokati mir-rikorrenti esposti fil-punti 307 u 309 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kellhom sa mill-istadju tal-komunikazzjoni tar-Regolament provviżorju l-possibbiltà li jargumentaw il-perspettiva tagħhom dwar dawn il-punti.

312    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-seba’ motiv għandu jiġi eskluż u, konsegwentement, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

313    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni u ta’ EBB, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u ta’ EBB.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PT Pelita Agung Agrindustri u PT Permata Hijau Palm Oleo huma kkundannati għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 Diċembru 2022.

Firem


Werrej


Il fatti li wasslu għallkawża

It-talbiet tal partijiet

Id dritt

Fuq l ewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 8(1) u (2) tarRegolament bażiku waqt iddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezz

Fuq l ewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taddata rilevanti kollha fiddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezz

– Fuq lewwel metodu ta’ kalkolu

– Fuq ittieni metodu ta’ kalkolu

– Fuq ittielet metodu ta’ kalkolu

Fuq it tieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq lassenza ta’ determinazzjoni tattwaqqigħ talprezzijiet għallprodott talindustrija talUnjoni kollu kemm hu u talfatt li sostniet b’mod żbaljat leżistenza ta’ pressjoni fuq ilprezzijiet

– Fuq iddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezzijiet għallprodott kollu kemm hu

– Fuq ilpressjoni fuq ilprezzijiet

Fuq it tieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li rRegolament ikkontestat, flanaliżi tiegħu tarrabta kawżali, kiser lArtikolu 8(5) tarRegolament bażiku

Fuq it tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni meta hija kkonkludiet leżistenza ta’ sussidju filforma ta’ provvista ta’ CPO għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

Fuq l ewwel parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(iv) tal-Artikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lawtoritajiet pubbliċi Indoneżjani inkarigaw lillfornituri taċCPO, jew ordnawlhom, jipprovdu lprodotti tagħhom għal remunerazzjoni inqas minn adegwata

– Fuq ittaxxa u d-dazju fuq lesportazzjoni

– Fuq ilkontroll talprezzijiet minn PTPN

Fuq it tieni parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(b) talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li lawtoritajiet pubbliċi Indoneżjani kienu appoġġjaw iddħul jew ilprezzijiet

Fuq it tielet parti tattielet motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 talArtikolu 3 u talArtikolu 6(d) tarRegolament bażiku, u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kkonkludiet li kien ingħata benefiċċju lillprodutturi Indoneżjani

Fuq ir raba’ motiv, ibbażat fuq ilfatt li, billi kkonkludiet leżistenza ta’ sussidju filforma ta’ trasferiment dirett ta’ fondi, ilKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret ilpunt 1(a)(i) talArtikolu 3 u lpunt 2 talArtikolu 3 tarRegolament bażiku

Fuq l ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 1(a)(i) talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ilKummissjoni kklassifikat bħala sussidji lħlasijiet magħmula millFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt

Fuq it tieni parti tarraba’ motiv, ibbażata fuq ksur talpunt 2 talArtikolu 3 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni meta kkonkludiet leżistenza ta’ benefiċċju

Fuq il ħames motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 7 tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni filkalkolu talammont talbenefiċċju mogħti milliskema talFond għallPjantaġġuni talPalm tażŻejt

Fuq l assenza ta’ tnaqqis taddazji fuq lesportazzjoni u talispejjeż tattrasport millammont tassussidju

Fuq it tqassim talammont tassussidju fuq ilfatturat totali talbijodiżil

Fuq is sitt motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 8(1) u (8) tarRegolament bażiku fid-determinazzjoni tależistenza ta’ theddida ta’ dannu materjali

Fuq is sitwazzjoni talindustrija talUnjoni

Fuq in natura tassussidji inkwistjoni u leffetti kummerċjali li jista’ jkollhom

Fuq ir rata ta’ żieda talimportazzjonijiet issussidjati

Fuq il kapaċità liberament disponibbli suffiċjenti talesportatur

Fuq il livell talprezz tal-importazzjonijiet issussidjati

Fuq is seba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet taddifiża tarrikorrenti

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż