Language of document : ECLI:EU:C:2015:733

Kawża C‑174/14

Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA

vs

Fazenda Pública

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar – Kunċett ta’ ‘korp irregolat bid-dritt pubbliku’ – Kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata responsabbli mill-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni ta’ servizz tas-saħħa tar-reġjun awtonomu ta’ Açores – Determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ dawn is-servizzi, inkluż ir-remunerazzjoni tagħhom, f’kuntratti-qafas konklużi bejn din il-kumpannija u dan ir-reġjun”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Persuni taxxabbli – Organi rregolati mid-dritt pubbliku – Eżenzjoni mit-taxxa għall-attivitajiet eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi – Eċċezzjonijiet – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 9 u 13)

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Persuni taxxabbli – Attivitàjiet ekonomiċi – Kunċett – Provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni ta’ servizz reġjonali tas-saħħa – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 9(1))

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Prinċipji – Interpretazzjoni awtonoma – Limiti

4.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Persuni taxxabbli – Organi rregolati mid-dritt pubbliku – Eżenzjoni mit-taxxa għall-attivitajiet eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi – Kunċett – Provvista minn kumpannija ta’ servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni ta’ servizz reġjonali tas-saħħa – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ attività ekonomika – Klassifikazzjoni tal-kumpannija ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku – Interpretazzjoni awtonoma

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(9); Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 13(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31-33)

2.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u amministrazzjoni tas-servizz tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn din il-kumpannija u l-imsemmi reġjun.

F’dan ir-rigward, ir-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv riċevut ma tidhirx li tista’ tiġi kkontestata minħabba l-fatt li, l-attività tal-fornitur għandha l-għan li teżegwixxi obbligu kostituzzjonali impost esklużivament u direttament fuq l-Istat skont il-Kostituzzjoni nazzjonali, jiġifieri l-obbligu li jiġi implementat servizz nazzjonali tas-saħħa għal kulħadd u potenzjalment bla ħlas li għandu jiġi essenzjalment iffinanzjat minn riżorsi pubbliċi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, titqies persuna taxxabbli kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq attività ekonomika, ikunu x’ikunu l-għanijiet u r-riżultati ta’ din l-attività.

(ara l-punti 39, 40, 42 u d-dispożittiv 1)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 52)

4.        L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u ta’ amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn din il-kumpannija u l-imsemmi reġjun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kumpannija għandha tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku u li hija twettaq l-imsemmija attività bħala awtorità pubblika, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-eżenzjoni tal-attività msemmija ma hijiex tali li twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċerta importanza.

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika stabbilit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].

(ara l-punt 75 u d-dispożittiv 2)