Language of document : ECLI:EU:T:2013:451

Kawża T‑333/10

Animal Trading Company (ATC) BV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Spezzjonijiet sanitarji — Miżuri ta’ protezzjoni f’sitwazzjoni ta’ kriżi — Miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-preżenza ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi — Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi — Nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali — Direttivi 91/496/KE u 92/65/KE — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Dmir ta’ diliġenza — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kundizzjonijiet kumulattivi

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni limitat jew ineżistenti meta tadotta l-att — Neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kuntestwali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni — Verifiki veterinarji u żootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda minħabba l-perikolu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem — Ksur tad-dmir ta’ diliġenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 37 KE; Direttiva tal-Kunsill 91/496, Artikolu 18(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760)

4.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u żootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Miżuri ta’ protezzjoni fil-każ ta’ perikolu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikoli 3(p) KE 6 KE, 152(1) KE, 153(1) u (2) KE, u 174(1) u (2) KE; Direttiva tal-Kunsill 91/496, Artikolu 18(1))

5.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u żootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Direttiva 91/496 — Miżuri ta’ protezzjoni kontra l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja — Portata ġeografika wiesgħa minkejja l-assenza ta’ prova xjentifika — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Direttiva tal-Kunsill 91/496, Artikolu 18(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760)

6.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u żootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ regolamenti li għandhom l-effett li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 92/65 — Bażi legali adatta

(Artikoli 37 KE, 152 KE u 174 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 318/2007; Direttivi tal-Kunsill 89/662, Artikolu 17, u 92/65, Artikoli 17(2)(b), (3)(ċ) u (4)(a), 18(1) u 26)

7.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u żootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ regolamenti li għandhom l-effett li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 318/2007; Direttiva tal-Kunsill 92/65, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1)

8.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u żootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Regolament Nru 318/2007 li jimponi projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Dritt għall-proprjetà u eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali — Restrizzjonijiet iġġustifikati fl-interess ġenerali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16 u 17; Regolament tal-Kummissjoni Nru 318/2007)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Responsabbiltà li tirriżulta minn att leċitu — Aġir li jaqa’ taħt il-kompetenza normattiva tal-Unjoni — Esklużjoni — Limiti

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 61)

2.      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, meta l-istituzzjoni kkonċernata jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitat, jekk mhux ukoll ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha tkun li tagħti drittijiet lill-individwi. Madankollu, ma hemm ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm hija ta’ natura determinanti, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex kriterju esklużiv. Hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni, wara li tkun l-ewwel nett iddeterminat jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni, għandha mbagħad tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonata jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq.

(ara l-punti 62, 63)

3.      Fir-rigward tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ għasafar maqbudin, eventwali ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni għandu jkun ibbażat fuq nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-qasam tal-politika agrikola komuni taħt l-Artikolu 37 KE. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jimplika n-neċessità, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jantiċipa u jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta.

F’dan ir-rigward, billi adottat id-Deċiżjoni 2005/760, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni, fl-assenza ta’ motivazzjoni u ta’ elementi fattwali konkreti u suffiċjentement issostanzjati minn perspettiva xjentifika li kellhom ikunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-approċċ globali meħud fl-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji kemm jista’ jkun eżawrjenti, naqset milli tosserva d-dmir ta’ diliġenza tagħha u, għaldaqstant, kisret dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, meta adottat aġir li ma kinitx tieħu istituzzjoni diliġenti f’ċirkustanzi identiċi. Dan il-ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza huwa suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni illegali tad-Deċiżjoni 2005/760.

(ara l-punti 64, 84, 91, 93)

4.      Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jobbliga lill-awtoritajiet ikkonċernati jieħdu, fil-kuntest speċifiku tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri adegwati sabiex jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent, filwaqt li jagħtu iktar preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-interessi ekonomiċi, u dan mingħajr ma jistennew li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji. B’mod partikolari, meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, dan il-prinċipju jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi u oġġettivi.

Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni fuq il-bażi tal-ewwel ipoteżi prevista fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, jiġifieri li tfaqqa’ jew testendi ruħha żoonożi, marda jew fenomenu ieħor li jista’ jkun ta’ theddida serja għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ bis-saħħa tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Għalhekk, din tista’, inkonformità ma’ dan il-prinċipju, tieħu miżuri ta’ protezzjoni sabiex tevita t-tixrid potenzjali ta’ tali mard li jista’ jikkostitwixxi perikolu gravi għall-annimali u għas-saħħa tal-bniedem, meta dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet gravi marbuta mas-saħħa tal-bniedem jew mas-saħħa tal-annimali. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ukoll marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju kkunsidrat inaċċettabbli għas-soċjetà għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni.

(ara l-punti 79-82)

5.      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. B’hekk, dak li huwa meħtieġ ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri meħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni humiex l-uniċi jew l-aħjar miżuri possibbli, iżda li jiġi ddeterminat jekk dawn humiex jew le manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan segwit.

Fir-rigward ta’ miżura ta’ protezzjoni adottata mill-Kummissjoni bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, u li tordna s-sospensjoni temporanja tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi b’mod ġenerali, miżura li tkun ittieħdet bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-annimali jew is-saħħa tal-bniedem, tali miżura tkun manifestament sproporzjonata, minn tal-inqas minn perspettiva ġeografika, meta ma jkunx hemm provi xjentifiċi li jistgħu jiġġustifikawha. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex stabbilit li ma kienx hemm miżuri inqas onerużi, jiġifieri sospensjoni tal-importazzjoni iktar limitata ġeografikament u, għaldaqstant, li l-miżura kienet neċessarja u adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

(ara l-punti 99, 102, 103)

6.      Sa fejn jistabbilixxi projbizzjoni totali u mingħajr distinzjoni fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom, ir-Regolament Nru 318/2007, li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, huwa bbażat fuq bażi legali suffiċjenti, jiġifieri l-Artikolu 17(2)(b) u (3), u l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/65, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) tad-Direttiva 90/425.

Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-regoli li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ annimali, kif stabbiliti, b’mod partikolari, permezz tad-Direttiva 92/65, huma bbażati fuq il-prinċipju li, għal raġunijiet marbuta mas-saħħa tal-annimali u għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, kull importazzjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi hija, bħala prinċipju, ipprojbita u hija permessa biss jekk ikun hemm awtorizzazzjoni espliċita marbuta mat-twettiq ta’ formalitajiet u ta’ kontrolli obbligatorji qabel l-importazzjoni.

It-tieni nett, mill-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jirriżulta li l-importazzjoni fl-Unjoni tista’ titwettaq biss jekk ikunu osservati r-rekwiżiti msemmija fid-Direttiva 92/65, fosthom dak previst fl-Artikolu 17(2) tagħha. Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata teskludi jew tħassar ċerti pajjiżi terzi minn din il-lista, bil-konsegwenza li tkun awtomatikament ipprojbita kwalunkwe importazzjoni ta’ annimali mill-pajjiżi msemmija.

It-tielet nett, mill-Artikolu 17(3)(ċ), mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(4)(a) u mill-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/65 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tistabbilixxi r-regoli dwar is-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ annimali, fis-sens tal-ħames premessa tal-imsemmija direttiva.

Ir-raba’ nett, anki jekk id-Direttiva 92/65 hija bbażata biss fuq l-Artikolu 37 KE dwar il-politika agrikola komuni, din taqa’ wkoll fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent taħt l-Artikolu 152 KE u taħt l-Artikolu 174 KE, u, għaldaqstant, din għandha tiġi interpretata wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni li fir-rigward tal-implementazzjoni tiegħu l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3)(ċ) tad-Direttiva 92/65.

(ara l-punti 139-144, 146, 147)

7.      Fir-rigward tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom adottata permezz tar-Regolament Nru 318/2007, li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, is-sempliċi fatt li riskju ta’ livell ekwivalenti għal dak ippreżentat mill-għasafar selvaġġi seta’, jekk ikun il-każ, jiġġustifika li jiġu esklużi wkoll kategoriji oħra ta’ għasafar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura tali li jista’ jwassal għal inugwaljanza fit-trattament għad-detriment tal-għasafar selvaġġi, u dan sa fejn ħadd ma jista’ juża l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-osservanza tiegħu għandha tiġi kkonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, sabiex jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor. Bl-istess mod, l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-għasafar tad-dar u l-għasafar selvaġġi, li hija imputabbli biss lir-regoli speċifiċi applikabbli għall-għasafar tad-dar koperti mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/65, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) tad-Direttiva 90/425, lanqas ma tista’ taffettwa l-legalità tar-Regolament Nru 318/2007 sa fejn dan ma jawtorizzax l-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi.

(ara l-punti 172, 181)

8.      Fir-rigward tal-miżuri ta’ projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom adottati bis-saħħa tar-Regolament Nru 318/2007, li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, dawn il-miżuri għandhom għan leġittimu ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali kontra r-riskju li jinfirex il-virus tal-influwenza tat-tjur, u dawn ma humiex manifestament sproporzjonati għal dan il-għan. Għalhekk, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma intervent sproporzjonat u intollerabbli li ppreġudika l-qofol stess tad-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrenti u tal-libertà tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika. F’dan ir-rigward, sa fejn ir-regolament imsemmi jkompli jawtorizza l-importazzjoni ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq, l-attività ekonomika ta’ importazzjoni ta’ tali għasafar għadha possibbli.

(ara l-punt 190)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 195)