Language of document : ECLI:EU:C:2021:799

Kawża C561/19

Consorzio Italian Management
u
Catania Multiservizi SpA

vs

Rete Ferroviaria Italiana SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Portata tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza li jagħmlu rinviju – Eċċezzjonijiet minn dan l-obbligu – Kriterji – Domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-partijiet fil-proċedura nazzjonali wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat sentenza preliminari f’dik il-proċedura – Assenza ta’ preċiżazzjonijiet tar-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari – Inammissibbiltà parzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

1.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi dwar l-interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Portata – Domanda magħmula wara l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-istess kawża – Assenza ta’ effett – Eżistenza tal-motivi ta’ inammissibbiltà inerenti għall-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju – Assenza ta’ obbligu ta’ rinviju – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 32, 33, 50, 51, 58, 59, 61 sa 66, u d-dispożittiv)

2.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi dwar l-interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Assenza – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ dubju raġonevoli – Kriterji

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 39 sa 42 u 44 sa 49)

3.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi dwar l-interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Portata – Domanda mqajma minn parti – Assenza ta’ effett

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 53 sa 55, 57)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-ġurisprudenza tagħha “Cilfit” dwar is-sitwazzjonijiet li fihom il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari

Peress li tali qorti tqis li hija tista’ tastjeni milli tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru l-eżistenza ta’ waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jippermettulha tagħmel dan

Fl-2017, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ kawża dwar kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ tindif, b’mod partikolari, ta’ stazzjonijiet ferrovjarji Taljani. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fl-2018 (1). Il-partijiet f’din il-kawża sussegwentement talbu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domandi preliminari oħra.

Huwa f’dan il-kuntest li, fl-2019, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ġdid. Hija kienet qiegħda tfittex, b’mod partikolari, li tkun taf jekk qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza għandhiex l-obbligu li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta din id-domanda titressaq quddiemha minn parti fi stadju avvanzat tal-iżvolġiment tal-proċedura, wara li l-kawża tkun ġiet iddeliberata għall-ewwel darba jew meta l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun diġà sar f’din il-kawża.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tafferma mill-ġdid il-kriterji identifikati fis-sentenza Cilfit (2), li tipprevedi tliet sitwazzjonijiet li fihom il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza ma humiex suġġetti għall-obbligu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (3):

i)      id-domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima;

ii)      id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja;

iii)      l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tistax tinħeles mill-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għas-sempliċi raġuni li hija tkun diġà ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istess kawża.

Fir-rigward tat-tielet sitwazzjoni mfakkra hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-assenza ta’ dubju raġonevoli għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar u r-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni. Qabel ma tikkonkludi li ma hemmx dubju raġonevoli rigward l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza għandha tkun konvinta li dan ikun ugwalment ovvju għall-qrati l-oħra tal-Istati Membri li jiddeċiedu fl-aħħar istanza u għall-Qorti tal-Ġustizzja.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinqara b’diversi modi ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tagħha. Madankollu, meta l-eżistenza ta’ linji ta’ ġurisprudenza diverġenti — fi ħdan qrati tal-istess Stat Membru jew bejn qrati ta’ Stati Membri differenti — fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali tinġab għall-attenzjoni tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, din għandha tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha dwar eventwali assenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjoni.

Il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza għandhom jevalwaw taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom, b’mod indipendenti u bl-attenzjoni kollha li hija meħtieġa, jekk huma jinsabux f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li tippermettilhom li jastjenu ruħhom milli jissottomettu lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tqajmet quddiemhom. Peress li tali qorti tikkunsidra li hija meħlusa mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru l-eżistenza ta’ waħda minn dawn it-tliet sitwazzjonijiet.

Barra minn hekk, meta l-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun tinsab f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, hija ma hijiex obbligata li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta d-domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem minn parti fil-proċedura quddiemha.

Min-naħa l-oħra, jekk id-domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tikkorrispondi għal ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza għandha l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt li l-imsemmija qorti diġà ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali ma jqiegħedx f’dubju l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari meta domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li r-risposta għaliha tkun neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima tibqa’ teżisti wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura għandha ssir domanda preliminari. Madankollu, qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tastjeni milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà speċifiċi għall-proċedura quddiem dik il-qorti. Fil-fatt, fil-każ fejn il-motivi mqajma quddiem tali qorti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkunsidrata li hija neċessarja u rilevanti sabiex din il-qorti tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Ir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza (4) u ta’ effettività (5).


1      Sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264).


2      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335).


3      Dan l-obbligu huwa previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.


4      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li r-regoli kollha applikabbli għall-azzjonijiet ikunu japplikaw mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, li huma bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali.


5      Skont il-prinċipju ta’ effettività, ir-regoli proċedurali ma għandhomx ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.