Language of document : ECLI:EU:C:2009:648

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Viżi, ażil u immigrazzjoni – Miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni – Artikolu 62 (1) u (2)(a) KE – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikoli 6b u 23 – Regolament (KE) Nru 562/2006 – Artikoli 5, 11 u 13 – Preżunzjoni fir-rigward tat-tul tas-soġġorn – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-impożizzjoni ta’ multa jew it-tkeċċija, skont iċ-ċirkustanzi”

Fil-Kawżi magħquda C‑261/08 u C‑348/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Murcia (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Ġunju u tat-22 ta’ Lulju 2008, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fid-19 ta’ Ġunju u fit-30 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

María Julia Zurita García (C‑261/08),

Aurelio Choque Cabrera (C‑348/08)

vs

Delegado del Gobierno en la Región de Murcia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn P. Lindh, President tas-Sitt Awla, li taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat-13 ta’ Ġunju 2008, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2008, sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑261/08 jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Ġunju 2008, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jiġix suġġett għal proċedura b’urġenza,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Choque Cabrera, minn E. Bermejo Garrés, procuradora, u A. Corbalan Maiquez, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. Fiengo u W. Ferrante, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern tal-Awstrija, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wilderspin u E. Adsera Ribera, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 62 (1) u (2)(a) KE kif ukoll tal-Artikoli 5, 11 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1).

2        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn ċittadini Bolivjani, jiġifieri M.J. Zurita Garcia (Kawża C‑261/08) u A. Choque Cabrera (Kawża C‑348/08), u d-Delegado del Gobierno en la Región de Murcia (rappreżentant tal-gvern fir-reġjun ta’ Murcia, iktar ’il quddiem id-“Delegado del Gobierno”) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ tkeċċija mit-territorju Spanjol, flimkien ma projbizjoni ta’ ħames snin milli jidħlu fiż-żona Schengen, adottati fil-konfront tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Il-Protokoll ta’ Schengen

3        Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), tlettax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni iktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif iddefinit fl-Anness tal-imsemmi protokoll. Din il-kooperazzjoni titwettaq fil-kuntest ġuridiku u istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

4        Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, jiġifieri mill-1 ta’ Mejju 1999, l-acquis ta’ Schengen għandu japplika immedjatament għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll.

5        L-Acquis ta’ Schengen huwa magħmul b’mod partikolari mill-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 2, p. 3), kif ukoll il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 2, p. 9), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar ir-rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen u l-manwali komuni għal dan l-għan (ĠU L 153M, p. 268, iktar ’il quddiem “KIFS”).

6        Skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fl-20 ta’ Mejju 1999, id-Deċiżjoni 1999/436/KE, li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152). Mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mal-Anness A tagħha, jirriżulta li l-Kunsill identifika l-Artikoli 62 KE u 63 KE, li jagħmlu parti mit-Titolu IV tat-Trattat KE, intitolat “Il-Visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni” bħala l-bażi legali tal-Artikolu 23 tal-KIFS.

 Il-KIFS

7        L-Artikolu 6b tal-KIFS jipprovdi:

“1      Jekk id-dokument ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux timbru tad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jippreżumu li d-detentur ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa, l-kondizzjonijiet ta’ dewmien tal-waqfa applikabbli fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat.

2      Din il-presunzjoni tista’ tiġi ribattuta fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli bħal biljetti tat-trasport jew prova tal-presenza tiegħu jew tagħha [barra mit]-territorju tal-Istati Membri, li turi li hu jew hi irrispetta/t l-kondizzjonijiet li jirrelataw mad-dewmien ta’ waqfa qasira.

[...]

3      Fil-każ li l-presunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġiex ribattuta, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi mkeċċi mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju ta’ l-Istati Membri kkonċernati.”

8        L-Artikolu 23 tal-KIFS jipprovdi:

“1.      Aljeni li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli fit-territorju ta’ Parti Kontraenti huma normalment meħtieġa li jitilqu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti immedjatament.

[...]

3.      Meta dawn l-aljeni ma jkunux telqu volontarjament, jew fejn wieħed jista’ jassumi li dawn m’humiex sejrin jagħmlu hekk, jew fejn it-tluq immedjat tagħhom jinħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew politika pubblika, huma jridu jitkeċċew mit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn jinqabdu, skond il-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti. Jekk taħt dik il-liġi t-tkeċċija ma tkunx awtorizzata, il-Parti Kontraenti konċernata tista’ tippermetti lill-persuni konċernati li jibqgħu fit-territorju tagħha.

[...]

5.      Il-Paragrafu 4 ma jwaqqafx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta’ ażil, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 33(1) ta’ din il-Konvenzjoni.”

 Ir-Regolament Nru 562/2006

9        Ir-Regolament Nru 562/2006 jikkodifika t-testi eżistenti fil-qasam tal-kontroll fil-fruntieri u jfittex li jikkonsolida u jiżviluppa l-aspett leġiżlattiv tal-politika ta’ amministrazzjoni integrata tal-fruntieri billi jispeċifika r-regoli dwar il-qsim tal-fruntieri esterni.

10      Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

“1      Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)      ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

b)      ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65], ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu;

ċ)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni Schengen] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.

[…]”

11      Il-kliem tal-Artikolu 11 (1) u (3) tar-Regolament Nru 562/2006, dwar il-preżunzjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-tul ta’ soġġorn, huwa identiku għal dak tal-Artikolu 6 (1) u (3) tal-KIFS, ħlief għall-verżjoni Spanjola li fl-Artikolu 11(3) tipprovdi:

“fil-każ fejn il-preżunzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma tiġix ribattuta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikeċċu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat”.

12      Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, li jirriġwarda ċ-ċaħda tad-dħul:

“1.      Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(4) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet speċjali dwar id-dritt ta’ l-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

[…]”

13      Skont l-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-regolament, l-Artikoli 2 sa 8 tal-KIFS għandhom jiġu revokati b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2006.

14      Ir-Regolament Nru 562/2006, skont l-Artikolu 40 tiegħu, daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2006.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      Il-Liġi Qafas 4/2000 fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-barranin fi Spanja u fuq l-integrazzjoni soċjali tagħhom (Ley Orgánica sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social) tal-11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 12, tat-12 ta’ Jannar 2000, p. 1139) ġiet emendata bil-Liġi Qafas 8/2000 tat-22 ta’ Diċembru 2000 (BOE Nru 307, tat-23 ta’ Diċembru 2000, p. 45508), kif ukoll bil-Liġi Qafas 14/2003, tal-20 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 279, tal-21 ta’ Novembru 2003, p. 41193, iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-barranin”).

16      L-Artikolu 28(3) tal-liġi fuq il-barranin, li tirregola t-tluq tal-barranin minn Spanja, jipprovdi:

“It-tluq [mit-territorju Spanjol] huwa obligatorju fis-sitwazzjonijiet segwenti:

[...]

c)      fil-każ ta’ ċaħda amministrattiva tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-barrani sabiex ikun jista’ jibqa’ fit-territorju Spanjol jew fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni li tawtorizzah ikun fi Spanja.”

17      Skont l-Artikolu 51 tal-liġi fuq il-barranin, il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dħul u s-soġġorn tal-barranin huwa kklassifikat skont il-gravità tiegħu bħala “inqas serju”, “serju” u “serju ħafna”.

18      L-Artikolu 53(a) tal-imsemmija liġi jiddefinixxi bħala ksur serju:

“Il-fatt li wieħed ikun jinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Spanjol minħabba li l-estensjoni tas-soġġorn jew il-permess ta’ residenza ma jkunux inkisbu jew ikunu ilhom iktar minn tliet xhur li skadew mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun talbet it-tiġdid tagħhom fit-terminu previst mil-liġi.”

19      Skont l-Artikolu 55 tal-liġi fuq il-barranin, f’każ ta’ ksur serju tista’ tiġi imposta multa ta’ mhux iktar minn EUR 6000. Meta timponi s-sanzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tapplika kriterji ta’ proporzjonalità, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ ħtija, d-dannu prodott, ir-riskju li jirriżulta mill-ksur kif ukoll il-konsegwenzi tiegħu.

20      L-Artikolu 57 tal-liġi fuq il-barranin, li jirrigwarda t-tkeċċija mit-territorju, jipprovdi:

“1.      Meta l-awturi tal-ksur ikunu barranin u l-aġir inkwistjoni jkun ikklassifikat mil-liġi bħala serju ħafna jew serju fis-sens tal-Artikolu 53(a), (b), (ċ), (d) u (f) ta’ din il-liġi qafas, il-multa tista’ tiġi ssostitwita bi tkeċċija mit-territorju Spanjol, fi tmiem il-proċedura amministrattiva korrispondenti.

2.      Kawża oħra ta’ tkeċċija, wara l-proċedura amministrattiva korrispondenti, hija kkostitwitta mill-fatt li l-barrani ġie kkundannat, fi Spanja jew post ieħor, minħabba aġir intenzjonali li f’pajjiżna jikkostitwixxi delitt li jinvolvi piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, ħlief jekk il-preċedenti penali jkunu ġew imħassra mir-rekord kriminali.

3.      Is-sanzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ multa ma jistgħu fl-ebda każ jiġu imposti flimkien.

[...]”

21      L-Artikolu 158 tad-Digriet Irjali 2393/2004, li adotta r-regolament ta’ applikazzjoni tal-liġi fuq il-barranin (Reglamento de la Ley de Extranjería) tat-30 ta’ Diċembru 2004, (BOE Nru 6, tas-7 ta’ Jannar 2005, p. 485) jipprovdi:

“1.      Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni li tawtorizzah ikun fi Spanja, b’mod partikolari minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ soġġorn mhumiex jew m’għadhomx sodisfatti, jew fil-każ ta’ ċaħda amministrattiva tal-applikazzjonijiet għall-estensjoni tas-soġġorn, ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ kull dokument ieħor meħtieġ sabiex il-barrani jkun jista’ jibqa fit-territorju Spanjol, […] id-deċiżjoni amministrattiva għandha tinforma lill-persuna kkonċernata li hija għandha l-obbligu li titlaq mill-pajjiż, bla ħsara għall-possibbiltà li dan l-avviż jinkiteb ukoll fuq il-passaport jew fuq dokument analogu jew saħansitra fuq dokument separat jekk il-persuna kkonċernata tinsab fi Spanja b’dokument tal-identità li ma jippermettix li fuqu jitniżżel l-avviż ad hoc.

[...]

2.      It-tluq obbligatorju għandu jseħħ fit-terminu previst bid-deċiżjoni ta’ ċaħda jew, jekk ikun il-każ, sa mhux iktar tard minn 15-il ġurnata min-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali u jekk il-persuna kkonċernata tista’ tipprova li għandha biżżejjed mezzi biex tgħix; f’dan il-każ, it-terminu jista’ jiġi estiż għal mhux iktar minn 90 ġurnata. Jekk it-terminu jiskadi mingħajr ma jkun seħħ it-tluq, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet li dan ir-regolament jipprovdi fir-rigward tal-każijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 53(a) tal-liġi [fuq il-barranin].

3.      Jekk il-barranin li għalihom jirreferi dan l-artikolu effettivament jitilqu mit-territorju Spanjol skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, huma ma jkunux suġġetti għal projbizzjoni ta’ dħul u jkunu jistgħu jerġgħu jiġu Spanja, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli li jirregolaw l-aċċess għat-territorju Spanjol.

[...]”

22      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Supremo jinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq fis-sens li, peress li t-tkeċċija hija sanzjoni, id-deċiżjoni li timponiha għandha tkun motivata b’mod speċifiku u għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

23      Mill-proċessi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-prattika, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux id-dritt li jidħol u jissoġġorna fi Spanja u fejn l-aġir tiegħu ma jkunx ta’ lok għal ċirkustanzi aggravanti, is-sanzjoni imposta għandha tkun limitata għal multa, fin-nuqqas ta’ elementi supplimentari li jiġġustifikaw li minflok il-multa tiġi applikata t-tkeċċija.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

24      Fil-Kawża C‑261/08, fis-26 ta’ Settembru 2006 l-awtoritajiet kompetenti bdew proċedura amministrattiva għal ksur tal-Artikolu 53(a) tal-liġi fuq il-barranin kontra M.J. Zurita Garcia, ċittadina Bolivjana li kienet tinsab f’sitwazzjoni irregolari fi Spanja jew minħabba li ma kinitx kisbet l-estensjoni tas-soġġorn jew il-permess ta’ residenza, jew inkella minħabba li l-validità ta’ dawn id-dokumenti kienet ilha li skadiet għal iktar minn tliet xhur mingħajr ma l-persuna kkonċernata ma kienet talbet it-tiġdid tagħhom.

25      L-imsemmija proċedura wasslet sabiex id-Delegado del Gobierno jadotta, fil-15 ta’ Novembru 2006, deċiżjoni li tordna li l-persuna kkonċernata titkeċċa mit-territorju Spanjol. Din is-sanzjoni kienet akkompanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen valida għal-ħames snin.

26      M.J. Zurita Garcia kkontestat l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 6 de Murcia, li ċaħdet ir-rikors fl-ewwel istanza. Fl-appell, M.J. Zurita Garcia sostniet li din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata minħabba li l-amministrazzjoni ma applikatx b’mod korrett il-prinċipju ta’ proporzjonalità matul l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, li bl-ebda mod ma kienu jiġġustifikaw li minflok il-multa tiġi imposta t-tkeċċija.

27      Fil-Kawża C‑348/08, id-Delegado del Gobierno ordna, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2007, it-tkeċċija mit-territorju Spanjol ta’ A. Choque Cabrera, ċittadin Bolivjan li kien jinsab f’sitwazzjoni irregolari fi Spanja, fis-sens tal-Artikolu 53(a) tal-liġi fuq il-barranin, jew minħabba li ma kienx kiseb l-estensjoni tas-soġġorn jew il-permess ta’ residenza, jew inkella minħabba li l-validità ta’ dawn id-dokumenti kienet ilha li skadiet għal iktar minn tliet snin mingħajr ma l-persuna kkonċernata ma kienet talbet it-tiġdid tagħhom. Din is-sanzjoni kienet akkompanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen valida għal-ħames snin.

28      A. Choque Cabrera kkontesta l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 4 de Murcia, li ċaħdet ir-rikors fl-ewwel istanza. Fl-appell, A. Choque Cabrera sostna li din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata minħabba li, matul l-evalwazjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-awtoritajiet ma applikawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma mmotivawx id-deċiżjoni li minflok il-multa tiġi imposta t-tkeċċija.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Murcia ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi li kellha quddiema u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari, li hija mfassla bi kliem identiku fiż-żewġ kawżi:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat […], b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1) u (2)(a) tiegħu u dawk tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill Nru 562/2006 […], b’mod partikolari l-Artikoli 5, 11 u 13 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik nazzjonali, flimkien mal-ġurisprudenza li tinterpretaha, li permezz tagħha t-tkeċċija ta’ kull “ċittadin ta’ pajjiż terz” li m’għandux permess li jawtorizza d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ssostitwita minn impożizzjoni ta’ multa?”

30      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla, tas-27 ta’ Marzu 2009, il-Kawżi C‑261/08 u C‑348/08 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula fil-Kawża C‑261/08

31      Il-Gvern Spanjol jinvoka l-inammissibbiltà tad-domanda magħmula fil-Kawża C‑261/08 minħabba li din hija purament ipotetika.

32      Huwa jsostni li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali jipprekludi l-applikazzjoni ratione temporis tal-obbligu, eventwalment previst bl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 562/2006, li l-fatti tal-kawża prinċipali jiġu ssanzjonati bi tkeċċija, inkwantu dan ir-regolament daħal fis-seħħ biss fit-13 ta’ Ottubru 2006, filwaqt li l-appellanta fil-kawża prinċipali kienet ġiet imħarrka minħabba s-sitwazzjoni irregolari tagħha fit-territorju Spanjol diġà fis-26 ta’ Settembru 2006.

33      Skont il-Gvern Spanjol, peress li fil-kawża prinċipali l-kwistjoni hija dwar sanzjoni amministrattiva, li fir-rigward tagħha japplikaw l-istess prinċipji bħal dawk applikati fil-proċeduri kriminali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ legalità u dak ta’ inkriminazzjoni, il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tkun dik li kienet fis-seħħ meta seħħew il-fatti esposti u mhux dik applikabbli meta l-awtoritajiet nazzjonali adottaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jiġifieri l-15 ta’ Novembru 2006, pożizzjoni li l-qorti tar-rinviju donnha ssostni.

34      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li titressaq quddiemha l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C‑326/00, Ġabra p. I‑1703, punt 27; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C‑145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 33; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C‑419/04, Ġabra p. I‑5645, punt 19, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón, C‑537/07, Ġabra p. I‑0000, punt 24).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba bl-ebda mod mhija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt jew ta’ liġi li huma neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39 u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C‑390/99, Ġabra p. I‑607, punt 19, u Gómez-Limón, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

36      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’każijiet eċċezzjonali, hija għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali f’rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tagħti każ tar-rwol fdat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux dak li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (sentenzi Foglia, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 u 20; tat-3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 19, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, point 25).

37      F’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat li meta l-appellanta fil-kawża prinċipali, inkwistjoni fil-Kawża C‑261/08, kienet ġiet imħarrka minħabba s-sitwazzjoni irregolari tagħha fit-territorju Spanjol, jiġifieri fis-26 ta’ Settembru 2006, ir-Regolament Nru 562/2006 kien għadu ma daħalx fis-seħħ, b’tali mod li, fid-dawl tal-fatti li taw lok għal dik il-kawża, tista’ tqum il-kwistjoni tan-neċessita li l-imsemmi regolament jiġi interpretat.

38      Jekk id-data ta’ meta seħħew il-fatti tittieħed bħala l-kriterju li jiddetermina l-liġi applikabbli ratione temporis fil-Kawża C‑261/08, għaldaqstant ikun applikabbli l-Artikolu 6b tal-KIFS u mhux l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 562/2006. Fil-fatt, l-Artikolu 6b tal-KIFS huwa fost l-artikoli li ġew revokati, abbażi tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 562/2006, b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2006.

39      Iżda f’kull każ, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 562/2006 kull ma jagħmel huwa li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 6b(3) tal-KIFS, li kienet fis-seħħ meta l-appellanta fil-kawża prinċipali kienet ġiet imħarrka minħabba s-sitwazzjoni irregolari tagħha fit-territorju Spanjol.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari, bl-istess kliem, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għall-Kawża magħquda C‑348/08, fejn il-fatti seħħew meta l-imsemmi regolament kien diġà fis-seħħ.

41      Għaldaqstant, id-domanda preliminari magħmula f’dawn iż-żewġ kawżi magħquda għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il-mertu

42      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-talba ta’ interpretazzjoni tirrigwarda kemm l-Artikolu 62 (1) u (2)(a) KE kif ukoll l-Artikoli 5, 11 u 13 tar-Regolament Nru 562/2006.

43      Issa, għandu l-ewwel nett jiġi speċifikat li l-Artikolu 62 (1) u (2)(a) KE jikkostitwixxi l-bażi legali tal-azzjoni tal-Kunsill intiża sabiex jiġu adottati kemm miżuri li jiżguraw n-nuqqas ta’ kull kontroll tal-persuni meta dawn jaqsmu l-fruntieri interni, kif ukoll miżuri relatati mal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri, u, bħala tali, la għandu l-għan jew l-effett li jagħti drittijiet liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lanqas li jimponi obbligi fuq l-Istati Membri.

44      Sussegwentement, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 562/2006 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, meta dawn jaqsmu fruntiera esterna għal soġġorn li ma jaqbiżx it-tliet xhur fuq perijodu ta’ sitt xhur, filwaqt li l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jirrigwarda ċ-ċaħda tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha msemmija.

45      Konsegwentement, l-Artikoli 5 u 13 tar-Regolament Nru 562/2006 ma jirregolawx iktar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal M.J. Zurita García u A. Choque Cabrera, li b’effett min data indeterminata diġà kienu jinsabu fit-territorju Spanjol, ġaladarba fil-konfront tagħhom tkun inħarġet l-ordni ta’ tkeċċija minħabba s-soġġorn illegali tagħhom.

46      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li ma jistax jiġi eskluż li l-Artikoli 6b u 23 tal-KIFS jistgħu jkunu applikabbli, ratione temporis, fil-Kawża C‑261/08 (ara l-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza), kif jissuġġerixxu li Gvern tal-Awstrija u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, l-imsemmija artikoli tal-KIFS għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tad-domanda preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 46, u tat-3 ta’ April 2008, Rüffert, C‑346/06, Ġabra p. I‑1989, punt 18).

47      Fil-fatt, kif jirriżulta minn kliemu stess, l-Artikolu 23 tal-KIFS japplika għal dawk kollha li, peress li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal soġġorn qasir applikabbli fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, u din tidher li hija, skont il-fatti kif deskritti fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, is-sitwazzjoni kemm ta’ M.J. Zurita García kif ukoll ta’ A. Choque Cabrera.

48      Minn dan isegwi li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 6b u 23 tal-KIFS u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru minħabba li ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw it-tul tas-soġġorn applikabbli f’dan l-Istat Membru, dan tal-aħħar huwiex obbligat li jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront tiegħu.

49      Kemm l-Artikolu 6b(1) tal-KIFS kif ukoll l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 562/2006 jistabbilixxu preżunzjoni juris tantum li tgħid li, jekk id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux timbru tad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jippreżumu li d-detentur ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, il-kundizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn applikabbli fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat

50      L-Artikolu 6b(2) tal-KIFS, l-istess bħall-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 562/2006, jippermetti li din il-preżunzjoni tiġi invertita jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż, b’kull mezz, jipproduċi provi kredibbli bħal biljetti tat-trasport jew prova tal-preżenza tiegħu barra mit-territorju tal-Istati Membri, li turi li rrispetta l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw perijodu ta’ soġġorn qasir.

51      Skont l-Artikolu 6b(3) tal-KIFS u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 562/2006, fil-każ li l-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli ma tiġiex invertita, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkeċċu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

52      Il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-kliem tal-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 562/2006 u l-kliem tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

53      Fil-fatt, fil-verżjoni Spanjola, din id-dispożizzjoni timponi obbligu, inkwantu din tipprovdi li jekk il-preżunzjoni ma tiġix invertita, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat “għandhom ikeċċu” liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju ta’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha jidher li l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu jekk jimponux it-tkeċċija.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att Komunitarju teskludi li dan jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijet tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tas-7 ta’ Lulju 1988, Moksel Import und Export, 55/87, Ġabra p. 3845, punt 15; tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 47 u kif ukoll tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, Ġabra p. I‑885, punt 33).

55      Minn ġurisprudenza daqstant stabbilita jirriżulta wkoll li l-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni Komunitarja ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C‑149/97, Ġabra p. I‑7053, punt 16); tat-3 ta’ April 2008, Endendijk, C‑187/07, Ġabra p. I‑2115, punt 23, u kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, Ġabra p. I‑7523, punt 38).

56      F’dan il-każ, peress li l-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 562/2006 hija l-uniku waħda li titbiegħed mill-kliem użat fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, għandu jiġi konkluż li r-rieda reali tal-leġiżlatur ma kinitx dik li jimponi fuq l-Istati Membri kkonċernati l-obbligu li jkeċċu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mit-territorju tagħhom fil-każ li dawn ma jirnexxilhomx jaqilbu l-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 11(1), iżda kienet li dawn jingħataw għażla jekk jimponux it-tkeċċija.

57      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-fatt li l-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 6(b) tal-KIFS, li l-kliem tagħha ġie riprodott fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 562/2006, jaqbel mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra f’dak li jirrigwarda n-natura fakultattiva, għall-Istati Membri kkonċernati, tal-impożizzjoni tat-tkeċċija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx irnexxielu jinverti l-imsemmija preżunzjoni.

58      Għad fadal li jiġi eżaminat jekk mill-Artikolu 23 tal-KIFS jirriżultax, kif isostni l-Gvern tal-Awstrija, li l-Istati Membri għandhom ikeċċu mit-territorju tagħhom kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab hemmhekk illegalment, sakemm ma jkunx hemm raġuni li tiġġustifika li jingħata d-dritt ta’ ażil jew protezzjoni internazzjonali. B’dan il-mod, l-imsemmija dispożizzjoni tkun tipprekludi l-possibbiltà li Stat Membru jissostitwixxi l-ordni ta’ tkeċċija bl-impożizjoni ta’ multa.

59      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tal-KIFS ma tistax tiġi aċċettata.

60      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-kliem użat fl-Artikolu 23 tal-KIFS, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet li jipprovdi, ma jistabbilixxix obbligu ta’ espulsjoni f’termini daqstant stretti.

61      Minn naħa, l-Artikolu 23(1), li jifforma parti mill-Kapitolu 4, iddedikat għall-kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment ta’ aljeni, tat-Titolu II, li jirrigwarda t-tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u fuq il-moviment ta’ persuni, jiffavorixxi t-tluq volontarju taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ perijodu ta’ soġġorn qasir applikabbli fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

62      Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 23(2), li jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza temporanja validu maħruġa minn Stat Membru ieħor għandu jmur fit-territorju ta’ dan l-aħħar immedjatament.

63      Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 23(3) tal-KIFS jipprovdi li, f’ċerti ċirkustanzi, ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jitkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru fejn inqabad, madankollu din il-konsegwenza hija suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ma tippermettix it-tkeċċija, l-imsemmi Stat Membru jista’ jippermetti li l-persuna kkonċernata tibqa’ fit-territorju tiegħu.

64      Għalhekk, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jadotta, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li taħthom għandha titwettaq it-tkeċċija, il-modalitajiet ta’ kif għandhom jiġu applikati r-regoli bażiċi stabbiliti bl-Artikolu 23 tal-KIFS li jirrigwardaw ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ perijodu ta’ soġġorn qasir fit-territorju inkwistjoni.

65      Fil-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub jirriżulta li, skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjoni li timponi multa ma tagħtix lil ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari d-dritt li jibqa’ legalment fit-territorju Spanjol, u li, indipendentement mill-fatt jekk din il-multa titħallasx jew le, din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata flimkien mal-avviż li hija għandha tħalli t-territorju fi żmien 15-il ġurnata, u kif ukoll li, jekk tonqos milli tagħmel dan, hija tista’ tiġi mħarrka abbażi tal-Artikolu 53(a) tal-liġi fuq il-barranin u tista’ tiġi mkeċċija immedjatament.

66      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmulha għandha tkun li l-Artikolu 6b u l-Artikolu 23 tal-KIFS, kif ukoll l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru minħabba li ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet dwar it-tul tas-soġġorn applikabbli f’dak l-Istat, l-Istat Membru kkonċernat mhuwiex obbligat li jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6b u l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990, kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar ir-rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen u l-manwali komuni għal dan l-għan, kif ukoll l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru minħabba li ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet dwar it-tul tas-soġġorn applikabbli f’dak l-Istat, l-Istat Membru kkonċernat mhuwiex obbligat li jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.