Language of document : ECLI:EU:T:2014:89

Kawża T‑509/12

Advance Magazine Publishers, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TEEN VOGUE — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti VOGUE — Ammissibbiltà — Klassifikazzjoni tat-talbiet — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Identiċità jew xebh tal-prodotti — Xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 — Rifjut parzjali tar-reġistrazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Frar 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Bidla ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju — Evalwazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lill-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, it-tieni sentenza tal-Artikolu 64(1) u l-Artikolu 65(3))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati — Natura komplementari tal-prodotti — Ħwejjeġ, prodotti tax-xedd tas-saqajn, ta’ xedd ir-ras u tal-maljerija

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade marks verbali TEEN VOGUE u VOGUE

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, jirriżulta li l-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’, wara li annulla d-deċiżjoni appellata, jeżerċita l-kompetenzi tal-istanza tal-UASI li ħadet din id-deċiżjoni, f’dan il-każ, jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni u jiċħadha. Konsegwentement, din il-miżura tidher fost dawk li jistgħu jittieħdu mill-Qorti Ġenerali skont is-setgħa ta’ bdil tal-Qorti Ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

(ara l-punt 15)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 23, 24)

3.      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal, pereżempju, ir-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati.

F’dak li jikkonċerna x-xebh bejn il-ħwejjeġ, b’mod ġenerali, u x-xedd tas-saqajn, li r-rabtiet suffiċjentement stretti li jippreżentaw il-finalitajiet rispettivi ta’ dawn il-prodotti, deduċibbli b’mod partikolari fil-fatt li dawn jappartjenu għall-istess klassi fi ħdan il-Ftehim ta’ Nice, u l-possibbiltà konkreta li jistgħu jiġu prodotti mill-istess operaturi jew mibjugħin flimkien tippermetti li jiġi konkluż li dawn il-prodotti jistgħu jiġu assoċjati fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti. Din il-kunsiderazzjoni tapplika a fortiori fil-każ tal-maljerija.

Fl-aħħar nett, il-ħwejjeġ, ix-xedd tas-saqajn u l-prodotti ta’ xedd ir-ras, inklużi fil-klassi 25, isegwu għan komuni, peress li huma magħmula sabiex jgħattu l-ġisem tal-bniedem, jaħbuh, jipproteġuh u jilqgħulu.

(ara l-punti 28, 32, 33)

4.      Għall-pubbliku Svediż b’mod ġenerali, jeżisti teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal verbali TEEN VOGUE, li għaliha saret l-applikazzjoni għall-“ħwejjeġ, xedd tas-saqajn, xedd ir-ras, partijiet u aċċessorji għall-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq” koperti mill-klassi 25 tal-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali VOGUE rreġistrata preċedentement fl-Isvezja u li l-użu tagħha ġie pprovat għall-prodotti tal-maljerija, inkunsiderazzjoni tax-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti u fid-dawl tal-fatt li l-prodotti indikati minn dawn is-sinjali huma, parzjalment identiċi u, parzjalment simili.

(ara l-punt 49)