Language of document : ECLI:EU:C:2015:764

Kawża C‑325/14

SBS Belgium NV

vs

Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers (SABAM)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva Nru 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċetti ta’ ‘komunikazzjoni’ u ta’ ‘pubbliku’ – Distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni – Teknika magħrufa bħala ‘injezzjoni diretta’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-19 ta’ Novembru 2015

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Trażmissjoni ta’ xogħlijiet imxandra lill-professjonisti, segwit mid-distribuzzjoni tagħhom lill-abbonati tagħhom bħala parti minn provvista ta’ servizzi indipendenti magħmul għal kunsiderazzjoni – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni tax-xandir ma twettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tittrażmetti s-sinjali tagħha li jikkontjenu programmi esklużivament lid-distributuri tas-sinjali, mingħajr ma’ dawn is-sinjali jkunu aċċessibbli għall-pubbliku matul u fil-ħin ta’ din it-trażmissjoni, imbagħad dawn id-distributuri jibagħtu l-imsemmija sinjali lill-abbonati rispettivi tagħhom bil-għan li dawn ikunu jistgħu jaraw dawn il-programmi, għajr meta l-intervent tad-distributuri inkwistjoni jikkostitwixxi sempliċi mezz tekniku, li hija għall-qorti tar-rinviju biex tivverifika dan.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku. Fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, il-kunċett ta’ pubbliku jirreferi għal kwalunkwe numru ta’ destinatarji, telespettaturi potenzjali, u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni. F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn, l‑organizzazzjoni tax-xandir inkwistjoni tittrażmetti s-sinjali li jikkontjenu l-programmi lil distributuri individwali u speċifiċi mingħajr ma’ telespettaturi potenzjali jista’ jkollhom aċċess għalihom, ix-xogħlijiet trażmessi mill-imsemmija organizzazzjoni ma humiex ikkomunikati lill-pubbliku, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(1), iżda lil professjonisti individwali u speċifiċi.

Madankollu, ma jistax qabel kollox jiġi eskluż faċilment li, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-abbonati tad-distributuri jistgħu jitqiesu bħala l-pubbliku għal liema t-trażmissjoni oriġinali ġiet effettwata mill-organizzazzjoni tax-xandir. L-istess jgħodd għall-każ fejn kien wara l-intervent ta’ dawn id-distributuri li l-abbonati ta’ dawn tal-aħħar jistgħu jaraw il-programmi tat-televiżjoni u fejn d-distribuzzjoni tax-xogħol imxandar minn professjonist, jirrappreżenta provvista ta’ servizz awtonomu mwettaq bil-għan li jiżgura benefiċċju, jiġifieri l-prezz tal-abbonament li qed jitħallas lill-imsemmi professjonist għall-aċċess għall-komunikazzjoni inkwistjoni u, għalhekk, għal xogħlijiet protetti. Issa, trażmissjoni magħmula minn professjonist, taħt dawn il-kundizzjonijiet ma tikkostitwixxix għaldaqstant sempliċi mezz tekniku sabiex tiġi żgurata jew imtejba r-riċezzjoni tax-xandira oriġinali fiż-żona ta’ kopertura.

(ara l-punti 15, 21-23, 25, 29-31, 34 u d-dispożittiv)