Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
21 ta’ Diċembru 2022 (*)
“Politika soċjali – Sussidji intiżi għal azzjonijiet previsti li jippromwovu l-inizjattivi fil-qasam tal-governanza tal-impriżi – Sejħa għal proposti VP/2020/008 – Esklużjoni tal-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej li ma għandhomx personalità ġuridika – Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1046”
Fil-Kawża T‑330/21,
EWC Academy GmbH, stabbilita f’Hamburg (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Däubler-Gmelin, avukata,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Pethke u B.-R. Killmann, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. J. Costeira, Presidenta, T. Perišin u P. Zilgalvis (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat in-nomina ta’ Mħallef ieħor sabiex tiġi kkompletata l-awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha,
wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, EWC Academy GmbH, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2021 li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet it-talba għal sussidju li hija kienet issottomettiet, bħala koordinatriċi ta’ konsorzju, fil-kuntest tas-sejħa għal proposti VP/2020/008 dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-governanza tal-impriżi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
Is‑sejħa għal proposti
2 Fit‑2 ta’ Ġunju 2020 ġiet ippubblikata s-sejħa għal proposti VP/2020/008 (information, consultation and participation of representatives of undertakings) (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal proposti”) dwar l-għoti ta’ sussidji għal azzjonijiet previsti li jippromwovu l-inizjattivi fil-qasam tal-governanza tal-impriżi.
3 Din il-pubblikazzjoni kienet taqa’ fl-ambitu tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 6522 final tas‑16 ta’ Settembru 2019 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ xogħol annwali tal‑2020 għas-sussidji u l-kuntratti dwar il-prerogattivi u l-kompetenzi speċifiċi tad-Direttorat Ġenerali għall-“Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni” u li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament.
4 Skont il-punt 2.1 tas-sejħa għal proposti, il-krediti disponibbli huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiffinanzjaw miżuri li għandhom jippermettu lill-imsieħba u lill-atturi soċjali jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dritt u mal-politiki tal-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt l-involviment tal-impjegati fl-impriża u jaħdmu għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tweġibiet konkreti għall-isfidi maħluqa minn dan l-involviment. F’dan ir-rigward, il-prijoritajiet iffissati għas-sena finanzjarja 2020 kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-imsieħba soċjali, l-iskambju u t-tixrid ta’ għarfien u ta’ prattiki tajba kif ukoll l-iżvilupp ta’ azzjonijiet intiżi sabiex isostnu mekkaniżmi u korpi transnazzjonali ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ parteċipazzjoni, inklużi l-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej.
5 F’dan il-kuntest, is-sejħa għal proposti tippreċiża, fil-punt 6.1(b), li l-applikanti, l-applikanti mexxejja u l-koapplikanti eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’din is-sejħa għandhom ikunu, b’mod partikolari, persuni ġuridiċi jew rappreżentanti tal-ħaddiema, bħall-Kunsilli tax-Xogħlijiet. Bl-istess mod, l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali li ma għandhomx personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali applikabbli huma wkoll eliġibbli sabiex jippreżentaw kandidatura skont l-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) u mingħajr ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-imsemmi regolament.
6 Skont il-punt 8.1 tas-sejħa għal proposti, l-applikanti, l-applikanti mexxejja u l-koapplikanti għandu jkollhom kapaċità finanzjarja solida sabiex ikomplu l-attività tagħhom matul il-perijodu tal-azzjoni u jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħha jekk ikun meħtieġ.
Il‑proċedura amministrattiva
7 Ir-rikorrenti hija kumpannija ta’ taħriġ u ta’ konsulenza speċjalizzata fil-kwistjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-ħaddiema f’kuntest transkonfinali.
8 Ir-rikorrenti kif ukoll il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej tal-kumpanniji Mayr-Melnhof Packaging u DS Smith plc iltaqgħu f’konsorzju sabiex iwieġbu għas-sejħa għal proposti. Il-proġett tal-konsorzju kien jikkonċerna, essenzjalment, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ workshops, konferenzi u taħriġ għall-ħaddiema tal-industrija tal-imballaġġ.
9 Fit‑30 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal sussidju u ħatret bħala koapplikanti l-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej ta’ Mayr-Melnhof Packaging u ta’ DS Smith (iktar ’il quddiem il-“Kunsilli koapplikanti”). It-talba kienet akkumpanjata, b’mod partikolari, minn dikjarazzjoni fuq l-unur tal-presidenti tal-imsemmija kunsilli li tiddikjara li huma kellhom il-kapaċità finanzjarja u operazzjonali meħtieġa, skont il-kundizzjonijiet stipulati fis-sejħa għal proposti.
10 Fl‑14 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tipproduċi l-prova tar-reġistrazzjoni tal-Kunsilli koapplikanti mal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali.
11 Fil‑15 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti wieġbet li dawn tal-aħħar kienu Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej li l-kostituzzjoni tagħhom ma kinitx teħtieġ reġistrazzjoni u li dawn kienu rrappreżentati mill-presidenti tagħhom.
12 Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li t-talba tal-konsorzju kienet għaddiet b’suċċess l-istadju tal-evalwazzjoni tal-mertu u stednitha tibgħat dokumenti addizzjonali, b’mod partikolari l-formola intitolata “Entità legali”.
13 Fil‑25 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti ddikjarat lill-Kummissjoni li l-Kunsilli koapplikanti ma kinux persuni ġuridiċi u li, konsegwentement, ebda dokument ma seta’ jiġi prodott f’dan is-sens.
14 Abbażi tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tipproduċi l-provi tal-kapaċità finanzjarja tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew ta’ Mayr-Melnhof Packaging billi eżiġiet, f’ittra elettronika datata l‑24 ta’ Marzu 2021, il-karta tal-bilanċ kif ukoll il-kont tat-telf u tal-qligħ ta’ dan il-kunsill.
15 Fl-ittra tagħha tad‑29 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tressaq il-prova tal-kapaċità finanzjarja tal-Kunsilli koapplikanti minħabba l-fatt li, ħlief fi Franza, il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej ma kellhomx kont bankarju proprju u ma kinux jistabbilixxu karta tal-bilanċ.
16 Permezz tal-ittra Ares(2021) 2519314 tal‑14 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba għal sussidju tar-rikorrenti, imressqa fil-kuntest tas-sejħa għal proposti, bħala koordinatriċi tal-konsorzju.
17 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, minkejja dikjarazzjonijiet fuq l-unur prodotti mill-Kunsilli koapplikanti li jindikaw li huma kellhom kapaċità finanzjarja suffiċjenti sabiex imexxu l-azzjoni li tat lok għas-sejħa għal proposti, huma la kellhom kontijiet annwali (karta tal-bilanċ u/jew kont tat-telf u tal-qligħ), u lanqas kont bankarju. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn iż-żewġ kunsilli ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll dawk relatati mal-punt 8.1 tas-sejħa għal proposti.
18 Wara l-konstatazzjoni tal-ineliġibbiltà tal-Kunsilli koapplikanti, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterju minimu ta’ eliġibbiltà stabbilit fil-punt 6.1(b) tas-sejħa għal proposti, b’tali mod li t-talba kellha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.
Talbiet tal‑partijiet
19 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ għoti skont id-dritt;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż
20 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors inammissibbli fir-rigward tal-ordni indirizzata fil-konfront tagħha sabiex tadotta deċiżjoni ta’ għoti skont id-dritt;
– fir-rigward tal-kumplament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Fid‑dritt
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti Ġenerali
21 Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni kap tat-talbiet, peress li r-rikorrenti tfittex li tikseb dikjarazzjoni dwar l-effetti ta’ eventwali sentenza ta’ annullament, li tkun tikkostitwixxi ordni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha.
22 Għandu jiġi kkonstatat li, effettivament, permezz ta’ dan il-kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tordna lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni regolari ta’ għoti ta’ sussidju.
23 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni (digriet tat‑22 ta’ Settembru 2016, Gaki vs Il-Kummissjoni, C‑130/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:731, punt 14), anki meta dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (digriet tad‑19 ta’ Lulju 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T‑169/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:441, punt 13).
24 Minn dan isegwi li hemm lok li t-tieni kap tat-talbiet jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.
Fuq il‑mertu
25 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-punt 8.1 tas-sejħa għal proposti, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 197(3) ta’ dan l-istess regolament u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
26 Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-punt 8.1 tas-sejħa għal proposti. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax timponi fuq il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej li ma għandhomx personalità ġuridika li jipprovaw li huma għandhom kont bankarju jew karta tal-bilanċ annwali tagħhom stess.
27 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-prova tal-aċċess suffiċjenti għal riżorsi finanzjarji ġiet prodotta mill-membri kollha tal-konsorzju. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt Awstrijak u dak Britanniku, applikabbli rispettivament għall-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew ta’ Mayr-Melnhof Packaging u għall-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew ta’ DS Smith, kienu jipprovdu għall-imsemmija kunsilli l-possibbiltà li jinvokaw kontra l-impriża dritt għall-ħlas lura tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-attività tagħhom, inkluż id-dritt għaż-żamma tar-remunerazzjoni tal-presidenti u tal-membri parteċipanti fil-proġett.
28 Barra minn hekk, l-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju ma jeżiġix, fir-rigward tal-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, provi simili għal dawk meħtieġa minn persuni ġuridiċi, iżda provi ekwivalenti.
29 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju kif saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandha bħala effett mhux biss li teskludi mis-sejħa għal proposti l-konsorzju applikant, iżda wkoll il-maġġoranza tal-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej tal-Istati Membri li ma għandhomx personalità ġuridika.
30 Il-Kummissjoni ssostni li l-prova tal-kapaċità finanzjarja msemmija fl-Artikolu 198(2) tar-Regolament Finanzjarju hija meħtieġa mill-applikanti kollha, kemm jekk ikollhom personalità ġuridika kif ukoll jekk le.
31 Skont il-Kummissjoni, il-verifika tal-kapaċità finanzjarja għandha ssir abbażi tal-informazzjoni u tad-dokumenti ta’ sostenn indikati fl-Artikolu 196(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju. L-għan ta’ din il-verifika huwa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-istabbiltà u dwar is-solvenza finanzjarja tal-applikant ikkonċernat.
32 F’dan ir-rigward, teżisti inċertezza ikbar fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika. Din iċ-ċirkustanza tenfasizza r-riskju finanzjarju relatat mal-għoti ta’ sussidju għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u għall-interessi finanzjarji tagħha. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju, billi jitlob provi ekwivalenti għal dawk indikati fl-Artikolu 196(1)(c) ta’ dan ir-regolament, huwa intiż biss li jikkumpensa għar-riskji assoċjati mal-istatus legali ta’ dawn l-entitajiet, u dan jiġġustifika l-possibbiltà li jiġi impost rekwiżit ogħla minn dak meħtieġ fil-konfront tal-persuni ġuridiċi.
33 Għall-Kummissjoni, huma l-Kunsilli koapplikanti li kellhom jipproduċu mhux biss provi paragunabbli għal dawk enumerati fl-Artikolu 196(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, iżda wkoll provi tal-ekwivalenza tagħhom, skont l-Artikolu 197(2)(c) tal-istess regolament. Prova tkun ekwivalenti jekk tkun tikkorrispondi għal dik meħtieġa minn persuna ġuridika u tkun tinkludi, f’dan is-sens, l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 196(1)(c) tal-imsemmi regolament.
34 Issa, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tevalwax l-ekwivalenza bejn il-kapaċità finanzjarja tal-Kunsilli koapplikanti u dik ta’ persuna ġuridika, peress li l-imsemmija kunsilli ma kinux f’pożizzjoni li jipprovaw l-imsemmija kapaċità skont l-Artikolu 198 tar-Regolament Finanzjarju. F’dan ir-rigward, dawn tal-aħħar ma wrewx li kellhom riżorsi finanzjarji li setgħu jiddisponu minnhom liberament.
35 Għandu jitfakkar li l-Artikolu 198(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-applikant għal sussidju għandu jkollu “sorsi stabbli u suffiċjenti ta’ finanzjament għaż-żamma tal-attività tiegħu matul il-perijodu li għalih tingħata l-għotja u għandu jipparteċipa fil-finanzjament tagħha (‘kapaċità finanzjarja’)”. Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, il-verifika tal-kapaċità finanzjarja hija bbażata b’mod partikolari fuq l-analiżi ta’ kull informazzjoni jew dokument ta’ sostenn previst fl-Artikolu 196 tar-Regolament Finanzjarju, dwar il-kontenut tat-talbiet għal sussidji, inklużi, b’mod partikolari, il-kont ta’ ġestjoni u l-karta tal-bilanċ tal-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa bħala massimu.
36 Barra minn hekk, l-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li l-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika huma eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’sejħa għal proposti sakemm joffru garanziji ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ekwivalenti għal dawk offruti minn persuni ġuridiċi. F’dan ir-rigward, l-applikant għandu jkollu kapaċità finanzjarja ekwivalenti għall-imsemmija persuni u għandu jipproduċi l-prova, permezz tar-rappreżentanti tiegħu, li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti.
37 Fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju, li l-għan tiegħu huwa li jippermetti lill-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika jipparteċipaw, bl-istess mod bħall-persuni ġuridiċi, fis-sejħiet għal proposti tal-Unjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn, previsti fl-Artikolu 196(1)(c) ta’ dan ir-regolament, neċessarji sabiex juru kapaċità finanzjarja fil-kuntest ta’ talba għal sussidju u komposti, b’mod partikolari, mill-kont ta’ ġestjoni u mill-karta tal-bilanċ tal-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa bħala massimu, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li huma biss dawn l-elementi li huma ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ din il-kapaċità.
38 Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju li jkollha l-konsegwenza li timponi fuq entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika l-obbligu li jressqu provi ġeneralment assoċjati mal-pussess ta’ tali personalità twassal sabiex jiġi ppreġudikat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn toħloq ostakoli għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-talbiet għal sussidju.
39 Għalkemm il-prova ta’ kapaċità finanzjarja ekwivalenti għal dik ta’ persuna ġuridika għandha għalhekk tkun tista’ tiġi prodotta permezz ta’ mezzi differenti minn dawk imsemmija, bħala eżempju, fl-Artikolu 196(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, xorta jibqa’ l-fatt li l-provi prodotti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali kapaċità għandhom jippermettu li jiġi vverifikat li l-entità li ma għandhiex personalità ġuridika tista’ toffri garanziji ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ekwivalenti għal dawk offruti minn persuna ġuridika, kif jirriżulta mit-test tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju.
40 F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-Kunsilli koapplikanti ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju u tal-punt 8.1 tas-sejħa għal proposti li abbażi tiegħu l-applikanti, l-applikanti mexxejja u l-koapplikanti għandu jkollhom kapaċità finanzjarja solida sabiex iżommu l-attività tagħhom matul il-perijodu tal-azzjoni u jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħha jekk meħtieġ, għas-sempliċi raġuni li l-imsemmija kunsilli la kellhom kontijiet annwali (karta tal-bilanċ u/jew kont tat-telf u tal-qligħ) u lanqas kont bankarju (ara l-punt 17 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il-prova ta’ kapaċità finanzjarja solida teħtieġ il-produzzjoni ta’ provi marbuta mal-eżistenza ta’ kontijiet annwali (karta tal-bilanċ u/jew kont tat-telf u tal-qligħ) jew ta’ kont bankarju.
41 Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 36 sa 39 iktar ’il fuq, l-Artikolu 197(2)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 196(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, ma jipprevedix li l-elementi ta’ natura li juru l-kapaċità finanzjarja tal-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika huma limitati għal provi li juru li huma għandhom kontijiet annwali (karta tal-bilanċ u/jew kont tat-telf u tal-qligħ) jew kontijiet bankarji tagħhom stess.
42 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju.
43 Barra minn hekk, u minkejja l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li, b’mod partikolari, il-Kunsilli koapplikanti ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu l-provi tal-kapaċità finanzjarja tagħhom, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq dan il-fatt li hija ma ssemmix u, konsegwentement, ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom l-elementi eventwalment trażmessi mir-rikorrenti, f’isem il-konsorzju, ma jikkostitwixxux provi ta’ kapaċità finanzjarja ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju.
44 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-punt 8.1 tas-sejħa għal proposti, għandu jintlaqa’.
45 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv kif ukoll il-kwistjoni, imqajma waqt is-seduta, dwar allegata modifika tal-ammont tat-talba għal sussidju inizjalment mibgħuta.
Fuq l‑ispejjeż
46 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2021 li tiċħad talba għal sussidju mressqa minn EWC Academy GmbH abbażi tas-sejħa għal proposti VP/2020/008 hija annullata.
2) Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn EWC Academy.
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2022.
Firem