Language of document : ECLI:EU:C:2022:451

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PRIIT PIKAMÄE

ippreżentati fid‑9 ta’ Ġunju 2022 (1)

Kawża C69/21

X

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, fis-sede tagħha fi ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fuq il-fruntiera, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Ċittadini li jbatu minn marda gravi u li huma suġġetti għal proċedura ta’ ritorn – Kura medika maħsuba sabiex jitnaqqas l-uġigħ – Kura indisponibbli fil-pajjiż tal-oriġini – Rifjut ta’ estensjoni tat-tneħħija – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Dritt li persuna ma tiġix suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti – Artikolu 7 – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata”






1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jostakola l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu skont id-Direttiva 2008/115/KE (2).

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (3), li l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi limitu għall-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija fis-sens tad-Direttiva 2008/115. F’dan il-każ, zittingsplaats il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha u dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), kjarifiki dwar il-kriterju użat f’din is-sentenza sabiex jiġi identifikat il-limitu ta’ gravità li lil hinn minnu jista’ jkun hemm ksur tal-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti.

3.        B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi f’din il-kawża fuq il-kwistjonijiet dwar, minn naħa, jekk żieda fl-uġigħ esperjenzat minn ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba t-tneħħija tiegħu, mingħajr ebda tibdil tas-sintomi tal-marda tiegħu, hijiex ta’ natura li tikkaratterizza “deterjorament”, jew “indebboliment”, tal-istat ta’ saħħa ta’ dan iċ-ċittadin fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, u min-naħa l-oħra, jekk l-Istati Membri għandhomx id-dritt li jipprevedu terminu strett li fih għandu jimmaterjalizza dan id-deterjorament jew dan it-tnaqqis.

4.        Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-kriterji legali li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ kunflitt bejn l-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u d-dritt ta’ dan tal-aħħar għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, kif jidher fl-Artikolu 7 tal-Karta, billi tippreċiża jekk l-istat ta’ saħħa ta’ dan iċ-ċittadin għandux jittieħed inkunsiderazzjoni bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu.

I.      Ilqafas ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        F’din il-kawża huma rilevanti l-Artikoli 1, 5 u 9 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll l-Artikoli 4, 7 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta.

B.      Iddritt Olandiż

6.        L-Artikolu 64 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprevedi kif ġej:

“L-akkumpanjament lejn il-fruntiera għandu jiġi pospost sakemm l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa.”

7.        Il-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin, iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar il-Barranin”) tipprevedi:

“[…]

7.      Nuqqas ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera għal raġunijiet ta’ saħħa

7.1.      Dispożizzjonijiet ġenerali

L- [Immigratie- en Naturalisatiedienst (IND) (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi)] jista’ jikkonċedi l-posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin meta:

–        mill-perspettiva medika, il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa; jew

–        jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), għal raġunijiet mediċi.

7.1.1.       Il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa

Il-barrani jikseb posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin jekk il-Bureau Medische Advisering (BMA) (l-Uffiċċju tal-Kunsill Mediku tal-Ministeru tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) jindika li, mill-perspettiva medika, l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa.

[…]

7.1.3. Riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi

Il-barrani jikseb posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin meta jkun hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi.

Jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB biss meta:

–        fl-opinjoni tal-BMA jirriżulta li huwa probabbli ħafna li l-assenza ta’ trattament mediku ser tikkawża sitwazzjoni ta’ emerġenza medika; u

–        it-trattament mediku neċessarju ma huwiex disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza permanenti; jew

–        jekk it-trattament mediku jkun disponibbli, jidher ċar li dan ma huwiex manifestament aċċessibbli.

Sitwazzjoni ta’ urġenza medika

B’urġenza medika, l-IND għandu jifhem is-sitwazzjoni li fiha l-barrani jbati minn kundizzjoni li fir-rigward tagħha huwa stabbilit, skont l-għarfien medikoxjentifiku attwali, li l-assenza ta’ trattament twassal f’terminu ta’ tliet xhur għall-mewt, l-invalidità jew forma oħra ta’ dannu psikiku jew fiżiku.

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża, ilproċedura filkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

8.        X huwa ċittadin Russu, imwieled fl‑1988, li żviluppa, fl-età ta’ sittax-il sena, forma rari ta’ kanċer tad-demm li għalih huwa attwalment qiegħed jirċievi l-kura fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-trattament mediku tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-prattika tal-flebotomija kif ukoll fis-somministrazzjoni tal-kannabis terapewtika għall-finijiet tal-kontroll tal-uġigħ. Is-somministrazzjoni ta’ dan it-trattament ibbażat fuq il-kannabis ma hijiex awtorizzata fir-Russja.

9.        Fil‑31 ta’ Ottubru 2013, X ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà) ikkunsidra li r-Renju tal-Isvezja kienet responsabbli għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni. Din id-deċiżjoni saret definittiva.

10.      Fit‑13 ta’ Diċembru 2013, X, skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, talab il-posponiment tat-tneħħija tiegħu minħabba l-problemi mediċi tiegħu. Il-konvenut ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Diċembru 2013, li wkoll saret definittiva.

11.      Fid‑19 ta’ Mejju 2016, X ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li t-terminu li fih seta’ jiġi ttrasferit lejn l-Isvezja kien skada. Insostenn ta’ din it-talba, X sostna li t-trattament mediku li kien ġie ssomministrat lilu fir-Russja kien jikkawżalu effetti sekondarji u li, sussegwentement, kien skopra li t-teħid tal-kannabis għal finijiet terapewtiċi kien aħjar għall-istat ta’ saħħa tiegħu. Peress li l-użu tal-kannabis ma kienx awtorizzat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien ikkultiva pjanti tal-kannabis għal finijiet mediċinali, fatt li kien ikkawżalu problemi tali li issa kellu bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Fl-okkażjoni tal-imsemmija talba, X kien ukoll talab, mill-ġdid, posponiment tat-tneħħija tiegħu skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin.

12.      Wara li rċieva l-opinjoni tal-BMA, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2018, ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ X billi kkunsidra li l-problemi li l-applikant jallega li kien ikkonfrontat bihom fir-Russja ma kinux kredibbli. Huwa ddeċieda wkoll li l-applikant ma setax jikseb permess ta’ soġġorn ordinarja u rrifjuta li jilqa’ t-talba tiegħu li jissospendi, skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn tiegħu.

13.      Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2018, ikkonfermata mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) fit‑28 ta’ Marzu 2019, ir-Rechtbank den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti b’sede f’ s-Hertogenbosch, , il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat parzjalment din id-deċiżjoni. Għalhekk, għalkemm ikkonferma li X ma setax jinvoka l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, huwa madankollu ordna lis-Segretarju tal-Istat jeżamina għal darba oħra kemm l-argument ta’ X ibbażat fuq id-dritt tiegħu li jikseb permess ta’ soġġorn abbażi tal-Artikolu 8 tal- KEDB kif ukoll it-talba tiegħu għall-implementazzjoni tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin.

14.      Fid‑19 ta’ Frar 2020, is-Segretarju tal-Istat, mill-ġdid, irrifjuta li jagħti lil X permess ta’ soġġorn għal żmien limitat, skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, kif ukoll posponiment tat-tneħħija tiegħu. Permezz tal-istess att, is-Segretarju tal-Istat adotta deċiżjoni ta’ ritorn li ordnat lil X jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’terminu ta’ erba’ ġimgħat.

15.      X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jqis li permess ta’ soġġorn għandu jinħariġlu skont l-Artikolu 8 tal-KEDB jew li, tal-inqas, għandu jingħatalu posponiment ta’ tneħħija skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li t-trattament tal-uġigħ permezz tal-kannabis huwa tant essenzjali li ma jkunx jista’ jibqa’ jgħix ħajja deċenti li kieku dan it-trattament kellu jiġi interrott. Huwa jindika, b’mod partikolari, li, fil-każ ta’ tali interruzzjoni, l-uġigħ tant ikun kbir li la jista’ jorqod iktar u lanqas jiekol u jixrob, u dan ikollu konsegwenzi mhux biss fiżiċi, iżda wkoll psikiċi, billi jrendih depressiv u suwiċidali.

16.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, tkeċċija tista’ tiġi posposta meta, minn perspettiva medika, il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa jew meta jkun hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi. Din l-aħħar ipoteżi tippresupponi li mill-opinjoni tal-BMA jirriżulta, minn naħa, li l-interruzzjoni tat-trattament mediku twassal, probabbilment, għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika” u, min-naħa l-oħra, li t-trattament idoneju ma huwiex disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini, jew li l-barrani ma jkunx jista’ jaċċedi għalih.

17.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil mibdija fid‑19 ta’ Mejju 2016, X ippreżenta diversi dokumenti mediċi intiżi sabiex jissostanzjaw l-allegazzjoni tiegħu li l-problemi tas-saħħa tiegħu huma ta’ natura li jiġġustifikaw is-sospensjoni tat-tneħħija tiegħu.

18.      Fl-opinjoni tiegħu mogħtija fuq talba tas-Segretarju tal-Istat, il-BMA indika b’mod partikolari li għalkemm, fl-assenza ta’ flebotomiji, wieħed seta’ jistenna li X jiġi kkonfrontat b’sitwazzjoni ta’ emerġenza medika fi żmien qasir, dan it-trattament kien madankollu disponibbli fir-Russja. Għall-kuntrarju, il-BMA kkunsidra li, peress li l-effett mediċinali tal-kannabis ma ġiex ipprovat, kien impossibbli li tingħata deċiżjoni dwar il-konsegwenzi mediċi ta’ interruzzjoni ta’ trattament bbażat fuq il-kannabis. Il-BMA osserva wkoll li ma kienet ġiet indikata ebda problema marbuta mal-uġigħ li seta’ jwassal għall-biża’ tal-mewt ta’ X jew tad-dipendenza ta’ dan tal-aħħar fl-atti ordinarji tal-ħajja. Il-BMA għalhekk qies li ma setax jiġi kkonfermat li l-użu tal-kannabis jipprevjeni li sseħħ sitwazzjoni ta’ emerġenza medika għal żmien qasir. Fl-aħħar nett il-BMA indika li jeżistu biżżejjed mezzi oħra kontra l-uġigħ li jistgħu jiġu ssomministrati lil X.

19.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, mill-informazzjoni ppreżentata minn X jirriżulta li t-tobba li qegħdin jagħtuh il-kura jikkunsidraw li l-kannabis terapewtika tikkostitwixxi l-uniku trattament adegwat kontra l-uġigħ u li l-analġeżiċi l-oħra huma kontro-indikati. Barra minn hekk, din il-qorti hija tal-opinjoni li X ipprova sal-grad rikjest mil-liġi li t-trattament ibbażat fuq il-kannabis terapewtika huwa preskritt u użat biss meta s-soluzzjonijiet l-oħra kontra l-uġigħ jirriżultaw mhux biss ineffettivi, iżda wkoll kontro-indikati.

20.      Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li ebda trattament xieraq kontra l-uġigħ, inkluż permezz tal-kannabis terapewtika, ma kien disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ X. Għaldaqstant, jekk ma jingħatalu ebda posponiment tat-tneħħija, it-trattament tiegħu kontra l-uġigħ ser jiġi interrott u l-intensità ta’ din tal-aħħar ser tiżdied. F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar li X ippreżenta informazzjoni li minnha jirriżulta li l-uġigħ sar bilkemm supportabbli bis-saħħa tal-amministrazzjoni tal-kannabis terapewtika. Madankollu, din l-informazzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk iż-żieda fl-uġigħ ikkawżata mill-interruzzjoni tat-trattament tiegħu tikkawżax deterjorazzjoni tas-sintomi tal-marda, anki jekk huwa probabbli, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-qorti tar-rinviju, li dan ma jkunx il-każ.

21.      Qabel ma titlob perizja medika dwar iż-żieda fl-intensità tal-uġigħ li X jista’ jiffaċċja jekk ma jibqax iktar ikkurat b’kannabis terapewtika, il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li huwa neċessarju li jiġi stabbilit, permezz ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qafas ġuridiku li jirregola t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fattur.

22.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx l-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tagħha, sabiex tiddetermina jekk raġunijiet mediċi jistgħux jostakolaw it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, meta s-sintomi tal-marda tiegħu ma jkunux jistgħu jiggravaw, iżda l-intensità tal-uġigħ tiegħu tiżdied b’mod konsiderevoli, fil-każ ta’ ritorn, minħabba li t-trattament mediku xieraq ma jkunx disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

23.      Fit-tieni lok, din il-qorti tosserva li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), abbażi tar-rekwiżit ta’ deterjorament rapidu tal-istat ta’ saħħa fis-sens tas-sentenza Paposhvili vs il-Belġju (4), huma biss il-konsegwenzi mediċi li jseħħu fit-tliet xhur wara l-interruzzjoni tat-trattament mediku li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk tali interruzzjoni twassalx għal sitwazzjoni ta’ emerġenza medika. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti EDB madankollu ma stabbilietx terminu espliċitu fl-imsemmija sentenza. Għalhekk, hija tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-konsegwenzi marbuta mal-interruzzjoni tat-trattament mediku ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz marid b’mod gravi, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta biss jekk dawn iseħħu f’perijodu ta’ tliet xhur, tkun xi tkun in-natura tal-patoloġija u jkun xi jkun it-trattament mediku.

24.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin jimponi wkoll li jiġi eżaminat jekk il-miżura ta’ tneħħija, bħala tali, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi tistax twassal għal riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Madankollu, din l-evalwazzjoni ssir biss waqt l-eżami tal-kapaċità ta’ tali ċittadin li jivvjaġġa, b’mod li qatt ma huwa mitlub lill-BMA jekk konsegwenzi mediċi jistgħu jirriżultaw mis-sempliċi tneħħija u b’mod li dawn il-konsegwenzi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, tipprekludix tali tneħħija, meta t-trattament mediku li l-imsemmi ċittadin jirċievi ma huwiex disponibbli jew ma huwiex aċċessibbli fil-pajjiż ta’ oriġini.

25.      Fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, żieda fil-konsegwenzi psikiċi, bħal riskju ta’ suwiċidju, tista’ diffiċilment, skont din il-qorti, tostakola t-tneħħija minkejja li tista’ tikkawża sitwazzjoni ta’ urġenza medika.

26.      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni medika ta’ ċittadin u l-fatt li huwa jirċievi trattament mediku, fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, jistgħux jikkostitwixxu elementi tal-ħajja privata li r-rispett tagħhom għandu jiġi żgurat fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

27.      F’dan il-każ, X isostni li t-trattament mediku tiegħu jaqa’ taħt ir-rispett dovut għall-ħajja privata tiegħu u jipprekludi t-tneħħija tiegħu.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhomx jeżaminaw jekk għandux jiġi rrikonoxxut dritt ta’ soġġorn, skont id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba l-problemi mediċi serji tiegħu u minħabba t-trattament mediku li huwa jirċievi f’dan l-Istat u jekk ir-rispett tal-ħajja privata ta’ dan iċ-ċittadin jikkostitwixxix element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħu għall-posponiment tal-miżura ta’ tneħħija li huwa s-suġġett tagħha.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag b’sede f’ zittingsplaats ’s-Hertogenbosch , il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Żieda sinjinfikattiva fl-intensità tal-uġigħ ikkawżata mill-assenza ta’ kura medika, mingħajr bidla fis-sintomi tal-marda, tikkostitwixxi sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, jekk l-ebda posponiment tal-obbligu ta’ tluq li jirriżulta mid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”) ma huwa permess?

2.      L-istabbiliment ta’ terminu fiss li fih l-konsegwenzi tal-assenza ta’ kura medika għandhom jimmanifestaw ruħhom sabiex ikun hemm ostakolu mediku għall-obbligu ta’ ritorn li jirriżulta mid-Direttiva 2008/115 huwa kompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta? Jekk l-istabbiliment ta’ terminu fiss ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jista’ jistabbilixxi perijodu ġenerali li jkun identiku għall-kundizzjonijiet mediċi kollha possibbli u għall-konsegwenzi mediċi kollha possibbli?

3.      L-istabbiliment li l-konsegwenzi ta’ tkeċċija de facto għandhom jiġu evalwati biss fil-mument li fih jiġi stabbilit jekk, u f’liema kundizzjonijiet, il-barrani jista’ jivvjaġġa, huwa konformi mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u mad-Direttiva 2008/115?

4.      L-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-istess Karta, u fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, jeżiġi li l-istat ta’ saħħa tal-barrani u l-kura li huwa jirċievi għal dan l-istat fl-Istat Membru jiġu evalwati fil-mument li jiġi eżaminat jekk ir-rispett tal-ħajja privata għandux jagħti lok għall-awtorizzazzjoni tar-residenza?L-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Karta u mal-Artikolu 4 tal-Karta, u fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, jeżiġi li l-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk problemi mediċi jistgħux jikkostitwixxu ostakolu għat-tkeċċija? ”

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea.

31.      L-istess partijiet instemgħu fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022.

III. Analiżi

A.      Fuq ilġuriżdizzjoni talQorti talĠustizzja u lammissibbiltà tad-domandi preliminari

32.      Il-Gvern Olandiż isostni, fl-ewwel lok, li d-domandi preliminari huma inammissibbli sa fejn dawn saru b’mod prematur mill-qorti tar-rinviju. Peress li d-Direttiva 2008/115 tapplika biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ soġġorn irregolari, l-interpretazzjoni tagħha, moqrija flimkien mal-Karta, ma hijiex, skont dan il-Gvern, neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk X għandux dritt jikseb permess ta’ soġġorn fil-Pajjiżi l-Baxxi.

33.      Sabiex jiġi miċħud dan l-argument, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali huma liberi li jadixxuha fi kwalunkwe mument tal-proċedura li huma jqisu xierqa (5), b’tali mod li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax jitqies bħala inammissibbli minħabba s-sempliċi fatt li sar fi stadju bikri tal-proċedura nazzjonali. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li tirrispondi għal domandi preliminari li ġew irrinvijati lilha minn qorti nazzjonali qabel ma din tal-aħħar tkun eżaminat jekk it-tilwima setgħetx tiġi solvuta biss skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (6).

34.      Fit-tieni lok, il-Gvern Olandiż iqis li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-legalità ta’ terminu strett applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz fil-każ ta’ eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu, minkejja li dan it-terminu ma jikkostitwixxix element determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

35.      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fil-konfront ta’ X kienet b’mod partikolari bbażata fuq l-esklużjoni tal-possibbiltà li sitwazzjoni ta’ emerġenza medika għal żmien qasir isseħħ f’każ ta’ rinviju. Issa, ma hemmx dubju li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza medika għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-terminu ta’ tliet xhur previst miċ-Ċirkulari dwar il-Barranin. Inżid li l-kwistjoni dwar il-legalità ta’ dan it-terminu ssir iktar ċentrali peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kuntrarjament għal dak li jafferma l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-uġigħ ta’ X huwa marbut mal-marda li minnha jsofri u li ma jeżisti ebda trattament ta’ sostituzzjoni li jippermetti li jtaffi l-uġigħ tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ir-Russja.

36.      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-raba’ domanda preliminari sa fejn din tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dritt ta’ soġġorn jistax jinsilet mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Din id-domanda hija, barra minn hekk, inammissibbli, skont dan il-Gvern, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 7 tal-Karta jimponix fuq l-Istati Membri li jagħtu dritt ta’ soġġorn lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ X.

37.      Għandi nesprimi, għal darba oħra, in-nuqqas ta’ qbil tiegħi mal-argument tal-Gvern Olandiż. Minn naħa, huwa paċifiku li l-imsemmija domanda ma tirrigwardax l-Artikolu 8 tal-KEDB, iżda l-Artikolu 7 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dritt ta’ soġġorn għandux jingħata lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tar-raba’ domanda preliminari (7).

38.      Konsegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li dan huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.

B.      Fuq ilmertu

1.      Fuq lewwel u ttieni domandi

39.      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa marid b’mod gravi u li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija, fil-każ fejn huwa jkun espost, minħabba l-indisponibbiltà legali, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, tal-unika trattament analġeżiku effettiv, għal żieda sinifikattiva tal-uġigħ tiegħu, mingħajr tibdil ieħor tas-sintomi l-oħra tal-marda, jew, tal-inqas, meta din iż-żieda sinifikattiva tal-uġigħ tiegħu timmanifesta ruħha f’terminu ta’ tliet xhur wara r-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

40.      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, X, ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, ma jistax jitlob l-istatus ta’ refuġjat, għall-protezzjoni sussidjarja jew għal permess ta’ soġġorn ordinarju fil-Pajjiżi l-Baxxi. X jinsab f’sitwazzjoni ta’ “soġġorn illegali”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115, sa fejn huwa preżenti fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (8) jew ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza f’dan l-Istat. Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ X hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

41.      Din timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment (l-Artikolu 6) u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxu tali deċiżjoni fl-assenza ta’ tluq volontarju tiegħu (l-Artikolu 8). Peress li l-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta’ ritorn tikkostitwixxi implementazzjoni tad-Direttiva 2008/115, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, din tal-aħħar tapplika f’din il-kawża.

42.      Minħabba l-marda gravi li minnha jsofri X, tista’ tostakola l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu skont il-qorti tar-rinviju l-Artikolu 4 tal-Karta (“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”) u l-Artikolu 19(2) tagħha (“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”). Peress li din il-projbizzjoni ġiet ikkonfermata mill-ġdid, essenzjalment, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, hemm lok li jsir riferiment, fl-ewwel żewġ domandi kif ifformulati mill-ġdid, għal dan tal-aħħar, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta.

43.      Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (9), id-dritt li jinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta jikkorrispondi għal dak iggarantit mill-Artikolu tal-KEDB, filwaqt li l-Artikolu 19(2) tal-Karta jirrifletti l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB. Minn dan jirriżulta, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li s-sens u l-portata ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom ikunu l-istess bħas-sens u l-portata mogħtija mill-KEDB fl-Artikolu 3 tagħha, ħlief jekk dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44.      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk, u eventwalment f’liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta (10) jipprekludu t-tneħħija minn Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa marid b’mod gravi u f’sitwazzjoni ta’ soġġorn irregolari tiddependi fuq eżami tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti EDB fil-kawżi N. vs Ir-Renju Unit (11) u Paposhvili u tas-sentenzi, li kienu jiddependu ħafna fuq il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti EDB, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Abdida, C. K. (12). et u MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati)  Fil-fatt, dan l-eżami ser jippermetti li jiġi identifikat il-kriterju ġuridiku applikabbli sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-imsemmija tneħħija mal-projbizzjoni tat-trattamenti inumani u degradanti.

45.      Qabel ma jinbeda l-analiżi, huwa neċessarju li jiġu spjegati fil-qasir ir-raġunijiet għaliex il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja naxxenti mis-sentenzi N. S. et, Jawo u Ibrahim et (13), liema sentenzi ttrasponew l-insenjamenti tas-sentenza M.S.S.ve il-Belġju u l-Greċja tal-Qorti EDB (14), ma hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif sostnew l-partijiet ikkonċernati kollha waqt is-seduta.

46.      F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor jikser il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti meta din il-persuna tkun “kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika” u li “l-indifferenza tal-awtoritajiet [ta’ dan l-aħħar Stat] ikollha l-konsegwenza li [din] tkun tinsab, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem” (15).

47.      Fil-fehma tiegħi, ċertament ftit li xejn jista’ jiġi kkontestat li, fid-dawl tan-natura assoluta tal-Artikolu 4 tal-Karta, dan il-kriterju jista’ jintuża wkoll meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jipproċedi għar-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, X sempliċement issostni li r-rinviju tiegħu lejn ir-Russja jippreġudika b’mod gravi s-saħħa tiegħu u fl-ebda mument ma jallega li huwa jiddependi kompletament mill-għajnuna pubblika u li, fil-każ ta’ rinviju fir-Russja, huwa jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ “deprivazzjoni materjali estrema” minħabba l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż. Issa, jidhirli li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq teżiġi l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawża u effett bejn dan id-deprivazzjoni materjali estrema, ikkawżat mill-indifferenza tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, u d-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, tali ġurisprudenza ma tapplikax fil-kawża li għandna quddiemna.

b)      L-Artikolu 3 tal-KEDB bħala garanzija kontra r-refoulement fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

48.      Il-konstatazzjoni li fetħet il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-konformità mal-Artikolu 3 tal-KEDB tal-miżuri ta’ tbegħid adottati mill-awtoritajiet pubbliċi kontra persuni li jbatu minn marda gravi tinsab fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit (16). F’din is-sentenza, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-eżami ta’ miżura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 3 tal-KEDB ma jistax ikun suġġett għall-fatt li r-riskju għall-persuna suġġetta għal wieħed mit-trattamenti pprojbiti jirriżulta minn atti intenzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. Fil-fehma tagħha, xejn ma jipprekludiha milli teżamina sitwazzjonijiet fejn dan ir-riskju joriġina minn fatturi li ma jistgħux jinvolvu, direttament jew indirettament, ir-responsabbiltà ta’ dawn l-awtoritajiet jew li, meħuda waħedhom, ma jiksrux minnhom infushom id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.

49.      Dan l-approċċ ġie żviluppat fis-sentenza Pretty vs Ir-Renju Unit skont liema: “is-sofferenza minħabba marda li sseħħ naturalment [...] tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB jekk hija tinsab jew tista’ ssib ruħha aggravata minn trattament – jekk dan jirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, minn tkeċċija jew minn miżuri oħra – li l-awtoritajiet jistgħu jinżammu responsabbli għalihom” (17).

50.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ individwu milqut mill-Aids, il-Qorti EDB iddeċidiet, fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit, li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tesponi lil dan l-individwu għal riskju reali li jmut f’ċirkustanzi ta’ uġigħ partikolari u jikkostitwixxi trattament inuman fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, minkejja li dawk li ma humiex ċittadini li huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ tkeċċija ma jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat akkoljenti sabiex ikomplu jibbenefikaw mill-assistenza medika u soċjali assigurat lilhom minn dak l-Istat, il-ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB kien immotivat minn “ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna” tal-kawża inkwistjoni u l-“kunsiderazzjonijiet umanitarji imperattivi” li kienu involuti (18). Il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li d-destinatarja tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet tinsab fi stadju terminali tal-marda tagħha u li t-twaqqif f’daqqa tal-prestazzjonijiet mediċi pprovduti fl-Istat akkoljenti, kif ukoll l-assenza ta’ trattament adegwat fil-pajjiż tal-oriġini tagħha, kienu jnaqqsu l-aspettattiva tagħha tal-ħajja u kienu jikkawżawlha tbatija fiżika u mentali akuti (19).

51.      Fil-kawża N. vs Ir-Renju Unit (20), il-Qorti EDB ġiet mistiedna, essenzjalment, tiffissa dan il-limitu f’livell inqas għoli, billi tadotta interpretazzjoni inqas stretta tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna”.

52.      Din il-kawża kienet tikkonċerna t-tneħħija ta’ persuna seropożittiva li kienet tinsab fi stat stabbli bis-saħħa ta’ trattament mediku li kien issomministrat lilha fl-Istat ospitanti. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li, f’każ ta’ interruzzjoni ta’ dan it-trattament mediku, l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata kien jiddegrada malajr u din tal-aħħar kienet mietet fl-ispazju ta’ xi snin wara perijodu ta’ skumdità u ta’ tbatija. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti allegat, l-ewwel, li hija ma kellhiex il-mezzi sabiex tixtri l-prodotti mediċinali neċessarji għall-finijiet tal-imsemmi trattament fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, l-Uganda, u, it-tieni, li l-familja tiegħu li kienet residenti hemmhekk la kienet tixtieq u lanqas f’pożizzjoni li tikkuraha ladarba hija kienet marida b’mod gravi.

53.      Madankollu, il-Qorti EDB qieset li l-limitu għoli ta’ serjetà stabbilit fis-sentenza D. vs Ir-Renju Unit u applikat fil-ġurisprudenza ulterjuri tagħha kellu jinżamm (21).

54.      Sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija kawża N. vs ir-Renju Unit kinitx ikkaratterizzata minn ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, hija b’hekk intrabtet mas-serjetà tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti fil-mument meta kienet prevista t-tneħħija, mingħajr ma wettqet eżami ddettaljat dwar jekk hija setgħetx effettivament tikseb it-trattament u l-kura neċessarja fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. B’mod iktar preċiż, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx, fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza, fi stat kritiku u kienet adatta sabiex tivvjaġġa kien ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna” u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, il-fatt li, fil-każ ta’ tkeċċija lejn l-Uganda, il-persuna kkonċernata kellha degradazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha, u b’mod partikolari tnaqqis tal-aspettattiva tal-ħajja tagħha, ma kienx, skont din il-qorti, rilevanti (22).

55.      Iktar reċentement, il-Qorti EDB ikkunsidrat, fis-sentenza Paposhvili, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB biss għat-tneħħija ta’ persuni li jinsabu fil-limitu tal-mewt, kif għamlet wara s-sentenza N. vs Ir-Renju Unit(23), kellha l-effett li ċċaħħad mill-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni lill-barranin marid b’mod gravi li ma kinux fi stat kritiku. Għalhekk, ir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 3 tal-KEDB kien jimponi, fil-fehma tagħha, li l-espressjoni “każijiet eċċezzjonali oħra” tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi rikonoxxuta wkoll lil dawn il-persuni (24).

56.      B’mod iktar preċiż, il-Qorti EDB qieset li “każijiet eċċezzjonali oħra” għandhom ifissru “il-każijiet ta’ tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi li fihom ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li din il-persuna, minkejja li ma tiżvolġix riskju imminenti li tmut, taffaċċja, minħabba l-assenza ta’ trattamenti xierqa fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għalihom, riskju reali li tiġi esposta għal indebboliment gravi, rapidu u irriversibbli tal-istat ta’ saħħa tagħha” (25).

57.      F’din il-kawża, ir-rikorrent kien milqut minn marda estremament gravi. Skont l-informazzjoni li huwa pprovda, l-istat ta’ saħħa tiegħu kien stabilizzat bis-saħħa tat-trattament li kien jibbenefika minnu fil-Belġju u, li kieku dan it-trattament kellu jiġi interrott, l-aspettattiva tal-ħajja medja tiegħu kienet tkun ta’ inqas minn sitt xhur. Il-Qorti EDB qieset li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent li skonthom l-imsemmi trattament ma kienx disponibbli fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu u skont liema dan ir-rikorrent ma kellu l-ebda garanzija li se jkollu aċċess għal forom oħra ta’ trattament għall-marda tiegħu disponibbli f’dak il-pajjiż, kienu kredibbli (26). B’hekk, skont il-Qorti EDB, seta’ jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB fl-assenza ta’ evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-riskju sostnut mir-rikorrent fid-dawl tad-data marbuta mal-istat ta’ saħħtu u mal-eżistenza ta’ trattament adegwat fil-Georgia (27).

58.      Il-kriterju adottat fis-sentenza Paposhvili sabiex jiġi vverifikat jekk l-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija kontra persuna marida b’mod gravi tikkostitwixxix trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB, ġie reċentement ikkonfermat fis-sentenza mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti EDB fil-kawża Savran vs Id-Danimarka (28).

59.      Fir-rigward tal-portata ta’ dan il-kriterju, hija meħtieġa preċiżazzjoni. Għalkemm dan ċertament jimplika estensjoni tal-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li tirriżulta mid-definizzjoni ta’ limitu ta’ serjetà li jippermetti li jiġu inklużi l-persuni li ma humiex qrib il-mewt fost il-benefiċjarji tal-protezzjoni offruta minn dan l-artikolu, il-Qorti EDB kienet partikolarment attenta li turi n-natura relattiva ta’ dan it-tkabbir (29), kif jirriżulta b’mod partikolari minn tliet elementi. L-ewwel, hija tenniet li l-każijiet li fihom l-Artikolu 3 tal-KEDB jostakola l-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi huma “eċċezzjonali ħafna”. It-tieni, hija indikat li dawn il-każijiet “jikkorrispondu għal livell għoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 [tal-KEDB] fil-kawżi marbuta mat-tneħħija tal-barranin morda b’mod gravi”. It-tielet, il-livell ta’ gravità li hija stabbiliet jimplika li l-indebboliment tal-istat ta’ saħħa tal-persuna suġġetta għal miżura ta’ tneħħija jkun mhux biss “gravi” u “irriversibbli”, iżda wkoll “rapidu”. Filwaqt li l-ewwel żewġ elementi huma attributi essenzjali tad-dannu riskjuż meta l-kwistjoni tirrigwarda ksur purament virtwali, anki jekk huwa prevedibbli, tal-KEDB (30), dan l-aħħar element ma jsib ebda spjegazzjoni oħra ħlief dik dwar l-intenzjoni li jiġi limitat kemm jista’ jkun iċ-ċirku ta’ individwi li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-KEDB.

c)      L-Artikolu 4 tal-Karta bħala garanzija kontra r-refoulement fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

60.      Fir-rigward tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li din tal-aħħar, f’erba’ okkażjonijiet, identifikat espressament il-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-ċaqliq forzat ta’ persuna marida b’mod gravi jikkostitwixxix trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

61.      Fil-Kawża Abdida, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti EDB fil-Kawża N. vs Ir-Renju Unit (31), li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li timplika t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi lejn pajjiż fejn ma jkunx hemm trattamenti adegwati tikser l-Artikolu 4 tal-Karta f’każijiet eċċezzjonali ħafna. Hija speċifikat ukoll li dawn l-aħħar imsemmija każijiet huma kkaratterizzati mis-serjetà u min-natura irreparabbli tad-dannu li jirriżulta mit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz lejn pajjiż li fih ikun hemm riskju serju  li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti. L-effettività tal-appell ippreżentat kontra tali deċiżjoni ta’ ritorn teżiġi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-appell ikollu effett sospensiv, peress li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tesponi lill-imsemmi ċittadin għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat ta’ saħħtu (32).  Sussegwentement, dan il-kriterju ġie riprodott fis-sentenza CPAS de Seraing (33).

62.      Fil-kawża C. K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija dwar il-kwistjoni jekk it-trasferiment mis-Slovenja lejn il-Kroazja, fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin, ta’ applikanti għall-ażil b’kundizzjoni psikoloġika partikolarment gravi, jiġifieri depressjoni post partum u tendenzi suwiċidali perjodiċi, kienx jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

63.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn indikat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, ma setax jiġi eskluż li t-trasferiment ta’ applikant jista’, fih innifsu, iwassal, għall-persuna kkonċernata, għal riskju reali li ssofri trattamenti inumani u degradanti, indipendentement mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat (34).

64.      Fir-rigward tal-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex tipi vverifikata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta f’din l-ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti jekk iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar (35). Sussegwentement hija żiedet li, ladarba l-applikant ipprovda elementi oġġettivi suffiċjenti sabiex tingħata prova tas-serjetà partikolari tal-istat ta’ saħħtu kif ukoll il-konsegwenzi sinjifikattivi u irremedjabbli ta’ transferiment fuq dan tal-aħħar, ikun imiss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jeżaminaw dawn l-elementi, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-assjem tal-konsegwenzi li jirriżultaw mit-trasferiment, mingħajr ma jieqfu biss fuq il-konsegwenzi tat-trasport fiżiku tal-applikant għall-ażil (36).

65.      Dan l-approċċ ġie kkonfermat u applikat fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) . Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni sussidjarja għandhiex tingħata lil ċittadin li ġie ttorturat mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li s-severità psikoloġika tiegħu tista’ taggrava b’mod sostanzjali fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

66.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-kwistjoni, hija enfasizzat b’mod partikolari li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar it-tneħħija ta’ persuni morda b’mod gravi, huwa neċessarju li s-sofferenzi li jirriżultaw minn tneħħija jilħqu minimu ta’ serjetà sabiex jikkawżaw ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB u fakkret li din l-evalwazzjoni ssir mill-Qorti EDB billi tapplika l-kriterju stabbilit fis-sentenza Paposhvili (37).

67.      F’dan l-istadju tar-raġunament tagħha, kien leġittimu li wieħed jistenna li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta dan il-kriterju billi tafferma li dan għandu jintuża wkoll sabiex jiddefinixxi s-sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 4 tal-Karta jipprekludi t-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi. Issa, il-punt sussegwenti tas-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) tiddikjara li: “[f]l-istess perspettiva, l-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, [...], jekk dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu” (38).

68.      Il-kriterju applikat hawnhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà użat fis-sentenza C. K. et (39), huwa differenti minn dak li jirriżulta mis-sentenza Paposhvili. Għalkemm huwa minnu, fil-fatt, li l-espressjoni “deterjorament sinjifikattiv u irrimedjabbli” tidher semantikament ekwivalenti għal dik ta’ “indebboliment gravi u irriversibbli”, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju la jeżiġi li d-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata toħloq “sofferenzi intensi” jew “tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattiva tal-ħajja”, u lanqas li din id-degradazzjoni tkun ukoll “rapida”. Fuq dan l-aħħar punt, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ippreċiżat li l-implimentazzjoni ta’ dan il-kriterju timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-“l-konsegwenzi sinjifikattivi u rrimedjabbli kollha li jirriżultaw mit-tkeċċija” (40).

69.      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiffissa l-livell ta’ serjetà rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta f’dawn it-tipi ta’ kawżi f’livell inferjuri għal dak meħtieġ mill-Artikolu 3 tal-KEDB skont is-sentenza Paposhvili, b’tali mod li l-ewwel artikolu jipprekludi t-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi f’firxa ta’ sitwazzjonijiet iktar wiesgħa mit-tieni wieħed. Fi kliem ieħor, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrifletti għażla ta’ interpretazzjoni iktar protettiva  tad-dritt li ma jiġux suġġetti għal trattamenti inumani u degradanti.

70.      Din l-għażla taqa’, barra minn hekk, taħt il-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm huwa minnu, fil-fatt, li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jeżiġi li d-drittijiet imsemmija fih u li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB jinftiehmu bħala li għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawn tal-aħħar, issa huwa paċifiku li, sakemm il-KEDB ma tikkostitwixxix strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ koerenza mfittex minn din id-dispożizzjoni ma jistax jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ leġittimament tagħti lill-imsemmija drittijiet sens u portata differenti meta mqabbla mad-drittijiet stabbiliti fil-KEDB, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha twassal għal livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak iggarantit minn din tal-aħħar (41), liema riżultat inkiseb fil-każ ineżamina.

71.      Dan il-qari tas-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi fil-passat)  huwa sostnut mill-fatt li, f’din is-sentenza, l-espressjoni “fl-istess perspettiva” torbot il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja mat-tfakkira tal-kriterju li jirriżulta mis-sentenza Paposhvili, peress li l-użu ta’ tali espressjoni juri, mid-definizzjoni tagħha, relazzjoni ta’ xebh u mhux ta’ ekwivalenza sostanzjali.

d)      Lapplikazzjoni għallkawża prinċipali

72.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, X ibati minn marda partikolarment gravi li teħtieġ trattament mediku speċifiku. Huwa paċifiku li, jekk jitkeċċa, X ikun jista’ madankollu jikseb dan it-trattament, peress li dan tal-aħħar huwa disponibbli u aċċessibbli fir-Russja. Min-naħa l-oħra, X ma għandux iktar, f’każ ta’ tkeċċija, aċċess għat-trattament ibbażat fuq il-kannabis li ġiet preskritta lilu mit-tabib u hija somministrata lilu attwalment għall-finijiet tal-ġestjoni tal-uġigħ ikkawżat mill-marda tiegħu, peress li dan it-trattament ma huwiex awtorizzat fir-Russja. Għalkemm jidher improbabbli li l-interruzzjoni ta’ din l-imsemmi trattament twassal għal aggravar tal-marda tiegħu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tad-dokumentazzjoni rilevanti prodotta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, tali interruzzjoni twassal għal żieda fis-sofferenza mġarrba minn X, peress li kull wieħed mit-trattamenti analġeżiċi oħra li jistgħu jiġu ssomministrati lilu fir-Russja ma huwa xieraq.

73.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mistoqsi jekk il-konstatazzjoni ta’ żieda fis-sofferenza tistax, waħedha, tkun tista’ tikkaratterizza “deterjorazzjoni tal-istat ta’ saħħa” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li r-risposta għandha tkun pożittiva. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-premessa, magħmula mill-Qorti EDB, li s-sempliċi sofferenza minħabba marda, li tirriżulta b’mod naturali jew le, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB jekk tkun tiżdied jew hemm riskju li tiżdied minn trattament, bħat-tkeċċija, li l-awtoritajiet jistgħu jinżammu responsabbli għalih (42). Barra minn hekk, huwa osservat li l-ebda element ieħor naxxenti mill-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hija ta’ natura li tiġġustifika interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 4 tal-Karta huwa applikabbli biss meta ż-żieda tas-sofferenza li tirriżulta minn tneħħija tkun akkumpanjata minn tibdil tas-sintomi fil-persuna kkonċernata. Bħala eżempju, l-Artikolu 4 tal-Karta ġie applikat fis-sentenza MP minħabba li t-tkeċċija tar-rikorrent kellha l-effett li taggrava s-sofferenzi psikoloġiċi tiegħu, indipendentement minn kull bidla tas-sintomi tal-istress posttrawmatiku gravi u tad-depressjoni severa li kien isofri minnha (43).

74.      Ħadt sew inkunsiderazzjoni l-preokkupazzjonijiet espressi matul il-proċedura mill-Gvern Olandiż, li skonthom, fid-dawl tan-natura suġġettiva tal-uġigħ, sempliċi allegazzjonijiet tad-destinatarju tal-miżura ta’ tneħħija ma għandhomx jitqiesu bħala li huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. Għalhekk nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu din l-okkażjoni sabiex tippreċiża espressament, bħalma għamlet il-Qorti EDB fis-sentenza Paposhvili, li huwa dan iċ-ċittadin li għandu jipproduċi elementi li jistgħu juru li hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li, jekk din il-miżura tiġi eżegwita, huwa jkun espost għal riskju reali li jsofri trattamenti inumani u degradanti (44).

75.      Barra minn hekk, it-tneħħija tal-imsemmi ċittadin tkun inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta biss jekk jintlaħaq il-limitu ta’ gravità stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk it-tneħħija ta’ X toħloqx riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu.

76.      Għalkemm tali eżami, li jiddependi ħafna fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, jaqa’ fuq il-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tar-riżultati tal-perizja ordnata fil-kawża prinċipali, l-elementi li jirriżultaw mill-proċess jippermettu, fil-fehma tiegħi, li jsiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

77.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li X ipproduċa dokumenti li juru li huwa milqut minn marda gravi li tikkawżalu, fost oħrajn, migranji, uġigħ ta’ żaqq, uġigħ fil-għonq, fl-għadam, fil-muskoli u fin-nervituri, u li dawn l-istanzi differenti ta’ uġigħ saru attwalment bilkemm supportabbli permezz tas-somministrazzjoni ta’ trattament ibbażat fuq il-kannabis terapewtika. Barra minn hekk, X issemmi l-fatt li l-interruzzjoni tat-trattament ibbażat fuq il-kannabis terapewtika timplika żieda fl-uġigħ tali li la jkun jista’jorqod u lanqas jiekol u li n-natura permanenti ta’ dan l-uġigħ tiġġenera, fuq perijodu itwal, il-ħolqien ta’ problemi psikiċi, fil-forma ta’ ħsibijiet depressivi u suwiċidali. Min-naħa l-oħra, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li dan it-trattament, li huwa l-uniku trattament kontra l-uġigħ li huwa adegwat għal X, peress li l-alternattivi huma saħansitra kontraindikati, ma huwiex legalment disponibbli fir-Russja.

78.      Jekk tiġi stabbilita r-realtà ta’ dawn l-elementi kollha, il-qorti tar-rinviju jkollha, fil-fehma tiegħi, tikkonkludi li t-tneħħija ta’ X ma tistax, f’dan il-każ, tiġi eżegwita minħabba li din twassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu (45).

79.      Fid-dawl tat-tieni parti tal-ewwel żewġ domandi, kif ifformulati mill-ġdid, infakkar li l-kwistjoni dwar jekk l-aggravazzjoni tal-uġigħ li tirriżulta minn eventwali tneħħija ta’ X lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ssirx “malajr” wara l-eżekuzzjoni tagħha ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu ta’ gravità ntlaħaqx u jekk b’hekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta.

80.      Filwaqt li s-sentenza Paposhvili teħtieġ li l-indebboliment tal-istat ta’ saħħa jkun mhux biss “gravi” u “irriversibbli”, iżda wkoll “rapidu”, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt illimitat ruħha, fil-kuntest tal-interpretazzjoni awtonoma tagħha tal-Artikolu 4 tal-Karta, li teżiġi, kif intwera’ iktar ’il fuq, li l-istat ta’ saħħa jiġi indebbolit b’mod sinjifikattiv u irrimedjabbli minħabba t-tneħħija.

81.      Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tallinja l-interpretazzjoni tagħha, iktar protettiva, ma’ dik tal-Qorti EDB.

82.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza l-iktar antika tal-Qorti EDB, din tal-aħħar għandha d-dritt tevalwa jekk it-tneħħija ta’ barrani hijiex ta’ natura li tikser id-dritt li ma jiġix issuġġettat għal trattamenti inumani u degradanti minħabba s-sofferenza li tista’ tirriżulta minnha fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, minkejja li dan huwa ksur li għadu ma seħħx tal-KEDB. Din l-interpretazzjoni hija neċessarja, skont din il-qorti, sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan id-dritt, bħala dritt assolut u valur fundamentali tas-soċjetajiet demokratiċi, peress li d-dannu li jirriżulta mit-tneħħija huwa gravi u irreparabbli (46).

83.      Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra wkoll, fis-sentenza futura tagħha, dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa fl-okkorrenza tad-dannu (f’dan il-każ, il-ħeffa tal-indebboliment tal-istat tas-saħħa) jirriskja, fil-fehma tiegħi, li jiġi interpretat bħala attenwazzjoni tan-natura assoluta tad-dritt sanċit fl-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba bbilanċjar bejn dan id-dritt u s-setgħa tal-Istati Membri li jikkontrollaw id-dħul u s-soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, huwa preċiżament ix-xewqa li tiġi ggarantita aħjar in-natura assoluta ta’ din id-dispożizzjoni li, jidhirli, wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-ġurisprudenza tagħha, tfittex livell ta’ protezzjoni ogħla tad-dritt li persuni ma jiġux suġġetti għal trattamenti inumani u degradanti (47).

84.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jimplikaw neċessarjament li l-Artikolu 4 tal-Karta jipprekludi prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-iffissar ta’ terminu strett li fih iż-żieda sinjifikattiva u irrimedjabbli tal-uġigħ taċ-ċittadin suġġett għat-tneħħija għandha obbligatorjament timmanifesta ruħha.

85.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi, kif ifformulati mill-ġdid, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa marid b’mod gravi u li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija, fil-każ li huwa jkun espost, minħabba l-indisponibbiltà legali, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, għal żieda sinifikattiva u irrimedjabbli tal-uġigħ tiegħu. It-terminu li fih tali żieda ser timmanifesta ruħha ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

86.      Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li X ma jistax jintbagħat lura lejn ir-Russja minħabba li din it-tneħħija tesponih għal riskju reali ta’ trattamenti inumani u degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, it-tneħħija tiegħu għandha obbligatorjament tiġi posposta skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115.

87.      Il-posponiment ta’ din it-tneħħija ma jistax ikollu l-konsegwenza, fl-opinjoni tiegħi, ta’ ċaħda tal-effett tad-deċiżjoni ta’ ritorn adottata mill-awtorità Olandiża kompetenti, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta (48). Fil-fatt ma narax kif jista’ jitqies li tali konsegwenza tirriżulta mis-sentenza CPAS de Seraing (49), meta l-istess Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, li l-problema tal-għoti ta’ effett sospensiv ipso jure jikkonċerna neċessarjament id-deċiżjoni ta’ ritorn u, possibbilment, id-deċiżjoni ta’ tneħħija li takkumpanjaha (50).

88.      Kif sostna l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk it-tneħħija tiġi differita, ma hemm l-ebda raġuni sabiex id-deċiżjoni ta’ ritorn, li tikkonstata l-irregolarità tas- soġġorn, titlef l-effetti tagħha, iktar u iktar meta l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jkollhom quddiemhom ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’sitwazzjoni ta’ soġġorn illegali, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ ritorn għaliex “ikun kuntrarju kemm għall-għan tad-Direttiva 2008/115 [...] kif ukoll għall-formulazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li tiġi ttollerata l-eżistenza ta’ status intermedju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dritt jew permess ta’ residenza [...] iżda li fir-rigward tagħhom ma tkun għadha teżisti ebda deċiżjoni ta’ ritorn valida” (51).

2.      Fuq ittielet domanda

89.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-mument li jiġi ddeterminat jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, dan tal-aħħar ikun fi stat li jivvjaġġa.

90.      B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Olandiż, il-konsegwenzi mediċi li jistgħu jirriżultaw minn miżura ta’ tneħħija ma humiex eżaminati fl-opinjoni mogħtija mill-BMA ħlief jekk iseħħu matul l-eżekuzzjoni tat-tneħħija fil-veru sens tal-kelma, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi mediċi, ta’ natura psikoloġika, li jistgħu jimmanifestaw ruħhom minħabba l-indisponibbiltà jew l-inaċċessibbiltà, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, tal-kura neċessarja għat-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn il-konsegwenzi mediċi.

91.      Minn perspettiva strettament ġuridika, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jidhru li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kuntest ġuridiku li jirriżulta mis-sentenza C.K. (52), mogħtija fil-qasam tas-sistema ta’ Dublin, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115. Din il-qorti tiddikjara li hija konxja mill-fatt li din is-sentenza tindika l-obbligi li Stat Membru għandu jwettaq sabiex ikun jista’ jwettaq it-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta tendenzi suwiċidali. Madankollu, hija tqis li l-obbligi imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw biss il-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar ta’ dan iċ-ċittadin, fatt li huwa spjegat mill-fatt li l-Istat li jwettaq it-trasferiment jista’, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ Dublin, jippreżumi li l-kura disponibbli fl-Istati Membri l-oħra hija suffiċjenti sabiex tiġi ttrattata l-marda li minnha jsofri l-imsemmi ċittadin.

92.      Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li n-natura ġenerali u assoluta tal-Artikolu 4 tal-Karta, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jimponi essenzjalment l-osservanza tiegħu, timplika li l-kuntest ġuridiku stabbilit fl-imsemmija sentenza C.K. huwa, bħala prinċipju, applikabbli wkoll għat-trasferiment ta’ persuna lejn pajjiż terz, bħal tneħħija eżegwita skont id-Direttiva 2008/115. Traspost f’dan l-aħħar imsemmi kuntest, dan il-qafas ġuridiku huwa bbażat fuq il-prinċipji li ġejjin.

93.      It-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, tikkostitwixxi, fiha nnifisha, trattament inuman u degradanti meta dan iwassal għar-riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħtu (53).

94.      Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jeliminaw kull dubju serju dwar l-impatt ta’ din it-tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu inkunsiderazzjoni “l-konsegwenzi sinjifikattivi u irrimedjabbli kollha” li jirriżultaw mit-tneħħija. Dan jimplika li l-Istat Membru li jwettaq it-tneħħija għandu mhux biss jorganizza din it-tneħħija b’mod li l-kura kollha neċessarja tkun żgurata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat matul it-trasferiment fiżiku tiegħu lejn l-Istat ta’ destinazzjoni, permezz ta’ akkumpanjament mediku adegwat, iżda għandu jiżgura wkoll li, mal-wasla tiegħu f’dan l-Istat, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kura medika indispensabbli sabiex jiġi evitat kull riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu (54).

95.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-mument li jiġi ddeterminat jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, dan tal-aħħar ikun fi stat li jivvjaġġa. Dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu evalwati wkoll waqt il-verifika li, sa mill-wasla tiegħu fl-Istat ta’ destinazzjoni, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kura medika indispensabbli sabiex jiġi evitat kull riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu.

3.      Fuq irraba’ domanda

96.      Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-problemi mediċi serji ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u l-kura tas-saħħa li jirċievi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-Istat Membru huwiex obbligat li jirrikonoxxilu dritt ta’ soġġorn.

97.      Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “d-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin” u li “l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jirrigwardaw biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet” (55). Dan ifisser li l-kundizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ soġġorn liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex irregolati minn din id-direttiva, iżda jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.

98.      F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw skont id-dritt tal-Unjoni, iżda sempliċement jirrikonoxxi s-setgħa ta’ dawn l-Istati skont id-dritt nazzjonali li jagħtu dritt ta’ soġġorn, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji, sabiex jispjegaw l-artikolazzjoni ta’ tali dritt mad-deċiżjoni ta’ ritorn. (56)

99.      L-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa għalhekk ma jikkostitwixxix implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, b’tali mod li l-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għal permess ta’ soġġorn għandhiex tintlaqa’ ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar. L-invokazzjoni tal-Karta, u b’mod partikolari tal-Artikolu 7 tagħha, moqrija flimkien mad-Direttiva 2008/115, fl-ebda każ ma tista’ twassal sabiex X jingħata dritt ta’ soġġorn li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni.

100. Fit-tieni lok, ir-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 4, u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu, meta jeżaminaw jekk għandhiex tiġi posposta t-tneħħija tiegħu.

101. B’differenza mill-ewwel żewġ domandi preliminari, din id-domanda ma tagħmilx riferiment għall-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jiġi stabbilit jekk l-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin tistax tiġi analizzata bħala trattament inuman u degradanti. L-Istat tas-saħħa huwa invokat biss bħala komponent tal-ħajja privata. Għalhekk, l-Artikoli 1, 4 u 19(2) tal-Karta ma jidhrux li huma rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

102. Obbligu li jirrigwarda r-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja jista’ jiġi stabbilit, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut tal-ħajja tal-familja fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva.

103. Il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement iddeċidiet li l-għan tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 huwa li jiġi żgurat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ritorn stabbilit minn din tal-aħħar, ir-rispett ta’ diversi drittijiet fundamentali (57). Din il-konstatazzjoni timplika, fl-ewwel lok, li l-frażi “ħajja tal-familja” għandha tinftiehem bħala li tagħmel riferiment għad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, kif sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u, fit-tieni lok, li l-obbligu li jittieħed kont debitu ta’ dan id-dritt ma jiġix sodisfatt minn sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti tal-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, kif sostna l-Gvern Olandiż waqt is-seduta (58). Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, is-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), iċċitata waqt is-seduta minn dan il-Gvern, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika interpretazzjoni kuntrarja, peress li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċiment qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija elementi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta dawn jiġu pprovduti lilhom mill-persuna kkonċernata, jikkonstitwixxi kundizzjoni preliminari neċessarja għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (59).

104. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li din id-domanda għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva tal-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva (“Posponiment tat-tneħħija”).

105. Għalhekk, qabelxejn għandu jiġi pprovdut lill-qorti tar-rinviju l-kuntest ġuridiku li jirregola l-evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-legalità tal-eżekuzzjoni tat-tneħħija ta’ X fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dan tal-aħħar, billi jiġi ppreċiżat jekk, u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, l-istat ta’ saħħa ta’ X għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest (60).

106. Kuntrarjament għal dak li ġie sostnut waqt is-seduta mill-Gvern Olandiż, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jeżaminaw talba għal posponiment tat-tneħħija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-fatt li l-kwistjoni tkun spiss eżaminata minn dawn l-awtoritajiet waqt l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal soġġorn.

107. Fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-Artikolu 7 tal-Karta għandu bħala prinċipju jirċievi interpretazzjoni li tagħtih l-istess sens u l-istess portata bħall-Artikolu 8 tal-KEDB, u dan jirrendi neċessarju li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar din id-dispożizzjoni.

108. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB f’dan il-każ, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq evalwazzjoni ta’ proporzjonalità, li tikkonsisti f’ibbilanċjar bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ X u s-setgħa tal-Istat Olandiż li jkeċċi lill-barranin li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ soġġorn fit-territorju tiegħu.

109. Fil-fatt, ftit li xejn hemm dubju, minn naħa, li l-eżekuzzjoni eventwali tat-tneħħija ta’ X lejn ir-Russja ser tiġi analizzata f’indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu (61) u, min-naħa l-oħra, li tali miżura għandha l-bażi legali tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, kif interpretat fil-punt A/37 taċ-Ċirkolari omonima) u għandha wieħed mill-“għanijiet leġittimi” elenkati fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB (“difiża tal-ordinament”). F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tippreskrivi li jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni hijiex neċessarja, f’soċjetà demokratika, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, li jirriżulta, skont il-Qorti EDB, minn eżami ta’ proporzjonalità (62).

110. Il-karatteristiċi essenzjali ta’ dan l-eżami ġew identifikati prinċipalment mill-Qorti EDB fil-kawżi li jgħaqqdu immigrazzjoni irregolari u d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja. Fis-sentenza Pormes vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, din il-qorti indikat madankollu li l-prinċipji fformulati u l-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni f’dawn il-kawżi jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis għas-sitwazzjoni ta’ barrani li jkun stabbilixxa rabtiet, li jikkostitwixxu ħajja privata, fit-territorju ta’ Stat matul il-perijodu ta’ soġġorn irregolari tiegħu (63). Dan jimplika dan li ġej.

111. Il-portata tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiddependi, bħala prinċipju, mis-sitwazzjoni partikolari tal-barrani u mill-interess ġenerali. Ħlief sa fejn il-barrani jiġi kklassifikat bħala “immigrant stabbilit” għaliex għandu awtorizzazzjoni ta’ soġġorn fl-Istat ospitanti, l-eżistenza ta’ “raġunijiet solidi ħafna” ma hijiex neċessarja sabiex id-dritt li jitkeċċa minn dan l-Istat jipprevali fuq id-dritt tal-barrani għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu (64).

112. Fil-każ fejn il-barrani kkonċernat ikun stabbilixxa ħajja privata fl-Istat ospitanti fi żmien meta kien jaf li l-istatus tiegħu fir-rigward tar-regoli tal-immigrazzjoni kien tali li ż-żamma ta’ din il-ħajja privata fi ħdan dan l-Istat kellha qabelxejn natura prekarja, it-tkeċċija ta’ dan il-barrani tkun tista’ tikser l-Artikolu 8 tal-KEDB biss “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” (65).

113. Il-fatturi rilevanti għall-finijiet tal-ibbilanċjar tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-interess ġenerali huma l-estensjoni ta’ rabtiet soċjali, kulturali u familjari fl-Istat ospitanti u fil-pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ elementi marbuta mal-kontroll tal-immigrazzjoni jew ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku li jimmilita favur it-tkeċċija (66). Din hija biss lista mhux eżawrjenti li bl-ebda mod ma teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, bħal fatturi ta’ natura medika (67). Dawn tal-aħħar huma marbuta mal-istat tas-saħħa tar-rikorrent u mal-evoluzzjoni li huwa suxxettibbli li jesperjenza f’każ li tiġi implimentata l-miżura ta’ tneħħija (68).

114. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-Qorti EDB, is-saħħa għandha titqies bħala komponent tal-ħajja privata, peress li l-kunċett ta’ “ħajja privata”, li għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u ma huwiex korett minn definizzjoni eżawrjenti, jiġbor fih l-integrità fiżika u morali ta’ persuna (69). Dwar l-integrità morali, din il-qorti diġà indikat li s-salvagwardja tas-saħħa mentali hija kundizzjoni preliminari inevitabbli għat-tgawdija effettiva tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, mifhum bħala dritt “għall-identità u għas-sodisfdazzjoni personali” u “ta’ bini u żvilupp ta’ relazzjonijiet mal-pari tiegħu u mad-dinja esterna” (70). Jidhirli li huwa raġonevoli li jitqies li l-integrità fiżika tikkostitwixxi wkoll tali kundizzjoni preliminari.

115. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti EDB ma teskludix li trattament li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “inuman jew degradanti” fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB jista’ madankollu jippreġudika l-integrità fiżika u morali sal-punt li jikser dan l-artikolu mill-perspettiva tal-ħajja privata. Fil-proroga ta’ dan l-approċċ, hija essenzjalment ikkunsidrat, fis-sentenza Paposhvili, li t-tneħħija ta’ barrani tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB minkejja li ebda ksur tal-Artikolu 3 tagħha ma jista’ jiġi kkonstatat (71).

116. B’mod partikolari, meta jkun hemm sitwazzjoni fejn it-tneħħija tirriskja li taggrava l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata sal-punt li din tal-aħħar ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tiżviluppa rabtiet li jikkostitwixxu ħajja privata, dawn il-fatturi ta’ natura medika jista’ jkollhom importanza kbira fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir sabiex tiġi ddeterminata n-natura proporzjonata ta’ din it-tneħħija.

117. Jekk jirriżulta, wara eżami ta’ proporzjonalità kkaratterizzat b’dan il-mod, li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi miksur minħabba t-tneħħija tiegħu, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ta’ kull att ta’ dritt sekondarju mad-drittijiet fundamentali, kif iddikjarat mill-ġdid fil-premessa 24 tad-Direttiva 2008/115, jimponi l-konklużjoni li t-tneħħija ma tistax tiġi eżegwita.

118. Madankollu, dan ma jfissirx li posponiment tat-tneħħija għandu neċessarjament jingħata skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, il-posponiment tat-tneħħija huwa fil-fatt obbligatorju biss jekk l-eżekuzzjoni tagħha tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement [inċiż (a)] jew fil-każ fejn jiġi rrikonoxxut effett sospensiv għall-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija [inċiż (b)]. Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, din ma tikkonċernax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Fir-rigward tat-tieni waħda, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-preġudizzju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, fil-każ ta’ eżekuzzjoni tat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa marid b’mod gravi, jista’ jitqies li huwa “gravi u irreparabbli” fis-sens tas-sentenza Abdida (72) u għalhekk jiġġustifika li jiġi rrikonoxxut li r-rikors għandu effett sospensiv. Madankollu, għandi naċċetta li għandi diffikultà sabiex nimmaġina sitwazzjoni li fiha dan ikun il-każ.

119. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li fatturi ta’ natura medika li ma jwasslux għal sitwazzjoni li tmur kontra l-prinċipju ta’ non-refoulement iżda li, minħabba n-natura inqas gravi tagħhom, huma rilevanti biss bħala komponenti tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal miżura ta’ tneħħija, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115, fid-determinazzjoni tal-mument tat-tneħħija.

120. Jien ma naqbilx ma’ din il-fehma. Fil-fatt, jidhirli li huwa evidenti li l-possibbiltà li tiġi posposta t-tneħħija, mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 9(2)(a) ta’ din id-direttiva, tikkonċerna s-sitwazzjonijiet li fihom “l-istat fiżiku jew mentali” taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jirrendi t-trasferiment fiżiku tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu inopportun jew impossibbli fid-data prevista fil-bidu. Jekk dan l-istat fiżiku jew mentali kien imputabbli għal ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-imsemmi ċittadin, din l-ipoteżi tidher pjuttost fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedi posponiment obbligatorju tat-tneħħija f’żewġ każijiet fejn l-eżekuzzjoni tiegħu tkun ta’ natura li tikser dritt fundamentali (73).

121. Konsegwentement, għandu jiġi rrikonoxxut li d-Direttiva 2008/115 tibqa’ siekta dwar il-konsegwenzi legali ta’ konstatazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-eżekuzzjoni tat-tneħħija twassal għall-ksur tad-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu. Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 ma tirregola tali konsegwenzi, peress li dawn tal-aħħar jaqgħu għalhekk taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.

122. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu, meta jevalwaw jekk l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu tistax tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja nazzjonali, peress li l-konsegwenzi legali ta’ konstatazzjoni eventwali ta’ ksur jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.

IV.    Konklużjoni

123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’ zittingsplaats ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), kif ifformulati mill-ġdid:

1)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz, marid b’mod gravi u li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija, fil-każ li jiġi espost, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà legali, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, tal-uniku trattament antalġiku effettiv, għal żieda sinjifikattiva u irrimedjabbli fl-uġigħ tiegħu. It-terminu li fih tali żieda ser timmanifesta ruħha ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

2) L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-mument li jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar huwiex fi stat li jivvjaġġa, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet. Dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu evalwati wkoll waqt il-verifika li, sa mill-wasla tiegħu fl-Istat ta’ destinazzjoni, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn kura medika indispensabbli sabiex jiġi evitat kull riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu.

3)      L-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala komponent tal-ħajja privata tiegħu, meta jevalwaw jekk l-eżekuzzjoni tat-tneħħija tiegħu tistax tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dan iċ-ċittadin, peress li l-konsegwenzi legali ta’ konstatazzjoni eventwali ta’ ksur jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


3      Sentenza tal‑24 ta’ April 2018, (C‑353/16, iktar ’il quddiem MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) EU:C:2018:276).


4      Il-Qorti EDB, 13 ta’ Diċembru 2016, iktar ’il quddiem is-“sentenza Paposhvili” ECHR: 2016: 1213JUD004173810.


5      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 35 u 39).


6      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 63).


7      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 23).


8      ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifka fil-ĠU 2020, L 245, p. 32.


9      ĠU 2007, C 303, p. 17.


10      Għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, ser nirreferi, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-Artikolu 4 tal-Karta biss, sa fejn l-Artikolu 19(2) tagħha jikkostitwixxi applikazzjoni għall-każ ta’ tneħħija tal-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti stabbilita f’dan l-Artikolu 4.


11      Qorti EDB tas‑27 ta’ Mejju 2008, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505.


12      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453), u tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et. (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).


13      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), tad‑19 ta’ Marzu 2019, (C‑163/17, EU:C:2019:218) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219).


14      Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).


15      Sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 90). Korsiv miżjud minni.


16      Qorti EDB, 2 ta’ Mejju 1997, D. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1997:0502JUD003024096, § § 49 u 50).


17      Qorti EDB, 29 ta’ April 2002, Pretty vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2002:0429JUD000234602, § 52) (il-korsiv huwa miżjud minni).


18      Qorti EDB, tat‑2 ta’ Mejju 1997, D. vs ir-Renju Unit, CE:ECHR:1997:0502JUD003024096§ 54.


19      Ibid., § 50 sa 52.


20      Il-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Mejju 2008, N. vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0527JUD002656505).


21      Ibid., § 43.


22      Ibid., § § 50 u 51.


23      Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2008, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505.


24      Sentenza Paposhvili, § 181 u 183.


25      Ibid., § 183. Korsiv miżjud minni.


26      Ibid., § 194 sa 198.


27      Ibid., § § 205 u 206.


28      Il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715).


29      Ara, f’dan is-sens, Mavronicola N., “Specifying the Non-Refoulement Duty under Article 3 ECHR”, Torture, Inhumanity and Degradation under Article e of the ECHR: Absolute Rights and Absolute Wrongs, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 181.


30      Il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, § 90).


31      Qorti EDB, tas‑27 ta’ Mejju 2008, N. Vs ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505.


32      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 45 sa 50).


33      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020, (C‑402/19, EU:C:2020:759, punt 36).


34      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 68 u 71 sa 73).


35      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 74).


36      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16, EU:C:2017:127, punti 75 u 76).


37      Sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) punti 36 sa 40.


38      Sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punt 41. Korsiv miżjud minni.


39      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).


40      Sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punti 41 u 42). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 76).


41      Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47), tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50) u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 22 u 23). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:294, punti 148 u 149).


42      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 68) u MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punti 38 u 39.


43      Ara s-sentenza MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punt 43.


44      Sentenza Paposhvili § 186).


45      Fin-nuqqas ta’ emenda fil-leġiżlazzjoni Russa, dan id-deterjorament jidher effettivament, fil-fatti, irrimedjabbli.


46      Il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, § 91).


47      Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59) u MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passata) punt 36.


48      Ma ninjorax li tali interpretazzjoni tkun tfisser li tissaħħaħ il-protezzjoni legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ “tneħħija fit-tul”, peress li dawn huma, bħala prinċipju, esklużi mit-tgawdija ta’ numru kbir ta’ drittijiet soċjoekonomiċi minħabba n-natura irregolari tas-soġġorn tagħhom. Hija kemm hija ta’ dispjaċir is-sitwazzjoni tagħhom, dan xorta ma jawtorizzax qari żbaljat tad-Direttiva 2008/115.


49      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020(C‑402/19, EU:C:2020:759).


50      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020, CPAS de Seraing (C‑402/19, EU:C:2020:759, punti 43 sa 48). Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 56).


51      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 57).


52      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017 (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127).


53      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 73).


54      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 76 u 81 sa 85).


55      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 44).


56      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C-‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 44) u tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 49 u 50).


57      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Retour du parent d’un mineur) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 35).


58      Għandu jiġi osservat li l-użu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-espressjoni “jieħdu kont dovut” minflok “jirrispettaw”, peress li dan l-aħħar verb jintuża biss b’riferiment għall-prinċipju ta’ non-refoulement, ma jinvalidax tali interpretazzjoni. Din id-differenza fir-redazzjoni hija spjegata fil-fatt, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jistax, minħabba n-natura assoluta tiegħu, ikun suġġett għal limitazzjonijiet, b’differenza mid-drittijiet bħad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja jew l-aħjar interess tal-wild minuri. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għal proċedura ta’ ritorn meta jevalwaw jekk il-limitazzjonijiet għal dan id-dritt, kif jirriżultaw mill-implementazzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija, humiex leġittimi u proporzjonati.


59      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, (C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 102 sa 104).


60      Min-naħa l-oħra, l-aspett tal-“ħajja tal-familja” ma huwiex ser jiġi eżaminat f’dawn il-konklużjonijiet, peress li X ikkonferma waqt is-seduta li t-talba tiegħu bl-ebda mod ma hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabtiet familjari fil-Pajjiżi l-Baxxi.


61      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, § 179).


62      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, § 54).


63      Il-Qorti EDB, tal‑14 ta’ Diċembru 2020, (CE:ECHR:2020:0728JUD002540214, § 58).


64      Ibid., § § 52‑53 u 59. Għaldaqstant, l-istatus ta’ “immigrant stabbilit” ma huwiex kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-applikabbiltà tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iżda element li jiddetermina l-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi rrikonoxxut lil dan id-dritt f’sitwazzjoni partikolari.


65      Ibidem. § § 57 u 58).


66      Ibid., § § 56 u 58.


67      Ara, f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, § 184).


68      Ibidem,§ 192).


69      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tal‑25 ta’ Ġunju 2019, Nicolae Virgiliu Tănase vs Ir-Rumanija (ECHR: 2019: 0625JUD004172013, § 126).


70      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id-Danimarka (CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, § 172), li tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2001, Bensaid vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2001:0206JUD004459998, punt 47).


71      Sentenza Paposhvili § 225).


72      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 50).


73      Dan huwa d-dritt li persuni ma jiġux suġġetti għal trattamenti inumani u degradanti u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.