Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Marzu 2012 - Investigación y Desarrollo en Soluciones y Servicios IT vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-134/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Investigación y Desarrollo en Soluciones y Servicios IT, SA (Alicante, Spanja) (rappreżentant: M. Jiménez Perona, avukat

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ares (2012)39854, tat-19 ta' Jannar 2012, dwar l-irkupru tan-noti ta' debitu li jikkorrispondu għall-verifika 09-INFS-001/041, u

tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa għad-dannu sofrut mir-rikorrenti minħabba l-aġir illegali tal-Kummissjoni li huwa s-suġġett tar-rikors, li jammonta għal EUR 732 788.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti f'din il-kawża kkonkludiet diversi kuntratti mal-Kummissjoni, fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, kollha rregolati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003)3834, tat-23 ta' Ottubru 2003, li tinkludi kuntratt standard FP 5 jew FP 6 u l-kundizzjonijiet ġenerali FP 5 u FP 6.

Abbażi tar-riżultati ta' proċedura ta' investigazzjoni mwettqa mill-OLAF u ta' verifika mwettqa mill-Kummissjoni dwar l-imsemmija kuntratti, din tal-aħħar adottat deċiżjoni li li tirrevoka s-sussidji.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, minħabba l-metodu ta' eżekuzzjoni tal-imsemmija verifika.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, peress li r-rikorrenti qatt ma ġiet informata bil-kuntest legali applikabbli.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur mill-istituzzjoni konvenuta tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-atti.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' preżunzjoni tal-innoċenza, minħabba t-ton użat mid-DĠ INFSO fir-rapport ta' verifika tiegħu.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jirriżulta huwa stess mill-ksur tal-obbligu ta' imparzjalità u ta' ekwità li għandhom l-awdituri.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' akkreditazzjoni tal-awdituri esterni u l-oriġini stess tal-proċedura ta' verifika.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal privatezza.

____________