Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2020 – Egis Bâtiments International u InCA vs Il-Parlament

(Kawża T-610/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Egis Bâtiments International (Montreuil, Franza) u InCA - Ingénieurs Conseils Associés Sàrl (Niederanven, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: A. Rodesch u R. Jazbinsek, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

taċċetta li dan ir-rikors huwa fil-forma dovuta;

tiddikjarah fondat fit-tliet motivi tiegħu;

għaldaqstant, tiddikjara li l-Parlament Ewropew ma setax jagħmel id-dikjarazzjonijiet segwenti lill-istampa, intiżi sabiex jiġu ppubblikati, mingħajr ma jikser l-Artikolu 8 tal-ftehim tranżazzjonali tad-9 ta’ April 2019 iffirmat bejn il-partijiet jew mingħajr ma jikser l-obbligu tiegħu ta’ bona fides fl-eżekuzzjoni tal-ftehimiet:

[kunfidenzjali1

tikkonstata li dawn id-dikjarazzjonijiet traskritti f’artikli tal-istampa li ġew ippubblikati jikkostitwixxu ksur tal-klawżola ta’ kunfidenzjalità tal-Artikolu 8 tal-ftehim tranżazzjonali tad-9 ta’ April 2019 iffirmat bejn il-partijiet jew tiddikjara li d-dikjarazzjonijiet lill-istampa jikkostitwixxu ksur tal-eżekuzzjoni bona fide tal-imsemmi ftehim tranżazzjonali abbażi tal-Artikolu 1134 tal-Code civil (il-Kodiċi Ċivili) tal-Lussemburgu;

għaldaqstant, tikkundanna prinċipalment lill-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Parlament Ewropew għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 100 000 li tikkorrispondi għall-kumpens kuntrattwali stabbilit jew, sussidjarjment, għall-ħlas ta’ kull somma oħra ffissata ex aequo et bono li tirrappreżenta kumpens għad-dannu mġarrab wara l-pubblikazzjonijiet inkwistjoni u b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-immaġini personali taż-żewġ kumpanniji rikorrenti, liema somma għandha titħallas in solidum lill-kumpannija ssemplifikata b’responsabbiltà limitata, EGIS Bâtiment International SAS u lill-kumpannija b’responsabbiltà limitata INCA Ingénieurs Conseils Associas SARL, iż-żewġ rikorrenti li qegħdin jaġixxu bħala soċji tal-assoċjazzjoni temporanja EGIS Bâtiment International – Inca Ingénieurs Conseils Associés irrappreżentata miż-żewġ rikorrenti, bl-interessi kuntrattwali jew bl-interessi legali fis-seħħ mis-27 ta’ Ġunju 2019, id-data tal-pubblikazzjoni tal-artikli, jew mis-16 ta’ Lulju 2019, id-data tal-ewwel intimazzjoni, jew minn dan ir-rikors;

minħabba r-rifjut tal-Parlament Ewropew li jirrikonoxxi l-iżball tiegħu, ir-rikorrenti kellhom iressqu azzjoni ġudizzjarja u jiġu rrappreżentati minn avukat;

fid-dawl tal-ġurisprudenza Lussemburgiża attwali, il-parti fil-kawża għandha dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat, abbażi tad-dritt għall-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab;

għaldaqstant il-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) tal-Lussemburgu ammettiet li “prinċipju tad-dritt inevitabbli huwa li d-dannu li jirriżulta minn nuqqas, ikun xi jkun, għandu jiġi kkumpensat mill-awtur tan-nuqqas u dan il-kumpens għandu jkun sħiħ. Issa, l-ispejjeż tad-difiża jikkostitwixxu b’mod ċar dannu reparabbli u l-kumpens mogħti lill-vittma ma jkunx sħiħ jekk dan ma jkunx jinkludi dawn l-ispejjeż tad-difiża jew jekk il-parti fil-kawża jkollha ġġarrab spejjeż sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha. Id-dritt għall-kumpens sħiħ għad-dannu jiġġustifika r-ripetibbiltà tal-ispejjeż tad-difiża, fosthom l-onorarji tal-avukat” (Cour d’appel, 4 ta’ Jannar 2012, punt 35, p. 848);

barra minn hekk, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal-Lussemburgu stabbilixxiet fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Frar 2012 il-prinċipju tal-kumulu tal-kumpens proċedurali li joriġina minn responsabbiltà mingħajr nuqqas u tar-rimbors sħiħ tal-onorarji tal-avukat bħala danni, li jirriżultaw minn nuqqas (Cour de cassation, 9 ta’ Frar 2012, Nru 5/12 J.T.L. 2012, p. 54);

għaldaqstant, abbażi tal-kumpens sħiħ għad-dannu, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 000 għall-ispejjeż tal-avukat lill-assoċjazzjoni temporanja EGIS Bâtiment International – Inca Ingénieurs Conseils Associés komposta miż-żewġ rikorrenti, bl-interessi kuntrattwali jew bl-interessi legali fis-seħħ mis-27 ta’ Ġunju 2019, id-data tal-pubblikazzjoni tal-artikli, jew mis-16 ta’ Lulju 2019, id-data tal-ewwel intimazzjoni, jew minn dan ir-rikors;

tirriżerva lir-rikorrenti d-drittijiet, l-ammonti dovuti, il-motivi u l-azzjonijiet l-oħra kollha li jistgħu jinvokaw;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha ta’ din l-istanza abbażi tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-ftehim tranżazzjonali tad-9 ta’ April 2019 flimkien mal-Artikolu 2044 tal-Kodiċi Ċivili tal-Lussemburgu, għar-raġuni li l-Parlament Ewropew għamel dikjarazzjonijiet fl-istampa li jiksru l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità miftiehem bejn il-partijiet fil-ftehim tranżazzjonali dwar ix-xoljiment tal-kuntratt bejniethom.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-ftehim tranżazzjonali tad-9 ta’ April 2019 flimkien mal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili tal-Lussemburgu sa fejn id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew lill-istampa kisru l-obbligu ta’ bona fides inerenti f’kull eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Il-Parlament iddenunzja fl-istampa l-inkompetenza tar-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-missjoni tagħhom bħala koordinatur-pilota għall-monitoraġġ tax-xogħlijiet kif ukoll għat-tkomplija u għall-finalizzazzjoni ta’ studji għall-proġett ta’ estensjoni u ta’ aġġornament tal-bini Konrad Adenauer (KAD) tal-Parlament fil-Lussemburgu, billi żammhom responsabbli għall-ispejjeż addizzjonali u għad-dewmien fis-sit ta’ kostruzzjoni tal-KAD. Ir-rikorrenti jqisu li dan l-aġir jikkostitwixxi nuqqas f’kuntest fejn, minn naħa, dawn in-nuqqasijiet ġew ikkontestati u, min-naħa l-oħra, ingħata kumpens għal xoljiment mhux iġġustifikata tal-kuntratt.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ għajnuna legali sostnuti qiegħed jintalab ukoll fil-kuntest tad-dritt għall-kumpens sħiħ għad-dannu.

____________

1     Informazzjoni kunfidenzjali redatta.