Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2016 – Fertisac vs ECHA

(Kawża T-855/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Fertisac, S.L. (Atarfe, Spanja) (rappreżentanti: J. Gómez Rodríguez, avukat)

Konvenuta: l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ECHA Nru SME (2016) 5150, tal-15 ta’ Novembru 2016, li permezz tagħha ġie ddikjarat li FERTISAC S.L. ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tibbenefika mit-tnaqqis tal-ħlasijiet previst għal impriżi ta’ daqs medju u li timponilha spiża amministrattiva.

tannulla l-Fattura Nru 10060160 tal-ECHA, tal-15 ta’ Novembru 2016, ta’ ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-ħlas magħmul minn FERTISAC S.L. u l-ħlas eżiġibbli mingħand impriża kbira, maħruġa abbażi tad-Deċiżjoni ECHA Nru SME (2016) 5150.

tannulla l-Fattura Nru 10060161 tal-ECHA, tal-15 ta’ Novembru 2016, li tiddetermina l-ispiża amministrattiva b’mod konformi mad-Deċiżjoni ECHA Nru SME (2016) 5150

tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball fil-klassifikazzjoni ta’ FERTISAC S.L. bħala impriża kbira.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36), il-kategorija tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) hija komposta minn impriżi li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun, jew li l-bilanċ ġenerali tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun.

Il-klassifikazzjoni ta’ impriża bħala SME tiddependi fuq żewġ limiti. Ma huwiex suffiċjenti li jinqabeż wieħed biss minn dawn il-limiti (kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-ECHA, li tieħu inkunsiderazzjoni biss wieħed minnhom : id-dħul mill-bejgħ annwali), filwaqt li jiġi injorat b’mod ċar l-ewwel rekwiżit, jiġifieri, in-numru ta’ persuni, li huwa sseparat nettament bil-konġunzjoni “u”. Issa, FERTISAC S.L. fl-ebda mument ma qabżet il-limitu li jkollha inqas minn 250 impjegat.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta interpretat b’mod żbaljat ir-Rakkomandazzjoni 2003/361.

F’dan ir-riġward huwa allegat li, sabiex jiġi ddeterminat id-daqs tar-rikorrenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tar-rikorrenti u tal-impriżi assoċjati magħha. Ir-rikorrenti ma tifformax parti minn grupp ta’ impriżi. Il-linji gwida dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ SME, ippubblikati mill-Kummissjoni, jikkonfermaw din l-interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), u l-premessa 9 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6) jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għall-finijiet tad-definizzjoni tal-PMEs.

____________