Language of document : ECLI:EU:T:2018:118

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Marzu 2018 (*)

“REACH – Tariffa dovuta għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-SMEs – Verifika mill-ECHA tad-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Deċiżjoni li timponi dritt amministrattiv – Rakkommandazzjoni 2003/361/KE – Qbiż tal-limiti massimi finanzjarji – Kunċett ta’ ‘impriża relatata’”

Fil-Kawża T‑855/16,

Fertisac, SL, stabbilita f’Atarfe (Spanja), irrappreżentata minn J. Gomez Rodriguez, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn E. Maurage, J.-P. Trnka u M. Heikkilä, bħala aġenti, assistiti minn C. Garcia Molyneux u L. Tosoni, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2016) 5150 tal-ECHA, tal‑15 ta’ Novembru 2016, li tikkonstata li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mit-tnaqqis ta’ tariffa previst għall-impriżi ta’ daqs medju u li timponi fuqha l-ħlas ta’ dritt amministrattiv, kif ukoll tal-fatturi Nru 10060160 u Nru 10060161 maħruġa mill-ECHA u annessi mad-Deċiżjoni SME(2016) 5150,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Fertisac, SL, hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Spanjol li teżerċita attività ta’ manifattura ta’ sustanzi suġġetti għal obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1).

2        Fit‑30 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti pproċediet għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza kimika skont ir-Regolament Nru 1907/2006.

3        Matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet impriża ta’ daqs medju fis-sens tar-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas‑6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 2003, L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tat-tariffa dovuta abbażi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

4        Għar-reġistrazzjoni, l-ECHA ħarġet fattura fl-ammont ta’ EUR 16 275 li jikkorrispondi għat-tariffa dovuta minn impriża ta’ daqs medju, fil-kuntest, bħal f’dan il-każ, ta’ preżentazzjoni konġunta, għal kwantità ta’ iktar minn 1 000 tunnellata. Il-fattura inkwistjoni hija dik Nru 10024865.

5        Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Awwissu 2013, l-ECHA informat lir-rikorrenti li l-istatus ta’ impriża żgħira u ta’ daqs medju (SME) li hija kienet iddikjarat mar-reġistrazzjoni kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ verifika. Hija stiednet lir-rikorrenti tipprovdilha l-prova tal-istatus tagħha ta’ impriża ta’ daqs medju.

6        Fil‑15 ta’ Novembru 2016, wara skambju ta’ ittri u ta’ dokumenti, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2016) 5150. F’din id-deċiżjoni, l-ECHA qieset li r-rikorrenti kienet impriża kbira u li ma setgħetx tibbenefika mit-tariffa mnaqqsa applikabbli għall-SMEs fis-sens tar-Rakkommandazzjoni 2003/361.

7        Fid-Deċiżjoni SME(2016) 5150, ir-rikorrenti kienet ġiet iddikjarata persuna responsabbli għall-ħlas, minn naħa, ta’ somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tat-tariffa diġà mħallsa u l-ammont tat-tariffa applikabbli għall-impriżi kbar, u, min-naħa l-oħra, ta’ dritt amministrattiv li jikkorrispondi għal darbtejn u nofs il-qligħ finanzjarju miksub minħabba d-dikjarazzjoni skorretta fir-rigward tad-daqs tal-impriża.

8        Din id-deċiżjoni kienet akkompanjata b’żewġ fatturi, il-fattura Nru 10060160, f’ammont ta’ EUR 6 975 u l-fattura Nru 10060161, fl-ammont ta’ EUR 17 437 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“fatturi kkontestati”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni SME(2016) 5150 u tal-fatturi kkontestati. Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Marzu 2017, Fertisac vs ECHA (T‑855/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:155), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba u rriżerva l-ispejjeż.

11      Ir-risposta tal-ECHA ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Marzu 2017.

12      Peress li r-rikorrenti ma ppreżentatx replika, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fis‑16 ta’ Mejju 2017.

13      Ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tinżamm seduta fit-termini previsti fl-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni SME(2016) 5150;

–        tirrikonoxxilha l-istatus ta’ SME;

–        tannulla l-fatturi kkontestati;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

15      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara t-talba għall-annullament tal-fatturi kkontestati inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2016) 5150;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq it-talba għall-annullament tal-fatturi kkontestati

16      Permezz tat-tielet kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla l-fatturi kkontestati.

17      Fil-konfront ta’ dan il-kap ta’ talbiet, l-ECHA tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għar-raġuni li l-fatturi kkontestati ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss dawk l-atti li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħha (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 54, u tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, EU:C:2007:763, punt 27).

19      Barra minn hekk, hemm lok li tiġi evalwata s-sustanza tal-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jistax ikun is-suġġett ta’ rikors, u l-forma li fiha ġie adottat hija, bħala prinċipju, irrilevanti (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punti 46 u 47).

20      F’dan il-każ, l-ECHA, permezz tad-Deċiżjoni SME(2016) 5150, imponiet fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tħallas il-bilanċ tat-tariffa applikabbli għall-impriżi kbar kif ukoll dritt amministrattiv. F’dik id-deċiżjoni, l-ECHA ppreċiżat li l-ammonti li jikkorrispondu għal dawn iż-żewġ postijiet kienu indikati f’fatturi annessi, f’dan il-każ il-fatturi kkontestati. Id-Deċiżjoni SME(2016) 5150 u l-fatturi kkontestati annessi magħha huma ddatati l-istess jum. Dawn intbagħtu flimkien lill-istess destinatarju, ir-rikorrenti.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, l-annessi jitqiesu mill-ġurisprudenza bħala li jagħmlu parti mid-dokument li huma annessi miegħu, bil-konsegwenza li s-saħħa normattiva rrikonoxxuta lilhom hija identika għal dik li tikkaratterizza d-dispożizzjonijiet li jifformaw id-dokument prinċipali.

22      Din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ direttivi li l-annessi tagħhom ġew analizzati bħala mhux distinti minn dawn l-atti, iżda, għall-kuntrarju, bħala li jikkostitwixxu parti integrali minnhom, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet inklużi f’dawn id-direttivi (ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 58 dwar ftehim-qafas fl-anness ta’ direttiva).

23      Mill-proċess jirriżulta li l-ġurisprudenza dwar l-atti adottati mill-ECHA, wara proċeduri ta’ verifika, invokata minnha, tiddistingwi l-fatturi mid-deċiżjonijiet u tfittex li tidentifika, fost dawn l-atti, dak li jiddetermina l-obbligi essenzjali tar-rikorrenti.

24      Din il-ġurisprudenza hija madankollu marbuta mas-sitwazzjonijiet li ġiet żviluppata fihom. Fit-tliet kawżi li l-ECHA tagħmel riferiment għalihom u li fihom is-suġġett ġie indirizzat mill-Qorti Ġenerali, il-fatturi ma kinux, fil-fatt, annessi mad-deċiżjonijiet li kienu relatati magħhom, iżda kienu ntbagħtu separatament mill-ECHA, kultant b’diversi jiem ta’ differenza, b’mod li dawn kienu jidhru bħala atti distinti. Peress li din is-sitwazzjoni seta’ jkollha effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali kellha tidentifika, fost dawn l-atti distinti, dak li kien ibiddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, kif teħtieġ il-ġurisprudenza (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA, T‑177/12, EU:T:2014:849, punt 21; tal‑15 ta’ Settembru 2016, La Ferla vs Il‑Kummissjoni u ECHA, T‑392/13, EU:T:2016:478, punt 56, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, K Chimica vs ECHA, T‑675/13, EU:T:2016:480, punt 27).

25      Din il-kawża hija differenti peress li, fil-fatti li jikkaratterizzawha, ma hemm xejn li jissepara d-Deċiżjoni SME(2016) 5150 mill-fatturi kkontestati li, meħuda flimkien, jifformaw att wieħed magħmul minn żewġ partijiet, jiġifieri parti amministrattiva (id-Deċiżjoni SME(2016) 5150 infisha) u parti kontabbli (il-fatturi kkontestati li huma annessi magħha), u dan l-att wieħed jesprimi l-konstatazzjoni magħmula mill-ECHA li ma ġewx prodotti l-provi rikjesti mil-leġiżlazzjoni u juri r-rieda tagħha li tislet il-konsegwenzi minn dan billi timponi obbligi finanzjarji fuq ir-rikorrenti.

26      Dan l-att wieħed (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu, b’mod sinjifikanti, is-sitwazzjoni legali tagħha peress li jobbligaha tirrinunzja għall-istatus tagħha ta’ SME madankollu mitlub minnha.

27      Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-konsegwenza li r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mit-tariffa mnaqqsa applikabbli għall-SMEs u li hija għandha tħallas il-bilanċ tat-tariffa applikabbli għall-impriżi kbar kif ukoll id-dritt amministrattiv previst mil-leġiżlazzjoni f’tali ċirkustanzi.

28      Peress li tipproduċi tali effetti, id-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, fatt li minnu jirriżulta li, peress li hija indirizzata kontra t-talba għall-annullament tal-fatturi kkontestati, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ECHA għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ SME

29      Permezz tat-tieni kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxilha l-istatus ta’ SME.

30      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni Ewropea hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità. Jekk tali rikors ikun fondat, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddikjara, skont l-Artikolu 264 TFUE, l-att ikkontestat null. Huwa għaldaqstant l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tiegħu jkun ġie ddikjarat null li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza, konformement mal-Artikolu 266 TFUE.

31      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, meta tkun adita b’talba li tikkontesta t-tariffa u d-dritt amministrattiv mitluba mingħand impriża wara żball tad-daqs iddikjarat, il-Qorti Ġenerali ma tistax tagħti deċiżjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ din l-impriża bħala SME, għaliex tali dikjarazzjoni tkun timplika li hija tissostitwixxi ruħha għall-ECHA, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni, T‑33/01, EU:T:2005:461, punt 171, u d-digriet tas‑16 ta’ Diċembru 2016, Groupement pastoral de Oust et vs Il‑Kummissjoni, T‑663/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:759, punt 13).

32      Minn dan isegwi li, peress li s-suġġett tiegħu jaqbeż il-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, it-tieni kap ta’ talbiet huwa inammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata. Permezz tal-ewwel motiv, hija targumenta li, billi qisitha bħala impriża kbira, l-ECHA interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, li jistabbilixxi l-kriterji li jiddefinixxu l-SMEs. It-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 sa fejn l-ECHA attribwiet il-klassifikazzjoni ta’ “impriżi relatati” lil tliet impriżi oħrajn.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-limiti massimi previsti fl-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361

34      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti targumenta li hija qatt ma kellha iktar minn 250 persuna bħala membru tal-persunal tagħha u li, għaldaqstant, hija ma tistax titqies bħala impriża kbira. Hija tagħmel riferiment, fuq dan il-punt, għall-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala SME.

35      L-ECHA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha titqies bħala impriża kbira peress li, abbażi tal-informazzjoni miksuba, il-limiti massimi stabbiliti fl-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 inqabżu.

37      Mid-dokument intitolat “Informe de cálculo de PYME” (rapport għall-kalkolu ta’ SME) anness mad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ECHA ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha li tqis lir-rikorrenti bħala impriża kbira minħabba l-fatt li, matul is-snin finanzjarji 2008 u 2009, it-total tal-bilanċ annwali li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-daqs tal-impriża kien ta’ iktar minn EUR 43 miljun u d-dħul mill-bejgħ tagħha kien iktar minn EUR 50 miljun.

38      Sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tagħmel riferiment għar-Rakkommandazzjoni 2003/361 għad-definizzjoni tal-SMEs. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3(36) tiegħu, jindika li l-SMEs huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju “kif definiti fir-Rakkomandazzjoni [2003/361]”. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas‑16 ta’ April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-ECHA skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 107, p. 6) jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, li impriża ta’ daqs medju hija “intrapriża ta’ daqs medju fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni [2003/361]”.

39      Ir-Rakkommandazzjoni 2003/361, magħmula applikabbli bir-Regolament Nru 1907/2006 u bir-Regolament Nru 340/2008, tinkludi anness li t-Titolu I tiegħu jirrigwarda d-“[d]efinizzjoni tal-[SMEs] adottata mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-anness, “[i]l-kategorija tal-[SMEs] hija magħmula minn impriżi li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, jew li t-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx t-EUR 43 miljun” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

40      Mill-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 jirriżulta li żewġ kriterji huma stabbiliti sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża tistax titqies bħala SME, wieħed jirrigwarda l-karatteristiċi finanzjarji tal-impriża, filwaqt li l-ieħor jirrigwarda l-għadd tal-membri tal-persunal impjegat minnha.

41      Għar-rikorrenti, il-limiti massimi previsti minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji għandhom jinqabżu sabiex impriża ma tkunx tista’ titqies bħala SME, filwaqt li, il-fatt li jinqabeż il-limitu massimu previst minn kriterju wieħed biss ma jwassalx għall-esklużjoni mill-kategorija tal-SMEs. Fost dawn il-kriterji, dak marbut mal-għadd tal-membri tal-persunal għandu importanza partikolari, kif muri bil-premessa 4 tar-Rakkommandazzjoni 2003/361. F’dan il-każ, ir-rikorrenti qatt ma qabżet il-limitu massimu previst minn dan il-kriterju.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-kriterju marbut mal-għadd tal-membri tal-persunal u dak marbut mal-karatteristiċi finanzjarji għandhom jiġu applikati, fil-leġiżlazzjoni eżaminata hawnhekk, b’mod kumulattiv.

43      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan is-sens fid-digriet tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA (T‑89/13, EU:T:2015:711, punt 40), li kien jirrigwarda b’mod speċifiku l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, dispożizzjoni li tinsab fil-qofol tal-argument żviluppat mir-rikorrenti.

44      Dik id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali segwiet ġurisprudenza żviluppata fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni (T‑50/00, EU:T:2004:220, punti 285 u 286), f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni ekwivalenti li kienet tinsab fir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE tat‑3 ta’ April 1996 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 1996, L 107, p. 4), li ppreċediet, bl-istess suġġett, ir-Rakkommandazzjoni 2003/361 u kienet tinkludi, essenzjalment, preżentazzjoni simili tal-kriterju marbut mal-għadd tal-membri tal-persunal u ta’ dak marbut mal-karatteristiċi finanzjarji tal-impriża.

45      Il-ġurisprudenza li tirriżulta mid-digriet tas‑16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA (T-89/13, EU:T:2015:711) hija bbażata fuq il-kliem użat fir-Rakkommandazzjoni 2003/361, u l-konġunzjoni “u” hija interpretata fis-sens li turi, għall-attur tal-att, l-intenzjoni ta’ “konġunzjoni” u, għaldaqstant, li jakkumula l-kriterji li jinsabu msemmija hemmhekk, mingħajr ma dawn tal-aħħar ma huma ppreżentati bħala possibbiltajiet li għandhom jiġu eżaminati fl-alternattiv (digriet tas‑16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA, T‑89/13, EU:T:2015:711, punt 40).

46      L-imsemmija ġurisprudenza hija bbażata wkoll fuq il-premessa 4 tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, li tipprovdi li “[i]l-kriterju tan-numru ta’ persuni impjegati […] jibqa’ ċertament wieħed mill-iktar importanti u għandu jiġi osservat bħala kriterju ewlieni, iżda l-introduzzjoni ta’ kriterju finanzjarju huwa madankollu indispensabbli sabiex nifhmu l-importanza vera ta’ impriża, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (digriet tas‑16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA, T‑89/13, EU:T:2015:711, punt 41).

47      Din l-applikazzjoni kumulattiva ssegwi r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill [SEC(1992) 351 final] tad‑29 ta’ April 1992 dwar id-definizzjonijiet tal-SMEs użati fil-kuntest tal-azzjonijiet Komunitarji, liema rapport ippreċeda l-adozzjoni tar-Rakkommandazzjoni 96/280 li, barra minn hekk, tagħmel riferiment għalih fis-seba’ premessa tagħha.

48      F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat l-użu ta’ definizzjoni bbażata fuq kombinazzjoni ta’ kriterji – b’mod partikolari, dawk tan-numru ta’ persuni impjegati, tad-dħul mill-bejgħ u tat-total tal-bilanċ – peress li, fl-opinjoni tagħha, kriterju meħud b’mod iżolat ma kienx joffri definizzjoni sodisfaċenti ta’ SMEs.

49      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li t-tnaqqis ta’ tariffa mogħti lill-SMEs huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari li dawn l-impriżi jinsabu fiha fil-konfront ta’ dik tal-impriżi kbar. Peress li huwa intiż għal kategorija partikolari ta’ atturi ekonomiċi u għandu n-natura ta’ miżura derogatorja, dan it-tnaqqis għandu jiġi interpretat, fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tiegħu, b’mod restrittiv.

50      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-kriterju marbut mal-għadd tal-membri tal-persunal, meqjus b’mod iżolat, huwa madankollu deċiżiv, skont l-Artikolu 4(2) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 li l-gwida intitolata “Kif għandha tiġi ddeterminata l-kategorija tad-daqs tal-impriża”, ippubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, tagħmel riferiment għalih.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni ċċitata mir-rikorrenti tkopri sitwazzjoni li fiha, f’sena eċċezzjonali, impriża taqbeż wieħed mil-limiti massimi li jinsabu msemmija hemmhekk, u din l-impriża tkun tista’ għaldaqstant, b’deroga mir-regola, iżżomm l-istatus tagħha ta’ SME, sakemm dan il-limitu massimu jinqabeż għal sena finanzjarja waħda biss.

52      Din id-dispożizzjoni ma tbiddilx ir-regola li tipprovdi li, sabiex tiġi kklassifikata bħala SME, impriża ma tistax taqbeż il-limiti massimi marbuta mal-għadd tal-membri tal-persunal u ma’ ċerti karatteristiċi finanzjarji, iżda ddaħħal eċċezzjoni limitata għal ċirkustanzi li r-rikorrenti ma werietx l-eżistenza tagħhom f’dan il-każ.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta qieset lir-rikorrenti bħala impriża kbira, l-ECHA ma wettqitx żball fl-interpretazzjoni tal-kriterji previsti fl-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361.

54      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “impriża relatata” li jinsab fir-Rakkommandazzjoni 2003/361

55      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti targumenta li hija ma tagħmilx parti minn grupp ta’ “impriżi relatati” u li, konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat id-daqs tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni dwarha u dik dwar l-“impriżi msieħba” tagħha li hija identifikat, fil-korrispondenza tagħha mal-ECHA matul il-proċedura ta’ verifika tad-dikjarazzjoni tagħha, bħala li huma l-impriżi Ibérica de Gestión Inmobiliaria y Arrendaticia SL u Agroquimes SL.

56      L-ECHA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha, l-ECHA bbażat ruħha fuq numru ta’ informazzjoni dwar, qabelxejn, ir-rikorrenti nfisha, sussegwentement, l-“impriża msieħba” Agroquimes u, fl-aħħar nett, tliet impriżi oħrajn meqjusa li huma “impriżi relatati” mar-rikorrenti, Ibérica de Gestión Inmobiliaria y Arrendaticia, Constantino Gutiérrez SA u Medifer Liquids SL.

58      Ir-rikorrenti ma tikkontestax li Agroquimes tista’ titqies bħala “impriża msieħba”, iżda tiċħad l-idea li t-tliet impriżi l-oħrajn jistgħu jiġu analizzati bħala li huma “relatati” magħha fis-sens tal-leġiżlazzjoni.

59      Sabiex tingħata deċiżjoni fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(3) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 jippreċiża l-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jingħataw il-klassifikazzjonijiet ta’ “impriżi relatati” u ta’ “impriżi msieħba”.

60      Fir-rigward tal-ewwel klassifikazzjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 jipprevedi li “‘[i]mpriżi relatati’ huma l-impriżi li għandhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: a) impriża waħda għandha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 jipprevedi li “[l]-impriżi li għandhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma’ impriża waħda oħra jew ma’ iktar […] huma wkoll meqjusa bħala relatati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61      Għat-tieni klassifikazzjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361 jistipula li “impriżi msieħba” huma l-impriżi kollha li ma humiex ikklassifikati bħala “impriżi relatati” u li teżisti r-relazzjoni li ġejja bejniethom: impriża (impriża upstream) għandha, waħedha jew flimkien ma’ “impriża relatata” waħda jew diversi, 25 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot ta’ impriża oħra (impriża downstream).

62      Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, meta impriża għandha impriżi “msieħba” jew “relatati”, id-determinazzjoni tal-informazzjoni, sabiex jiġu evalwati l-kriterji, hija bbażata fuq il-kontijiet u fuq l-informazzjoni l-oħra relatata mal-impriża jew, jekk ikunu jeżistu, fuq il-kontijiet ikkonsolidati tal-impriża jew fuq il-kontijiet ikkonsolidati li fihom l-impriża hija inkluża b’konsolidazzjoni.

63      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, din id-determinazzjoni ta’ informazzjoni timplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni tal-“impriżi msieħba” li jinsabu immedjatament upstream jew downstream mill-impriża meqjusa, proporzjonalment għall-perċentwali ta’ sehem fil-kapital jew għall-perċentwali tad-drittijiet tal-vot, billi jinżamm l-ogħla wieħed minn dawn il-perċentwali.

64      Ma’ din l-informazzjoni, l-ECHA għandha wkoll iżżid, fit-totalità tagħha, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, dik dwar l-impriżi direttament jew indirettament “relatati”, meta din ma ġietx inkluża fil-kontijiet b’konsolidazzjoni.

65      Wara li tfakkru dawn ir-regoli, għandha tiġi analizzata s-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus tagħhom u jiġi vverifikat sa liema punt din l-informazzjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ verifika tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti.

66      F’dan ir-rigward, hemm lok tiġi kkonfermata l-konklużjoni adottata mill-ECHA għat-tliet impriżi meqjusa minnha bħala li huma “impriżi relatati” mar-rikorrenti.

67      Din il-konklużjoni hija bbażata, sa fejn jirrigwarda lil Ibérica de Gestión Inmobiliaria y Arrendaticia, fuq il-kontijiet annwali ta’ din l-impriża, kontijiet li minnhom kien jirriżulta, kif huwa indikat mill-ECHA, li hija kellha 69.996 % tal-kapital tar-rikorrenti matul is-snin finanzjarji 2009 u 2010. Peress li kellha l-maġġoranza tal-kapital tar-rikorrenti, din l-impriża setgħet titqies bħala l-kumpannija omm tar-rikorrenti, b’mod illi kellha tiġi integrata l-informazzjoni kollha li tikkaratterizzaha, fil-kalkolu mwettaq sabiex jiġi vverifikat l-istatus tar-rikorrenti, kif huwa stipulat fir-Rakkommandazzjoni 2003/361. F’dan il-każ, il-kontijiet annwali ta’ din il-kumpannija omm kienu ġew ikkomunikati lill-ECHA mir-rikorrenti, f’posta elettronika tat‑12 ta’ Settembru 2013.

68      Fir-rigward taż-żewġ impriżi l-oħrajn, jiġifieri Constantino Gutiérrez u Medifer Liquids, l-ECHA rrilevat li l-ewwel waħda minnhom kellha 89.10 % tal-kapital ta’ Ibérica de Gestión Inmobiliaria y Arrendaticia u 100 % tal-kapital tat-tieni waħda. Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq il-kontijiet ikkonsolidati ta’ Constantino Gutiérrez, għas-sena finanzjarja bejn l‑1 ta’ Lulju 2010 u t‑30 ta’ Ġunju 2011, ikkomunikati mir-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika fis‑16 ta’ Settembru 2013.

69      Peress li l-imsemmija perċentwali jaqbżu l-livell imfakkar fil-punt 60 iktar ’il fuq, li jippermetti li jiġi kkonstatat li entitajiet huma “impriżi relatati” fis-sens tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, l-ECHA setgħet tqis li Constantino Gutiérrez u Medifer Liquids kienu wkoll “impriżi relatati” mar-rikorrenti matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tas-sustanza inkwistjoni f’din il-kawża.

70      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-anness tar-Rakkommandazzjoni 2003/361, l-ECHA kellha tassew tintegra, hekk kif għamlet, l-informazzjoni tat-tliet impriżi identifikati b’dan il-mod bħala li huma “impriżi relatati”, jiġifieri Ibérica de Gestión Inmobiliaria y Arrendaticia, Constantino Gutiérrez u Medifer Liquids fit-totalità tagħha, għall-finijiet tal-kalkolu magħmul fil-kuntest tal-verifika tal-istatus tar-rikorrenti.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fit-totalità tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-ECHA, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fertisac, SL hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.