Language of document : ECLI:EU:T:2018:118

Kawża T855/16

Fertisac, SL

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

“REACH – Tariffa dovuta għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-SMEs – Verifika mill-ECHA tad-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Deċiżjoni li timponi dritt amministrattiv – Rakkommandazzjoni 2003/361/KE – Qbiż tal-limiti massimi finanzjarji – Kunċett ta’ ‘impriża relatata’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas‑7 ta’ Marzu 2018

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Fattura annessa ma’ deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tiċħad it-tnaqqis ta’ tariffa mogħti lill-impriżi żgħar u medji u li timponi dritt amministrattiv – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006)

2.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Konklużjonijiet intiżi li jiġi kkonstatat l-istatus ta’ impriża żgħira u ta’ daqs medju ta’ rikorrenti li tixtieq tibbenefika minn tnaqqis ta’ tariffa mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Inammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE, 264 TFUE u 266 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Ħlasijiet u spejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Tnaqqis ta’ tariffa mogħti lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju –Determinazzjoni tad-daqs ta’ impriża – Kriterji marbuta mal-għadd tal-membri tal-persunal u mal-karatteristiċi finanzjarji – Natura kumulattiva

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 6(4); Regolament tal-Kummissjoni Nru 340/2008; Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/361, premessa 4 u l-Anness, Artikoli 2(1) u 4(2))

1.      Jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss dawk l-atti li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħha. Hemm lok li tiġi evalwata s-sustanza tal-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jistax ikun is-suġġett ta’ rikors, u l-forma li fiha ġie adottat hija, bħala prinċipju, irrilevanti.

Dan japplika wkoll għal fatturi annessi ma’ deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li imponiet fuq applikant għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza l-obbligu li jħallas il-bilanċ tat-tariffa applikabbli għall-impriżi kbar kif ukoll dritt amministrattiv, u l-ammonti li jikkorrispondu għal dawn il-postijiet kienu indikati fil-fatturi. Fil-fatt, b’mod ġenerali, l-annessi jitqiesu bħala li jagħmlu parti mid-dokument li huma annessi miegħu, bil-konsegwenza li s-saħħa normattiva rrikonoxxuta lilhom hija identika għal dik li tikkaratterizza d-dispożizzjonijiet li jifformaw id-dokument prinċipali. Ma hemm xejn li jissepara l-imsemmija deċiżjoni mill-fatturi li, meħuda flimkien, jifformaw att wieħed magħmul minn żewġ partijiet, jiġifieri parti amministrattiva (id-deċiżjoni) u parti kontabbli (il-fatturi li huma annessi magħha), u dan l-att wieħed jesprimi l-konstatazzjoni magħmula mill-ECHA li ma ġewx prodotti l-provi rikjesti mil-leġiżlazzjoni u juri r-rieda tagħha li tislet il-konsegwenzi minn dan billi timponi obbligi finanzjarji fuq l-applikant. Dan l-att wieħed jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-applikant billi jbiddlu, b’mod sinjifikanti, is-sitwazzjoni legali tiegħu peress li għandu l-konsegwenza li l-applikant ma jkunx jista’ jibbenefika mit-tariffa mnaqqsa applikabbli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u li huwa għandu jħallas il-bilanċ tat-tariffa applikabbli għall-impriżi kbar kif ukoll id-dritt amministrattiv previst mil-leġiżlazzjoni f’tali ċirkustanzi.

(ara l-punti 18 sa 21, 25 sa 27)

2.      Meta tkun adita b’talba li tikkontesta t-tariffa u d-dritt amministrattiv mitluba mingħand impriża mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) wara żball tad-daqs iddikjarat, il-Qorti tal-Unjoni ma tistax tagħti deċiżjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ din l-impriża bħala impriża żgħira jew ta’ daqs medju, għaliex tali dikjarazzjoni tkun timplika li hija tissostitwixxi ruħha għall-ECHA, bi ksur tal-Artikoli 263 TFUE, 264 TFUE u 266 TFUE.

(ara l-punt 31)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 49, 50, 52)