Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2020 – H vs Il-Kunsill

(Kawża T-271/10 RENV II) 1

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Membru tal-persunal nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Użu ħażin ta’ poter – Interess tas-servizz – Fastidju psikoloġiku – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Responsabbiltà – Dannu morali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: H (rappreżentant: L. Levi, avukata)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unioni Ewropea (rappreżentanti: A. Vitro u A. de Elera-San Miguel Hurtado, aġenti)

Suġġett

Fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor mal-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat‑8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU 2009, L 322, p. 22), li tispjega r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, u, fit-tieni lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li permezz tagħha H ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor mal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina), u d-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2009 dwar l-EUPM fil-Bosnja u Ħerzegovina, li tispeċifika r-raġuni operattiva għall-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, huma annullati.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil H is-somma ta’ EUR 30 000.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn H f’din il-kawża kif ukoll fil-Kawżi T‑271/10, T‑271/10 R, T‑271/10 RENV, C‑455/14 P u C‑413/18 P.

____________

1     ĠU C 221, 14.8.2010.