KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fis‑17 ta’ Jannar 2019 (1)
Kawża C‑690/17
Öko‑Test Verlag GmbH
vs
Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co.KG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark — Dritt li wieħed jopponi l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku jew simili — Twaħħil mhux awtorizzat ta’ trade mark bħala tikketta ta’ test ta’ kwalità fuq prodott”
1. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa dwar jekk id-dritt tal-proprjetarja ta’ trade mark (ÖKO‑TEST), magħmula minn marka ta’ kwalità (2)u rreġistrata sabiex tidentifika numru ta’ servizzi, jipprojbixxix l-użu tagħha minn parti terza li, mingħajr il-kunsens tagħha, użatha fuq l-ippakkjar ta’ dentifriċju (Aminomed).
2. F’każ bħal dan, fejn jidher li ma hemm l-ebda identiċità jew xebh bejn il-prodotti dentali u s-servizzi li joffri l-proprjetarja tat-trade mark, għandhom jiġu segwiti l-proċedimenti ta’ ksur tad-dritt tat-trade marks? Fil-qosor, dan huwa d-dubju tal-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu tixtieq issolvi d-diffikultajiet li jinħolqu minħabba li l-proprjetarja tat-trade mark ÖKO‑TEST ma tista’ tibda kontra min juża din il-marka mingħajr il-kunsens tagħha, la proċedura kuntrattwali u lanqas proċedura oħra, ibbażata fuq id-dritt Ġermaniż dwar il-kompetizzjoni żleali.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. Is-sistema legali ta’ protezzjoni tat-trade marks huwa magħmul kemm mill-miżuri ta’ standardizzazzjoni tad-drittijiet nazzjonali (b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/95/KE) (3), kif ukoll mid-dispożizzjonijiet regolatorji tat-trade mark tal-Unjoni (ir-Regolament Nru 207/2009) (4), fis-seħħ għall-operaturi li jagħżlu dan it-titolu ta’ proprjetà industrijali.
1. Id-Direttiva 2008/95
4. L-Artikolu 5(1) sa (3) jipprovdi li:
“1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:
(a) kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;
(b) kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.
2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.
3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:
(a) li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;
(b) li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;
[…]”
2. Ir-Regolament 2017/1001
5. L-Artikolu 9(1) sa (3) (5), jistabbilixxi li:
“1. Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.
2. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:
(a) is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;
(b) is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;
(c) is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.
3. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:
(a) it-twaħħil ta’ sinjal mal-oġġetti jew mal-imballaġġ ta’ dawk l-oġġetti;
(b) l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;
[…]”
B. Id-dritt Ġermaniż. Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (il-Liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra) (6)
6. Fit-tielet punt tal-Artikolu 14(2) ta’ din il-liġi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu mis-setgħa stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 għat-trade marks li għandhom reputazzjoni.
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
7. Öko‑Test Verlag GmbH hija l-editur tal-ġurnal “ÖKO‑TEST” imqassam fil-Ġermanja. Flimkien mal-informazzjoni ġenerali għall-konsumaturi, tippubblika analiżi ta’ prodotti u servizzi, li jitwettqu f’laboratorji indipendenti. Il-testijiet u l-analiżi jitwettqu mingħajr ma jkunu magħrufa l-produtturi rispettivi.
8. Fit‑23 ta’ April 2012, Öko‑Test Verlag kellha rreġistrati fid-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u t-Trade Marks) u mill‑31 ta’ Awwissu 2012, fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), rispettivament, dawn it-trade marks figurattivi, nazzjonali u tal-Unjoni (7).

9. Is-servizzi (8) koperti mit-trade mark li huma iktar rilevanti għal din il-kawża jinsabu fil-klassijiet 35 (konsulenza u informazzjoni għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodott jew servizz, bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet; twettiq u evalwazzjoni ta’ studji ta’ opinjoni u stħarriġ) u 42 (twettiq u evalwazzjoni ta’ testijiet ta’ prodotti u eżamijiet ta’ servizzi b’bażi xjentifika; twettiq u evalwazzjoni ta’ investigazzjonijiet ta’ kwalità; twettiq u evalwazzjoni ta’ testijiet u investigazzjonijiet tekniċi).
10. Öko‑Test Verlag hija ffinanzjata prinċipalment mid-dħul li jiġi mill-kummerċjalizzazzjoni tal-ġurnal tagħha u mill-kuntratti ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark, li tikkonkludi mal-produtturi tal-prodotti, ladarba jiġu analizzati. Il-persuni liċenzjati jirċievu fajl bil-marka ÖKO‑TEST u jużawh għall-prodotti tagħhom, billi jimlew l-ispazju vojt li fiha bir-riżultat tat-testijiet u bis-sors (9).
11. Il-kuntratt ta’ liċenzja jiskadi meta l-iktar analiżi reċenti (b’parametri ġodda) tbiddel ir-riżultat tat-testijiet preċedenti mwettqa fuq il-prodott tal-persuna liċenzjata, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx ġie suġġett għal test ġdid (10), jew meta jinbidlu n-natura jew il-karatteristiċi ta’ dan il-prodott.
12. Il-kumpannija Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co.KG (11) tipproduċi krema għat-tindif tas-snien, fosthom, Aminomed. Öko‑Test Verlag analizzat numru ta’ dentifriċju, inklużi Aminomed Fluorid‑Kamillen‑Zahncreme (krema għat-tindif tas-snien Aminomed b’estratti ta’ kamumilla selvaġġa u fluworur) u ppubblikat ir-riżultati tat-test fil-Jahrbuch Kosmetik 2005 (annwarju tal-kożmetika tal‑2005), fejn ikklassifikathom bħala “eċċellenti” (“sehr gut”).
13. F’Awwissu tal‑2005, iż-żewġ impriżi kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja dwar l-użu tal-marka ÖKO‑TEST (li għadha ma hijiex irreġistrata bħala trade mark), li Dr. Liebe bdiet tużaha għall-pubbliċità tal-prodotti tagħha.
14. F’Ottubru tal‑2014, Öko‑Test Verlag saret taf li Aminomed kien qiegħed jiġi ddistribwit kif ġej:

L-imballaġġ ġie emendat fir-rigward tal-oriġinal.
15. Öko‑Test Verlag ippreżentat rikors għal ksur tad-dritt ta’ trade mark quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Din allegat li Dr. Liebe ma kellhiex is-setgħa, skont il-kuntratt ta’ liċenzja, li tuża l-marka ÖKO‑TEST, minħabba li: a) dan ma kienx l-għan tal-kuntratt; b) fl‑2008 ġiet ppubblikata analiżi ulterjuri ta’ krema għat-tindif tas-snien b’parametri ġodda, b’tali mod li, minħabba dan, Dr. Liebe ma kinitx awtorizzata tuża dan is-sinjal; u c) il-prodott ta’ Dr. Liebe b’dan is-sinjal ma kienx jikkorrispondi għal dak eżaminat fil-verità, fis-sens tal-kuntratt ta’ liċenzja, minħabba li kienu nbidlu, mill-inqas, ismu, id-deskrizzjoni tiegħu u l-imballaġġ tiegħu.
16. Dr. Liebe opponiet ir-rikors billi allegat li l-kuntratt ta’ liċenzja kien għadu fis-seħħ u kellha s-setgħa tuża l-marka ÖKO‑TEST. Barra minn hekk, sostniet li, minn mindu ġew irreġistrati t-trade marks nazzjonali u tal-Unjoni, ma reġgħetx użathom.
17. Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) qieset li Dr. Liebe kienet tuża t-trade mark inkwistjoni għas-servizz ta’ “informazzjoni u pariri għall-konsumatur” u li ma setgħetx tibqa’ tibbenefika mill-kuntratt ta’ liċenzja. Minħabba li Dr. Liebe ma ppreżentatx informazzjoni konkreta dwar it-tmiem tal-produzzjoni, din il-qorti ppreżumiet li, wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark, kienet kompliet tikkummerċjalizza l-krema għat-tindif tas-snien inkwistjoni b’din il-marka. Għalhekk, ikkundannat lil Dr. Liebe sabiex tieqaf tuża s-sinjal ÖKO‑TEST fil-kummerċ ta’ Aminomed, kif ukoll sabiex tneħħih mis-suq.
18. Dr. Liebe appellat din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) li, fid-digriet tar-rinviju: a) taqbel mal-Qorti tal-Ewwel Istanza li l-kuntratt ta’ liċenzja kien ilu li skada, u b) konsegwentement, tirrikonoxxi li Dr. Liebe kienet tuża t-trade mark fil-kummerċ mingħajr il-kunsens tal-proprjetarja tagħha.
19. Skont il-qorti tar-rinviju:
– jekk tiġi aċċettata t-teorija li t-trade mark inkwistjoni ntużat għal prodott (il-krema għat-tindif tas-snien), it-talbiet ta’ Öko‑Test Verlag, ibbażati fuq l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001, għandhom jiġu miċħuda minħabba li l-ebda waħda miż-żewġ reġistrazzjonijiet ta’ ÖKO‑TEST ma kienet tinkludi la d-dentifriċju u lanqas “prodotti simili”.
– Öko‑Test Verlag setgħet biss tibbenefika mid-dritt tagħha bħala proprjetarja tat-trade mark, stabbilit f’dan l-artikolu, jekk l-użu ta’ marka ta’ kwalità fuq prodott ikun ekwivalenti għall-użu tagħha għal kwalunkwe wieħed mis-servizzi protetti minn din it-trade mark, bħall-“informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi”.
20. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, minħabba d-differenzi li jifirduhom, il-marki ta’ kwalità la huma ekwivalenti għas-siġilli ta’ kwalità u lanqas ma huma adattati sabiex jiġu rreġistrati bħala trade marks ta’ ċertifikazzjoni (12). Madankollu, tinnota li, bħall-kawża Gözze (13), il-konsumaturi jidentifikaw il-marka ta’ kwalità bħala waħda simili għas-siġill ta’ kwalità. It-twaħħil tagħha fuq il-prodott jiggarantixxi ċerta kwalità li ġiet ikkontrollata, iżda mhux li l-prodott ikun ġie prodott taħt is-sorveljanza tal-proprjetarju tat-trade mark ikkostitwita mill-marka. Għaldaqstant, il-pubbliku ma jidentifikax it-trade mark ÖKO‑TEST mal-produtturi tal-prodotti analizzati, billi jirrikonoxxi l-indipendenza tagħha minnhom u jattribwixxi ċertu sinjifikat lil dan il-fatt.
21. Jekk jitqies li t-twaħħil tal-marka ta’ kwalità jintuża għas-servizz irreġistrat, Dr. Liebe kienet tikser it-trade mark (14), kemm fir-rigward tal-funzjoni ta’ oriġini tagħha, kif ukoll tal-funzjoni ta’ kwalità tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda, din id-darba b’rabta mal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001 u mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95.
22. Fil-fatt, it-trade mark ÖKO‑TEST għandha reputazzjoni fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda din ma tiġix irrikonoxxuta lilha bħala sinjal ta’ proprjetà industrijali, iżda bħala marka ta’ kwalità. Għalhekk, ikun diffiċli li, fid-dawl tas-sentenza Gözze, jitqies li Dr. Liebe użatha għad-dentifriċju u mhux għas-servizz li toffri Öko‑Test Verlag. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex trade mark individwali li għandha reputazzjoni, billi r-reputazzjoni tagħha hija riżultat tan-natura tal-marka ta’ kwalità tagħha.
23. F’dan ir-rigward, din iżżid li l-ġurisprudenza fir-rigward tat-trade marks li għandhom reputazzjoni (15) ma toffrilhiex biżżejjed elementi sabiex tiċċara jekk il-kummerċjalizzazzjoni tad-dentifriċju bil-marka tikkostitwixxix użu li jwettaq ksur u, b’mod partikolari, jekk jistax ikun użu mingħajr karattru ta’ trade mark. Din tikkonkludi billi ssostni li l-isfruttament tal-prestiġju ta’ oħrajn, jew it-trażmissjoni ta’ immaġni, li huma pprojbiti mid-dispożizzjonijiet imsemmija, isiru anki meta parti terza ma tużax it-trade mark individwali sabiex tiggarantixxi l-identiċità ta’ oriġini tal-prodotti tal-impriża tagħha.
24. F’din iċ-ċirkustanza, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Hemm użu illegali ta’ trade mark individwali fis-sens tal-punt (b) […] tal-Artikolu 9[(2)] tar-Regolament [2017/1001] jew tal-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE meta
– it-trade marka individwali hija mwaħħla fuq prodott li fir-rigward tiegħu ma hijiex protetta;
– it-twaħħil tat-trade mark individwali minn terz huwa pperċepit mill-pubbliku bħala [‘marka ta’ kwalità’], jiġifieri fis-sens li l-prodott ġie mmanifatturat u mqiegħed fis-suq minn terz li ma huwiex taħt il-kontroll tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda li l-proprjetarju tat-trade mark ittestja ċerti karatteristiċi ta’ dan il-prodott u fuq il-bażi ta’ dan attribwixxilu ċerta evalwazzjoni li hija msemmija fi[l-‘marka ta’ kwalità’], u
– t-trade mark individwali hija b’mod partikolari rreġistrata għal ‘informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi, speċjalment bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet kif ukoll permezz tal-kwalità’?
2) Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv lill-ewwel domanda preliminari:
Hemm użu illegali fis-sens tal-punt (c) […] tal-Artikolu 9[(2)] tar-Regolament [2017/1001] u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95/KE meta
– t-trade marka individwali tgawdi minn reputazzjoni biss bħala [‘marka ta’ kwalità’] hekk kif deskritt fl-ewwel domanda u
– it-trade mark individwali hija użata minn terz bħala [‘marka ta’ kwalità’]?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. Id-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Diċembru 2017. Öko‑Test Verlag, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li saret fis‑7 ta’ Novembru 2018, li attendiet għaliha anki Dr. Liebe.
IV. L-analiżi ġuridika
A. Osservazzjonijiet preliminari
26. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95, hija tenfasizza li r-rikors li wassal għall-kawża prinċipali kien jikkonċerna t-trade mark tal-Unjoni u, unikament sussidjarjament dik nazzjonali (16). Għaldaqstant, u sabiex niffaċilita l-qari, l-analiżi tiegħi ser tikkonċerna preferenzjalment ir-regoli tar-Regolament 2017/1001, dwar it-trade marks tal-Unjoni, anki jekk ir-riżultati ta’ din l-analiżi ikunu komparabbli mutatis mutandis mar-regoli analogi tad-Direttiva 2008/95 (17).
27. Kif diġà spjegajt, il-qorti tar-rinviju eskludiet li l-protezzjoni ġuridika, li Öko‑Test Verlag taspira li tikseb, tista’ tiksibha permezz ta’ kuntratt (hija tiddikjara li l-kuntratt ta’ liċenzja kien ilu li waqaf milli jorbot liż-żewġ partijiet) (18) jew permezz ta’ kompetizzjoni żleali, minħabba li din tal-aħħar titlob li l-impriża rikorrenti u konvenuta jikkompetu bejniethom, li ma kienx il-każ (19).
28. Bħalma fuq l-ostakolu għall-inibizzjoni bbażata fuq id-dritt Ġermaniż dwar il-kompetenza żleali ma għandi l-ebda riżerva, jista’ jkun possibbli li tiġi esplorata l-vijabbiltà tal-proċedura kuntrattwali, fid-dawl ta’ xi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skonthom:
– Sabiex jiġi stabbilit jekk, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-“Regolament Brussell I” (20), proċedimenti “għandhomx x’jaqsmu ma’ kuntratt” u mhux “ma’ tort”, għandu jiġi investigat jekk l-aġir ikkritikat jikkostitwixxix nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali, kif jiġu ddeterminati meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-kuntratt (21).
– Sabiex tiġi miċħuda talba għal kumpens għad-danni mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu jiġi vverifikat jekk bejn il-partijiet jeżistix kuntest veru kuntrattwali, marbut mas-suġġett tal-kawża, anki jekk ikunu ntemmu r-relazzjonijiet kuntrattwali, li l-eżami dettaljat tiegħu jirriżulta indispensabbli biex tinqata’ l-kawża (22).
29. Huwa evidenti li l-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa differenti minn dak tas-sentenzi li għadni kif semmejt fin-noti 21 u 22. Madankollu, l-approċċ metodoloġiku ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun utli anki f’dan il-każ, b’analoġija. Għalkemm mid-digriet tar-rinviju jidher li ġie dedott il-kuntrarju, fis-seduta l-partijiet tal-kawża prinċipali kkonfermaw li kien ġie awtorizzat id-dritt tal-użu tal-logo (23) fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali. Jekk, skont dak li jiġi dedott mid-digrieti, Dr. Liebe kompliet tuża din il-marka, kienet tkun qiegħda tikser l-obbligu kuntrattwali (possibbilment impliċitu) li tieqaf twaħħal is-sinjal fuq l-imballaġġ tad-dentifriċju tagħha, ladarba tkun intemmet ir-relazzjoni li tirriżulta minn dan il-kuntratt.
30. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tista’, jekk tqisu xieraq, tapplika dan l-approċċ bħala l-bażi ta’ proċedimenti ex contracto possibbli favur Öko‑Test Verlag. Madankollu, hawnhekk nixtieq nindika biss din il-possibbiltà, konxju li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa xieraq li tingħata risposta għad-domandi magħmula, iktar milli jiġu ssuġġeriti soluzzjonijiet alternattivi li, finalment, jappartjenu għad-dritt nazzjonali.
B. L-ewwel domanda preliminari: fuq l-użu illegali
1. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
31. Skont Öko‑Test Verlag, il-marka tagħha ma kinitx tintuża bħala trade mark għal dentifriċju, iżda għal servizz (dak li toffri hija nnifisha) u din tipproponi li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv. Din tallega li marka ta’ kwalità ma tixbahx is-siġill ta’ kwalità, minħabba li l-ewwel waħda turi l-konformità ta’ prodott ma’ ċerti standards stabbiliti minn qabel, filwaqt li s-siġill ta’ kwalità sempliċement ikun hemm sabiex mal-ewwel daqqa ta’ għajn il-konsumatur jirrikonoxxi l-kwalità tal-prodott. Naqbel mal-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż li ma hemm l-ebda xebh bejn it-trade marks ta’ garanzija u ta’ ċertifikazzjoni (24).
32. Öko‑Test Verlag temmen li l-pubbliku interessat jipperċepixxi l-użu ta’ ÖKO‑TEST għall-krema tat-tindif tas-snien bħala użu awtorizzat mill-proprjetarju tagħha, li jindika li: a) dan il-prodott ġie kklassifikat bħala eċċellenti fit-testijiet li ġie suġġett għalihom minn Öko‑Test Verlag; u b) din il-klassifikazzjoni hija koerenti mal-kontenut tal-pubblikazzjoni u mal-istandards newtrali, oġġettivi u peritali tagħha. Għaldaqstant, l-użu ta’ ÖKO‑TEST minn Dr. Liebe jaffettwa l-funzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, kif ukoll oħrajn tal-funzjonijiet awtorizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja (25).
33. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-ewwel domanda ma tirrigwardax l-identiċità doppja tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95, iżda r-riskju ta’ konfużjoni tal-ittra (b) tiegħu, minħabba li jeżistu ċerti differenzi bejn is-sinjal oriġinali ÖKO‑TEST u dak li jintuża għad-dentifriċju (b’mod partikolari, ir-riżultati tat-testijiet u r-riferiment għall-pubblikazzjoni). Dan jissuġġerixxi li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, fuq il-bażi li t-trade mark irreġistrata għal servizz tista’ tintuża għal prodott, meta l-pubbliku jirrikonoxxi l-awtonomija tas-servizz u li dan tal-aħħar huwa marbut mal-prodott.
34. Il-Gvern Ġermaniż jemmen li l-element determinanti huwa l-perċezzjoni tal-pubbliku, li huwa mdorri li l-organizzazzjonijiet indipendenti mill-produtturi jwettqu analiżi tal-prodotti ta’ użu ta’ kuljum, u sussegwentement jinformaw lill-konsumaturi. Dawn setgħu jiddeduċu faċilment li Öko‑Test Verlag kienet evalwat id-dentifriċju u kklassifikatu bħala eċċellenti. Barra minn hekk, il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti bi trade marks jew sinjali differenti hija komuni bejn l-impriżi, bħalma jiġri fil-każ tas-siġilli ta’ kwalità jew ta’ ċertifikazzjoni (l-agrikoltura organika, l-effikaċja enerġetika tal-Unjoni, il-kummerċ ġust) u tat-twaħħil ta’ trade marks ta’ fornitur fir-rigward tal-indikazzjoni tal-kwalità tal-komponenti tal-prodott finali (pereżempju, Intel Inside fuq il-proċessuri tal-kompjuters).
35. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, id-domanda tagħmel riferiment, fil-verità, għall-ittra (a) u mhux għall-(b), kemm tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95. Din taċċetta li t-twaħħil tat-trade mark ÖKO‑TEST fil-preżentazzjoni tad-dentifriċju neċessarjament jagħmel riferiment għall-istess servizzi pprovduti mill-proprjetarju tagħha (Öko‑Test Verlag), iżda tqis li dan ir-rinviju huwa inerenti għall-pubbliċità tal-prodott tas-snien, mingħajr ma jiġi implikat li Dr. Liebe tirreklama l-istess servizzi bħal Öko‑Test Verlag.
36. Il-Kummissjoni tenfasizza l-effett pubbliċitarju mixtieq mill-produttur tal-krema għat-tindif tas-snien meta tintuża tal-marka ÖKO‑TEST: li l-pubbliku jiftakar is-servizz ipprovdut mill-proprjetarju ta’ din il-marka, l-uniku wieħed li għandu jassumi r-responsabbiltà ta’ analiżi indipendenti. Il-klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja huma intiżi li jevitaw li t-telf ta’ kwalità tal-prodott suġġett għal test ikollu impatt negattiv fuq it-trade mark innifisha ta’ Öko‑Test Verlag, li huwa dak li jiġri jekk din il-kwalità baxxa tal-prodott tiġi assoċjata mal-impriża li twettaq l-analiżi tiegħu.
2. Evalwazzjoni
37. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk il-marka ta’ kwalità ÖKO‑TEST, protetta bħala trade mark irreġistrata, tintużax, bħalma tużaha Dr. Liebe fuq l-imballaġġ tad-dentifriċju, sabiex jiġu identifikati s-servizzi tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark u mhux biss l-oġġetti li tikkummerċjalizza Dr. Liebe.
38. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Gözze li “ma hemmx użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark individwali meta t-twaħħil tagħha fuq prodotti għandu bħala funzjoni unikament li jikkostitwixxi tikketta ta’ kwalita għal dawn il-prodotti u mhux dik li barra minn hekk jiġi ggarantit li l-prodotti ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom” (26).
39. Jekk din id-dikjarazzjoni tiġi segwita letteralment, il-kawża jkollha soluzzjoni relattivament faċli, minħabba li Öko‑Test Verlag la tipproduċi d-dentifriċju u lanqas ma twaħħal it-trade mark tagħha fuq l-imballaġġ sabiex tidentifika l-oriġini tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi eskluż li din l-impriża tista’ tipprojbixxi lil Dr. Liebe milli tuża, fil-kummerċ, it-trade mark ÖKO‑TEST skont l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001.
40. Għalkemm, f’din il-kawża, din is-soluzzjoni tista’ tiġi kkoreġuta (kif ser nipproponi iktar ’il quddiem) permezz tal-ittra (c) tal-istess dispożizzjoni, minħabba r-reputazzjoni ta’ ÖKO‑TEST fis-suq Ġermaniż, xorta waħda nemmen li anki l-proprjetarji ta’ sinjali li ma għandhomx reputazzjoni għandu jkollhom aċċess għal xi strument legali, proprju tad-dritt tat-trade marks, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra l-użu tagħhom minn terza persuna mingħajr kunsens, bħalma huwa l-każ fil-każ inkwistjoni (27). Jista’ jkun li matul l-investigazzjoni tad-differenzi bejn is-siġill ta’ kwalità u l-marka ta’ kwalità, wieħed jiltaqa’ ma’ risposta li tmur lil hinn minn dik li ngħatat fis-sentenza Gözze.
41. Fir-rigward ta’ jekk dan il-każ jistax jiġi inkluż fil-każ imsemmi fl-ittra (a) jew fl-ittra (b) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, il-partijiet ma qablux bejniethom fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-domanda preliminari. Preferibbilment, għandhom jiġu identifikati l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni komuni għaż-żewġ varjanti jiġux issodisfatti (28), bħala bażi għall-għażla ta’ wieħed minnhom.
a) Elementi ta’ evalwazzjoni
1) Il-punt ta’ tluq
42. Fil-prinċipju, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’ biss jipprojbixxi l-użu minn terza persuna ta’ sinjal, skont l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001, meta jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:
– Minn naħa, is-sinjal għandu jkun identiku (29) jew simili għat-trade mark irreġistrata mill-proprjetarju;
– Min-naħa l-oħra, l-użu tat-trade mark irreġistrata: a) għandu jsir fil-kummerċ; b) mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark; ċ) għandu jkopri l-prodotti jew is-servizzi identiċi jew simili għal dawk li t-trade mark ġiet irreġistrata għalihom; u d) għandu jippreġudika jew ikun adattat sabiex jippreġudika waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark (30).
43. Mill-fajl mibgħut mill-qorti tar-rinviju jidher li l-(ewwel) rekwiżit, dwar l-identiċità tas-sinjal (31), ma għandux joħloq problemi, minħabba li Dr. Liebe ma tiċħadx li użat il-marka ÖKO‑TEST fuq l-imballaġġi tal-krema għat-tindif tas-snien tagħha.
44. F’dan ir-rigward, m’iniex konvint mill-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż dwar id-differenza bejn ÖKO‑TEST, bħala trade mark irreġistrata, u s-sinjal li jidher fuq l-imballaġġ tad-dentifriċju ta’ Dr. Liebe. Il-fatt li fuq dan l-imballaġġ ikun hemm, ġewwa t-trade mark, ir-riżultati tat-testijiet u r-riferiment għall-pubblikazzjoni huwa irrilevanti, għal żewġ raġunijiet: l-ewwel waħda, minħabba li l-pubbliku huwa mdorri jidentifika t-trade mark ÖKO‑TEST b’tali indikazzjonijiet (mingħajrhom, ftit li xejn tgħodd l-inklużjoni tagħhom fil-pubbliċità tal-prodott); u t-tieni waħda, li tirriżulta minn dik preċedenti, hija minħabba li din id-disparità tiġi injorata minn għajnejn il-konsumatur medju, fis-sens li ma ġġiegħlux jaħseb li hija trade mark oħra (madankollu, bħala kwistjoni ta’ fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dan ir-raġunament) (32).
45. Lanqas ma jiġu diskussi l-osservanza tar-rekwiżiti dwar l-użu fil-kummerċ u n-nuqqas ta’ kunsens mill-proprjetarju tat-trade mark. Dan tal-aħħar ma għandux għalfejn ikun kompetitur tal-produttur tal-prodott: l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi l-użu tagħha għal “kull parti terza” li tużah mingħajr il-kunsens tiegħu, għaldaqstant ma hijiex indispensabbli l-kwalità tal-kompetitur. Għalkemm il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni prinċipalment japplikaw għall-kompetituri, dan ma jimplikax li r-reazzjoni possibbli tal-proprjetarju tat-trade mark ġiet illimitata għalihom mil-leġiżlatur.
46. Għaldaqstant, jonqos li jiġi ċċarat jekk kienx hemm koinċidenza fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi u jekk, ladarba tiġi ċċarata din il-kwistjoni, l-użu tat-trade mark ÖKO‑TEST minn Dr. Liebe kienx biżżejjed sabiex jippreġudika waħda mill-funzjonijiet karatteristiċi ta’ din it-trade mark.
2) In-natura tat-trade mark
47. Il-marka ÖKO‑TEST hija trade mark irreġistrata għal servizzi. Dan it-tip ta’ sinjal huwa differenti minn dawk li jkopru prodotti minħabba n-natura intanġibbli tagħhom, li ċċaħħadhom minn materjal tanġibbli, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fir-rigward tal-prodotti protetti mit-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju (33).
48. L-intanġibbiltà tas-servizzi tippermetti interazzjoni bejn dawn u l-prodott. Meta s-servizzi jaffettwaw il-kwalitajiet tal-prodott, wieħed jista’ jsib trade marks ta’ servizzi flimkien ma’ dawk ta’ prodotti li jenfasizzaw dan il-fatt. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-użu estiż tas-siġilli u l-marki li jirreferi għalihom il-Gvern Ġermaniż.
49. Normalment, it-twaħħil ta’ trade marks ta’ prodotti li jinkludu marki (bħal dawk ta’ kwalità) iseħħ skont kuntratt li jinkludi liċenzja għall-użu. Fil-kuntratt, il-produttur jiġi awtorizzat, bħala persuna liċenzjata, sabiex juża l-marka, b’tali mod li jiżdied il-prestiġju tal-prodotti tiegħu. Il-marka ta’ kwalità tintuża ġustament sabiex tinforma lill-pubbliku li dawn il-prodotti, wara li jgħaddu mit-testijiet rilevanti, igawdu mill-klassifikazzjoni favorevoli maħruġa mill-impriża proprjetarja tal-marka (f’dan il-każ, Öko‑Test Verlag).
50. Meta l-marka tiġi rreġistrata bħala trade mark, il-kuntratt jippermetti lill-persuna liċenzjata tqegħedha, bħala trade mark, fuq il-prodotti tagħha. Madankollu, l-istess kuntratt jgħodd ukoll għall-proprjetarju tat-trade mark sabiex jinforma lill-pubbliku dwar is-servizzi proprji tiegħu, f’simbjożi favorevoli għalih u għall-persuni liċenzjati differenti. Kif ser nispjega meta niddeskrivi l-karatteristiċi tal-marka ta’ kwalità, ser jinħoloq tip ta’ “użu doppju” (34).
51. B’dan il-mod, Dr. Liebe, jekk tkun debitament awtorizzata, tista’ tistampa l-marka ta’ kwalità, bħala trade mark, fuq il-prodotti tagħha, iżda, fl-istess ħin, l-użu ta’ ÖKO‑TEST fuqhom iwassal għal tixrid usa’ tas-servizzi li Öko‑Test Verlag tipprovdi lill-impriżi u lill-konsumaturi.
3) Il-karatteristiċi tas-servizzi pprovduti minn Öko‑Test Verlag
52. Ir-Regolament 2017/1001 u d-Direttiva 2015/2436 jirrikonoxxu t-trade marks kollettivi (35) u t-trade marks ta’ ċertifikazzjoni (36):
– It-trade marks kollettivi joħolqu distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi tal-membri ta’ assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tat-trade mark u ta’ dawk ta’ impriżi oħrajn.
– It-trade marks ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ garanzija jwettqu l-funzjoni tagħhom ta’ identifikazzjoni tal-oriġini meta jagħrfu “l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi […] minn oġġetti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod” (37).
53. Għalkemm turi ċertu xebh mat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni, il-marka ta’ kwalità la tiġi identifikata magħhom u lanqas ma hija inkluża f’xi waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. B’mod ġenerali, tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark individwali minn kwalunkwe impriża, iddedikata għall-evalwazzjoni oġġettiva u indipendenti ta’ prodotti, li toffri l-possibbiltà, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, lil firxa wiesgħa ta’ operaturi ekonomiċi sabiex juru l-kwalità tal-oġġetti tagħhom, billi jużaw il-logo korrispondenti.
54. Din id-differenza tispjega d-diffikultà li l-proprjetarji tal-marki ta’ kwalità jiġu mitluba jfasslu regolament, fis-sens tal-Artikolu 75 tar-Regolament 2017/1001, minħabba li, minn naħa, ma humiex affiljati li għandhom jirrispettawh bħat-trade marks kollettivi ta’ ċertifikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-impriża proprjetarja tat-trade mark tista’ tvarja, meta trid, il-prodotti li jiġu suġġetti għat-testijiet, kif ukoll il-parametri ta’ dawn it-testijiet.
55. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza d-diverġenzi bejn dawn il-marki u s-siġilli ta’ kwalità (bħal dik li ġiet analizzata fis-sentenza Gözze), li bażikament jikkonsistu f’: a) l-estensjoni tat-testijiet għal diversità kbira ta’ prodotti u servizzi, u mhux għal wieħed biss; b) l-adattament tal-kriterji għall-ħtiġijiet tal-konsumatur u l-emenda regolari tat-testijiet; ċ) in-nuqqas ta’ influwenza tal-produttur fl-organizzazzjoni li tipprovdi s-servizzi ta’ testijiet; u d) l-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-marka ma tiddependix fuq is-sempliċi osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, iżda tingħata klassifikazzjoni skont ir-riżultati tat-testijiet (38).
56. L-imprenditur li l-prodotti tiegħu għaddew minn dawn it-testijiet ta’ kwalità jkun awtorizzat, wara li jiġi konkluż ftehim ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark, li jagħmel dan fid-deskrizzjoni jew fuq l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti. F’din il-kawża, jekk Dr. Liebe tikseb il-kunsens ta’ Öko‑Test Verlag, din setgħet b’mod leġittimu twaħħal is-sinjal ÖKO‑TEST f’post viżibbli fuq il-krema għat-tindif tas-snien, bil-klassifikazzjoni miksuba u bir-riferiment għan-numru tal-ġurnal li fih ġew ippubblikati r-riżultati. Jidher loġiku li wieħed jaħseb li, kif tinnota l-Kummissjoni, l-impriża li l-prodotti tagħha jiġu suġġetti għat-testijiet ta’ Öko‑Test Verlag u li jiksbu riżultat sodisfaċenti, tkun interessata li tqiegħed din il-marka fuq il-prodotti tagħha, bħala element pubbliċitarju tal-karatteristiċi tal-merkanzija tagħha.
57. Billi tistampa l-marka ÖKO‑TEST b’mod viżibbli fuq l-imballaġġ ta’ Aminomed, Dr. Liebe tfittex li, primarjament, issaħħaħ il-messaġġ ta’ kwalità tad-dentifriċju, permezz tar-reputazzjoni u l-affidabbiltà li toffrilha t-trade mark ÖKO‑TEST, sostnuti mill-klassifikazzjoni (eċċellenti) miksuba u r-riferiment għall-ġurnal li fih ġie ppubblikat ir-riżultat tat-testijiet (39). Madankollu, dan l-istess aġir jikkontribwixxi, fl-istess ħin, sabiex tinxtered l-affidabbiltà tas-servizzi pprovduti minn Öko‑Test Verlag fost il-konsumaturi, jiġifieri, sabiex tiġi identifikata l-oriġini tan-negozju tal-attività ta’ analiżi u evalwazzjoni tal-prodotti għall-konsumatur.
58. Għaldaqstant, ma jistax jiġi argumentat, kif għamlet Dr. Liebe fis-seduta, li s-sinjal ÖKO‑TEST intuża b’mod deskrittiv, fis-sens tal-premessa 21 tar-Regolament Nru 2017/1001, bħala iktar informazzjoni dwar il-prodott. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument, minħabba li:
– Il-mod kif sar dan l-użu juri r-rieda li t-trade mark tintuża sabiex tkopri s-servizzi ta’ Öko‑Test Verlag. Kieku l-għan kien li tiġi pprovduta sempliċi informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni, din setgħet tiġi trażmessa mingħajr il-ħtieġa tal-logo.
– Il-premessa msemmija tippermetti l-użu deskrittiv sakemm ikun leali u onest, kwalitajiet li mingħajr il-kisba inizjali tal-kunsens huma diffiċli li jiġu rrikonoxxuti.
59. Fil-qosor, minħabba r-relazzjoni stretta bejn is-servizzi pprovduti mill-impriża li tagħti l-marka ta’ kwalità (ÖKO‑TEST) u l-prodotti li jinkluduha (Aminomed), meta din tintuża wara li tkun ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali, l-użu tagħha jkollu żewġ effetti sinjifikattivi, fir-rigward tal-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001: minn naħa, il-marka ssaħħaħ l-indikazzjoni ta’ kwalità tal-prodotti li huma awtorizzati li jużawha, għalhekk jista’ jingħad li tintuża għal dawn il-prodotti (40); min-naħa l-oħra, isservi wkoll bħala pubbliċità għas-servizzi tal-impriża li tagħti l-marka ta’ kwalità. Definittivament, hija l-manifestazzjoni tal-użu doppju li għamilt riferiment għalih iktar ’il fuq.
4) Il-perċezzjoni tal-konsumatur
60. L-evalwazzjoni tal-konsumatur medju u kif jipperċepixxi trade mark huma kwistjonijiet ta’ fatt li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju (41). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha risposti utli sabiex issolvihom (42).
61. Kemm Öko‑Test Verlag, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni (din b’xi kwalifikazzjonijiet) jaqblu li, għall-pubbliku interessat, l-użu tat-trade mark ÖKO‑TEST fil-preżentazzjoni tad-dentifriċju ser jitqies bħala riferiment għas-servizzi indipendenti tal-impriża proprjetarja ta’ din il-marka (Öko‑Test Verlag). Għalhekk, il-konsumatur medju ser jorbot dan is-sinjal għall-inqas mas-servizzi ta’ “konsulenza u informazzjoni għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodott jew servizz, bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet” (klassi 35) u dawk ta’ “twettiq u evalwazzjoni ta’ testijiet ta’ prodotti u eżaminazzjonijiet ta’ servizzi b’bażi xjentifika” (klassi 42).
62. Normalment, fuq l-imballaġġ ta’ ħafna prodotti għall-konsumatur ikun hemm marki u siġilli ta’ kwalità (jew modalitajiet oħrajn ta’ ċertifikazzjoni, ta’ indikazzjoni tal-oriġini ekoloġika jew ta’ kummerċ ġust). Għaldaqstant, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-konsumatur medju jista’ faċilment jifhem li t-trade mark ÖKO‑TEST, bħalma tużaha Dr. Liebe, tirreferi għas-servizzi pprovduti minn Öko‑Test Verlag, li magħha hija assoċjata l-marka ta’ kwalità. B’dan il-mod, l-użu li Dr. Liebe tagħmel minn din it-trade mark jikkostitwixxi “użu bħala trade mark” (43), minħabba li jiggarantixxi li s-servizz ta’ analiżi tal-kwalità tad-dentifriċju twettaq mill-impriża proprjetarja tat-trade mark, Öko‑Test Verlag.
5) Il-preġudizzju għall-funzjonijiet tat-trade mark
63. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark jippermettilu li jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu, jiġifieri, li jiggarantixxi li din it-trade mark tissodisfa l-funzjonijiet proprji tagħha. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun irriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn parti terza jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark, b’tali mod li s-sempliċi theddida ta’ dannu bħal dan hija biżżejjed (44).
64. Fost dawn il-funzjonijiet hemm kemm l-(essenzjali) li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, kif ukoll dik li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom u dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tal-pubbliċità (45).
65. Fir-rigward tal-funzjoni essenzjali, it-trade mark twettaqha, b’mod partikolari, “sabiex tikkonferma li l-prodotti kollha li huma protetti minn din it-trade mark ġew immanifatturati jew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom” (46).
66. Barra minn hekk, skont id-deskrizzjoni tal-fatti tad-digriet tar-rinviju, Dr. Liebe użat it-trade mark mingħajr il-kunsens ta’ Öko‑Test Verlag u l-klassifikazzjoni li użat, għalkemm kienet dik li kisbet fit-testijiet tal‑2005, ma setgħetx tkun konnessa mal-analiżijiet tal‑2008, fejn id-dentifriċju tagħha ma kienx inkluż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur medju seta’ jaħseb li Öko‑Test Verlag tkompli tiggarantixxi l-kwalità tad-dentifriċju skont il-livell kwalitattiv preċedenti, ivverifikat mill-marka ta’ kwalità, meta, fil-verità, minħabba li ma kienx għadda mit-testijiet il-ġodda, kien jonqsu din il-garanzija.
67. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, l-użu li Dr. Liebe għamlet mit-trade mark ÖKO‑TEST seta’ wassal għal informazzjoni qarrieqa, minħabba li jagħti l-impressjoni li l-klassifikazzjoni bħala eċċellenti nkisbet wara testijiet imwettqa taħt il-kontroll ta’ Öko‑Test Verlag. B’dan il-mod, il-funzjoni essenzjali tal-marka kienet ippreġudikata (47), minħabba li, għalkemm din l-impriża tal-aħħar wettqet it-testijiet f’waqthom, il-klassifikazzjoni ppreżentata fuq l-imballaġġ ma tikkorrispondix għall-aħħar analiżi tad-dentifriċju, imwettqa minn Öko‑Test Verlag, li din ippubblikat fil-ġurnal tagħha, u lanqas għal-liċenzji mogħtija wara dawn l-analiżi il-ġodda (48).
68. Il-kuntrast bejn ir-riżultat imħabbar minn Dr. Liebe bis-sinjal ÖKO‑TEST u r-realtà tal-analiżi, fit-termini li għadni kif spjegajt, jista’ wkoll jippreġudika l-prestiġju miksub minn Öko‑Test Verlag permezz tat-trade mark tagħha, b’tali mod li tiġi ppreġudikata l-funzjoni ta’ investiment (iddefinita bħala l-possibbiltà tal-proprjetarju li juża t-trade mark tiegħu sabiex jakkwista jew iżomm reputazzjoni li tippermettilu jattira l-konsumaturi u jikseb klijentela leali) (49).
b) Korollarju
69. Kif diġà enfasizzajt, ippreferejt ma nagħżilx inizjalment l-applikabbiltà ta’ waħda mill-ittri (a) jew (b) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001. Madankollu, sabiex nipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ispjegazzjonijiet mogħtija sa issa wassluni għal dan li ġej:
– Dr. Liebe wettqet użu doppju ta’ trade mark li tikkoinċidi mal-oriġinali (ÖKO‑TEST), kemm biex tagħmel id-dentifriċju tagħha iktar attraenti permezz tal-marka ta’ kwalità (bil-klassifikazzjoni bħala eċċellenti), kif ukoll għas-servizzi offruti minn Öko‑Test Verlag. Għalhekk, teżisti identiċità tas-sinjali u s-servizzi li tissodisfa r-rekwiżit ta’ “identiċità doppja” tal-ittra (a) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.
– Sa fejn il-konsumatur medju ma jemminx li t-trade mark ÖKO‑TEST tindika li l-analiżi tad-dentifriċju Aminomed twettqet minn Dr. Liebe u, minħabba l-livell għoli ta’ għarfien dwar din it-trade mark fost il-pubbliku Ġermaniż, lanqas ma jemmen li d-dentifriċju jiġi mill-istess impriża jew impriżi konnessi ekonomikament, li jeskludi r-riskju ta’ konfużjoni fis-sens tal-ittra (b) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.
70. Barra minn hekk, minħabba li l-użu tat-trade mark ÖKO‑TEST minn Dr. Liebe joħloq ir-riskju li jiġu ppreġudikati, mill-inqas, il-funzjonijiet ta’ oriġini u ta’ investiment ta’ din it-trade mark, jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, għalhekk jista’ jiġi kklassifikat bħala illegali.
71. Finalment, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-enumerazzjoni ta’ modalitajiet ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001 (50) ma hijiex eżawrjenti, u għaldaqstant għandu jiġi inkluż l-użu li twettaq minn Dr. Liebe fiċ-ċirkustanzi diġà deskritti.
C. It-tieni domanda preliminari: fuq l-użu illegali ta’ trade mark li għandha reputazzjoni
72. Minħabba li ssuġġerejt risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju teħtieġ risposta biss jekk dik ir-risposta kienet fin-negattiv, ma huwiex indispensabbli li nitkellem iktar dwar dan. Madankollu, sussidjarament, ser inwettaq l-analiżi ta’ din it-tieni domanda, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel waħda b’mod differenti jew taħseb li s-soluzzjoni li qiegħed nipproponi dwar, minn naħa, l-identiċità doppja tas-sinjali u, min-naħa l-oħra, tas-servizzi u l-prodotti, hija artifiċjali żżejjed.
1. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
73. Öko‑Test Verlag tfakkar li l-protezzjoni speċjali mogħtija lit-trade marks li għandhom reputazzjoni tmur lil hinn mill-kuntest tal-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti u tiffoka fuq il-preġudizzju u l-isfruttament abbużiv ta’ dawn it-trade marks. Ma hemm l-ebda dubju dwar il-karattru ta’ reputazzjoni tat-trade mark ÖKO‑TEST u l-pubbliku jassoċjaha mas-sinjal imwaħħal minn Dr. Liebe fuq il-prodotti tagħha.
74. Skont Öko‑Test Verlag, kif ukoll skont il-Kummissjoni, isir użu illegali tat-trade mark li għandha reputazzjoni ÖKO‑TEST meta l-persuna li tużaha ma jkollhiex awtorizzazzjoni, u sa fejn dan jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark. Barra minn hekk, ikun hemm ir-riskju li l-pubbliku jitlef il-fiduċja fis-servizzi tagħha, jekk il-prodott ma jilħaqx l-aspettattivi tagħhom. Il-konsumatur jista’ joħroġ il-frustrazzjoni tiegħu dwar ix-xogħol ta’ Öko‑Test Verlag, muri kemm fit-testijiet kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet tagħha.
75. Fid-dawl tal-proposta tiegħu ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Gvern Ġermaniż ma tax risposta għat-tieni waħda, minħabba li hija ta’ natura sussidjarja.
76. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 huma ssodisfatti ladarba t-trade mark individwali għandha reputazzjoni bħala marka ta’ kwalità. L-użu illegali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi t-twaħħil minn terza persuna ta’ din it-trade mark fuq il-prodotti tagħha.
77. Il-Kummissjoni tfakkar li parti sinjifikattiva tal-pubbliku Ġermaniż interessat fil-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjal, għandha tirrikonoxxi t-trade mark (51). Din taħseb li l-mod kif jintuża s-sinjal ta’ ÖKO‑TEST jista’ jagħtih ċertu prestiġju bħala trade mark. Grazzi għall-kuntratt ta’ liċenzja, Öko‑Test Verlag jirnexxilha li t-trade mark tagħha tiġi rrikonoxxuta mill-pubbliku bħala indikazzjoni tas-servizzi tagħha ta’ informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur.
2. Evalwazzjoni
78. Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk, fin-nuqqas tal-protezzjoni mogħtija lit-trade mark ÖKO‑TEST fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, tistax tiġi invokata l-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni tal-ittra (c) tal-istess artikolu.
79. Evidentement, l-ostakolu li l-qorti tar-rinviju qiegħda taffaċċja huwa li t-trade mark individwali ÖKO‑TEST tiġi rrikonoxxuta biss bħala marka ta’ kwalità u t-terza persuna tużaha bħala tali marka. Madankollu, ma naħsibx li dan il-fattur huwa rilevanti:
– Jekk dan ifisser li ma sar l-ebda “użu bħala trade mark”, fis-sens tas-sentenza Gözze, sabiex tiġi rrifjutata tali teorija nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti (52).
– Jekk, min-naħa l-oħra, għandha ssir differenza bejn l-għarfien li l-pubbliku għandu dwar it-trade mark u dwar il-“marka ta’ kwalità”, naħseb li din hija differenza artifiċjali. ÖKO‑TEST ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali, nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant għandha tgawdi mill-protezzjoni li tingħata lil dan it-tip ta’ trade marks, irrispettivament minn jekk il-pubbliku jkunx jaf b’dan ir-raġunament, jew jekk terza persuna għandhiex l-għan li tuża trade mark bħala marka biss. Inkella, jekk dan ma jkunx il-każ, it-trade marks ikunu qegħdin jiġu mċaħħda mill-protezzjoni leġittima tagħhom, li tiddependi mil-livell ta’ għarfien dwar ir-reġistrazzjoni tagħhom mill-pubbliku.
80. Konsegwentement, b’mod essenzjali, dak li qiegħed jiġi mistoqsi permezz tat-tieni domanda preliminari huwa jekk il-proprjetarju tal-marka ÖKO‑TEST jistax igawdi mill-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni, sabiex jieħu azzjoni kontra l-użu illegali tagħha minn terza persuna. Evidentement, għandu jiġu kkunsidrat li din it-trade mark għandha r-reputazzjoni meħtieġa, minħabba l-għarfien li l-konsumaturi Ġermaniżi għandhom dwar din il-marka. Din hija evalwazzjoni fattwali li għandha titwettaq biss mill-qorti tar-rinviju (53).
81. L-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001 jistabbilixxi, favur it-trade marks li għandhom reputazzjoni, protezzjoni ta’ portata ikbar minn dik ipprovduta fl-ittri (a) u (b) tal-paragrafu 2 tiegħu. Ir-rekwiżiti, kumulattivi (54), sabiex wieħed igawdi minn din il-protezzjoni huma: a) li jkun hemm użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata; b) li dan l-użu jsir mingħajr raġuni valida; ċ) li dan isir għal prodotti jew servizzi, kemm jekk ikunu identiċi, simili jew anki jekk le (55); u d) li, permezz tiegħu, jittieħed jew jista’ jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, jew li jippreġudikahom jew li jista’ jippreġudikahom (56).
82. Ma hemm l-ebda kontroversja dwar ir-rekwiżiti a), b) u ċ): l-użu tal-marka ta’ kwalità min-naħa ta’ Dr. Liebe sar mingħajr il-kunsens ta’ Öko‑Test Verlag, u mingħajr raġuni valida, u sar għal prodotti jew servizzi li ma huwiex indispensabbli li jiġu kkonstatati l-identiċità jew ix-xebh tagħhom.
83. Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit jekk Dr. Liebe, meta użat it-trade mark ÖKO‑TEST, wettqitx kwalunkwe waħda (57) mill-azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001. Dawn jistgħu jikkonsistu kemm fil-preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark, kemm fid-dannu kkawżat lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, jew fil-vantaġġ illegali li jittieħed mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.
84. Fl-opinjoni tiegħi, għar-raġunijiet li spjegajt fil-punti 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-użu li Dr. Liebe għamlet mit-trade mark ÖKO‑TEST jista’ jippreġudika l-prestiġju ta’ din tal-aħħar, billi joħloq konfużjoni fost il-konsumaturi, li kapaċi tnaqqas is-saħħa ta’ attrazzjoni ta’ din it-trade mark (58).
85. Barra minn hekk, Dr. Liebe kienet tieħu vantaġġ bl-użu, mingħajr raġuni valida, tat-trade mark ÖKO‑TEST, billi tittrasferixxi l-konnotazzjonijiet favorevoli li għandha din it-trade mark, fit-termini pubbliċitarji u kwalitattivi diġà invokati, lejn id-dentifriċju tagħha, li ma ġiex suġġett għall-analiżi l-ġodda. Dan iwassal għal sfruttament żleali tar-reputazzjoni tat-trade mark, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (59).
86. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-fatti tal-kawża prinċipali humiex ikkaratterizzati minn użu tas-sinjal, mingħajr raġuni valida, li permezz tiegħu jittieħed vantaġġ illegali mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark ÖKO‑TEST (60).
V. Konklużjoni
87. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:
“1) L-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, jawtorizzaw lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali, li tikkonsisti f’‘marka ta’ kwalità’ u hija rreġistrata għal ‘informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi, speċjalment bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u analiżijiet kif ukoll permezz ta’ ġudizzji tal-kwalità’, sabiex jopponi l-użu tat-trade mark tiegħu li ma jkunx awtorizza meta:
– parti terza twaħħal it-trade mark fuq prodott li din ma hijiex irreġistrata għalih;
– Il-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark bħala ‘marka ta’ kwalità’, fis-sens li l-prodott ġie prodott u kkummerċjalizzat minn terza persuna u mhux mill-proprjetarju tat-trade mark, iżda dan jissuġġettaha għal ċerti testijiet, fejn tiġi evalwata u tingħata klassifikazzjoni li titniżżel fil-marka ta’ kwalità; u
– l-użu jaffettwa waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark.
2) L-użu minn terza persuna ta’ trade mark individwali bil-karatteristiċi deskritti, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, jikkostitwixxi użu illegali skont l-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95, meta:
– it-trade mark għandha reputazzjoni, għalkemm tkun biss ‘marka ta’ kwalità’; u
– jiġi kkawżat preġudizzju lill-prestiġju tat-trade mark u din il-parti terza tieħu vantaġġ żleali mill-użu tas-sinjal, li għandu jiġi investigat mill-qorti tar-rinviju.”