Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2013 – Ricoh Belgium vs Il-Kunsill

(Kawża T-691/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Ricoh Belgium NV (Vilvoorde, il-Belġju) (rappreżentanti: N. Braeckevelt u A. de Visscher, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li l-lott 4 tal-kuntratt “Xiri jew kiri ta’ printers b’diversi funzjonijiet (MFP) bojod u suwed u servizzi aċċessorji ta’ manteniment, fil-bini okkupat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Numru ta’ referenza 2013/S 83-138901”; ma jingħatax lil Ricoh Belgium NV, iżda lil kumpannija oħra;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza tal-Artikolu 15 TFUE u tal-Artikolu 298 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 102(1) tar-Regolament Nru 966/2012 1 .

B’mod speċifiku, għalkemm ma kien hemm xejn f’dan ir-rigward imsemmi fid-dokumentazzjoni rilevanti, il-konvenut ittestja (il-veloċità) tal-printers tar-rikorrenti, mill-mument li jixgħelu sal-mument li fih jiffunzjonaw bl-iktar mod effiċjenti. Għaldaqstant, il-qisien/valuri indikati fl-offerta tar-rikorrenti huma differenti mill-qisien/valuri li joriġinaw mir-riżultati tat-testijiet, li fl-aħħar mill-aħħar huma inferjuri u li konsegwentement, jagħtu lok għal riżultat żvantaġġuż. Ir-rikorrenti ma tistax tivverifika jekk l-makkinarju tal-kompetitur tagħha ġiex stabbilit taħt l-istess ċirkustanzi (żvantaġġużi). Barra minn hekk, il-konvenut, wara t-tkomplija tat-testijiet għas-sottokriterju ta’ attribuzzjoni (Kriterju C “Evalwazzjoni teknika tal-apparat ibbażata fuq testijiet”), stabbilixxa kalkolu u riżultat u kkomunikahom lir-rikorrenti. Dan ir-riżultat (jiġifieri 41.2 %) huwa fl-aħħar mill-aħħar differenti mir-riżultat imsemmi fit-tabella tad-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri 38.61 %).

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 113(2) tar-Regolament Nru 966/2012 u tal-Artikolu 161(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 2 , kif ukoll ksur tal-obbligu li l-kuntratt jingħata, fil-każ ta’ sejħiet għal offerti, lill-offerent l-iktar ekonomikament vantaġġuż, kif jirriżulta mill-Artikolu 110(2) tar-Regolament Nru 966/2012 u tal-Artikolu 149(1)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

Fil-kjarifiki sussegwenti pprovduti lir-rikorrenti, il-konvenut sostna li kien inizjalment wettaq żball u li r-riżultati tat-test kellhom jiġu pparagunati mal-istandards stabbiliti fid-dokumentazzjoni (ikkuppjar u stampar ta’ 100 fil-minuta), u mhux mal-istandards stabbiliti fis-sejħa għal offerti sottomessa mir-rikorrenti (ikkuppjar u stampar ta’ 110 fil-minuta).

Minkejja li l-konvenut spjega l-allegata korrezzjoni fir-riżultat finali bil-fatt li r-riżultati tat-testijiet kellhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ standard inferjuri (paragun fuq il-bażi ta’ 100 minflok ta’ 110), ir-rikorrenti għalhekk tidher, b’mod inkomprensibbli, totalment (matematikament) illoġikament – u, barra minn hekk, mingħajr ebda kalkolu konkret jew motivazzjoni – li kisbet immedjatament riżultat inferjuri (38.61 punti minflok 41.2 punti, filwaqt li kien mistenni riżultat superjuri ta’ 44.3 punti fil-każ ta’ paragun mal-istandards tad-dokumentazzjoni).

Fid-dawl tad-differenza globali żgħira wisq bejn iż-żewġ offerenti għal-lot 4, jiġifieri 90.81 punti għall-kumpannija l-oħra kontra 89.67 punti għar-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ kalkolu korrett, kellha għalhekk tintgħażel ir-rikorrenti bħala l-offerent l-iktar ekonomikament vantaġġuż.

____________

1 Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).

2 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).