Language of document : ECLI:EU:T:2016:283

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Mejju 2016 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Bjelorussja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Unjoni u għat-tranżitu minnu – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni kkonċernati – Ġurnalist – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑693/13,

Aliaksei Mikhalchanka, residenti f’Minsk (il-Bjelorussja), irrappreżentat minn M. Michalauskas, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix u F. Naert, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/534/PESK, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2013, L 288, p. 69), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1054/2013, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU 2013, L 288, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Aliaksei Mikhalchanka, huwa ċittadin Bjelorussu, ġurnalist mal-istazzjon televiżiv pubbliku Obshchenatsional’noe Televidenie (ONT).

2        Mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/276/PESK, tal-10 ta’ April 2006, dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus [Bjelorussja] u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK (ĠU 2006, L 101, p. 5), jirriżulta li, wara l-għajbien ta’ persuni magħrufa, elezzjonijiet u referendum frawdolenti kif ukoll istanzi ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa waqt ir-repressjoni tad-dimostranti paċifiċi wara dawn l-elezzjonijiet u dan ir-referendum, ġie deċiż li jittieħdu miżuri restrittivi, bħall-projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u t-tranżitu minnu kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, kontra diversi persuni mill-Bjelorussja.

3        Id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Unjoni ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU 2008, L 352M, p. 432). Dawn id-dispożizzjonijiet kienu s-suġġett ta’ numru ta’ emendi sussegwenti u l-Artikolu 8a(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat, jipprevedi li, meta l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li japplika fil-konfront ta’ persuna fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ organu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jemenda konsegwentement l-anness li fih tinsab il-lista fejn din il-persuna hija inkluża.

4        Il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276 ġew estiżi sal-15 ta’ Marzu 2010 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/314/PESK, tas-6 ta’ April 2009, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/844/PESK (ĠU 2009, L 93, p. 21). Madankollu, ir-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Bjelorussja, bl-eċċezzjoni ta’ dawk involuti fl-għajbien li seħħew fl-1999 u fl-2000 u tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, ġew sospiżi sal-15 ta’ Diċembru 2009.

5        Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/969/PESK, tal-15 ta’ Diċembru 2009, li testendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus [Bjelorussja] imniżżla fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK, u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/314/PESK (ĠU 2009, L 332, p. 76). Dan estenda sal-31 ta’ Ottubru 2010 kemm il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276 kif ukoll is-sospensjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Bjelorussja.

6        Fuq il-bażi ta’ eżami mill-ġdid tal-Pożizzjoni Komuni 2006/276, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni 2010/639/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU L 280, p. 18), estenda sal-31 ta’ Ottubru 2011 kemm il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276 kif ukoll is-sospensjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar imposti fuq ċerti figuri ewlenin tal-Bjelorussja.

7        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK (ĠU 2011, L 28, p. 40), ġie deċiż, fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali frawdolenti tad-19 ta’ Diċembru 2010 u tar-repressjoni vjolenti tal-oppożizzjoni politika, tas-soċjetà ċivili u tar-rappreżentanti tal-mezzi tal-komunikazzjoni indipendenti fil-Bjelorussja, li tintemm is-sospensjoni tar-restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar u li jiġu implementati miżuri restrittivi oħra. L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2010/639 ġie kkompletat kif ġej:

“(d)      għall-vjolazzjonijiet ta’ standards elettorali internazzjonali waqt l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjelorussja fid-19 ta’ Diċembru 2010, u r-repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u dawk il-persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness IIIA.”

8        Id-Deċiżjoni 2011/69 issostitwixxiet l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2010/639 b’dan il-mod:

Artikolu 2

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati:

[…]

(b)      minn persuni li huma responsabbli għall-vjolazzjonijiet ta’ standards elettorali internazzjonali fl-elezzjonijiet Presidenzjali fil-Bjelorussja fid-19 ta’ Diċembru 2010, u r-repressjoni fuq is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness IIIA;

[...]”

9        Isem ir-rikorrent issemma’ fl-Anness V tad-Deċiżjoni 2011/69, li jżid l-Anness IIIA mad-Deċiżjoni 2010/639. Isem ir-rikorrent, li jinsab fin-Nru 77, tniżżel flimkien mal-preċiżazzjoni segwenti: “Ġurnalist tal-kanal [stazzjon] tat-Televiżjoni tal-Istat ONT b’pożizzjoni ta’ anzjanità u influwenti”.

10      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 84/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament Nru 765/2006 (ĠU 2011, L 28, p. 17), b’mod partikolari ssostitwixxa l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 765/2006 b’dan li ġej:

Artikolu 2

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness IA, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma jew kontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness IA jew għall-benefiċċju tagħhom.

[…]

5. L-Anness IA għandu jikkonsisti fil-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK kif emendata.”

11      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 84/2011 inkluda, permezz tal-Anness II tiegħu (Anness IA tar-Regolament Nru 765/2006 li jinkludi l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2(1), 2(2) u 2(5)), isem ir-rikorrent flimkien mal-preċiżazzjoni li tinsab fil-punt 9 iktar ’il fuq.

12      Fit-2 ta’ Frar 2011 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 84/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 (ĠU C 33, p. 17).

13      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/174/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639 (ĠU 2011, L 76, p. 72), l-Annessi I sa III, IIIA u IV tad-Deċiżjoni 2010/639 ġew issostitwiti bit-test li jinsab fl-Annessi I sa V tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Isem ir-rikorrent jinsab fl-Anness IV flimkien mal-funzjoni kif indikata fil-punt 9 iktar ’il fuq.

14      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 271/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament Nru 765/2006 (ĠU 2011, L 76, p. 13), l-Annessi I u IA tar-Regolament Nru 765/2006 ġew issostitwiti bit-test li jinsab fl-Annessi I u II tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni. Isem ir-rikorrent jinsab fl-Anness II flimkien mal-funzjoni kif indikata fil-punt 9 iktar ’il fuq.

15      Permezz tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1), il-Kunsill estenda sal-31 ta’ Ottubru 2013 il-miżuri restrittivi fis-seħħ u ġabar flimkien dawn il-miżuri imposti permezz tad-Deċiżjoni 2010/639 fi strument legali wieħed. L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, tal-persuni:

(a)       responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna assoċjata magħhom;

(b)       li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh,

kif elenkat fl-Anness.”

16      L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642 jipprevedi dan li ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma minn jew huma kkontrollati minn:

(a)       persuni, entitajiet jew korpi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati minnhom;

(b)       persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom,

kif elenkat fl-Anness għandhom jiġu ffriżati.”

17      Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/642, isem ir-rikorrent, li jinsab fin-Nru 138, tniżżel flimkien mal-indikazzjoni segwenti:

“Ġurnalist tal-kanal [stazzjon] ONT tat-Televiżjoni tal-Istat b’pożizzjoni influwenti. Huwa l-anchorman tal-programm tat-televiżjoni ‘Ngħiduha kif inhi’. Dan il-programm huwa strument tal-propaganda tal-istat fuq it-televiżjoni, li jappoġġa u jiġġustifika r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili. L-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili huma sistematikament deskritti b’mod negattiv u derogatorju bl-użu ta’ informazzjoni falsifikata. Huwa kien partikolarment attiv f’dan ir-rigward wara r-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi fid-19 ta’ Diċembru 2010 u fi protesti sussegwenti.”

18      Permezz tar-Regolament (UE) Nru 1014/2012, tas-6 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, L 307, p. 1), il-Kunsill emenda r-Regolament Nru 765/2006. Huwa ssostitwixxa l-Artikolu 2 ta’ dan l-aħħar regolament b’dan li ġej:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà tagħhom jew miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni, tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.

3. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, b’mod dirett jew b’mod indirett, li jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4. L-Anness I għandu jikkonsisti f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642[...], ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli ta’ ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem, jew tar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew inkella li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.

5. L-Anness I għandu jikkonsisti wkoll f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642[...], ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.”

19      Barra minn hekk, permezz tar-Regolament Nru 1014/2012, ir-referenzi għall-“Annessi I jew IA” fir-Regolament Nru 765/2006, kif emendat, ġew issostitwiti b’referenzi għall-“Anness I”.

20      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1017/2012, tas-6 ta’ Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament Nru 765/2006 (ĠU 2012, L 307, p. 7), il-Kunsill issostitwixxa t-test tal-Annessi I, IA u IB tar-Regolament Nru 765/2012 b’anness wieħed. F’dan tal-aħħar hemm isem ir-rikorrent segwit mill-istess indikazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq.

21      Permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill innotifika lir-rikorrent u lir-rappreżentant legali tiegħu bid-Deċiżjoni 2012/642, bir-Regolament Nru 1014/2012 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012.

22      Fl-istess ġurnata, ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fit-tliet testi msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq (ĠU 2012, C 339, p. 9).

23      Permezz tad-Deċiżjoni 2013/534/PESK, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642 (ĠU 2013, L 288, p. 69), il-Kunsill estenda sal-31 ta’ Ottubru 2014 il-miżuri restrittivi fis-seħħ u ssostitwixxa l-anness tad-Deċiżjoni 2012/642. Isem ir-rikorrent, li jinsab fin-Nru 132 tal-anness tad-Deċiżjoni 2013/534, tniżżel flimkien mal-istess indikazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq.

24      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1054/2013, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 (ĠU 2013, L 288, p. 1), il-Kunsill emenda l-anness tar-Regolament Nru 765/2012. Isem ir-rikorrent, li jinsab fin-Nru 132 ta’ dan l-anness, tniżżel ukoll flimkien mal-istess indikazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq.

25      Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill (T‑196/11 u T‑542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801), il-Qorti Ġenerali annullat, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, id-Deċiżjoni 2011/69, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/174, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 271/2011, id-Deċiżjoni 2012/642 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2013/534, sa fejn tikkonċernah;

–        tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013, sa fejn jikkonċernah;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali wkoll fil-31 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent ressaq talba għal għajnuna legali skont l-Artikoli 94 u 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

28      Fit-18 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li fiha huwa talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

29      Fis-6 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta r-replika u, fit-18 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

30      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, Mikhalchanka vs Il-Kunsill (T‑693/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1098), ġiet aċċettata t-talba tar-rikorrent għall-benefiċċju tal-għajnuna legali.

31      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 u fis-16 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill u r-rikorrent wieġbu għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, magħmula bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, f’din il-kawża, mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill (T‑196/11 u T‑542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801). Fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu, il-Kunsill ressaq talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Sussidjarjament, huwa qies li minn din is-sentenza ma kienx jirriżulta li, f’din il-kawża, id-Deċiżjoni 2013/534 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013 huma vvizzjati b’illegalità.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba tal-Kunsill għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

33      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 u fit-22 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrent u l-Kunsill wieġbu għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, magħmula bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent kienx jaf bil-motivi li jinsabu fid-Deċiżjoni 2013/534 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013 qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti, fid-dawl tal-annullament, permezz tas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill (T‑196/11 u T‑542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801), tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent.

 Id-dritt

34      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent invoka erba’ motivi, fejn l-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni fuq motivazzjoni insuffiċjenti, it-tielet fuq żball ta’ evalwazzjoni u r-raba’ fuq in-natura sproporzjonata tal-miżura li tikkonċernah.

35      Billi l-Kunsill ressaq talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, din it-talba għandha tiġi eżaminata preliminarjament.

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikorrent, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

44      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa ma ġiex informat minn qabel bl-estensjoni tal-miżuri restrittivi permezz tad-Deċiżjoni 2013/534 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013. Huwa jsostni li, filwaqt li l-Kunsill kien jaf l-indirizz tiegħu, dawn l-atti ġew ikkomunikati lilu biss fit-30 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri wara d-data tal-adozzjoni tagħhom. Il-possibbiltà allegatament mogħtija lilu mill-Kunsill li jitlob eżami mill-ġdid a posteriori ma tistax tiġi assimilata ma’ proċedura kontradittorja li għandha tiġi qabel kwalunke sanzjoni. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li dibattitu kontradittorju qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti kien ikun utli sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-fatti, li barra minn hekk kienu nbidlu mid-data li fiha kienu ttieħdu l-ewwel miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

[omissis]

46      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jitniżżel jew li jinżamm isem persuna f’lista li tidher fl-anness ta’ att li jimponi miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-provi li din l-awtorità għandha kontra din il-persuna u li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti inkwistjoni, jekk ikunx utli li tressaq kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 111).

47      Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna tesprimi utilment il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-motivi meħuda inkunsiderazzjoni fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 112).

48      Għal dak li jirrigwarda deċiżjoni li tikkonsisti fiż-żamma ta’ isem il-persuna kkonċernata fil-lista li tinsab fl-anness tal-att li jimponi miżuri restrittivi, l-osservanza ta’ dan l-obbligu proċedurali doppju għandu, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal inklużjoni inizjali, twassal għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 113).

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi li permezz tagħha jinżamm isem persuna jew entità li jkun diġà mniżżel fil-lista, l-effett ta’ sorpriża ma jibqax neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżura, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun preċeduta minn komunikazzjoni tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata li tinstema’ (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62).

50      Dan id-dritt għal smigħ minn qabel għandu jiġi rrispettat meta l-Kunsill jibbaża lilu nnifsu fuq provi ġodda fil-konfront tal-persuna li hija milquta mill-miżura restrittiva u li nżammet fil-lista inkwistjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il‑Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 63).

51      F’din il-kawża, għal dak li jirrigwarda l-motivi speċifiċi għar-rikorrent, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 2013/534 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013 żammew isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni milquta mill-miżuri restrittivi inkwistjoni.

52      Huwa minnu li l-imsemmija motivi huma identiċi għal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni 2012/642 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mill-punt 21 iktar ’il fuq jirriżulta li d-Deċiżjoni 2012/642 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012 ġew ikkomunikati lir-rikorrent, li kellu, għaldaqstant, il-possibbiltà li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-motivi inkwistjoni.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni provi ġodda fil-konfront tar-rikorrent għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/534 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013 u li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma kienx obbligat li jikkomunika, qabel l-imsemmija adozzjoni, il-motivi inkwistjoni lir-rikorrent.

54      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill (T‑196/11 u T‑542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801, punti 74 u 75), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2012/642 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, għar-raġuni li dawn l-atti ma kinux ġew ikkomunikati lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tagħhom u li r-rikorrent ma setax għalhekk jesprimi utilment il-pożizzjoni tiegħu, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija atti.

55      Minn naħa, għandu jiġi osservat li la r-rikorrent u lanqas il-Kunsill ma sostnew li l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012 kellha xi konsegwenzi fuq id-data li fiha r-rikorrent sar jaf bil-motivi li kienu jinsabu fl-imsemmija atti u li ġew riprodotti fid-Deċiżjoni 2013/534 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013.

56      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, minkejja li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, meta rikors għal annullament huwa fondat, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala nul u li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni twassal għat-tħassir retroattiv tal-att ikkontestat fil-konfront tal-individwi kollha [sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 43, u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 61], xorta jibqa’ l-fatt li, wara s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill (T‑196/11 u T‑542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801), it-tħassir retroattiv tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, ma kellu l-ebda effett fuq id-data li fiha huwa sar jaf bil-motivi ta’ dawn l-aħħar atti.

57      Fil-fatt, hekk kif josserva l-Kunsill, l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1017/2012 ma wassalx għall-annullament tal-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti, tal-avviż dwar dawn l-atti u lanqas tal-komunikazzjoni individwali li saret permezz ta’ ittra mibgħuta lir-rikorrent u lir-rappreżentant tiegħu. Għaldaqstant, il-kuntest fattwali li fih ir-rikorrent sar jaf bil-motivi li jinsabu fl-imsemmija atti ma ġiex affettwat mis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2014, Mikhalchanka vs Il‑Kunsill (T‑196/11 u T‑542/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:801).

58      Minn dan isegwi li l-imsemmija motivi kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/534 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013 u li għalhekk huwa kellu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill f’dan ir-rigward.

59      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

[omissis]

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

[omissis]

109    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tielet motiv għandu jitqies bħala fondat u li għandhom jiġu annullati, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, id-Deċiżjoni 2013/534 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1054/2013, mingħajr il-bżonn li jiġi analizzat ir-raba’ motiv imqajjem mir-rikorrent.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kunsill tal-Unjoni hija miċħuda.

2)      Huma annullati, sa fejn jikkonċernaw lil A. Mikhalchanka:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/534/PESK, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1054/2013, tad-29 ta’ Ottubru 2013, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja.

3)      Il-Kunsill għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn A. Mikhalchanka.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.