Language of document : ECLI:EU:C:2012:300

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Mejju 2012 (*)

“Moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2004/38/KE— Artikolu 28(3)(a) — Deċiżjoni ta’ tkeċċija — Kundanna kriminali — Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”

Fil-Kawża C‑348/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

P. I.

vs

Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I., minn G. L. Pagliaro u A. Caramazza, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn D. O’Hagan u J. Kenny, bħala aġenti, assistiti minn D. Conlan Smyth, barrister,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u Rettifiki ĠU L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I., ta’ nazzjonalità Taljana, u l-Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid (il-Ġermanja) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata t‑telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ I. fuq it-territorju tal-Ġermanja u tordnalu biex jitlaq mill-Ġermanja, u fin-nuqqas ta’ dan li jiġi ddeportat lejn l-Italja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Skont it-termini tal-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38:

“23)      It-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat, ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

(24)      Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, għandha tittieħed miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għexu għal diversi snin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm matul il-ħajja kollha tagħhom. B’addizzjoni, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom japplikaw ukoll għal miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra minorenni, sabiex jiġu protetti r-rabtiet tagħhom mal-familja, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

4        L-Artikolu 27(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

5        L-Artikolu 28 tal-istess direttiva huwa miktub kif ġej:

1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

6        L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“1. L-Istat Membru ospitanti m’għandux joħroġ ordnijiet ta’ tkeċċija bħala penali jew konsegwenza legali ta’ piena ta’ ħabs, sakemm dawn m’humiex skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 27, 28 u 29.

2. Jekk ordni ta’ tkeċċija, kif prevista fil-paragrafu 1, tiġi mposta aktar minn sentejn wara li nħarġet, l-Istat Membru għandu jikkontrolla jekk l-individwu kkonċernat hux ta’ theddida, ġenwinament u attwalment, għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika u għandu jevalwa jekk kienx hemm xi tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi minn meta nħarġet l-ordni ta’ tkeċċija.”

 Id-Direttiva 2011/93/UE

7        Id-Direttiva 2011/93/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, p. 1), għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pedopornografija u solleċitazzjoni tat-tfal għal finijiet sesswali. Hija tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet komuni biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta’ dan it-tip ta’ kriminalità u l-protezzjoni tal-vittmi tagħha.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li tirrigwarda emenda tal-liġi dwar il-pulizija Federali u liġijiet oħra (Gesetz zur Änderung des Bundespolizeigesetzes und anderer Gesetze), tas-26 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 215) tipprovdi fl-Artikolu 6:

“(1) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), it‑telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi kkonstatat, l-attestazzjoni tad-dritt ta’ residenza tad-dritt Komunitarju jew ta’ residenza permanenti tiġi rrevokata biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (Artikoli 39(3) u 46(1) tat-Trattat […]). Id-dħul fuq it-territorju jista’ wkoll jiġi rrifjutat għar-raġunijiet ċċitati iktar ’il fuq. Raġuni ta’ saħħa pubblika tista’ tiġi kkonstatata biss jekk il-marda tkun bdiet matul it-tliet xhur qabel id-dħul.

2)      Sempliċi kundanna kriminali ma hijiex biżżejjed waħidha sabiex tiġġustifika d-deċiżjonijiet jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Huma biss il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u unikament sakemm iċ-ċirkustanzi li jifformaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku. Għandha tkun theddida reali u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

3)      Għall-finijiet ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju Ġermaniż, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan it-territorju, kif ukoll il-qawwa tar-rabtiet tagħha mal-Istat ta’ oriġini tagħha.

(4)      Wara li jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ ssir biss għal raġunijiet serji.

5)      F’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li għexu fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin u fir-rigward tal-minuri, il-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għal minuri meta t-telf tad-dritt ta’ residenza huwa meħtieġ fl-interess tat-tfal. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew reati mwettqa intenzjonalment għal piena ta’ privatizzazzjoni tal-libertà jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun involuta s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        I. twieled fl-Italja, fit-3 ta’ Settembru 1965, u ilu joqgħod fil-Ġermanja mis-sena 1987. L-ewwel permess ta’ residenza tiegħu kien intbagħatlu fix-xahar ta’April 1987 u kien imġedded regolarment. Huwa għażeb u ma għandux tfal. Huwa qatt ma spiċċa l-iskola jew xi taħriġ vokazzjonali u fil-Ġermanja ħadem biss b’mod temporanju. I. għandu ħamest aħwa, ftit minnhom joqogħdu l-Ġermanja, u oħrajn l-Italja. Sa mill-arrest tiegħu, fix-xahar ta’ Jannar 2006, ommu tgħix parzjalment fil-Ġermanja u parzjalment fl-Italja

10      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, li saret res judicata fit-28 ta’ Ottubru 2006, il-Landgericht Köln (Tribunal reġjonali ta’ Köln) ikkundanna lil I. għal priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur għal abbuż sesswali, aggressjoni sesswali u stupru fuq minuri. Il-fatt li bbażaw din il-kundanna seħħew matul is-snin 1990 sa 2001. Mill-1992, I. ġiegħel, kważi kull ġimgħa, il-vittma tiegħu jkollha rapporti sesswali miegħu jew twettaq atti sesswali oħrajn billi jirrikorrri għal forza u billi jheddiha li joqtol lil ommha jew lil ħuha. Dan il-ksur twettaq fuq it-tifla tas-sieħba tiegħu ta’ dak iż-żmien, li kellha 8 snin fil-bidu tal-fatti. I. ilu l-ħabs mill-10 ta’ Jannar 2006 u jispiċċa l-priġunerija tiegħu fid-9 ta’ Lulju 2013.

11      Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2008, l-Oberbürgermeisterin der Stadt Remscheid, li kienet il-konvenuta fil-kawża prinċipali, ikkonstatat it-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ I. fit-territorju Ġermaniż u ordnat l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din il-miżura billi ordnatlu biex jitlaq mit-territorju, u fin-nuqqas ta’ dan jiġi ddeportat lejn l-Italja.

12      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tirrileva li I. kien uża enerġija kunsiderevoli fl-atti tiegħu u kkawża “tbatija infinita” lill-vittma tiegħu billi abbużaha għal snin sħaħ. Ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi simili, huwa jerġa’ joffendi b’atti tal-istess natura jew simili għal dawk li huwa wettaq qabel l-arrest tiegħu, minħabba b’mod partikolari l-perijodu twil li matulu r-reat twettaq kif ukoll minħabba l-fatt li l-awtur tiegħu ma żviluppa qatt sens ta’ ħtija. L-interessi denji ta’ protezzjoni ta’ I. ttieħdu madankollu inkunsiderazzjoni u huwa ma kienx partikolarment integra ruħu ekonomikament jew soċjalment fis-soċjetà Ġermaniża.

13      Fit-12 ta’ Ġunju 2008, I. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tas-6 ta’ Mejju 2008 u talab li l-eżekuzzjoni tagħha tiġi sospiża. B’sentenza tal-14 ta’ Lulju 2008, il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (Tribunal amministrattiv ta’ Düsseldorf) irrifjuta dan ir-rikors billi qies b’mod partikolari li l-fatt li kienu ġġustifikaw il-kundanna juru aġir personali li ġab il-biża ta’ theddida attwali, reali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri l-protezzjoni tat-tfajliet u tan-nisa kontra l-aggressjonijiet sesswali u l-istupri. I. uża enerġija kriminali kunsiderevoli, fir-rigward b’mod partikolari tal-perijodu li matulu twettqu l-atti, l-età tal-vittma u tal-miżuri użati sabiex dawn ma jiġux żvelati, billi heddet regolament il-vittma tiegħu u billi organizza l-iżolament tagħha.

14      I. appella kontra l-imsemmija sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen, wara li stabbilit mill-ġdid l-effett sospensiv tar-rikors, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika’, imsemmi fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva [2004/38], ikopri biss theddid għas-sigurtà interna u esterna ta’ Stat, fis-sens tal-eżistenza kontinwa tal-Istat bl-istituzzjonijiet u s-servizzi pubbliċi importanti tiegħu, tas-sopravivenza tal-popolazzjoni, tar-relazzjonijiet esterni u tal-koeżistenza paċifika tan-nazzjonijiet?”

 Fuq id-domanda preliminari

15      Fil-punt 56 tas-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, Ġabra p. I‑11979), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġlieda kontra l‑kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat tista’ taqa’ taħt il‑kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” li tista’ tiġġustifika miżura ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti.

16      F’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni tas-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju indikat li kien għad baqa’ dubji, fil-kawża prinċipali, rigward il-kwistjoni dwar jekk u, skont il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, il-ġlieda kontra tipi ta’ kriminalità oħrajn differenti minn dik fi grupp organizzat marbut mad-drogi tistax ukoll tikkostitwixxi “raġuni imperattiva ta’ sigurtà pubblika” fis-sens tal-Artikolu 28(3), iċċitat iktar ’il fuq.

17      L-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod partikolari jekk huwiex possibbli li jitkeċċew mill-Istat Membru ospitanti ċittadini tal-Unjoni li, mingħajr ma jifformaw parti minn grupp jew minn kwalunkwe struttura oħra kriminali, wettqu ksur penali estremament gravi li jippreġudika l-interessi ġuridikament protetti, bħall-awtonomija sesswali, il-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika, u meta jeżisti riskju għoli li huma jerġgħu joffendu billi jwettqu ksur ieħor ta’ natura simili.

18      Għal dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din tkopri kemm is-sigurtà interna u esterna ta’ Stat Membru (sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, billi ssottometta kull miżura ta’ tkeċċija fl-ipoteżi msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-preżenza ta’ “raġunijiet imperattivi” ta’ sigurtà pubblika, kunċett li huwa konsiderevolment iktar strett minn dak ta’ “raġunijiet gravi” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament kellu l-intenzjoni li jillimita l-miżuri bbażati fuq l-imsemmi paragrafu 3 għal “ċirkustanzi eċċezzjonali”, kif huwa stabbilit fil-premessa 24 tal‑imsemmija direttiva (sentenza Tsakouridis, punt 40).

20      Il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jippresupponi mhux biss l-eżistenza ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, iżda, barra minn hekk, li tali preġudizzju għandu grad ta’ gravità partikolarment għoli, rifless fl-użu tal-espressjoni “raġunijiet imperattivi” (sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

21      Jeħtieġ jitfakkar ukoll li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri skala uniformi ta’ valuri għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-aġir li jista’ jitqies bħala kuntrarju għas-sigurtà pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 60).

22      Skont il-kliem tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, ir-raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika huma “imfissra mill-Istati Membri”.

23      Jekk, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, b’mod konformi mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-persuni, dawn ir-rekwiżiti għandhom jinftiehmu b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, Ġabra p. I‑5157, punt 23; tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C‑430/10, Ġabra p. I‑11637, punt 23, u Aladzhov, C‑434/10, Ġabra p. I‑11659, punt 34).

24      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur bħal dak imwettaq minn I. jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.

25      Skont l-Artikolu 83(1) TFUE, l-isfruttament sesswali tat-tfal jifforma parti minn oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali li jeżiġu l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

26      Billi tesprimi l-imsemmi għan, il-premessa 1 tad-Direttiva 2011/93 tenfasizza li l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet tat-tfal għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previsti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta’ Novembru 1989 u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

27      Il-gravità ta’ dan it-tip ta’ ksur jirriżulta wkoll mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/93, li jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ tfal li ma jkunux laħqu l-età ta’ kunsens sesswali għandha tkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas ħames snin priġunerija, kif ukoll, skont il-paragrafu 5(i) tal-istess artikolu l-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali mat-tfal, fejn isir abbuż minn pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza fuq it-tfal għandha tkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas tmien snin priġunerija. Skont l-istess paragrafu 5(iii), din il-piena għandha tkun ta’ għaxar snin minn tal-inqas f’każ li jsir użu ta’ ġegħil, ta’ forza jew ta’ theddid. Skont l-Artikolu 9(b) u (g) tal-istess direttiva, għandhom jitqiesu bħala aggravanti ċ-ċirkustanzi fejn ir-reat twettaq minn membru tal-familja tat-tfal, persuna li tkun tgħix mat-tfal jew persuna li tkun abbużat mill-pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja jew awtorità tagħha u ċ-ċirkustanza fejn ir-reat ikun involva vjolenza serja jew ikkaġuna ħsara serja għat-tfal.

28      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jqisu li ksur penali bħal dak li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) jikkostitwixxi preġudizzju partikolarment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, li jista’ jirrappreżenta theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni, u, għaldaqstant, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jista’ jiġġustifika miżura ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, bil-kundizzjoni li l-mod kif tali ksur twettaq jippreżenta karatteristiċi partikolarment gravi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika abbażi ta’ eżami individwali tal-każ speċifiku li hija tkun adita bih.

29      L-eventwali konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju, skont il-valuri proprji tal-ordinament ġuridiku tagħha, li l-ksur bħal dak imwettaq minn I. jippreżenta theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni, ma għandux neċessarjament iwassal għat-tkeċċija tal-persuna kkonċernata.

30      Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jissuġġetta kull miżura ta’ tkeċċija għall-fatt li l-aġir tal-persuna kkonċernata jippreżenta theddida reali u attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti, konstatazzjoni li timplika, b’mod ġenerali, fi ħdan l-individwu kkonċernat, l-eżistenza ta’ tendenza li jżomm dan l-aġir fil-futur.

31      Jeħtieġ li jiżdied li, meta miżura ta’ tkeċċija mit-territorju hija adottata bħala piena jew bħala miżura aċċessorja għal piena ta’ detenzjoni, iżda hija eżegwita iktar tard minn sentejn wara li tkun ġiet adottata, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri li jivverifikaw l-attwalità u r-realtà tat-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tippreżenta l-persuna kkonċernata, u li jevalwaw jekk sarx tibdil materjali tal-fatti mill-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

32      Fl-aħħar nett, kif ukoll jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, qabel tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju tiegħu, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fl-Istat Membru ospitanti u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jqisu li ksur penali bħala dak li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) jikkostitwixxi preġudizzju partikolarment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, li jista’ jirrappreżenta theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni, u, għaldaqstant, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jista’ jiġġustifika miżura ta’ tkeċċija skont l-imsemmi Artikolu 28(3), bil-kundizzjoni li l-mod kif tali ksur twettaq jippreżenta karatteristiċi partikolarment gravi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika abbażi ta’ eżami individwali tal-każ speċifiku li hija tkun adita bih.

34      Kull miżura ta’ tkeċċija hija suġġetta għall-fatt li l-aġir tal-persuna kkonċernata jippreżenta theddida reali u attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti, konstatazzjoni li timplika, b’mod ġenerali, fi ħdan l-individwu kkonċernat, l-eżistenza ta’ tendenza li jżomm dan l-aġir fil-futur. Qabel tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju tiegħu, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan l-Istat u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jqisu li ksur penali bħala dak li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(1) jikkostitwixxi preġudizzju partikolarment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, li jista’ jirrappreżenta theddida diretta għat-trankwillità u għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni, u, għaldaqstant, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jista’ jiġġustifika miżura ta’ tkeċċija skont l-imsemmi Artikolu 28(3), bil-kundizzjoni li l-mod kif tali ksur twettaq jippreżenta karatteristiċi partikolarment gravi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika abbażi ta’ eżami individwali tal-każ speċifiku li hija tkun adita bih.

Kull miżura ta’ tkeċċija hija suġġetta għall-fatt li l-aġir tal-persuna kkonċernata jippreżenta theddida reali u attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti, konstatazzjoni li timplika, b’mod ġenerali, fi ħdan l-individwu kkonċernat, l-eżistenza ta’ tendenza li jżomm dan l-aġir fil-futur. Qabel tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju tiegħu, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan l-Istat u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.