Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Jannar 2011 - L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-37/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér, K. Szíjjártó u G. Koós, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3.241.011.280, li fiha talba għal ħlas, sa fejn, fir-rigward tar-Repubblika tal-Ungerija, qed jiġu kklassifikati bħala ineliġibbli, skont il-konvenzjoni ta' Schengen, ċerti spejjeż dwar il-miżuri 1, 3, 4, 5 u 6 tal-Objettiv III/A, mal-Objettiv doganali III/B u, fi ħdan l-Objettiv III/A, bl-istabbiliment tal-kontroll tal-fruntieri tax-xmara Mohács u tal-istazzjon tal-ferrovija tal-merkanzija ta' Eperjeske.

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3.241.011.280, li fiha talba għal ħlas, sa fejn, fir-rigward tar-Repubblika tal-Ungerija, qed jiġu kklassifikati bħala ineliġibbli jew eliġibbli parzjalment biss, skont il-konvenjoni ta' Schengen, ċerti spejjeż relatati mal-miżuri 1, 3, 4, 5 u 6 tal-Objettiv III/A u mal-Objettiv doganali III/B.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin :

1.    Talba prinċipali : ksur tal-aspettattivi leġittimi u tat-tamiet fondati ġġenerati u ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali

Ir-rikorrenti tiddikjara li, fid-dawl tal-impreċiżjoni tal-kuntest leġiżlattiv u tal-ammont kunsiderevoli ta' għajnuna pprovduta skont l-istrument finanzjarju minn Schengen, jirriżulta raġjonevoli li tibbaża ruħha, matul l-eżekuzzjoni tal-programm kollu, fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni b'risposta għal talbiet speċifiċi sabiex tieħu pożizzjoni u fuq il-ħafna stqarrijiet espressi dwar il-programm indikattiv.

Fil-fehma tar-rikorrenti, l-approvazzjoni tal-programm indikattiv, inkwantu hija awtorizzazzjoni minn qabel, il-kontrolli magħmula mill-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-programm u l-kooperazzjoni mal-Istati Membru jimplikaw li l-kontroll ex post li jista' jitwettaq mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li l-proġetti jikkwalifikaw għall-għajnuna ma jippermettix li jkun hemm dubju sostanzjali dwar l-eliġibbiltà ta' proġetti li jkunu diġà ġew eżaminati bosta drabi, mingħajr ma dawn ikun ġew ikkontestati. Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni tat "garanziji" fid-deċiżjonijiet ta' finanzjament li bihom inħolqu aspettattivi fondata fuq l-eliġibbiltà tal-miżuri elenkati fil-programm indikattiv.

Il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni obbligi reċiproċi ta' kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Fil-fehma tar-rikorrenti, jekk f'kuntest leġiżlattiv tant impreċiż u varjabbli wieħed lanqas jista' jistenna li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni minn qabel li tkun affidabbli fuq l-eliġibbiltà ta' xi proġett, ikun qed jiġi ppreġudikat serjament il-prinċipju ta' ċertezza legali.

2. Talbiet sussidjarji : interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' kontroll eżawrjenti u nuqqas ta' bażi għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji

Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala ineliġibbli jew eliġibbli parzjalment biss l-ispejjeż imsemmija fit-talba sussidjarja peress li ma jissodisfawx l-għan ta' kontroll eżawrjenti tal-fruntiera jew li jissodisfawh parzjalment biss. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni bħala riżultat ta' interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' kontroll eżawrjenti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, minkejja li ngħatatilha l-informazzjoni, ma wettqitx l-eżamijiet meħtieġa sabiex tiddetermina l-ammont eżatt li għandu jiġi rrimborsat relatat mal-miżuri kollha u, fir-rigward ta' xi wħud minnhom, b'mod inkorrett stabbiliet somma li tiħallas f'daqqa. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeterminat dawn l-ammonti standard abbażi tal-proporzjon li għandu jkun hemm bejn l-attivitajiet magħmula mill-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri u l-attivitajiet l-oħra tagħhom, minflok ma bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kumissjoni C (2004) 248 dwar il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konvenzjoni ta' Schengen u, għaldaqstant, fuq il-gravità tal-ksur tar-regoli kkonstatati, jew fuq id-daqs tan-nuqqasijiet fis-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll li, bl-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, ikkawżaw l-irregolaritajiet innotati.

____________