Language of document : ECLI:EU:C:2021:757

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

17 ta’ Settembru 2021 (*)

“Intervent – Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa minn aġenzija tal-Unjoni Ewropea – Locus standi sabiex tintervjeni f’tilwima bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Ammissjoni”

Fil-Kawża C‑144/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2021,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u M. Menegatti kif ukoll minn C. Ionescu Dima, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lindenthal u K. Mifsud‑Bonnici, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ J.-C. Bonichot, Imħallef Relatur,

wara li nstemgħat l-Avukata Ġenerali, J. Kokott,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8797 tat-18 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal ċertu użu tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2021, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) talbet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

3        Insostenn tat-talba tagħha għal intervent, l-ECHA tafferma li għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima għar-raġuni li hija pparteċipat fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika tagħha abbozzaw, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament REACH, opinjonijiet dwar it-talba għal awtorizzazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

4        Skont l-ECHA, ir-rikorrent jikkontesta indirettament il-fondatezza ta’ dawn l-opinjonijiet billi jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 60(4) u (7) tar-Regolament REACH. Hija ssostni wkoll li din il-kawża jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-mod kif iż-żewġ kumitati tagħha għandhom jevalwaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni fil-futur.

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament talab li din it-talba għal intervent tiġi miċħuda. Huwa jqis li t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tipprekludi li l-ECHA tintervjeni f’kawża li tikkonċerna tilwima bejn żewġ istituzzjonijiet. Huwa jżid jgħid, sussidjarjament, li l-ECHA ma għandhiex interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

 Fuq it-talba għal intervent

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-istess dritt jappartjeni lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni u lil kull persuna oħra, jekk dawn ikunu jistgħu juru li għandhom interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

7        It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu teskludi, madankollu, l-intervent ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

8        Għaldaqstant, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-esklużjoni li hija tipprevedi ma tapplikax għall-“korpi” u għall-“organi tal-Unjoni”.

9        Konsegwentement, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, bħall-ECHA, jistgħu jintervjenu f’tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi bejn l-Istati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn Stati Membri, minn naħa, u istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, bil-kundizzjoni li dawn jiġġustifikaw “interess fir-riżultat ta’ xi kawża [fis-soluzzjoni tat-tilwima]”.

10      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat ta’ xi kawża [fis-soluzzjoni tat-tilwima]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet innifishom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mqajma. Fil-fatt, il-kelmiet “riżultat ta’ xi kawża” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, hekk kif tkun stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li jkollha tingħata (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2018, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:553, punt 7). Bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali tal-persuna li tressaq talba għal intervent (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs HSBC Holdings et, C‑806/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:364, punt 8 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

11      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-korpi u l-organi tal-Unjoni, b’differenza mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, jistgħu jitolbu li jintervjenu f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux sabiex jiddefendu interessi privati jew, bħal fil-każ tal-assoċjazzjonijiet, interessi marbuta mal-għan soċjali tagħhom, bħad-difiża tal-ambjent, iżda pjuttost meta, bħal fil-każ ineżami, l-att li jkun wassal għall-kawża jkun ġie adottat fi tmiem proċedura li fiha l-korp jew l-organu inkwistjoni kellu rwol, sabiex jiddefendi l-opinjoni li jkun ta jew l-evalwazzjonijiet li jkun wettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

12      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal intervent tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, għandha tiġi applikata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima b’mod li jirrifletti din l-ispeċifiċità.

13      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal intervent f’tilwima li jkollha bħala suġġett l-annullament ta’ att tal-Unjoni ppreżentati minn korpi u organi tal-Unjoni, hemm lok li jitqies li r-rekwiżit ta’ interess dirett u attwali għas-soluzzjoni ta’ tali tilwima min-naħa ta’ dan il-korp jew ta’ dan l-organu jkun issodisfatt, b’mod partikolari, jekk dan il-korp jew organu jkun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li l-att tal-Unjoni inkwistjoni kien ġie adottat fi tmiem proċedura li fiha, konformement mad-dritt tal-Unjoni, kienet prevista l-parteċipazzjoni tiegħu, skont il-każ, permezz tal-adozzjoni ta’ opinjoni jew tat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet.

14      Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika tal-ECHA abbozzaw, konformement mal-Artikolu 64(4) tar-Regolament REACH, opinjonijiet dwar it-talba għal awtorizzazzjoni għal ċertu użu tat-triossidu tal-kromu, li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

15      Konsegwentement, hemm lok li tiġi ammessa, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal intervent tal-ECHA insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq id-drittijiet proċedurali tal-intervenjenti

16      Peress li t-talba għal intervent hija ammessa, l-ECHA għandha tirċievi komunikazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet.

17      Peress li din it-talba tressqet fit-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ECHA tista’, konformement mal-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli, tippreżenta nota ta’ intervent f’terminu ta’ xahar wara l-komunikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti.

18      Fl-aħħar nett, l-ECHA tista’ tippreżenta osservazzjonijiet orali jekk tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali.

 Fuq l-ispejjeż

19      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

20      Fil-każ ineżami, peress li t-talba għal intervent tal-ECHA ntlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) hija ammessa tintervjeni fil-Kawża C144/21 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

2)      Kopja tal-atti proċedurali kollha għandha tiġi nnotifikata lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) mir-Reġistratur.

3)      Għandu jiġi stabbilit terminu għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) sabiex tippreżenta nota ta’ intervent.

4)      L-ispejjeż relatati mal-intervent tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.