Language of document : ECLI:EU:C:2023:302

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ April 2023 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C (2020) 8797 – Awtorizzazzjoni ta’ ċerti użi tat-triossidu tal-kromu – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi – Artikolu 60 – Għoti ta’ awtorizzazzjonijiet – Obbligu li jintwera li l-benefiċċji soċjoekonomiċi huma ikbar mir-riskji mill-użu tas-sustanza għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u li ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji alternattivi xierqa – Artikolu 62 – Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni – Artikolu 64 – Proċedura għal adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni”

Fil-Kawża C‑144/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil‑5 ta’ Marzu 2021,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Ionescu Dima, M. Menegatti u L. Visaggio, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn W. Broere, M. Heikkilä u T. Zbihlej, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 1(1) u (5) kif ukoll l-Artikoli 2 sa 5, 7, 9 u 10 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2020) 8797 tat‑18 ta’ Diċembru 2020 li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal ċerti użi tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Chemservice GmbH et) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn dawn l-artikoli jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni dwar l-użi 2, 4 u 5 u l-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Skont kliem il-premessi 1, 8, 12, 22, 69, 70, 72, 73, 77, 82 u 119 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”):

“(1)      Dan ir-Regolament għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, waħedhom, fi preparati [taħlitiet] u f’oġġetti filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni. Dan ir-Regolament għandu wkoll jippromwovi l-iżvilupp ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi.

[…]

(8)      Għandu jittieħed kont speċjali ta’ l-impatt potenzjali ta’ dan ir-Regolament fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni kontrihom.

[…]

(12)      Objettiv importanti tas-sistema l-ġdida li għandha tiġi stabbilita b’dan ir-Regolament huwa l-inkoraġġiment u f’ċerti każijiet l-assigurazzjoni tas-sostituzzjoni eventwali ta’ sustanzi li jħassbu serjament b’sustanzi jew teknoloġiji anqas perikolużi fejn ikun hemm disponibbli alternattivi ekonomikament u teknikament vijabbli. […]

(22)      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw il-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat li r-riskji minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jkunu kontrollati adegwatament. Għandhom jingħataw mill-Kummissjoni [Ewropea] awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u l-użu jekk ir-riskji li jkunu ġejjin mill-użu tagħhom ikunu biss kontrollati tajjeb, fejn dan ikun possibbli, jew l-użu jista’ jiġi ġustifikat għal raġunijiet soċjo-ekonomiċi u ma jkun hemm l-ebda alternattiva adatta, li tkun ekonomikament u teknikament vijabbli..

[…]

(69)      Sabiex jiġi żgurat livell suffiċjentement għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, inkluża l-kunsiderazzjoni ta’ gruppi relevanti ta’ popolazzjonijiet umani u possibbilment ta’ ċerti sub-popolazzjonijiet vulnerabbli, u ta’ l-ambjent, is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għandhom, konformement mal-prinċipju tal-prekawzjoni, ikunu suġġetti għal attenzjoni bir-reqqa. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li japplikaw għal awtorizzazzjoni juru lill-awtorità awtorizzanti li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza huma kontrollati tajjeb. Inkella, tista’ xorta waħda tingħata l-awtorizzazzjoni għall-użu jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi huma akbar mir-riskju li jkun ġej mill-użu tas-sustanza u li ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi li jkunu ekonomikament jew teknikament vijabbli. B’kont meħud tal-funzjonament korrett tas-suq intern, jixraq li l-Kummissjoni tkun l-awtorità awtorizzanti.

(70)      Għandhom ikunu impediti l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent minn sustanzi li jkunu ta’ tħassib kbir ħafna permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ mmaniġjar tar-riskji sabiex ikun żgurat li kwalunkwe riskji mill-użu ta’ sustanza ikunu kontrollati b’mod xieraq, u bil-għan li ssir sostituzzjoni gradwali ta’ dawn is-sustanzi b’sustanza aktar sikura u adegwata. Għandhom ikunu applikati miżuri ta’ l-immaniġjar tar-riskji sabiex ikun żgurat, meta sustanzi jkunu manifatturati, mqiegħda fis-suq u użati, li l-espożizzjoni għal dawn is-sustanzi, inklużi tnixxijiet, emissjonijiet u telf, matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, ikunu inqas minn dawk il-limiti li jekk jinqabżu, iseħħu effetti ħżiena. Għal kull sustanza li għaliha ngħatat awtorizzazzjoni, u għal kwalunkwe sustanza oħra li għaliha mhux possibbli li jiġi stabbilit livell sikur ta’ espożizzjoni, għandhom dejjem jittieħdu miżuri sabiex jiġu minimizzati, sakemm ikun possibbli mil-lat tekniku u prattiku, l-espożizzjoni u l-emissjonijiet bil-għan li tiġi minimizzata l-possibbiltà ta’ effetti ħżiena. Għandhom ikunu identifikati il-miżuri li jiżguraw kontroll adegwat fi kwalunkwe Rapport dwar is-Sigurtà Kimika. Dawn il-miżuri għandhom ikunu applikati u, fejn xieraq, jiġu rakkomandati lill-partijiet oħrajn tul il-katina tal-provvista.

[…]

(72)      Bħala sostenn ta’ l-għan tas-sostituzzjoni eventwali ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’ sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti, l-applikanti kollha għal awtorizzazzjonijiet għandhom jipprovdu analiżi ta’ alternattivi fid-dawl tar-riskji tagħhom u tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe riċerka u żvilupp li l-applikant ikun qiegħed jaghmel jew ikollu l-ħsieb li jagħmel. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni limitata biż-żmien li l-perjodi tagħha jiġu determinati fuq bażi ta’ każ b’każ u li għandhom normalment ikunu suġġetti għal kondizzjonijiet, inkluż il-monitoraġġ.

(73)      Is-sostituzzjoni ta’ sustanza waħedha, fi preparat jew f’oġġett għandha tkun meħtieġa meta l-manifattura, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ dik is-sustanza jkunu l-kawża ta’ periklu mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, b’kont meħud tad-disponibbiltà ta’ sustanzi u teknoloġiji alternattivi adegwati li jkunu aktar sikuri, u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-użu ta’ sustanzi li jinvolvu riskju mhux aċċettabbli.

[…]

(77)      Minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ funzjonalità u ta’ l-prattikabbiltà, kemm fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom jippreparaw fajls ta’ applikazzjoni u jieħdu l-miżuri adatti ta’ l-immaniġġar ta’ riskji, u fir-rigward ta’ l-awtoritajiet, li jkollhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni, numru limitat biss ta’ sustanzi għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ l-awtorizzazzjoni fl-istess ħin u għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien realistiċi għall-applikazzjonijiet, filwaqt li jippermettu li ċertu użi jkunu eżentati. Is-sustanzi identifikati bħala li jissodisfaw il-kriterji għal awtorizzazzjoni għandhom ikunu inklużi f’lista ta’ kandidati sabiex eventwalment ikunu inklużi fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. F’din il-lista, għandhom ikunu identifikati b’mod ċar is-sustanzi fil-programm ta’ ħidma ta’ l-Aġenzija.

[…]

(82)      Sabiex jippermettu l-monitoraġġ u l-infurzar effettivi tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, l-utenti ‘downstream’ li jgawdu minn awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornitur tagħhom għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar l-użu, minnhom, tas-sustanza.

[…]

(119)      Minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fl-implementazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom, minħabba l-viċinanza tagħhom mal-partijiet interessati fl-Istati Membri, ikollhom rwol fl-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar ir-riskji tas-sustanzi u dwar l-obbligi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi skond il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi. Fl-istess ħin, il-koperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenzija, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri hija neċessarja sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-effiċjenza tal-proċess ta’ komunikazzjoni globali.”

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament REACH, intitolat “Għan u Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

2.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar sustanzi u taħlitiet fis-sens ta’ l-Artikolu 3. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq jew għall-użu ta’ tali sustanzi waħedhom, f’taħlitiet jew f’oġġetti u għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet.

3.      Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju li hija r-responsabbiltà tal-manifatturi, ta’ l-importaturi u ta’ l-utenti ‘downstream’ li jiżguraw li huma jimmanifatturaw, iqiegħdu fis-suq, jew jużaw tali sustanzi li ma jolqtux b’mod ħażin is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni.”

4        Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)      sustanza: tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha;

(2)      taħlita: tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

(3)      oġġett: tfisser prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu;

[…]

(13)      utent ‘downstream’: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li juża sustanza, kemm waħidha jew f’taħlita, fl-attivitajiet industrijali jew professjonali tiegħu. Id-distributur jew il-konsumatur mhumiex utenti downstream. Re-importatur eżentat skond l-Artikolu 2(7)(ċ) għandu jitqies bħala utent downstream;

[…]

(18)      aġenzija: tfisser l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kif stabbilita minn dan ir-Regolament;

[…]

(24)      użu: tfisser kwalunkwe proċessar, formulazzjoni, konsum, ħażna, żamma, trattament, mili f’kontenituri, trasferiment minn kontenitur għall-ieħor, taħlit, produzzjoni ta’ oġġett jew kwalunkwe utilizzazzjoni oħra;

[…]

(37)      xenarju ta’ espożizzjoni: tfisser il-grupp ta’ kondizzjonijiet, inklużi kondizzjonijiet operattivi u miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji, li jiddeskrivu kif is-sustanza tiġi manifatturata jew użata matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha u kif il-manifattur jew l-importatur jikkontrolla, jew jirrakkomanda lill-utenti ‘downstream’ sabiex jikkontrollaw, l-espożizzjoni għall-bniedem u l-ambjent. Dawn ix-xenarji ta’ espożizzjoni jistgħu jkopru proċess jew użu speċifiku wieħed jew diversi proċessi jew użi kif meħtieġ;

(38)      kategorija ta’ użu u ta’ espożizzjoni: tfisser xenarju ta’ espożizzjoni li jkopri firxa wiesgħa ta’ proċessi jew użi, fejn il-proċessi jew użi jkunu komunikati, bħala minimu, f’termini ta’ deskrizzjoni ġenerali qasira dwar l-użu;

[…]”

5        It-Titolu VII tar-Regolament REACH, li jinkludi l-Artikoli 55 sa 66 tiegħu, jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tas-“sustanzi ta’ tħassib serju ħafna” minħabba l-effetti serji u ta’ spiss irriversibbli tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

6        L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-iskop ta’ l-awtorizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet dwar sostituzzjoni”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Għal dan l-iskop il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom janalizzaw jekk hemmx alternattivi u jikkunsidraw ir-riskji tagħhom u kemm is-sostituzzjoni tista’ tkun ekonomikament vijabbli.”

7        L-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Manifattur, importatur jew utent “downstream” m’għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk dik is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm:

(a)      l-użu jew użi ta’ dik is-sustanza waħidha jew f’taħlita jew l-inkorporazzjoni ta’ sustanza f’oġġett li għalih is-sustanza titqiegħed fis-suq jew li għalih huwa juża s-sustanza huwa stess ġew awtorizzati skond l-Artikoli 60 sa 64; jew

[…]

(d)      tkun intlaħqet id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(ċ)(i) u huwa għamel applikazzjoni tmintax-il xahar qabel dik id-data iżda għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni; jew

[…]”

8        Skont l-Artikolu 57 tar-Regolament REACH, intitolat “Sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV”, jipprovdi:

“Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 58:

(a)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu ta’ karċinoġeniċità kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.6 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008; [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8)];

(b)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.5 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

[…]”

9        L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV”, jistabbilixxi:

“1.      Kull meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV sustanzi msemmija fl-Artikolu 57, din id-deċiżjoni għandha tittieħed skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4). Għandha tispeċifika għal kull sustanza:

(a)      l-identità tas-sustanza kif speċifikat fit-Taqsima 2 ta’ l-Anness VI;

(b)      il-proprjetà jew proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza msemmija fl-Artikolu 57;

(ċ)      l-arranġamenti transizzjonali:

(i)      id-data jew dati minn meta t-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanza għandhom ikunu projbiti sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘d-data jew dati tat-terminazzjoni’) li għandha tieħu kont, fejn xieraq, taċ-ċiklu ta’ produzzjoni speċifikat għal dak l-użu;

(ii)      id-data jew dati mill-inqas tmintax-il xahar qabel id-data jew dati tat-terminazzjoni sa liema data jew dati għandhom jaslu l-applikazzjonijiet jekk l-applikant jixtieq li jkompli juża s-sustanza jew iqiegħdha fis-suq għal ċerti użi wara d-data jew dati tat-terminazzjoni; tali użu kontinwat għandu jkun permess wara d-data tat-terminazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni;

[…]

3.      […]

In-numru tas-sustanzi inklużi fl-Anness XIV u d-dati speċifikati taħt il-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ukoll tal-kapaċità ta’ l-Aġenzija li tittratta l-applikazzjonijiet fiż-żmien previst. L-Aġenzija għandha tinkludi l-ewwel rakkomandazzjoni tagħha ta’ sustanzi prijoritarji fl-Anness XIV sa l-1 ta’ Ġunju 2009. L-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet ulterjuri mill-inqas kull sentejn bil-ħsieb li jiġu inklużi aktar sustanzi fl-Anness XIV.

[…]”

10      Bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 tas‑17 ta’ April 2013, li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (“REACH”) (ĠU 2013, L 108, p. 1), it-triossidu tal-kromu ġie inkluż f’dan l-anness bħala karċinoġeniku tal-kategorija IA u mutaġenu tal-kategorija 1B abbażi tal-proprjetajiet intrinsiċi tiegħu.

11      Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament REACH, intitolat “Għoti ta’ awtorizzazzjonijiet”:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tehid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet skond dan it-Titolu.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza li jkun ġej mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV ikun kontrollat adegwatament skond it-Taqsima 6.4 ta’ l-Anness I u kif dokumentat fir-rapport ta’ sigurtà kimika ta’ l-applikant, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji imsemmi fl-Artikolu 64(4) (a). Meta tagħti l-awtorizazzjoni, u fi kwalunkwe kondizzjonijiet imposti fiha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kull tnixxija, emissjoni u telf, inklużi r-riskji minn użu b’diffużjoni jew dispersjoni, li jkun magħruf fiż-żmien tad-deċiżjoni.

[…]

4.      Jekk ma tistax tingħata awtorizzazzjoni skond il-paragrafu 2 jew għal sustanzi elenkati fil-paragrafu 3, tista’ tingħata awtorizzazzjoni biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed wara konsiderazzjoni ta’ l-elementi kollha li ġejjin, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika imsemmija fl‑Artikolu 64(4) (a) u (b):

(a)      ir-riskju preżentat mill-użu tas-sustanza, inkluż kemm huma adatti u effettivi l-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji proposti;

(b)      il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi mill-użu tagħha u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, kif muri mill-applikant jew partijiet interessati oħra;

(ċ)      l-analiżi ta’ l-alternattivi preżentati mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)(e) jew kwalunkwe pjan għal sostituzzjoni preżentat mill-applikant skond l-Artikolu 62(4)[(f)] u kwalunkwe kontribut ta’ terzi mogħtija taħt l-Artikolu 64(2);

(d)      informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ta’ kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva.

5.      Fl-eżami jekk ikunux disponibbli sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati, l-aspetti kollha relevanti għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, inklużi:

(a)      jekk it-trasferiment għal alternattivi jirriżultawx, kollox meqjus, f’riskji anqas għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, b’kont meħud ta’ l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji;

(b)      l-affidabbiltà teknika u ekonomika ta’ l-alternattivi għall-applikant.

[…]

7.      Għandha tingħata awtorizzazzjoni biss jekk l-applikazzjoni ssir skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 62.

[…]”

12      L-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-identità tas-sustanza jew sustanzi, kif imsemmi fit-Taqsima 2 ta’ l-Anness VI;

(b)      l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna jew persuni li jagħmlu l-applikazzjoni;

(ċ)      talba għal awtorizzazzjoni, li tispeċifika għal liema użu qed tintalab l-awtorizzazzjoni u li tkopri l-użu tas-sustanza f’taħlitiet u/jew l-inkorporazzjoni tas-sustanza f’oġġetti, fejn dan ikun relevanti;

(d)      jekk mhux diġà preżentati bħala parti mir-reġistrazzjoni, rapport dwar is-sigurtà tas-sustanza kimika skond l-Anness I li jkopri r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew sustanzi mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV;

(e)      analiżi ta’ l-alternattivi li tikkonsidra r-riskji tagħhom u l-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni u li tinkludi, jekk applikabbli, informazzjoni dwar riċerka relevanti u dwar attività ta’ żvilupp mill-applikant;

(f)      fejn l-analiżi msemmija fil-punt (e) turi li hemm alternattivi xierqa, skond l-elementi msemmija fl-Artikolu 60(5), pjan ta’ sostituzzjoni li jinkludi skeda kronoloġika għall-azzjonijiet proposti mill-applikant.”

13      L-Artikolu 64 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura għal deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Aġenzija għandha tgħarraf id-data tar-riċezzjoni ta’ l-applikazzjoni. Il-Kumitati ta’ l-Aġenzija għall-Istima tar-Riskji u ta’ Analiżi Soċjo-ekonomika għandhom jagħtu l-abbozzi ta’ l-opinjonijiet tagħhom fi żmien għaxar xhur mid-data tar-riċezzjoni ta’ l-applikazzjoni.

2.      L-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli fil-website tagħha informazzjoni ġenerali dwar l-użi, filwaqt li jittieħed kont ta’ l-Artikoli 118 u 119 dwar l-aċċess għall-informazzjoni, li għalihom tkun irċeviet applikazzjonijiet u għal reviżjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet, b’terminu perentorju li fih tista’ tiġi preżentata l-informazzjoni dwar sustanzi jew teknoloġiji alternattivi minn terzi interessati.

3.      Meta jipprepara l-opinjoni tiegħu, kull Kumitat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu l-ewwel jivverifika li l-applikazzjoni tinkludi l-informazzjoni kollha speċifikata fl-Artikolu 62 li tkun relevanti għall-kompetenza tiegħu. Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitati għandhom, f’konsultazzjoni ma’ xulxin, jagħmlu talba konġunta lill-applikant għal informazzjoni addizzjonali sabiex l-applikazzjoni tiġi konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 62. Il-Kumitat ta’ l-Analiżi Soċjo-ekonomika jista’, jekk iqis li jkun meħtieġ, jeżiġi mill-applikant jew jitlob lil terzi jippreżentaw, f’perjodu ta’ żmien speċifikat, informazzjoni addizzjonali dwar sustanzi jew teknoloġiji alternattivi possibbli. Kull Kumitat għandu wkoll jieħu kont ta’ kwalunkwe informazzjoni mogħtija minn terzi.

4.      L-abbozzi ta’ opinjonijiet għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)      Kumitat ta’ l-Istima tar-Riskji: stima tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent li ġej mill-użu(i) tas-sustanza, inklużi l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji, kif deskritt fl-applikazzjoni u, jekk relevanti, stima tar-riskji minn alternattivi possibbli;

(b)      Il-Kumitat ta’ l-Analiżi Soċjo-ekonomika: valutazzjoni tal-fatturi soċjo-ekonomiċi u d-disponibbiltà, l-idoneità u l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi assoċjati ma’ l-użu jew użi tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni, fejn applikazzjoni ssir skond l-Artikolu 62 u ta’ kwalunkwe kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi preżentati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

8.      Il-Kummissjoni għandha tipprepara l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fi żmien 3 xhur mir-riċezzjoni ta’ l-opinjonijiet mill-Aġenzija. Għandha tittieħed deċiżjoni finali li tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(3).

[…]”

14      L-Anness I tar-Regolament REACH, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali għall-Valutazzjoni tas-Sustanzi u għall-Preparazzjoni ta’ Rapporti dwar is-Sigurtà Kimika”, jinkludi t-Taqsima 5, intitolata “Stima ta’ Espożizzjoni”, li tippreċiża li din l-istima tinqasam f’żewġ stadji. Għal dak li jikkonċerna t-tieni stadju, relatat mal-“[i]Stima tal-Espożizzjoni”, il-punt 5.2.4 jinkludi dan it-test li ġej:

“Għandha ssir stima tal-livelli ta’ espożizzjoni għall-popolazzjonijiet umani kollha (ħaddiema, konsumaturi u bnedmin li jistgħu jġarrbu espożizzjoni indiretta permezz ta’ l-ambjent) […]. B’mod partikolari, l-istima ta’ espożizzjoni għandha tieħu kont ta’:

–        data ta’ espożizzjoni rappreżentattiva, imkejla adegwatament

[…]”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

15      Minħabba l-proprjetajiet karċinoġeniċi u tossiċi tiegħu, it-triossidu tal-kromu jinsab fost is-sustanzi, ikklassifikati bħala “ta’ tħassib serju ħafna”, inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH. L-użi ta’ din is-sustanza huma suġġetti għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 56(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

16      Fl-2015, Lanxess Deutschland GmbH u operaturi oħra (iktar ’il quddiem l-“applikanti”) ippreżentaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għal sitt kategoriji ta’ użi tat-triossidu tal-kromu.

17      Is-sitt kategoriji ta’ użi li għalihom intalbet l-awtorizzazzjoni huma dawn li ġejjin: użi fil-formulazzjoni ta’ taħlitiet (“kategorija 1”); użi fil-kromatura funzjonali (“kategorija 2”); użi fil-kromatura funzjonali b’natura dekorattiva (“kategorija 3”); użi fit-trattament superfiċjali għal applikazzjonijiet fl-industrija arjonawtika u arjospazjali (mhux relatata mal-kromatura funzjonali jew mal-kromatura funzjonali ta’ tip dekorattiv) (“kategorija 4”); użi fit-trattament superfiċjali (b’eċċezzjoni għall-passivazzjoni tal-azzar stanjat (tal-istanjatura elettrolitika – ETP) għall-użu f’setturi tal-arkitettura, awtomobilistiku, metallurġiku u tat-tlestija tal-metalli u fis-setturi ġenerali tal-industrija teknika (mhux marbuta mal-kromatura funzjonali jew tal-kromatura funzjonali ta’ tip dekorattiv) (“kategorija 5”); użi fil-passivazzjoni tal-azzar stanjat (ETP) (“kategorija 6”).

18      L-opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (iktar ’il quddiem il-“KIR”) u mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika (iktar ’il quddiem il-“KASE”), konformement mal-Artikolu 64 tar-Regolament REACH, ġew ippubblikati fix-xahar ta’ Settembru 2016.

19      Fis‑27 ta’ Marzu 2019, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li opponiet l-ewwel abbozz ta’ deċiżjoni. Essenzjalment, l-oġġezzjoni mqajma mill-Parlament kienet ibbażata fuq il-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-applikanti kellha lakuni serji u li l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari d-disponibbiltà jew le ta’ soluzzjonijiet alternattivi iktar siguri, ma setgħetx għalhekk tiġi evalwata b’mod korrett. Fil-fehma tal-Parlament, dan kien iktar u iktar minnu peress li d-deskrizzjoni tal-użi previsti tas-sustanza inkwistjoni kienet tant ġenerika li kienet tinvolvi kamp ta’ applikazzjoni estremament wiesa’ tal-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Parlament qies ukoll li l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fir-rimedju tal-lakuni tal-applikazzjoni billi titlob lill-applikant jipprovdi d-data nieqsa fir-rapport ta’ eżami, ma kienx konformi mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Marzu 2019, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, EU:T:2019:144).

20      Wara din ir-riżoluzzjoni, il-Kummissjoni eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha l-kategorija 3 (użu ta’ kromatura funzjonali b’natura dekorattiva). Għall-bqija, il-Kummissjoni żammet l-approċċ inizjali tagħha, li kien jikkonsisti fl-għoti tal-awtorizzazzjoni flimkien ma’ ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet.

21      Fit‑18 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Iddeċiżjoni kkontestata

22      Fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, għat-triossidu tal-kromu, awtorizzazzjoni setgħet tingħata biss skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

23      Fil-premessi 9 sa 15, il-Kummissjoni eżaminat l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li l-benefiċċji soċjoekonomiċi għandhom ikunu ikbar mir-riskji li jkun ġej mill-użu tas-sustanza għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

24      B’mod partikolari, il-premessi 10 sa 12 u 15 huma fformulati kif ġej:

“(10)      Fir-rigward tal-użi 1, 2, 4 u 5, il-KIR ikkonkluda wkoll li hemm inċertezzi sinjifikattivi dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data relatata mal-espożizzjoni mkejla. Il-KIR ikkonkluda wkoll li n-nuqqas ġenerali ta’ informazzjoni kuntestwali għamilha diffiċli li tiġi stabbilita rabta bejn il-kundizzjonijiet operattivi u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju deskritti fl-applikazzjoni u l-livelli ta’ espożizzjoni ddikjarati għal kompiti u siti speċifiċi, u b’hekk il-KIR kien prekluż milli jwettaq evalwazzjoni ulterjuri. Dawn l-inċertezzi jikkonċernaw l-affidabbiltà u r-rappreżentattività tad-data dwar l-espożizzjoni u l-mod kif dawn jirrigwardaw il-miżuri speċifiċi ta’ ġestjoni tar-riskju inkwistjoni, b’mod partikolari għall-użu 4 fejn, minbarra l-immersjoni fil-vaska, l-applikazzjoni tikkonċerna diversi attivitajiet, fosthom il-bexx, il-laminazzjoni, l-ixkupiljatura u l-operazzjonijiet ta’ xogħol, u l-applikanti ma kinux f’pożizzjoni li jevalwaw kompletament l-espożizzjoni kkombinata relatata ma’ dawn il-kompiti kollha. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li dawn l-inċertezzi ma pprekludewx lill-KASE milli janalizza l-applikazzjoni ulterjorment.

(11)      Fir-rigward tal-użi 1, 2, 4 u 5, il-KIR ikkonkluda wkoll li jeżistu wkoll inċertezzi fl-evalwazzjoni tal-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali għas-sustanza, permezz tal-ambjent, fuq skala lokali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-emissjoni ta’ kromu (VI) permezz ta’ ilma mormi. Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tal-espożizzjoni orali mill-ilma tax-xorb. Madankollu, il-KIR qies li l-evalwazzjoni tar-riskji għall-popolazzjoni ġenerali permezz tal-ambjent hija suffiċjenti għal analiżi ulterjuri min-naħa tal-KASE, filwaqt li osserva li l-approċċ tal-applikanti huwa bbażat fuq ipoteżijiet li kienu jissopravalutaw ir-riskji għall-popolazzjoni ġenerali. L-espożizzjoni reġjonali, minkejja li ġiet ivvalutata mill-applikanti, ma tqisitx rilevanti peress li l-kromu (VI) jinbidel malajr f’kromu mhux karċinoġeniku (III) fil-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet ambjentali.

(12)      Skont l-opinjonijiet tiegħu dwar l-użi 1, 2, 4 u 5, minħabba l-inċertezzi fl-evalwazzjoni tar-riskji għall-ħaddiema u għall-popolazzjoni inġenerali permezz tal-ambjent, il-KIR irrakkomanda li jiġu imposti kundizzjonijiet u modalitajiet ta’ sorveljanza supplimentari. Il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-evalwazzjoni tal-KIR, taqbel ma’ din il-konklużjoni.

[…]

(15)      Fl-opinjoni tiegħu dwar l-użi 1, 2, 4, 5 u 6 tat-triossidu tal-kromu deskritti fl-applikazzjoni, il-KASE kkonkluda li l-benefiċċji globali soċjoekonomiċi li jirriżultaw minn kull wieħed minn dawn l-użi huma ogħla mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta minn dawn l-użi. […] Fir-rigward tal-użi 2, 4, 5 u 6, il-KASE qies li l-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-użu tas-sustanza, iddeterminati fuq il-bażi ta’ stima tat-telf u tal-ispejjeż soċjali relatati mat-telf ta’ impjiegi biss, jegħlbu b’mod sinjifikattiv l-impatti monetizzati fuq is-saħħa tal-bniedem, li jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-agħar xenarju. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25      Fil-premessi 16 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH sabiex tkun tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni, jiġifieri dik tal-assenza ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti.

26      B’mod partikolari, il-premessi 18 sa 20 u 22 huma fformulati kif ġej:

“(18)      Fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-użi 2, 4 u 5, il-KASE kkonkluda li ma kinux jeżistu sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Madankollu, minħabba l-portata wiesgħa ħafna tal-użi mitluba, il-KASE ma setax jeskludi inċertezzi possibbli fir-rigward tal-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi għal numru limitat ta’ użi speċifiċi li huma inklużi fid-deskrizzjoni ta’ tali użi. Il-Kummissjoni taqbel mal-konklużjoni tal-KASE.

(19)      Huwa neċessarju li tiġi ppreċiżata iktar id-deskrizzjoni tal-użi 2, 4 u 5 billi tiġi allinjata mal-konklużjonijiet tal-analiżi tal-alternattivi kif ippreżentati fl-applikazzjoni u kif evalwati mill-KASE, b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tkopri biss l-użi li għalihom ma hemm ebda alternattiva adatta. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikanti ssodisfaw l-oneru tal-prova tagħhom billi wrew l-assenza ta’ alternattivi adatti oħra fir-rigward tal-użi 2, 4 u 5, biss f’dak li jirrigwarda din il-portata limitata tal-użi.

(20)      Għaldaqstant, id-deskrizzjoni tal-użi 2, 4 u 5 għad trid tiġi speċifikata iktar b’riferiment għall-użi li fihom il-funzjonalitajiet essenzjali li ġejjin huma meħtieġa għall-użu previst […]

[…]

(22)      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet nota tal-kumplessità tal-ktajjen tal-provvista kkonċernati mill-użi li għalihom saret l-applikazzjoni, l-iskadenzi u l-investimenti meħtieġa biex tiġi stabbilita alternattiva possibbli, kif ukoll iż-żmien meħtieġ għall-industrijalizzazzjoni tagħha u l-kwalifika tal-prodotti li jirriżultaw fil-ktajjen tal-provvista. Il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-evalwazzjoni tal-KASE u wara li kkunsidrat il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tabbanduna favur il-konklużjoni li tindika li ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti għall-użi 2, 4 u 5.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27      Barra minn hekk, il-premessi 26 u 27 huma fformulati kif ġej:

“(26)      Il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq id-data xjentifika rilevanti kollha disponibbli attwalment, kif evalwata mill-KIR, u tat il-konklużjonijiet tagħha fid-dawl tas-saħħa probatorja tagħha, suffiċjenti għal dan l-għan. Madankollu, data xjentifika addizzjonali kieku tippermetti lill-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tagħha fuq bażi probatorja iktar soda jew usa’ fil-futur. Għalhekk huwa xieraq li tintalab li tiġi prodotta informazzjoni addizzjonali dwar l-espożizzjoni u l-emissjonijiet.

(27)      Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa meħtieġ, fir-rigward tal-użi 2, 4 u 5, li l-utenti downstream ta’ sustanzi pprovduti mid-detenturi ta’ awtorizzazzjoni jintalbu jinkludu fin-notifika mibgħuta lill-Aġenzija skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 spjegazzjoni tal-funzjonalitajiet essenzjali elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni li huma meħtieġa għall-użu tagħhom, inkluża ġustifikazzjoni għall-ħtieġa tagħhom għal dan l-użu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

28      L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jawtorizza l-ħames kategoriji ta’ użi tat-triossidu tal-kromu li għalihom saret l-applikazzjoni, fil-limiti li huwa jippreċiża:

–        il-kategorija tal-użi 1 li tikkonsisti fil-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4, 5 u 6;

–        il-kategorija ta’ użi 2 li tikkonsisti fil-kromatura funzjonali meta waħda mill-funzjonalitajiet essenzjali segwenti tkun neċessarja għall-finijiet tal-użu previst: reżistenza għall-użu, ebusija, ħxuna tas-saff, reżistenza għall-korrużjoni, koeffiċjent ta’ attrite, jew effett fuq il-morfoloġija tas-superfiċji;

–        il-kategorija ta’ użi 4 li tikkonsisti fit-trattament superfiċjali għal applikazzjonijiet fl-industrija arjonawtika u arjospazjali (mhux relatata mal-kromatura funzjonali jew mal-kromatura funzjonali ta’ tip dekorattiv, meta waħda mill-funzjonalitajiet essenzjali segwenti tkun neċessarja għall-finijiet tal-użu previst: reżistenza għall-korrużjoni/inibizzjoni tal-korrużjoni attiva, reżistenza kimika, ebusija, titjib fl-aderenza (għal saff sussegwenti ta’ kisi jew żebgħa), termoreżistenza, reżistenza kontra li jsir fraġli, reżistenza għall-użu, karatteristiċi tas-superfiċji li jipprekludu d-depożizzjoni ta’ organiżmi, ħxuna tas-saff, flessibbiltà u reżistenza;

–        il-kategorija ta’ użi 5 li tikkonsisti fit-trattament tas-superfiċji b’eċċezzjoni għall-passivazzjoni tal-azzar stanjat (stanjatura elettrolitika – ETP), għall-użu f’setturi tal-arkitettura, awtomobilistiku, metallurġiku u tat-tlestija tal-metalli kif ukoll tal-inġinerija ġenerali mhux marbuta mal-kromatura funzjonali jew tal-kromatura funzjonali ta’ tip dekorattiv meta waħda mill-funzjonalitajiet essenzjali segwenti tkun neċessarja għall-finijiet tal-użu previst: reżistenza għall-korrużjoni, inibizzjoni tal-korrużjoni attiva, ħxuna tas-saff, reżistenza għall-umdità, titjib fl-aderenza (għal saff sussegwenti ta’ kisi jew żebgħa), reżistenza, reżistenza kimika, reżistenza għall-użu, konduttività tal-elettriku, kompatibbiltà mas-substrat, il-proprjetajiet (termo) ottiċi (aspett viżiv), reżistenza għas-sħana, sigurtà tal-ikel, tensjoni tal-kisi, insulazzjoni elettrika jew veloċità ta’ depożizzjoni;

–        il-kategorija tal-użi 6 li tikkonsisti fil-passivazzjoni tal-azzar stanjat (ETP). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29      Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni:

“Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għandhom jiżviluppaw xenarji ta’ espożizzjoni speċifiċi għall-proċessi, għall-operazzjonijiet u għall-kompiti partikolari (inklużi s-sistemi awtomatiċi/manwali u s-sistemi miftuħa/magħluqa u l-kombinazzjonijiet tagħhom) u jiddeskrivu, għal kull wieħed mix-xenarji speċifiċi, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u l-kundizzjonijiet operattivi għall-kontroll tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-kromu (VI) u l-emissjonijiet tiegħu fl-ambjent, li jirrappreżentaw is-siti kollha li fihom iseħħu l-użi awtorizzati. Ix-xenarji ta’ espożizzjoni għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-livelli ta’ espożizzjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u l-kundizzjonijiet operattivi.

Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni jagħżlu l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju deskritti fix-xenarji ta’ espożizzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/37/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 35)]. Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għandhom jiddokumentaw u jiġġustifikaw l-għażla tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u għandhom jagħmlu disponibbli, fuq talba, id-dokumenti rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iseħħ użu awtorizzat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      L-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni jistipula li, għal dak li jikkonċerna l-kategoriji tal-użi 2, 4 u 5, “l-utenti downstream għandhom jinkludu fin-notifika lill-Aġenzija skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament [REACH] spjegazzjoni tal-funzjonalitajiet essenzjali tat-triossidu tal-kromu elenkati fl-Artikolu 1(1), neċessarji għall-użu tagħhom, inkluża ġustifikazzjoni tal-motivi li għalihom dawn il-funzjonalitajiet essenzjali huma neċessarji għal dan l-użu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

31      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(1) u (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 5, 7, 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-użi 2, 4 u 5 kif ukoll mal-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi;

–        fil-każ ta’ annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni kkontestata, tordna ż-żamma tal-effetti tagħha; u

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2021, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) talbet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Settembru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

34      L-ECHA pproduċiet nota ta’ intervent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq ittalbiet għallfinijiet talannullament

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għallfinijiet ta’ annullament parzjali

35      Prinċipalment, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 1(1) u (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 5, 7, 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-użi 2, 4 u 5 kif ukoll mal-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5.

36      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrizulta li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sakemm l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tal-parti ta’ dan l-att li ma tkunx annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑205/16 P, EU:C:2017:840, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata hija komposta minn kollezzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet relatati ma’ użi distinti tat-triossidu tal-kromu u t-talbiet ippreżentati prinċipalment mill-Parlament huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ħlief sa fejn hija relatata mal-awtorizzazzjonijiet dwar l-użi 2, 4 u 5 kif ukoll mal-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għal dawn l-użi.

38      Konsegwentement, l-annullament eventwali tal-awtorizzazzjoni mogħtija mid-deċiżjoni kkontestata għall-imsemmi użi ma jaffettwax l-awtorizzazzjoni mogħtija lil użi oħra u għalhekk ma jbiddilx is-sustanza tal-parti mhux annullata ta’ din id-deċiżjoni.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet imressqa prinċipalment mill-Parlament u intiżi sabiex jinkiseb l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw elementi separabbli mill-bqija ta’ din id-deċiżjoni u huma, għaldaqstant, ammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Osservazzjonijiet preliminari

40      Għandu jitfakkar li l-awtorizzazzjoni ta’ sustanza inkluża fl-Anness XIV tar-Regolament REACH, bħat-triossidu tal-kromu, tista’ tingħata f’żewġ każijiet, jiġifieri:

–        skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament REACH, meta r-riskju li jirrappreżenta l-użu tagħha għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ikun ikkontrollat adegwatament;

–        jew, fin-nuqqas ta’ dan, skont l-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament, jekk jintwera li l-benefiċċji soċjoekonomiċi jkunu ikbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza, u jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti.

41      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni qieset li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem mill-użi tat-triossidu tal-kromu previsti ma kienx ikkontrollat adegwatament u konsegwentement ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH sabiex tawtorizza, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti użi ta’ din is-sustanza.

42      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament iqajjem motiv uniku, bbażat fuq li l-Kummissjoni ma vverifikatx biżżejjed l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 60(4) u (7) tar-Regolament REACH.

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, moqri flimkien mal-premessa 69 tiegħu, jirriżulta li huwa l-applikant għall-awtorizzazzjoni li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu għall-għoti tal-awtorizzazzjoni huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, punt 33).

44      L-Artikolu 62(4) tar-Regolament REACH jippreċiża l-informazzjoni li l-applikant għall-awtorizzazzjoni għandu jipprovdi meta jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, skont il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, din it-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport dwar is-sigurtà kimika li, stabbilit konformement mal-Anness I ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza inkwistjoni minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha kif deskritti fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament.

45      Skont il-punt 5.2.4 ta’ dan l-Anness I, l-istima tal-livelli ta’ espożizzjoni għall-popolazzjonijiet kollha tal-bniedem (ħaddiema, konsumaturi u persuni suġġetti għal espożizzjoni indiretta permezz tal-ambjent), imwettqa fir-Rapport dwar is-Sigurtà Kimika, għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq “data ta’ espożizzjoni rappreżentattiva, imkejla adegwatament”.

46      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament REACH jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tivverifika li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60(4) huma effettivament issodisfatti. Jekk, wara l-eżami tagħha u fid-dawl tal-elementi kollha pprovduti mill-applikant u minn persuni oħra jew miġbura minnha, il-Kummissjoni tqis li l-applikant ma jipproduċix il-provi li l-oneru tagħhom jaqgħu fuqu, din l-istituzzjoni għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, punt 33).

47      Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Kummissjoni hija assistita mill-ECHA li dwarha l-Artikolu 64 tar-Regolament REACH jipprevedi li żewġ kumitati — il-KIR u l-KASE — għandhom jagħtu kull wieħed opinjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

48      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-KIR, l-Artikolu 64(4)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li huwa jevalwa “[r-]riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent li ġej mill-użu(i) tas-sustanza, inklużi l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji, kif deskritt fl-applikazzjoni u, jekk relevanti, stima tar-riskji minn alternattivi possibbli”. Għal dak li jirrigwarda lill-KASE, dan għandu jwettaq, skont l-Artikolu 64(4)(b) tal-imsemmi regolament, “valutazzjoni tal-fatturi soċjo-ekonomiċi u d-disponibbiltà, l-idoneità u l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi assoċjati ma’ l-użu jew użi tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni, fejn applikazzjoni ssir skond l-Artikolu 62 u ta’ kwalunkwe kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi preżentati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu”.

 Fuq lewwel parti talmotiv uniku

–       Largumenti talpartijiet

49      Permezz tal-ewwel parti tal-motiv uniku tiegħu, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH billi awtorizzat użi ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna, jiġifieri t-triossidu tal-kromu, mingħajr ma waslet minn qabel għal evalwazzjoni konklużiva tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem li dawn l-użi jinvolvu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura li “l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza”, kif teħtieġ l-imsemmija dispożizzjoni.

50      Il-Parlament ifakkar li l-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament REACH jeżiġi li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi “rapport dwar is-sigurtà tas-sustanza kimika skond l-Anness I li jkopri r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew sustanzi”, u li l-punt 5.2.4 ta’ dan l-anness jipprevedi li l-istima tal-espożizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “data ta’ espożizzjoni rappreżentattiva, imkejla adegwatament”.

51      Issa, mill-opinjonijiet tal-KIR, li l-konklużjonijiet tagħhom jinsabu fil-premessi 10 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-informazzjoni pprovduta mill-applikanti għall-użi 1, 2, 4 u 5 ftit hija rappreżentattiva, fid-dawl tan-numru żgħir ta’ data ta’ espożizzjoni mkejla, u ta’ affidabbiltà inċerta, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-espożizzjoni tal-ħaddiema, fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-kundizzjonijiet operattivi, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u l-valuri ta’ espożizzjoni għal kompiti u siti speċifiċi.

52      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq ir-rakkomandazzjoni espressa tal-KIR, li timponi kundizzjonijiet addizzjonali u modalitajiet ta’ sorveljanza. Għaldaqstant, l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata kien issuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-kundizzjoni li tiġi pprovduta, fir-rapport ta’ eżami, data essenzjali, bħax-xenarji ta’ espożizzjoni u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji relatati miegħu, li hija nieqsa fl-evalwazzjoni tar-riskju. Tali kundizzjoni turi li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina b’mod affidabbli u konklużiv jekk “il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza”.

53      Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni ssostni li kull evalwazzjoni xjentifika tinvolvi, min-natura tagħha stess, inċertezzi. Minkejja l-inċertezzi msemmija mir-rikorrent, kif diġà ġew ikkonstatati fl-opinjoni tal-KIR u rrikonoxxuti wkoll bis-sħiħ fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-applikanti ssodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom. Hija tqis li kienet f’pożizzjoni li tevalwa l-fatt li l-benefiċċji soċjoekonomiċi kienu jegħlbu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem.

54      Fir-rigward tal-inċertezzi dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema, il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, li, minkejja l-kwantità limitata ta’ data ta’ espożizzjoni mkejla li tinsab fir-rapport dwar is-sigurtà kimika, l-KIR qies li d-data pprovduta kienet suffiċjenti sabiex titwettaq l-evalwazzjoni u sabiex il-KASE jkun jista’ jipproċedi għall-ibbilanċjar tal-benefiċċji fir-rigward tar-riskji, kif ġie nnotat fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Fit-tieni lok, ma setax jiġi mistenni mill-applikanti li huma jipprovdu data ta’ espożizzjoni mkejla dwar iktar minn 1 500 sit ta’ utenti downstream, peress li barra minn hekk in-numru tagħhom ma setax ikun magħruf fil-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni.

56      Fit-tielet lok, il-fatt li l-valuri ta’ espożizzjoni rilevanti ta’ 2 μg/m³, għall-kategoriji ta’ użi 2, 4 u 5, u ta’ 0.5 μg/m³, għall-kategorija ta’ użi 1, jirrappreżentaw, rispettivament, kwint u wieħed minn għoxrin tal-valuri vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea għall-komposti tal-kromu (VI), applikati skont id-Direttiva (UE) 2017/2398 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (ĠU 2017, L 345, p. 87), juri li d-deċiżjoni kkontestata tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-espożizzjoni billi ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema, u għalhekk hija konformi mal-għanijiet tal-awtorizzazzjoni.

57      Fir-raba’ lok, il-KIR irrakkomanda wkoll kundizzjonijiet u modalitajiet ta’ sorveljanza supplimentari li ġew riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata u li l-għan tagħhom huwa li titnaqqas ulterjorment l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol.

58      Fid-dawl tal-inċertezzi rrilevati mill-KIR u sabiex tiġi vverifikata s-solidità tar-relazzjoni bejn il-benefiċċji u r-riskji, il-KASE, kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbaża ruħu fuq ix-xenarju l-iktar sfavorevoli, li minnu huwa ddeduċa li l-vantaġġi tal-użu ulterjuri tat-triossidu tal-kromu kienu ikbar mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem.

59      Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa l-opinjonijiet tal-KIR u tal-KASE u ġġudikathom bħala kompleti, koerenti u rilevanti. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, ir-rekwiżiti fil-qasam tas-sorveljanza stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex intiżi li jirrimedjaw in-“nuqqasijiet fl-applikazzjoni”, iżda għandhom l-għan li jiksbu l-produzzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali dwar l-espożizzjoni u l-emissjonijiet, konformement mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fl-opinjonijiet tal-ECHA. Dan ir-rekwiżit jagħmel parti mil-loġika ġenerali tar-Regolament REACH, li huwa bbażat fuq prinċipju intiż għat-titjib kontinwu u huwa intiż speċifikament sabiex itejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prodotti kimiċi matul iż-żmien grazzi għall-produzzjoni u t-titjib kontinwu tad-data dwar is-sustanzi għall-finijiet regolatorji.

60      Fin-nota ta’ intervent tagħha ppreżentata insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, l-ECHA ssostni li l-KASE ħa inkunsiderazzjoni l-inċertezzi li kien għad hemm dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema billi għażel ix-xenarju l-iktar sfavorevoli, b’tali mod li dawn l-inċertezzi ma jikkontestawx il-konklużjoni ta’ dan il-kumitat li l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-użi awtorizzati huma ikbar mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem.

–       Lewalwazzjoni talQorti tal-Ġustizzja

61      Permezz tal-ewwel parti tal-motiv uniku, il-Parlament jikkritika lill-Kummissjoni talli qieset li l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-kategoriji ta’ użi 1, 2, 4 u 5 tat-triossidu tal-kromu li hija awtorizzat huma iktar mir-riskji li dawn l-użi joħolqu għas-saħħa tal-bniedem, meta hija ma kellhiex, qabel l-eżami tagħha, evalwazzjoni suffiċjentement kompleta u affidabbli ta’ dawn ir-riskji.

62      Fl-ewwel lok, il-KIR enfasizza fl-opinjonijiet tiegħu, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-użi kollha inkwistjoni, fin-“nuqqas ġenerali ta’ informazzjoni kuntestwali” dwar il-kundizzjonijiet li fihom dawn tkejlu.

63      B’mod partikolari, fl-opinjoni tiegħu dwar il-kategorija ta’ użi 2 (kromatura funzjonali), il-KIR iddeskriva din id-diffikultà fit-termini li ġejjin: “[i]nċertezza kbira tirriżulta mill-assenza ta’ rabta ċara bejn il-kundizzjonijiet operattivi, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u l-valuri ta’ espożizzjoni għal kompiti u siti speċifiċi, li jistgħu jirrappreżentaw l-applikazzjoni b’mod iġġustifikat. Il-KIR iqis li din hija dgħufija sinjifikattiva tal-applikazzjoni, peress li hemm differenzi kbar fis-siti tal-kromatura, għal dak li jirrigwarda, pereżempju, l-iżvilupp tal-bini, id-daqs u l-frekwenza tal-operazzjonijiet ta’ kromatura, il-livell ta’ awtomatizzazzjoni tal-proċess, l-użu tal-elettroliżi, id-daqs tal-partijiet ittrattati, u d-disponibbiltà tal-ventilazzjoni permezz ta’ aspirazzjoni lokalizzata, li jaffettwaw l-espożizzjonijiet u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju meħtieġa biex tiġi limitata l-espożizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

64      Fit-tieni lok, u kif il-Kummissjoni stess ammettiet fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-KIR ikkonstata fl-opinjonijiet tiegħu inċertezzi sinjifikattivi dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema, imputabbli għad-disponibbiltà limitata ta’ data ta’ espożizzjoni mkejla.

65      Għalhekk, filwaqt li n-numru ta’ siti potenzjali fl-Unjoni li fihom issir kromatura funzjonali (kategorija ta’ użi 2) kien stmat mill-applikanti għal 1 590, dawn tal-aħħar ibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom tal-espożizzjoni tal-ħaddiema fuq data mkejla minn 23 kumpannija stabbiliti f’seba’ Stati differenti, li jirrappreżentaw inqas minn 2 % tal-kumpanniji li jwettqu dan l-użu. Bl-istess mod, filwaqt li n-numru ta’ siti potenzjali fl-Unjoni li jipproċessaw is-superfiċji (kategoriji ta’ użi 4 u 5) kien stmat mill-applikanti għal 374 u għal 515 rispettivament, dawn tal-aħħar ibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom tal-espożizzjoni tal-ħaddiema fuq data mkejla minn 11 impriża li jirrappreżentaw inqas minn 3 % ta’ kumpanniji li jirrikorru għall-imsemmija użi u li ġejjin minn studji mwettqa prinċipalment f’pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent.

66      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-differenzi kbar li jeżistu bejn is-siti ta’ kromatura fuq diversi aspetti determinanti, imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, tan-numru żgħir ta’ siti ta’ kromatura li minnhom toriġina d-data li fuqhom l-applikanti bbażaw l-evalwazzjoni tagħhom u tan-nuqqas ta’ informazzjoni kuntestwali dwar il-kundizzjonijiet prevalenti f’dawn is-siti, id-data ta’ espożizzjoni dwar il-ħaddiema pprovduta mill-applikanti ma hijiex rappreżentattiva.

67      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali minħabba r-rilaxx tas-sustanza fl-ambjent, il-KIR iddispjaċih għall-fatt li l-applikanti ma pprovdewx evalwazzjoni dwar tali rilaxx fl-ilma mormi. Madankollu, hekk kif issemmi l-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-kumitat ma qiesx li din il-lakuna bħala konklużiva, għar-raġuni doppja li l-ipoteżi mressqa mill-applikanti x’aktarx li tissopravaluta r-riskji għall-popolazzjoni ġenerali u li l-kromu (VI) jinbidel malajr f’kromu mhux karċinoġeniku (III) fil-parti l-kbira tal-kundizzjonijiet ambjentali.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-data trażmessa mill-applikanti dwar l-espożizzjoni għat-triossidu tal-kromu tal-ħaddiema u tal-popolazzjoni ġenerali minħabba l-użi li għalihom intalbet awtorizzazzjoni kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ rappreżentattività, ta’ affidabbiltà u ta’ kompletezza. Mill-bqija, fil-premessi 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ammettiet li l-evalwazzjoni ta’ din l-espożizzjoni għat-triossidu tal-kromu kienet ivvizzjata b’inċertezzi.

69      Ċertament, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, kull evalwazzjoni xjentifika tinvolvi, min-natura tagħha stess, inċertezzi, b’tali mod li l-awtorità ma tistax tiġi kkundizzjonata mill-fatt li hija waslet sabiex teliminahom kompletament.

70      Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni mitluba skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH biss meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu effettivament issodisfatti u meta hija tqis, wara li tkun wettqet eżami fil-fond u vverifikat numru suffiċjenti ta’ informazzjoni sostanzjali u affidabbli, li l-inċertezzi li jifdal f’dan ir-rigward huma negliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punti 33 u 35).

71      Issa, fil-każ ineżami, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inċertezzi dwar kemm l-espożizzjoni tal-ħaddiema kif ukoll dik, indiretta, tal-popolazzjoni minħabba r-rilaxx ta’ triossidu tal-kromu fl-ambjent ma ġewx ikklassifikati bħala “negliġibbli” la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-opinjonijiet tal-KIR. Għall-kuntrarju, fil-premessa 10 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stess ikklassifikat bħala “sinjifikattivi” l-inċertezzi dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema. Hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-KIR saħansitra qies bħala “inċertezza kbira”, li tivvizzja l-applikazzjoni bi “dgħufija sostanzjali” għall-erba’ kategoriji ta’ użi kkonċernati, l-assenza ta’ rabta ċara bejn il-kundizzjonijiet operattivi, li jvarjaw skont il-kompiti u s-siti, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u l-valuri ta’ espożizzjoni adottati.

72      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-triossidu tal-kromu huwa fost is-“sustanzi ta’ tħassib serju ħafna” li, skont il-premessa 69 tar-Regolament REACH, għandha tingħata attenzjoni partikolari, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 133 tal-konklużjonijiet tiegħu, approċċ li jippermetti li jiġu awtorizzati użi tat-triossidu tal-kromu abbażi ta’ numru limitat ħafna ta’ data dwar dawn l-użi jmur manifestament kontra l-għan li din is-sustanza tiġi ttrattata b’attenzjoni partikolari.

73      Madankollu, il-Kummissjoni tikkontesta l-importanza tal-inċertezzi li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tar-riskji billi ssostni, fl-ewwel lok, li ma setax jiġi rikjest mill-applikanti li jipprovdu data ta’ espożizzjoni fuq is-siti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, fid-dawl tan-numru kbir ħafna tagħhom. Bħala eżempju, il-Kummissjoni tindika li dan in-numru jammonta, għal dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ użi 2 (kromatura funzjonali), għal iktar minn 1 500.

74      Huwa minnu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-possibbiltà għall-operaturi upstream, ġeneralment manifatturi jew importaturi tas-sustanza, li jippreżentaw applikazzjoni għall-katina kollha ta’ provvista għandha l-vantaġġ li tirrazzjonalizza s-sistema ta’ awtorizzazzjoni u li dan il-vantaġġ ikun kompromess jekk ikun meħtieġ mill-applikanti li jipprovdu data dwar is-siti kollha tal-utenti downstream.

75      Jibqa’ l-fatt li l-punt 5.2.4 tal-Anness I tar-Regolament REACH jirrikjedi li l-applikant għall-awtorizzazzjoni jipprovdi “data ta’ espożizzjoni rappreżentattiva, imkejla adegwatament”.

76      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li n-numru żgħir ta’ siti evalwati huwa ġġustifikat min-numru għoli ħafna ta’ siti li għalihom intalbet l-awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-obbligi li jirriżultaw mill-oneru tal-prova li għandu l-applikant ma jistgħux jiddependu min-numru ta’ użi li għalihom tkun intalbet l-awtorizzazzjoni, u lanqas min-numru ta’ siti u ta’ impriżi potenzjalment ikkonċernati. Fil-fatt, skont tali approċċ, l-istandard tal-evalwazzjoni tar-riskji huwa iktar u iktar baxx peress li l-portata tal-applikazzjoni hija usa’, fatt li jikser kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-applikanti kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

77      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata tikkontribwixxi sabiex tnaqqas l-espożizzjoni għat-triossidu tal-kromu billi ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, il-valuri ta’ espożizzjoni rilevanti tal-utenti huma ta’ 2 μg/m³ għall-kategoriji 2, 4 u 5, u ta’ 0.5 μg/m³ għall-kategorija 1, li jirrappreżenta rispettivament kwint u wieħed għoxrin tal-valuri vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol tal-Unjoni għall-komposti tal-kromu (VI) attwalment applikati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

78      Madankollu, il-KIR indika fl-opinjonijiet tiegħu li l-valur tal-espożizzjoni ta’ 2 μg/m³ kien biss stima tal-applikanti, li d-data disponibbli turi varjazzjonijiet fl-espożizzjoni, inkluż b’daqs ikbar minn 2 μg/m³, u li “ma [kienx] japprova b’mod ċar l-espożizzjonijiet ta’ 2 μg/m³ Cr (VI) proposti mill-applikanti bħala li huma siguri”.

79      Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-valuri ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema huma inqas mill-valuri massimi ta’ espożizzjoni għall-kromu (VI), jekk jitqies li huwa stabbilit, ma kienx tali li jeżenta lill-applikanti milli jwettqu evalwazzjoni tar-riskji konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, moqri b’mod partikolari mal-punt 5.2.4 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, abbażi ta’ data affidabbli u rappreżentattiva.

80      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-inċertezzi tal-evalwazzjoni tar-riskji billi stabbilixxiet, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-KIR, kundizzjonijiet u modalitajiet ta’ sorveljanza addizzjonali sabiex tnaqqas iktar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għat-triossidu tal-kromu.

81      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi sensiela ta’ obbligi fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjoni u l-utenti downstream. Għaldaqstant, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għandhom jiżviluppaw xenarji speċifiċi ta’ espożizzjoni għall-proċessi, l-operazzjonijiet u l-kompiti speċifiċi (paragrafu 2); għandhom jagħmlu x-xenarji speċifiċi ta’ espożizzjoni disponibbli għall-utenti downstream li huma meħtieġa japplikaw mingħajr dewmien żejjed il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju u l-kundizzjonijiet operattivi previsti f’dawk ix-xenarji (paragrafu 3); huma għandhom jivverifikaw u jivvalidaw ix-xenarji speċifiċi ta’ espożizzjoni permezz ta’ analiżi tal-kompiti bbażata fuq id-data dwar l-espożizzjoni u l-emissjonijiet imkejla mill-utenti downstream (paragrafu 4). Id-detenturi tal-awtorizzazzjoni u l-utenti downstream għandhom jimplimentaw programmi ta’ sorveljanza li jirrappreżentaw kundizzjonijiet operattivi u miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju (paragrafu 6). L-utenti downstream għandhom imbagħad jagħmlu disponibbli l-informazzjoni miġbura permezz ta’ dawn il-programmi ta’ sorveljanza lill-ECHA, bl-għan li din l-informazzjoni tiġi trażmessa lid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-verifika u l-validazzjoni tax-xenarji ta’ espożizzjoni (paragrafu 9).

82      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH huma effettivament issodisfatti qabel ma tagħti awtorizzazzjoni skont din id-dispożizzjoni.

83      Issa, għalkemm il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sorveljanza addizzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu, jekk ikun il-każ, inaqqsu l-espożizzjoni għar-riskju tal-utenti tat-triossidu tal-kromu, tali miżuri ma humiex, min-naħa l-oħra, ta’ natura li jtaffu l-insuffiċjenza tal-evalwazzjoni tar-riskji fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

84      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni awtorizzat użi tat-triossidu tal-kromu abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji tagħhom għas-saħħa tal-bniedem ferm inkompleta sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

85      Għaldaqstant, il-Parlament huwa ġust li jsostni li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi li l-benefiċċji soċjoekonomiċi ta’ dawn l-użi huma ikbar mir-riskji li dawn jinvolvu għas-saħħa tal-bniedem.

86      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa.

 Fuq ittieni parti talmotiv uniku

–       Largumenti talpartijiet

87      Permezz tat-tieni parti tal-motiv uniku tiegħu, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tivverifika li ma kienx hemm alternattiva xierqa għall-kategoriji ta’ użi awtorizzati 2, 4 u 5, kif jeżiġi l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

88      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess qablet mal-konklużjoni tal-KASE dwar il-kategoriji ta’ użi 2, 4 u 5, li, minħabba l-portata wiesgħa ħafna tal-użi li jinsabu fl-applikazzjoni, dan ma setax jeskludi inċertezza possibbli fir-rigward tal-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi għal numru limitat ta’ applikazzjonijiet speċifiċi.

89      Huwa minnu li, sabiex tiżgura li l-awtorizzazzjoni tkopri biss l-użi li għalihom ebda alternattiva xierqa ma hija disponibbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrestrinġi l-portata tal-awtorizzazzjoni għall-kategoriji 2, 4 u 5 billi inkludiet riferiment għall-“funzjonalitajiet essenzjali meħtieġa għall-użu previst”, kif jirriżulta mill-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tistabbilixxi lista ta’ funzjonalitajiet essenzjali għal kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji ta’ użi u tawtorizza l-użu tas-sustanza biss jekk, u sa fejn, mill-inqas waħda mill-funzjonalitajiet essenzjali korrispondenti tkun neċessarja għal dan l-użu.

90      Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-applikanti kienu ssodisfaw l-oneru tal-prova billi wrew l-assenza ta’ alternattivi xierqa għall-kategoriji ta’ użi 2, 4 u 5 biss f’dawn il-limiti.

91      Madankollu, skont il-Parlament, ir-riferiment għal dawn il-“funzjonalitajiet essenzjali meħtieġa għall-użu previst” ma kienx ta’ natura li jirrimedja l-inċertezza kkonstatata mill-Kummissjoni stess. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet espressament li l-possibbiltà li awtorizzazzjoni tiġi suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, bħal dawk previsti fl-Artikolu 60(8) u (9)(d) tar-Regolament REACH, ma tippermettix lill-Kummissjoni tirrimedja għan-nuqqasijiet ta’ analiżi tal-alternattivi ppreżentata mill-applikanti jew għall-insuffiċjenzi jew lakuni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, T‑837/16, EU:T:2019:144, punti 81 sa 83).

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni astjeniet milli tivverifika hija stess in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi xierqa, kif jikkonfermaw il-premessa 27 u l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan l-artikolu jimponi fuq l-utenti downstream l-obbligu li jinkludu fin-notifika mibgħuta lill-ECHA, skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament REACH, spjegazzjoni tal-funzjonalitajiet essenzjali elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata li huma neċessarji għall-użu tagħhom, inkluża ġustifikazzjoni tan-neċessità tagħhom għal dan l-użu.

93      Dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni juri li, anki fil-limiti tal-awtorizzazzjoni li suppost hija ristretta permezz tar-rekwiżit dwar il-“funzjonalitajiet essenzjali meħtieġa għall-użu previst”, tippersisti inċertezza dwar jekk teżistix alternattiva adatta għal dak li jirrigwarda l-kategoriji ta’ użi 2, 4 u 5. L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5 tagħha, jafda lill-utenti downstream bil-kompitu li jispjegaw il-funzjonalitajiet essenzjali elenkati fid-deċiżjoni u sabiex jiġġustifikaw a posteriori li waħda minn dawn il-funzjonalitajiet hija effettivament neċessarja għall-użi previsti.

94      Barra minn hekk, l-inklużjoni tar-riferiment għall-“funzjonalitajiet essenzjali” ma tikkostitwixxix restrizzjoni reali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma wrietx fid-deċiżjoni kkontestata meta u f’liema ċirkustanzi dawn il-“funzjonalitajiet essenzjali” huma neċessarji għall-użi inkwistjoni, dan ir-riferiment sempliċement ifakkar wieħed mir-rekwiżiti ġenerali tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, jiġifieri li s-sustanza tista’ tiġi awtorizzata biss jekk tkun neċessarja għall-użu previst. Din ir-restrizzjoni hija iktar u iktar nieqsa minn sinjifikat peress li l-“funzjonalitajiet essenzjali” elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata huma fir-realtà l-funzjonalitajiet kollha tat-triossidu tal-kromu għall-kategoriji ta’ użi 2, 4 u 5.

95      Għad-difiża tagħha, il-Kummissjoni tqis li hija ssodisfat l-obbligu tagħha li tivverifika li ma kinux jeżistu alternattivi adatti għall-użi awtorizzati, kif mitlub mill-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

96      Il-Kummissjoni tesponi li, għalkemm hija kienet f’pożizzjoni li tikkonstata b’mod affidabbli li ma kinitx teżisti alternattiva adatta għall-użi kollha tal-kategoriji 2, 4 u 5, kif iddefiniti fl-applikazzjoni, l-istess ma setax ikun il-każ għal kull użu downstream imsemmi fl-applikazzjoni. Huwa allegatament għalhekk li hija elenkat il-“funzjonalitajiet essenzjali” tas-sustanza li ebda alternattiva ma setgħet toffri u awtorizzat biss l-użi li għalihom dawn il-“funzjonalitajiet essenzjali” kienu neċessarji.

97      Għalhekk, il-portata tad-deċiżjoni kkontestata hija limitata minn kriterji oġġettivi, bħar-reżistenza għall-korrużjoni, l-aderenza, is-sigurtà tal-ikel, li jippermettu li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-utenti downstream jew l-awtoritajiet kompetenti fl-ebda ċirkustanza ma għandhom iwettqu evalwazzjoni ġdida tas-sustanza, u lanqas jagħmlu kwalunkwe paragun bejniethom. In-neċessità tas-sustanza għall-kategoriji kollha ta’ użu downstream hija stabbilita mid-deċiżjoni kkontestata.

98      Id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi biss, għaldaqstant, awtorizzazzjoni parzjali tal-użi tat-triossidu tal-kromu li huma s-suġġett tal-applikazzjoni, hekk kif jirriżulta ċarament mill-Artikolu 1(2) sa (4) tagħha. L-utenti downstream kollha li jridu jużaw is-sustanza li hija s-suġġett tal-awtorizzazzjoni għandhom jiddikjaraw lill-ECHA l-użi li huma jagħmlu minnha fuq il-bażi ta’ din l-awtorizzazzjoni, u jindikaw il-funzjonali jew funzjonalitajiet essenzjali tas-sustanza li huma teknikament neċessarji għall-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jispjegaw ir-raġuni. L-awtoritajiet kompetenti, li għandhom aċċess għar-reġistru tal-utenti downstream tal-ECHA, huma obbligati mir-Regolament REACH li jiżguraw li dan tal-aħħar jiġi implimentat u applikat b’mod xieraq.

99      Il-Kummissjoni tindika li hija ma wettqitx evalwazzjoni distinta tal-alternattivi għal kull utent downstream jew prodott, peress li dan il-kompitu kieku kien jirrikjedi eluf, jew saħansitra miljuni, ta’ evalwazzjonijiet distinti, skont il-livell ta’ speċifiċità, ħaġa li r-Regolament REACH bl-ebda mod ma jirrikjedi, lanqas b’mod impliċitu.

100    Apparti dan, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha teżiġi evalwazzjoni tal-użi downstream koperti minn applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tkun iktar iddettaljata u speċifika minn dik li hija attwalment, il-proċess kollu ta’ applikazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni jsir ferm iktar kumpless milli huwa diġà. Dan ir-rekwiżit imur kontra l-għan tar-Regolament REACH li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-effett potenzjali fuq is-SMEs, kif tfakkar il-premessa 8 ta’ dan ir-regolament REACH. Hija kieku tinjora wkoll il-fatt li l-imsemmi regolament għandu wkoll bħala għan, kif jenfasizza l-Artikolu 55 tiegħu, is-sostituzzjoni progressiva tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi oħra kif ukoll l-introduzzjoni kontinwa ta’ sustanzi ġodda fis-sistema ta’ awtorizzazzjoni u l-irfinar tal-miżuri regolatorji matul iż-żmien, b’mod partikolari permezz ta’ eżamijiet mill-ġdid regolari tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija.

101    Barra minn hekk, kunċett iktar eżiġenti tal-evalwazzjoni tal-alternattivi kieku jmur lil hinn mill-kapaċitajiet amministrattivi tal-ECHA u jobbligaha tillimita n-numru ta’ sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni. L-Artikolu 58(3) tar-Regolament REACH jipprevedi barra minn hekk b’mod espliċitu li “[i]n-numru tas-sustanzi inklużi fl-Anness XIV u d-dati speċifikati taħt il-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ukoll tal-kapaċità ta’ l-Aġenzija li tittratta l-applikazzjonijiet fiż-żmien previst”. Il-multiplikazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-alternattivi jkollha l-effett li timblokka d-deżinjazzjoni ta’ sustanzi ġodda ta’ tħassib serju ħafna. Dan iwassal għas-sostituzzjoni ta’ ċerti sustanzi b’oħrajn inqas irregolati, li huma inqas magħrufa u li għalihom teżisti inqas data, u dan iħaffef biss is-sostituzzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH.

102    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li dan ir-regolament ma għandux jiġi interpretat b’mod statiku. Skont il-prinċipju ta’ gradwalità, l-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-Kummissjoni għandha ssir iktar eżiġenti maż-żmien. L-approċċ tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni implimentat mill-Kummissjoni u mill-ECHA jirriżulta minn diversi snin ta’ esperjenza fil-ġestjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u huwa bbażata fuq bilanċ delikat ħafna bejn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura xjentifika u soċjoekonomika, kif ukoll fuq id-diversi għanijiet segwiti mill-imsemmi regolament, bl-enfasi dejjem fuq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

103    Fin-nota ta’ intervent tagħha, l-ECHA tenfasizza li l-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni suġġettiva tal-utenti downstream f’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ alternattiva xierqa, peress li dawn tal-aħħar huma obbligati biss li jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza informazzjoni li turi li, minħabba rekwiżiti tekniċi oġġettivi jew standards regolatorji, l-użu tat-triossidu tal-kromu huwa neċessarju.

–       Lewalwazzjoni talQorti talĠustizzja

104    Permezz tat-tieni parti tal-motiv uniku, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tivverifika t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH għall-kategoriji ta’ użi awtorizzati 2, 4 u 5, jiġifieri l-assenza ta’ alternattiva xierqa għal dawn l-użi.

105    F’dan ir-rigward, mill-premessa 12 tar-Regolament REACH jirriżulta li din il-kundizzjoni tissodisfa għan importanti tas-sistema stabbilita b’dan ir-regolament, li huwa li tinkoraġġixxi u, f’ċerti każijiet, li tiżgura li sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu eventwalment issostitwiti b’sustanzi jew teknoloġiji inqas perikolużi fejn ikun hemm disponibbli alternattivi adatti li huma ekonomikament u teknikament vijabbli.

106    Kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament REACH jinkariga lill-Kummissjoni sabiex tivverifika li l-imsemmija kundizzjoni, bħall-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament, hija effettivament issodisfatta.

107    Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni hija assistita għal dan l-għan mill-ECHA u, b’mod partikolari, mill-KASE, li għandu jagħti opinjoni dwar b’mod partikolari d-disponibbiltà, l-adegwatezza u l-fattibbiltà teknika tal-alternattivi.

108    Fil-każ ineżami, il-KASE ħareġ, fir-rigward tal-kategorija ta’ użu 2 kif ukoll, f’termini kważi identiċi, il-kategoriji ta’ użu 4 u 5, l-evalwazzjoni li ġejja:

“L-applikanti wettqu evalwazzjoni wiesgħa tal-alternattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspett ta’ fattibbiltà teknika.

[…]

Madankollu, minħabba l-portata estremament wiesgħa tal-użu li għalih intalbet l-awtorizzazzjoni, il-KASE ma jistax jeskludi li effettivament ikun hemm numru limitat ta’ użi li fir-rigward tagħhom is-sostituzzjoni hija diġà possibbli jew ser issir fi żmien qasir. Fil-fatt, ma huwiex ċar għall-KASE meta ser isiru eventwalment disponibbli alternattivi għal użi speċifiċi. Idealment, kienet tiġi pprovduta lill-KASE lista eżawrjenti tal-użi/komponenti kollha li jaqgħu fil-qasam tal-użu [inkwistjoni] sabiex tiġi evalwata l-fattibbiltà effettiva/in-nuqqas ta’ fattibbiltà tal-alternattivi u sabiex jiġi żgurat li s-sostituzzjoni ssir fejn dan ikun diġà possibbli. Madankollu, il-KASE jagħraf li dan huwa diffiċli jsir għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ portata daqshekk wiesgħa u għalhekk [li jinkludu] numru daqshekk kbir ta’ prodotti. L-applikanti pprovdew lista li fiha qafas ġenerali tas-setturi kkonċernati, eżempji ta’ oġġetti f’dan ir-rigward u [l-analiżi tal-kwistjoni dwar] jekk teknoloġiji alternattivi jew le, li jitqiesu bħala fattibbli minn terzi setgħux jiġu applikati jew le. Minħabba l-portata wiesgħa tal-użu li għalih intalbet l-awtorizzazzjoni u minħabba l-fatt li diversi użi jaqgħu fil-portata ta’ dan l-użu, din il-lista ma tistax titqies li hija eżawrjenti. Skont l-applikanti, użi li fihom is-sostituzzjoni hija diġà possibbli ma jaqgħux, fi kwalunkwe każ, taħt l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Madankollu, l-applikanti la jispeċifikaw dawn l-użi u lanqas ir-rekwiżiti tekniċi relatati magħhom. Il-KASE jikkunsidra li l-approċċ tal-applikanti sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni bl-ebda mod ma huwa xieraq u jenfasizza l-ħtieġa li l-applikanti juru b’mod iktar konkret li s-sostituzzjoni seħħet meta din tkun effettivament possibbli. Dan kien seta’ jsir permezz ta’ evalwazzjoni tal-alternattivi iktar preċiża u speċifika fir-rigward tal-użu. B’mod ġenerali, l-applikanti għandhom jiċċaraw liema użi tekniċi jaqgħu fil-portata tal-użu mitlub u liema le.

Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-KASE jaqbel mal-konklużjoni tal-applikanti li tipprovdi, b’mod ġenerali, li alternattivi teknikament fattibbli għat-triossidu tal-kromu ma jidhrux li jeżistu qabel id-data ta’ skadenza. L-inċertezzi enfasizzati iktar ’il fuq jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-KASE fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni dwar il-perijodu ta’ reviżjoni u l-kundizzjoni tar-rapport ta’ reviżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

109    Fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat l-opinjoni taċ-CASE fuq dan il-punt fit-termini li ġejjin:

“Fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-użi 2, 4 u 5, il-KASE kkonkluda li ma kinux jeżistu sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti. Madankollu, minħabba l-portata wiesgħa ħafna tal-użi mitluba, il-KASE ma setax jeskludi inċertezzi possibbli fir-rigward tal-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi għal numru limitat ta’ użi speċifiċi li huma inklużi fid-deskrizzjoni ta’ dan l-użu. Il-Kummissjoni taqbel mal-konklużjoni tal-KASE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

110    Għalhekk, il-Kummissjoni ammettiet, billi adottat il-konklużjonijiet li jinsabu fl-opinjoni taċ-CASE, li kien għad hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti għal ċerti applikazzjonijiet li jaqgħu taħt l-użi li għalihom intalbet l-awtorizzazzjoni.

111    Kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżiġiet preċiżazzjonijiet dwar id-deskrizzjoni tal-użi 2, 4 u 5 sabiex l-awtorizzazzjoni tkopri biss l-użi li għalihom ma teżistix alternattiva adatta.

112    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet, kif esponiet fil-premessa 20 ta’ din id-deċiżjoni, li tillimita l-portata tal-awtorizzazzjoni għall-użi li għalihom il-“funzjonalitajiet essenzjali” tat-triossidu tal-kromu huma neċessarji, peress li dawn il-funzjonalitajiet huma, pereżempju, għall-kromatura funzjonali (kategorija 2), ir-reżistenza għall-użu, ebusija, il-ħxuna tas-saff, ir-reżistenza għall-korrużjoni, il-koeffiċjent ta’ attrite, jew l-effett fuq il-morfoloġija tas-superfiċji.

113    Madankollu, il-limitazzjoni tal-portata tal-awtorizzazzjoni bir-riferiment għall-“funzjonalitajiet essenzjali” tat-triossidu tal-kromu ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi l-osservanza tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

114    Fl-ewwel lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 178 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex, fil-fatt, possibbli li jiġi konkluż li waħda mill-“funzjonalitajiet essenzjali” identifikati fid-deċiżjoni kkontestata hija neċessarja għal użu partikolari fl-assenza ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa għal dan l-użu. Għalhekk, il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-użu tat-triossidu tal-kromu għall-użi li għalihom huma meħtieġa l-funzjonalitajiet essenzjali ta’ din is-sustanza ma hijiex ta’ natura li tegħleb l-inċertezzi dwar l-assenza ta’ alternattivi għal ċerti użi.

115    Fit-tieni lok, ir-riferiment għall-“funzjonalitajiet essenzjali” neċessarji għall-użu previst, elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, ma jillimitax realment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija.

116    Minn naħa, hekk kif isostni l-Parlament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu mingħajr ma ġie kkontradett dwar dan il-punt, il-“funzjonalitajiet essenzjali” elenkati jidhru fir-realtà li jkopru l-funzjonalitajiet kollha tat-triossidu tal-kromu għall-kategoriji ta’ użi 2, 4 u 5.

117    Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “funzjonalità essenzjali” ma għandux kontenut oġġettiv, peress li l-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ għal tali funzjonalità ma huwiex speċifikat. Għalhekk, ir-riferiment għall-“ebusija” bħala funzjonalità essenzjali huwa nieqes minn portata utli peress li l-grad ta’ ebusija meħtieġ ma huwiex speċifikat. Bl-istess mod, ir-riferiment għar-“reżistenza għall-korrużjoni” ma jistax ikollu l-effett li jillimita l-awtorizzazzjoni tal-użu, peress li t-tul ta’ din ir-reżistenza u l-kundizzjonijiet li fihom hija meħtieġa lanqas ma huma speċifikati.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni tal-portata tal-awtorizzazzjoni li huwa preżunt li jinkludi r-riferiment għall-“funzjonalitajiet essenzjali” tat-triossidu tal-kromu ma hijiex verament waħda, peress li hija sempliċement tfakkar kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna, jiġifieri li din is-sustanza għandha tkun neċessarja għall-użu previst (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 44).

119    Fit-tielet lok, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “funzjonalità essenzjali”, il-limiti tal-awtorizzazzjoni li jirriżultaw minnu jistgħu, fi kwalunkwe każ, diffiċilment ikunu s-suġġett ta’ kontroll effettiv.

120    Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-obbligu impost fuq l-utenti downstream mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdu lill-ECHA spjegazzjoni tal-funzjonalitajiet essenzjali tat-triossidu tal-kromu neċessarji għall-użu li huma jipprevedu, inkluża ġustifikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom dawn il-funzjonalitajiet essenzjali huma neċessarji għal dan l-użu.

121    Huwa minnu li l-premessa 82 tar-Regolament REACH tipprovdi li, “[s]abiex jippermettu l-monitoraġġ u l-infurzar effettivi tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, l-utenti ‘downstream’ li jgawdu minn awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornitur tagħhom għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar l-użu, minnhom, tas-sustanza.”

122    Madankollu, fil-każ ineżami, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jfisser, minn naħa, li l-utenti downstream jintalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali intiża għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użi inkwistjoni, u dan wara li dawn l-użi jkunu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax b’mod adegwat, hekk kif ġie espost fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, il-kontenut tal-“funzjonalitajiet essenzjali”, ir-responsabbiltà li jiġi ddeterminat jekk l-użu tat-triossidu tal-kromu huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq il-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ jiġi ttrasferit de facto lill-utenti downstream, peress li dawn tal-aħħar għandhom il-libertà kollha li jiddeterminaw il-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ u, għaldaqstant, jekk jeżistux jew le alternattivi.

123    Issa, kif tfakkar fil-punti 46 u 82 ta’ din is-sentenza, il-verifika tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, minn naħa, għandha ssir qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi li ma teżisti ebda alternattiva adatta għall-użi tat-triossidu tal-kromu li hija awtorizzat bid-deċiżjoni kkontestata.

125    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li, l-ewwel, din tirrifletti grad ta’ rekwiżit inkompatibbli, minn naħa, mal-għan tar-Regolament REACH li jippromwovi l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-kapaċità tal-ECHA li tipproċessa l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni fit-termini previsti.

126    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament REACH, l-għanijiet ta’ dan ir-regolament jikkonsistu f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2009, S.P.C. M. et, C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 35). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 22 tal-imsemmi regolament, l-awtorizzazzjoni għandha tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tiggarantixxi kontroll tajjeb tar-riskji li jirriżultaw minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Huwa għalhekk li kunsiderazzjonijiet marbuta biss mal-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni ma jistgħux jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li ma hijiex strettament neċessarja.

127    It-tieni, għalkemm in-numru ta’ sustanzi inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament REACH għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-ECHA li tipproċessa l-applikazzjonijiet fit-termini previsti, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 58(3) ta’ dan ir-regolament, dan il-fatt ma jfissirx, kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 191 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-evalwazzjonijiet meħtieġa mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna jistgħu jitwettqu, minħabba l-limiti ta’ din il-kapaċità, b’mod inqas iddettaljat minn dak li jeżiġi l-prinċipju ta’ prekawzjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament.

128    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi milqugħa wkoll.

129    Minn dan isegwi li, billi awtorizzat l-użi 2, 4 u 5 tat-triossidu tal-kromu kif ukoll l-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH.

130    Għaldaqstant hemm lok li jintlaqa’ l-motiv uniku, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet parti tiegħu.

131    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 1(1) u (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 5, 7, 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-użi 2, 4 u 5 tat-triossidu tal-kromu u l-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5.

 Fuq ittalba intiża għażżamma taleffetti taddeċiżjoni kkontestata

 Largumenti tal-partijiet

132    Il-Kummissjoni titlob, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

133    Hija tesponi li l-Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament REACH, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, jipprevedi mekkaniżmu tranżitorju li jippermetti lill-applikant għal awtorizzazzjoni u lill-utenti downstream tiegħu jkomplu jqiegħdu fis-suq u jużaw sustanza, anki lil hinn mid-data ta’ skadenza, meta l-użu jkun kopert minn applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata tal-inqas 18-il xahar qabel id-data ta’ skadenza u li l-Kummissjoni tkun għadha ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

134    Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, jekk l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ma jsirx flimkien maż-żamma tal-effetti ta’ din tal-aħħar, dan ikollu bħala konsegwenza li l-applikanti u l-utenti downstream tagħhom ikunu jistgħu jkomplu jqiegħdu fis-suq u jużaw it-triossidu tal-kromu għall-użi mitluba sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida, u dan mingħajr ma jkunu suġġetti għad-diversi miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ sorveljanza previsti mid-deċiżjoni kkontestata, u intiżi speċifikament sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem.

135    Il-Parlament ma jopponix it-talba tal-Kummissjoni.

 Lewalwazzjoni talQorti talĠustizzja

136    Skont kliem it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk hija tqis li huwa neċessarju, tindika dawk mill-effetti ta’ att annullat li għandhom jitqiesu li huma definittivi. Sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-talba għaż-żamma provviżorja tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 138 ta’ din is-sentenza sa fejn dawn jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-użi 2, 4 u 5, kif ukoll mal-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5.

138    Kif jirriżulta mill-punti 84 u 124 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni, minn naħa, awtorizzat l-użi tat-triossidu tal-kromu abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji tagħhom għas-saħħa tal-bniedem li għandha wisq lakuni sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH u, min-naħa l-oħra, ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi li ma teżisti ebda alternattiva xierqa għall-użi tat-triossidu tal-kromu li hija awtorizzat, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha tiċħad l-applikazzjoni.

139    Xorta jibqa’ l-fatt li ser jgħaddi neċessarjament perijodu ta’ żmien bejn id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u d-deċiżjoni ta’ ċaħda adottata minn din l-istituzzjoni. Issa, kif tindika l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament REACH, manifattur, importatur jew utent downstream ma għandux iqiegħed fis-suq sustanza għall-użu jew jużaha huwa stess jekk din is-sustanza tkun inkluża fl-Anness XIV, sakemm “tkun intlaħqet id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(ċ)(i) u huwa għamel applikazzjoni tmintax-il xahar qabel dik id-data iżda għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni”.

140    Dan l-Artikolu 56(1)(d) jirreferi għalhekk għaż-żewġ dati li għalihom jirreferi l-Artikolu 58(1)(c)(i) u (ii) tar-Regolament REACH, li jikkonċernaw, rispettivament, id-“data ta’ skadenza”, jiġifieri, dik li minnha t-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanza huma pprojbiti, ħlief jekk tingħata awtorizzazzjoni, kif ukoll id-data li tippreċedi b’minn tal-inqas tmintax-il xahar id-data ta’ skadenza, li tiffissa l-limitu ta’ żmien li fih l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għandhom jiġu rċevuti, meta l-applikant jixtieq ikompli juża s-sustanza jew iqegħedha fis-suq għal ċerti użi wara d-data ta’ skadenza. F’dan l-aħħar każ, il-kontinwazzjoni ta’ dawn l-użi hija permessa wara d-data ta’ skadenza sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

141    Fir-rigward tas-sustanza triossidu tal-kromu, mill-Anness XIV tar-Regolament REACH jirriżulta li d-data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet il‑21 ta’ Marzu 2016, jiġifieri tmintax-il xahar qabel id-data ta’ skadenza, stabbilita għall‑21 ta’ Settembru 2017. Issa, fil-każ ineżami, l-applikanti ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-2015.

142    Minn dan isegwi li, matul iż-żmien bejn l-għoti ta’ din is-sentenza u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tislet il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza, l-applikanti kif ukoll l-utenti downstream tat-triossidu tal-kromu jistgħu jużaw din is-sustanza mingħajr ma jkunu suġġetti għall-miżuri differenti ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ sorveljanza previsti mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, jidher neċessarju, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li tiġi prevista ż-żamma provviżorja tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata.

143    Madankollu, fid-dawl tal-inċertezzi li jivvizzjaw il-portata tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġie rrilevat fil-punt 124 tas-sentenza preżenti, ma jistax jiġi eskluż li din tawtorizza użi li jaqgħu taħt il-kategoriji kontenzjużi li għalihom jeżistu alternattivi adatti u li b’hekk hija tesponi s-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari dik ta’ ħaddiema li jużaw it-triossidu tal-kromu, għal riskji mhux iġġustifikati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi prevista ż-żamma provviżorja tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għal perijodu li ma jistax jeċċedi sena mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti.

 Fuq lispejjeż

144    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

145    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) u (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 5, 7, 9 u 10 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2020) 8797 tat18 ta’ Diċembru 2020 li tagħti parzjalment awtorizzazzjoni għal ċerti użi tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Chemservice GmbH et), sa fejn dawn l-artikoli jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet relatati mal-użi 2, 4 u 5 kif ukoll mal-użu 1 fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ taħlitiet għall-użi 2, 4 u 5, huma annullati.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 8797 huma miżmuma għal perijodu li ma jistax jeċċedi sena li jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.


Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.