Language of document : ECLI:EU:T:2010:57

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

2 ta’ Marzu 2010

Kawża T-248/08 P

Frantisek Doktor

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Estensjoni tal-perijodu ta’ prova — Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal — Żnaturament tal-fatti u tal-provi — Obbligu ta’ motivazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett: Appell mis‑sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (It‑Tielet Awla) tas‑16 ta’ April 2008, Doktor vs Il‑Kunsill (F‑73/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑91 u II‑A‑1‑479), intiż, minn naħa, għall‑annullament ta’ din is‑sentenza u, min‑naħa l‑oħra, għall‑kumpens għad‑danni.

Deċiżjoni: L‑appell huwa miċħud. Frantisek Doktor u l‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta ma’ din l‑istanza.

Sommarju

1.      Proċedura — Motivazzjoni tas‑sentenzi — Portata

(Statut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, Artikolu 36, u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura li għandha l‑amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 34)

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Rapport fi tmiem il‑perijodu ta’ prova għall‑finijiet ta’ deċiżjoni ta’ ħatra bħala uffiċjali jew ta’ tkeċċija — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 34, 90 u 91)

4.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti

(Artikolu 253 KE)

5.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Motivazzjoni insuffiċjenti

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

1.      Is‑sentenzi tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku għandhom ikunu mmotivati suffiċjentement sabiex il‑Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Madankollu, dan l‑obbligu ma jistax jiġi interpretat fis‑sens li jimplika li t‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku huwa meħtieġ iwieġeb fid‑dettall għal kull argument invokat mir‑rikorrent, b’mod partikolari jekk dan ma jkunx ta’ natura ċara u preċiża biżżejjed u ma jkunx ibbażat fuq provi ssostanzjati.

(ara l‑punt 64)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 121; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio vs UASI, C‑311/05 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 52; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 91

2.      Fir‑rigward tad‑dmir ta’ premura, li jeżiġi li jinstab bilanċ ġust bejn ir‑rekwiżiti tas‑servizz u l‑interessi tal‑uffiċjal ikkonċernat, l‑Awtorità tal‑Ħatra tista’ leġittimament tiddeċiedi li ma tiħux immedjatament miżuri stretti fil‑konfront tal‑uffiċjal bi prova inkwistjoni u tiddeċiedi li toffrilu opportunità oħra sabiex juri li jissodisfa l‑kundizzjonijiet għall‑ħatra bħala uffiċjal.

(ara l‑punt 79)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38

3.      Ir‑rapport fi tmiem il‑perijodu ta’ prova, bħala att preparatorju għal deċiżjoni ta’ ħatra bħala uffiċjal jew tat‑tkeċċija tal‑uffiċjal bi prova, ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

(ara l‑punt 81)

Referenza: Il‑Qorti Ġenerali 16 ta’ Marzu 2009, R vs Il‑Kummissjoni, T‑156/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑11 u II‑B‑1‑51, punti 48 sa 55

4.      Il‑kwistjoni tal‑portata tal‑obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja tikkostitwixxi punt ta’ liġi li huwa suġġett għall‑istħarriġ tal‑Qorti Ġenerali fil‑kuntest ta’ appell minn sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku.

(ara l‑punt 92)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 453; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punti 50 sa 52; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/02 P, Ġabra p. I‑4951, punt 30

5.      Huwa possibbli, l‑ewwel nett, li motivazzjoni insuffiċjenti — iżda mhux l‑assenza totali ta’ motivazzjoni — ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja meħuda fil‑konfront ta’ uffiċjali tiġi rrimedjata anki fil‑mori tal‑kawża meta, qabel il‑preżentata tar‑rikors tagħha, il‑persuna kkonċernata kellha diġà elementi li jikkostitwixxu motivazzjoni bażika, it‑tieni nett, li deċiżjoni tiġi kkunsidrata li hija mmotivata suffiċjentement meta tkun ingħatat f’kuntest magħruf minn din il‑persuna b’tali mod li din tkun tista’ tifhem il‑portata tagħha u, it‑tielet nett, fir‑rigward, b’mod partikolari, ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutaw promozzjoni jew applikazzjoni, li l‑motivazzjoni tiġi kkompletata fil‑kuntest tad‑deċiżjoni li tiċħad ilment, sa fejn il‑motivazzjoni ta’ din id‑deċiżjoni ta’ ċaħda hija kkunsidrata li tikkoinċidi mal‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni li kontriha jkun tressaq l‑ilment.

(ara l‑punt 93)

Referenza: Il‑Qorti Ġenerali 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, Ġabra SP p. I‑A‑253 u II‑1169, punti 32 u 36, u l‑ġurisprudenza hemmhekk iċċitata; Il‑Qorti Ġenerali 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑171/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑195 u II‑A‑2‑999, punti 42 u 45; Il‑Qorti Ġenerali 4 ta’ Lulju 2007, Lopparelli vs Il‑Kummissjoni, T‑502/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑145 u II‑A‑2‑995, punti 76 u 83; Il‑Qorti Ġenerali 11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T‑93/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑149 u II‑A‑2‑1045, punti 51 sa 54